Language of document : ECLI:EU:T:2004:263

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM' ISTANZA (it-Tieni Awla)

14 TA' SETTEMBRU 2004(*)

"Trade mark komunitarja – Trade mark verbali APPLIED MOLECULAR EVOLUTION – Raġuni assoluta ta' rifjut – Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Sinjal deskrittiv"

Fil-kawża T-183/03,

Applied Molecular Evolution Inc., stabbilità f'San Diego, California (l-Istati Uniti), irrapreżentata minn  A. Deutsch, Avukat, assistit minn M. Weber-Quitzau,

rikorrenti

vs

l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) irrapreżentat minn H. Nokkanen u minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġenti,

konvenut

li għandha bħala suġġett rikors magħmul kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, tat-13 ta' Marzu 2003 (kawża R 108/2002-2), li tikkonferma r-rifjut ta' reġistrazzjoni tat-trade mark verbali APPLIED MOLECULAR EVOLUTION,

IL-QORTI TAL-PRIM' ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (it-Tieni Awla),

komposta minn  J. Pirrung, président, A. W. H. Meij u N. J. Forwood, Imħallfin,

Reġistratur : I. Natsinas, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim' Istanza fis-26 ta' Mejju 2003,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim' Istanza fil-5 ta' Settembru 2003,

wara s-seduta tat-13 ta' Mejju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li waslu għall-kawża

1       Fil-31 ta' Marzu 2000, ir-rikorrenti, li qabel kienet iġġib l-isem Ixsys Inc., ippreżentat applikazzjoni għal Trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-Trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2       It-Trade mark li għaliha saret applikazzjoni huwa s-sinjal verbali APPLIED MOLECULAR EVOLUTION.

3       Is-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni tat-trade mark jaqgħu fil-klassi 42 taħt il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: "servizzi ta' riċerka dwar l-inġinerija molekolari ta' komposti użati f'terapija, f'analiżi, fil-prodotti agrikoli, l-enżimi, il-prodotti kimiċi, il-prodotti nutrittivi, l-addittivi alimentari u l-applikazzjonijiet industrijali, inkluż iżda mhux biss il-prodotti kimiċi ġenerali u speċjalizzati".

4       B'deċiżjoni tat-28 ta' Novembru 2001, l-eżaminatur irrifjuta l-applikazzjoni skond l-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 40/94 minħabba li t-trade mark mitluba kienet deskrittiva u bla ebda karattru distintiv.

5       Fit-28 ta' Jannar 2002, ir-rikorrenti ppreżentat appell lill-UASI, skond l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni ta' l-eżaminatur.

6       B'deċiżjoni tat-13 ta' Marzu 2003 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), innotifikata lir-rikorrenti fl-24 ta' Marzu 2003, irrettifikata fir-rigward ta' l-isem tar-rikorrenti b'deċiżjoni tal-25 ta' Awissu 2003, il-Bord ta' l-Appell ċaħad l-appell minħabba li t-trade mark kienet deskrittiva u bla ebda karattru distintiv fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 40/94.

 It-talbiet tal-partijiet

7       Matul is-seduta, ir-rikorrenti rrinunzjat għall-kap tat-talbiet tagħha li bih jitlob li l-UASI tiġi ordnata tirreġistra t-trade mark mitluba.

8       Ir-rikorrenti titlob għaldaqstant lill-Qorti tal-Prim' Istanza sabiex jogħġobha:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tordna lill-UASI tbati l-ispejjeż.

9       L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim' Istanza sabiex jogħġobha:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż

 Id-dritt

10     Il-Qorti tal-Prim' Istanza tikkonstata li, matul is-seduta, ir-rikorrenti rtirat l-ewwel motiv tagħha, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tindika lir-rikorrenti b'mod żbaljat taħt l-isem preċedenti tagħha. Ir-rikorrenti tissottometti għaldaqstant motiv wieħed biss ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 40/94.

11     Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal- Proċedura tal-Qorti tal-Prim' Istanza, applikabbli fir-rigward ta' proprjetà intellettwali skond l-Artikolu 130(1) u l-Artikolu 132(1) ta' dawn ir-Regoli, ir-rikors ippreżentat fl-istanza għandu jkollu sunt tar-raġunijiet imressqa. Skond ġurisprudenza stabbilità sew, jekk is-suġġett tar-rikors jista' jiġi elaborat u kompletat, fuq punti speċifiċi, b'referenzi ta' l-estratti ta' dokumenti li huma annessi magħhom, riferiment globali ta' dokumenti oħra m'għandux jikkumpensa għan-nuqqas ta' argumenti essenzjali fid-dritt, li, skond id-dispożizzjonijiet imfakkra iktar il-fuq, għandhom jidhru fir-rikors stess (sentenza tal-Qorti tal-Prim' Istanza ta' l-20 ta' April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T-305/94 sa T-307/94, T-313/94 sa T-316/94, T-318/94, T-325/94, T-328/94, T-329/94 u T-335/94, Ġabra p. II-931, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, ir-riferiment globali fir-rikors għall-kitbiet ippreżentati mir-rikorrenti quddiem l-UASI għandha tiġi mwarrba.

12     Il-Qorti tal-Prim' Istanza tikkonstata preliminarjament li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata bl-istess b'mod fuq in-nuqqas ta' karattru distintiv u fuq il-karattru deskrittiv tat-trade mark mitluba. Fis-seduta, l-UASI ppreċiża li d-deċiżjoni kkontestata għandha tinqara bħala li hija essenzjalment ibbażata fuq karattru deskrittiv tat-trade mark mitluba. F'dan il-każ, jidher effettivament opportun li jiġi eżaminat l-ewwel jekk il-Bord ta' l-Appell għamilx applikazzjoni eżatta ta' l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94.

13     Skond l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, "it-trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi". Barra minn hekk, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li "Paragrafu 1 għandu japplika minkejja li r-raġunijiet li jwaslu biex trade mark ma tiġix reġistrata japplikaw biss f’parti tal-Komunità" jiġu rrifjutati għar-reġistrazzjoni.

14     Is-sinjali u l-indikazzjonijiet ikkonċernati mill-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94 huma dawk li jistgħu jservu, f'użu normali tal-perspettiva tal-pubbliku kkonċernat, sabiex jindikaw, jew direttament jew billi jissemma wieħed mill-karatteristiċi essenzjali tagħhom, il-prodott jew is-servizz li għalih ir-reġistrazzjoni ġiet mitluba (sentenza tal-Qorti ta' l-20 ta' Settembru 2001, Procter & Gamble vs UASI, C-383/99P, Ġabra p. I‑6251, punt 39). Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta' sinjal ma tista' ssir biss, min-naħa, f'paragun mal-prodotti jew servizzi kkonċernati u, min-naħa l-oħra, f'paragun mal-komprensjoni li għandu l-pubbliku rilevanti.

15     F'dan il-każ, fir-rigward tal-pubbliku rilevanti, il-Bord ta' l-Appell b'mod impliċitu kkunsidra li kien kompost minn speċjalisti fil-qasam ta' l-inġinerija ta' proteini ("the relevant specialist consumer in the field of protein engineering", punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata). Bl-ewwel ilment tagħha, imqajjem fir-rikors tagħha u spjegat fis-seduta, ir-rikorrenti tissottometti li l-pubbliku rilevanti għandu jiġi ddefinit b'mod iktar vast u jinkludi wkoll, f'parti żgħira, il-persuni inqas speċjalizzati minn dawk ikkunsidrati mill-Bord ta' l-Appell, b'mod partikolari l-operaturi ekonomiċi.

16     Il-Qorti tal-Prim' Istanza tikkunsidra li l-pubbliku rilevanti ġie korrettament iddefinit fid-deċiżjoni kkontestata. F'kull ipoteżi, il-kunsiderazzjoni ta' pubbliku inqas speċjalizzat minn dik ikkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata ma tbiddilx il-konsegwenzi marbuta mad-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti f'dan il-każ, jiġifieri li huma konsumaturi infurmati, b'mod partikolari infurmati u attenti. Fil-fatt, id-destinazzjoni tas-servizzi kkonċernati timplika li almenu l-pubbliku l-inqas speċjalizzat ikollu konoxxenza tal-possibiltajiet ta' modifika molekolari u tal-vantaġġi tagħhom, inkluż dawk industrijali. Għaldaqstant m'għandux jiġi kkunsidrat bħala konsumatur medju.

17     Il-Qorti tal-Prim' Istanza tikkunsidra li ma hemmx bżonn li tesprimi ruħha fuq jekk il-pubbliku kkonċernat għandux bażi tajba tal-lingwa Ingliża b'obbligu professjonali. F'kull każ, skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 40/94, għandu jiġi kkonstatat li, billi s-sinjal verbali in kwistjoni jikkorrispondi għal-lingwa Ingliża, il-pubbliku rilevanti huwa dak tal-konsumaturi infurmati Anglofoni.

18     Fir-rigward tal-karattru deskrittiv tas-sinjal verbali in kwistjoni, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra, min-naħa, li l-kliem "molecular evolution" (evoluzzjoni molekolari) kienu qed jirreferu għall-qasam tal-materjal ġenetiku, li jinkludi l-istudju tal-proteini, ta' l-aċidu deoxyribonucleic (DNA) u tal-modifika tagħhom bi skop kummerċjali (punt 9 tad-deċiżjoni kkontestata), u, min-naħa l-oħra, li ż-żieda tal-kelma "applied" (applikat) kienet tikkorrispondi għall-finalità tas-servizzi kkonċernati, jiġifieri l-użu tal-komposti miksuba f'diversi prodotti (punt 11 tad-deċiżjoni kkontestata).

19     Bit-tieni lment tagħha, ir-rikorrenti tissottometti li l-kelma "evolution" (evoluzzjoni) għandha tifsiriet multipli u, b'mod partikolari, fuq il-fatt li din il-kelma timplika trasformazzjoni gradwali u imprevedibbli u mhux l-aħjar użu dirett u ddireġut minn molekoli li huma parti mis-servizzi msemmija. Għaldaqstant għandha sens kontradittorju meta mqabbla mas-servizzi msemmija.

20     Il-Qorti tal-Prim' Istanza tikkonstata, qabel xejn, li l-Bord ta' l-Appell ma llimitax ruħu għat-tifsira tal-kelma "evolution" biss, iżda attribwielha sens partikolari b'assoċjazzjoni ma' l-aġġettiv "molecular" (molekolari). F'kull ipoteżi, min-naħa, il-kelma "evolution" hija tajba sabiex tindika modifika parzjali, volontarja u immedjata ta' akkwist. B'mod partikolari, il-pubbliku rilevanti, infurmat tajjeb, ma jiddubitax mill-fatt li din tikkonċerna evoluzzjoni miksuba b'mod volontarju lill-molekoli. Min-naħa l-oħra, bl-ammissjoni li l-kelma "evolution" tista' ikollha diversi tifsiriet, kif issostni r-rikorrenti, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, sinjal verbali għandu jiġi rrifjutat milli jiġi rreġistrat jekk, f'almenu waħda mit-tifsiriet potenzjali tiegħu, jindika karatteristika tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati (sentenza tal-Qorti tat-23 ta' Ottubru 2003, UASI vs Wrigley, C-191/01 P, li għadha mhux ippublikata fil-Ġabra, punt 32).

21     Bit-tielet ilment tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta lill-Bord ta' l-Appell li kien kkunsidra l-karattru deskrittiv tal-kliem "molecular evolution" (evoluzzjoni molekolari) fil-qasam tal-bidla tal-materjal ġenetiku, min-naħa, mingħajr ma pprova din l-affermazzjoni u, min-naħa l-oħra, billi ttraskura l-fatt li s-servizzi kkonċernati jkopru qasam ħafna iktar vast.

22     Il-Qorti tal-Prim' Istanza tosserva preliminarjament li l-ilment tar-rikorrenti jirriżulta minn qari parzjali tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-Bord ta' l-Appell ma ttraduċiex il-kliem "molecular evolution" biss b'dawk ta' bidla tal-materjal ġenetiku, iżda għamel riferiment ukoll għal "ċertu numru ta' attivitajiet relatati" mal-materjal ġenetiku, li jinkludi l-"proċess ta' miljorament artifiċjali tal-funzjonijiet tal-proteini bi skop kummerċjali" (punt 9 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tifsira tal-kliem "molecular evolution" esposta fid-deċiżjoni kkontestata hija għaldaqstant iktar vasta minn dik ikkunsidrata mir-rikorrenti.

23     Fir-rigward tal-prova tal-mertu tat-tifsira mogħtija mill-Bord ta' l-Appell, għandu jiġi enfasizzat li dan ta' l-aħħar għandu l-possibbiltà li jipprovdi huwa stess definizzjoni ta' ċerti kliem, mingħajr ma jkun obbligat li jibbaża ruħu fuq dokumenti preċiżi, sakemm din id-definizzjoni tista' tiġi kkunsidrata bħala komunement aċċettata. F'dan il-każ, din id-definizzjoni, minkejja li hija kkontestata mir-rikorrenti, kienet suffiċjentement komuni li ma kellhiex tiġi pprovata fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, l-UASI, fir-risposta tiegħu, seta' jikkorrobora faċilment din id-definizzjoni sempliċement b'dizzjunarju u enċiklopedija. Għaldaqstant, il-pubbliku rilevanti, partikolarment infurmat, huwa l-istess u bla ebda sforz li jassoċja, b'mod partikolari, il-kliem "molecular evolution" u l-qasam dwar il-materjal ġenetiku. Skond ġurisprudenza esposta fil-punt 20 iktar 'il fuq, il-fatt li dawn il-kliem jistgħu jkollhom tifsira oħra ma jneħħilhomx il-karattru tagħhom deskrittiv tas-servizzi msemmija.

24     F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma għandhiex tikkuntesta lill-Bord ta' l-Appell il-fatt li kien ibbaża ruħu fuq l-informazzjoni miġbura fis-sit internet tar-rikorrenti sabiex jevalwa l-karattru deskrittiv tas-sinjal verbali in kwistjoni meta mqabbel mas-servizzi msemmija. Fil-fatt, il-Bord ta' l-Appell ma kienx ibbaża ruħu fuq din l-informazzjoni sabiex jevalwa l-perċezzjoni tas-sinjal verbali mill-pubbliku rilevanti, iżda sabiex jirrispondi għall-argument tar-rikorrenti li skondha l-eżaminatur kien fehem ħażin in-natura tas-servizzi msemmija fl-applikazzjoni tat- trade mark. F'kull każ, billi n-natura ta' dawn is-servizzi tirriżulta b'mod suffiċjentement ċar mill-applikazzjoni tat-trade mark, il-konferma tan-natura tas-servizzi msemmija fl-informazzjoni miġbura m'għandhiex barra minn hekk tippreġudika lir-rikorrenti.

25     Fl-aħħar nett, billi t-tifsira tad-definizzjoni tal-kliem "molecular evolution" tkopri almenu b'mod parzjali s-servizzi msemmija, hekk kif dan jirriżulta mill-motivi ta' l-appell quddiem il-Bord ta' l-Appell, dan is-sens deskrittiv huwa biżżejjed sabiex jistabilixxi r-rifjut tar-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba. Fil-fatt, skond ġurisprudenza stabbilita sew, meta r-reġistrazzjoni ta' trade mark hija mitluba għal kategorija sħiħa bla ma tkun saret distinzjoni bejn il-prodotti differenti jew servizzi li jikkomponuha, il-Bord ta' l-Appell huwa awtorizzat jipproċedi għal evalwazzjoni globali tal-karattru deskrittiv tas-sinjal li jikkostitwixxu t-trade mark fid-dawl tal-kategorija sħiħa tal-prodotti jew servizzi msemmija fl-applikazzjoni tat-trade mark [fir-rigward ta' servizzi, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim' Istanza ta' l-20 ta' Marzu 2002, DaimlerChrysler vs l-UASI (TRUCKCARD), T-358/00, Ġabra p. II‑1993, punti 34, 37 u 44; fir-rigward ta' prodotti, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim' Istanza tas-27 ta' Frar 2002, Steamserve vs l-UASI (STREAMSERVE), T-106/00, Ġabra p. II‑723, point 46]. Barra minn hekk, f'dan il-każ, id-definizzjoni globali tas-servizzi msemmija fl-applikazzjoni tat-trade mark kien jirrendi impossibbli, għall-Bord ta' l-Appell, li jiddistingwi s-servizzi kkonċernati skond jekk ikkonċernawx direttament jew le l-bidla tal-materjal ġenetiku. Il-fatt li xi wħud mis-servizzi msemmija jistgħu jikkonċernaw l-attivitajiet li ma jissuponux bidla ġenetika m'għandux iwassal sabiex jiġi konkluż li t-trade mark mitluba hija rreġistrata għas-servizzi kollha msemmija, minkejja li s-sinjal in kwistjoni jiddeskrivi direttament ċerti servizzi oħra kkonċernati. Reġistrazzjoni bħal din tikser ir-raġuni assoluta mniżżla fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94.

26     Bit-tieni lment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, fl-evalwazzjoni tat-totalità tas-sinjal verbali in kwistjoni, il-kelma "applied" (applikat) tirrendi inqas evidenti wkoll is-sens ġenerali ta' dan is-sinjal.

27     Il-Qorti tal-Prim' Istanza tikkunsidra li dan l-ilment għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, il-Bord ta' l-Appell ikkonstata, ġustament, li din il-kelma kienet tfisser implementazzjoni jew riferiment b'applikazzjoni prattika (punt 10 tad-deċiżjoni kkontestata). Fid-dinja xjentifika jew industrijali, dan l-aġġettiv jiddeskrivi l-għan li bih ir-riċerki teoriċi jistgħu jiġu applikati fil-prattika. Għaldaqstant, dan l-aġġettiv jerġa' jirrinforza l-karattru deskrittiv tas-sinjal verbali in kwistjoni billi jippreċiża l-għan, b'mod partikolari industrijali u kummerċjali, tas-servizzi dwar l-inġinerija molekolari.

28     Billi s-sinjal verbali in kwistjoni huwa kkostitwit, fit-totalità tiegħu, b'għadd ta' kliem li josservaw is-sintassi tal-lingwa Ingliża, l-assoċjazzjoni ta' dawn il-kliem ma jnaqqasx il-karattru deskrittiv tagħhom meta mqabbel mas-servizzi msemmija. Bil-kontra, l-assoċjazzjoni tagħhom tirrinforza t-tifsira ta' kull waħda minn dawn il-kliem. Għaldaqstant, il-Bord ta' l-Appell ikkonkluda, ġustament, li s-sinjal verbali APPLIED MOLECULAR EVOLUTION jiddeskrivi s-servizzi kkonċernati fl-applikazzjoni tat-trade mark, jiġifieri l-inġinerija molekolari ta' komposti għall-użu tagħhom f'diversi prodotti.

29     Sakemm huwa biżżejjed li wieħed mir-raġunijiet assoluti ta' rifjut innumerati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 huwa applikat sabiex is-sinjal ma jkunx jista' jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja, ma hemmx lok li wieħed isaqsi jekk, kif jikkunsidrah il-Bord ta' l-Appell u kif tikkontestah ir-rikorrenti, it-trade mark in kwistjoni hijiex ukoll imċaħħda minn kull karattru distintiv.

30     Fid-dawl ta' dak kollu li jippreċedi, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

31     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli ta' Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li jiġi deċiż li tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet ta' l-UASI f'dan is-sens.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI TAL-PRIM' ISTANZA (it-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi :

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

Pirrung

Meij

Forwood

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta' Settembru, 2004.

Reġistratur

 

       President

H. Jung

 

       J. Pirrung


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.