Language of document : ECLI:EU:T:2018:817

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

21 ta’ Novembru 2018 (*)

[Test irrettifikat permezz ta’ digriet tas‑7 ta’ Ġunju 2019]

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti li jirrigwardaw l-ewwel awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tas-sustanza attiva ‘glyphosate’ – Rifjut parzjali ta’ aċċess – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terz – Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 – Interess pubbliku superjuri – Regolament (KE) Nru 1367/2006 – Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 – Direttiva 91/414/KEE”

Fil-Kawża T‑545/11 RENV,

Stichting Greenpeace Nederland, stabbilita fi Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Pesticide Action Network Europe (PAN Europe), stabbilit fi Brussell (il-Belġju),

irrappreżentati minn B. Kloostra u A. van den Biesen, avukati,

rikorrenti,

sostnuti minn

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, H. Shev, L. Swedenborg u F. Bergius, bħala aġenti,

intervenjent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Buchet, P. Ondrůšek u L. Pignataro-Nolin, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u D. Klebs, bħala aġenti,

minn

European Chemical Industry Council (Cefic), stabbilit fi Brussell,

minn

Association européenne pour la protection des cultures (ECPA), stabbilita fi Brussell,

irrappreżentati minn I. Antypas u D. Waelbroeck, avukati,

minn

CropLife International AISBL (CLI), stabbilita fi Brussell, irrappreżentata minn R. Cana, E. Mullier, avukati, u D. Abrahams, barrister,

minn

CropLife America Inc., stabbilita fi Washington, DC (l-Istati Uniti),

National Association of Manufacturers of the United States of America (NAM), stabbilita fi Washington,

u

America Chemistry Council Inc. (ACC), stabbilita fi Washington,

inizjalment irrappreżentati minn M. Abenhaïm u K. Nordlander, avukati, sussegwentement minn K. Nordlander u M. Zdzieborska, solicitor, u fl-aħħar nett minn K. Nordlander u Y.‑A. Benizri, avukati, u M. Zdzieborska solicitor,

u minn

European Crop Care Association (ECCA), stabbilita fi Brussell, irrappreżentata minn S. Pappas, avukat,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Awwissu 2011, li tirrifjuta l-aċċess għall-volum 4 tal-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni, redatt mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bħala Stat Membru relatur, tas-sustanza attiva “glyphosate”, skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 332),

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

komposta minn H. Kanninen, President tal-Awla, J. Schwarcz (Relatur) u C. Iliopoulos, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-23 ta’ Marzu 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-20 ta’ Diċembru 2010, ir-rikorrenti, Stichting Greenpeace Nederland u Pesticide Action Network Europe (PAN Europe), talbu l-aċċess għal diversi dokumenti li jirrigwardaw l-ewwel awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-glyphosate bħala sustanza attiva, mogħtija skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 332). It-talba kienet ibbażata fuq ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), u fuq ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità [Ewropea] tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13).

2        Id-dokumenti mitluba kienu s-segwenti:

–        kopja tal-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni redatt mill-Istat Membru relatur, ir-Repubblika tal-Ġermanja, qabel l-ewwel inklużjoni tal-glyphosate fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 (iktar ’il quddiem l-“abbozz tar-rapport”);

–        lista kompleta tat-testijiet kollha ppreżentati mill-applikanti għall-inklużjoni tal-glyphosate fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, deċiża mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/99/KE, tal-20 ta’ Novembru 2001, li temenda l-Anness tad-Direttiva 91/414 sabiex jiġi inkluż b’mod partikolari l-glyphosate (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 34, p. 182);

–        id-dokumentazzjoni kompleta, sħiħa u oriġinali tat-testijiet ippreżentata mill-applikanti għall-inklużjoni tal-glyphosate fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 fl-2001, sa fejn din tirrigwarda t-testijiet ta’ tossiċità għal żmien twil, it-testijiet ta’ mutaġeniċità, ta’ karċinoġeniċità, ta’ newrotossiċità u l-istudji fuq ir-riproduzzjoni.

3        Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni Ewropea stiednet lir-rikorrenti sabiex jikkuntattjaw l-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex jiksbu l-aċċess għad-dokumenti msemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq.

4        Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Frar 2011, ir-rikorrenti ressqu, abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, talba konfermattiva għal aċċess għal dokumenti.

5        Wara li talab il-kunsens minn qabel tal-awtoritajiet Ġermaniżi, skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni tat, permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Mejju 2011, l-aċċess għall-abbozz tar-rapport, bl-eċċezzjoni tal-volum 4 tiegħu (iktar ’il quddiem id-“dokument kontenzjuż”), li l-imsemmija awtoritajiet irrijfutaw li jiżvelaw u li jinkludi l-lista sħiħa tat-testijiet kollha pprovduti mill-applikanti għall-ewwel inklużjoni tal-glyphosate fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Hija informat lill-applikanti li l-Kummissjoni ma kellhiex fil-pussess tagħha d-dokumentazzjoni kompleta, sħiħa u oriġinali ta’ dawn it-testijiet, li qatt ma ġew trażmessi lilha. Is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni spjegat ukoll li l-konsultazzjoni mal-awtoritajiet Ġermaniżi dwar l-iżvelar tad-dokument kontenzjuż kienet għadha għaddejja u li deċiżjoni kienet ser tittieħed sussegwentement.

6        Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2011, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess għad-dokument kontenzjuż, billi bbażat ruħha fuq ir-rifjut tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

7        Fid-deċiżjoni kkontestata, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni ppreżentat il-motivi għalfejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja opponiet għall-iżvelar tad-dokument kontenzjuż, abbażi tal-eċċezzjoni msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, jiġifieri l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet, fil-fatt, tal-opinjoni li d-dokument kontenzjuż kien fih informazzjoni kunfidenzjali dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-applikanti għall-inklużjoni tal-glyphosate fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, jiġifieri l-kompożizzjoni kimika dettaljata tas-sustanza attiva prodotta minn kull wieħed minnhom, informazzjoni dettaljata dwar il-proċess ta’ manifattura tas-sustanza minn kull wieħed mill-applikanti għall-inklużjoni, informazzjoni dwar l-impuritajiet, il-kompożizzjoni tal-prodotti lesti u r-relazzjonijiet kuntrattwali bejn l-applikanti differenti għall-inklużjoni.

8        Wara li osservat li l-awtortajiet Ġermaniżi kienu ddikjaraw li huma ma jikkunsidrawx li kien hemm interess pubbliku superjuri, kif previst fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument kontenzjuż, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni eżaminat jekk, fid-dawl tar-Regolament Nru 1367/2006, setax jiġi invokat tali interess pubbliku. Hija osservat li l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament ma kienx applikabbli għad-dokument kontenzjuż, peress li dan ma kien fih l-ebda informazzjoni li tista’ titqies bħala li tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent.

9        Issa, skont is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, din tal-aħħar ikkunsidrat li l-informazzjoni inkwistjoni kienet tikkonċerna l-proċess ta’ produzzjoni tal-glyphosate tal-applikanti għall-inklużjoni ta’ dan tal-aħħar fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 u li, fl-ibbilanċjar tal-interessi, in-neċessità li jiġu protetti d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ta’ dawn l-applikanti kienet iktar importanti mill-interess pubbliku fl-iżvelar tal-informazzjoni. Fil-fatt, l-iżvelar tal-informazzjoni li tinsab fid-dokument kontenzjuż jippermetti lil impriżi kompetitriċi li jikkopjaw il-proċess ta’ produzzjoni tal-applikanti għall-inklużjoni tal-glyphosate, li jwassal għal telf kunsiderevoli għalihom, b’nuqqas ta’ osservanza tal-interessi kummerċjali tagħhom u tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħhom. L-interess pubbliku fl-iżvelar tal-informazzjoni kien diġà ttieħed inkunsiderazzjoni, peress li l-effetti possibbli tal-emissjonijiet tal-glyphosate fl-ambjent jirriżultaw minn partijiet oħra tal-abbozz tar-rapport, żvelati lill-pubbliku, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-impuritajiet rilevanti u l-metaboliti. Għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni dwar l-impuritajiet mhux rilevanti, inklużi fid-dokument kontenzjuż, dawn jikkonċernaw elementi li ma jippreżentawx riskji għas-saħħa jew għall-ambjent, iżda li jwasslu sabiex jiġi żvelat il-proċess ta’ produzzjoni ta’ kull prodott.

10      Is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni osservat sussegwentement li mill-proċedura li permezz tagħha l-glyphosate kien ġie inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 kien jirriżulta li r-rekwiżiti stabbiliti mir-Regolament Nru 1367/2006, għal dak li jirrigwarda t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ informazzjoni dwar l-effetti ta’ din is-sustanza fuq l-ambjent, kienu diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-protezzjoni tal-interessi tal-produtturi ta’ din is-sustanza kellha tipprevali.

11      Is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni kkonkludiet minn dan li l-informazzjoni mitluba ma kinitx tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, u li ma kienx hemm prova tal-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri għall-iżvelar, fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001, billi tali interess jinsab, fil-fehma tagħha, fil-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-produtturi tal-glyphosate.

 Proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja

12      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Ottubru 2011, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

13      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali għamlet żewġ domandi lir-rikorrenti, li wieġbu permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Jannar 2013.

14      Permezz ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni ntalbet sabiex tipproduċi quddiem il-Qorti Ġenerali d-dokument kontenzjuż u sabiex tidentifika l-partijiet li jirrigwardaw il-purità tal-glyphosate, “l-identità” u l-kwantità tal-impuritajiet kollha li jinsabu fih u l-profil analitiku tal-lottijiet użati għall-kontrolli, filwaqt li d-dokument kontenzjuż ma għandux jintbagħad lir-rikorrenti. Permezz ta’ ittra ppeżentata fil-25 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni pproduċiet id-dokument kontenzjuż.

15      Id-dokument kontenzjuż huwa kompost minn tliet subdokumenti. L-ewwel subdokument huwa intitolat “Monografija – 11 ta’ Diċembru 1998 – Volum 4 – Parti A – Glyphosate”, u fih tmien punti, intitolati “C.1 Informazzjoni kunfidenzjali”, “C.1.1 Informazzjoni dettaljata dwar il-proċess ta’ manifattura tas-sustanza attiva (Anness II A 1.8)”, “C.1.2 Speċifikazzjoni dettaljata tas-sustanza attiva (Anness II A 1.9 sa 1.11)”, “C.1.3 Speċifikazzjoni dettaljata tal-preparazzjonijiet (Anness II A 1.4)”, “C.2 Sunt u evalwazzjoni tal-informazzjoni dwar il-preżentazzjoni kollettiva ta’ fajlijiet”, “C.2.1 Sunt tal-informazzjoni u dokumentazzjoni prodotta (fajl dokument B)”, “C.2.2 Evalwazzjoni tal-informazzjoni u tad-dokumentazzjoni prodotta” u “C.2.3 Konklużjoni dwar jekk il-miżuri meħuda mill-impriżi notifikanti kinux raġonevoli jew le”. It-tieni subdokument huwa intitolat “Addendum għall-monografija – Volum 4 tal-11 ta’ Diċembru 1998 – Glyphosate – Glyphosate-trimesium – Parti A – Glyphosate”, huwa ddatat l-14 ta’ Jannar 2000 u fih punt wieħed biss, intitolat “C.1.2.1 Identità tal-isomeri, tal-impuritajiet u tal-additivi (Anness II A 1.10)”. It-tielet subdokument huwa intitolat “Addendum 2 għall-monografija – Volum 4 tal-11 ta’ Diċembru 1998 – Glyphosate – Glyphosate-trimesium”, huwa ddatat it-12 ta’ Mejju 2001 u fih tliet punti, intitolati “C.1.1 Informazzjoni dettaljata dwar il-proċess ta’ manifattura tas-sustanza attiva (Anness II A 1.8)”, “C.1.2 Speċifikazzjoni dettaljata tal-purità tas-sustanza attiva” u “C.1.2.1 Identità tal-isomeri, tal-impuritajiet u tal-additivi (Anness II A 1.10)”.

16      Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni identifikat ukoll il-partijiet tat-tliet subdokumenti li jikkostitwixxu d-dokument kontenzjuż li jikkonċernaw il-purità tal-glyphosate, “l-identità” u l-kwantità tal-impuritajiet kollha li jinsabu fih u l-profil analitiku tal-lottijiet użati għall-kontrolli.

17      Il-partijiet ippreżentaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom fis-seduta tas-26 ta’ Frar 2013 (iktar ’il quddiem is-“seduta tas-26 ta’ Frar 2013”).

18      Permezz ta’ sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2013, Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe vs Il-Kummissjoni (T-545/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza inizjali”, EU:T:2013:523), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrifjuta l-aċċess lill-partijiet għad-dokument kontenzjuż li fih informazzjoni li tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent, jiġifieri, l-ewwel nett, l-informazzjoni rigward l-identità u l-kwantità tal-impuritajiet kollha inklużi fis-sustanza attiva nnotifikata minn kull operatur, it-tieni nett, id-data li tirrigwarda l-impuritajiet ippreżentata fid-diversi lottijiet kif ukoll il-kwantità minima, dik medja u dik massima ta’ kull waħda minn dawn l-impuritajiet u, it-tielet nett, l-informazzjoni rigward il-kompożizzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti żviluppati mid-diversi operaturi kkonċernati.

19      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni ppreżentat appell kontra s-sentenza inizjali.

20      Wara talba f’dan is-sens, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, America Chemistry Council Inc. (ACC), CropLife America Inc., CropLife International AISBL (CLI), European Chemical Industry Council (Cefic), European Crop Care Association (ECCA), l-Association européenne pour la protection des cultures (ECPA) u National Association of Manufacturers of the United States of America (NAM) ġew ammessi sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

21      Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni invokat aggravju wieħed, ibbażat fuq l-interpretazzjoni żbaljata, mill-Qorti Ġenerali, tal-kunċett ta’ “informazzjoni [li tkun] konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

22      Ir-rikorrenti, sostnuti mir-Renju tal-Isvezja, talbu ċ-ċaħda tal-appell.

23      Il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tas-sentenza tagħha tat-23 ta’ Novembru 2016, Il-Kummissjoni vs Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe (C-673/13 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza mogħtija fl-appell”, EU:C:2016:889), annullat is-sentenza inizjali u rrinvijat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet wara r-rinviju

24      Il-kawża ġiet assenjata lir-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali.

25      Fit-30 ta’ Jannar u fit-2 ta’ Frar 2017, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub fuq ir-rinviju, skont l-Artikolu 217(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

26      Wara li talbet u ngħatat aċċess għall-fajl fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2013, Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe vs Il-Kummissjoni (T-545/11, EU:T:2013:523) (iktar ’il quddiem is-“sentenza inizjali”), ir-Renju tal-Isvezja kif ukoll CropLife America, NAM, ACC, CLI, Cefic, u l-ECPA ppreżentaw, skont l-Artikolu 217(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar ir-rinviju fit-23 ta’ Jannar u fit-2 ta’ Frar 2017.

27      Fit-3 u fl-4 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni, CLI, Cefic, l-ECPA, ECCA, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju tal-Isvezja ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub addizzjonali skont l-Artikolu 217(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

28      Fl-osservazzjonijiet tagħhom, ir-rikorrenti, sostnuti mir-Renju tal-Isvezja, jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara li l-Kummissjoni aġixxiet bi ksur tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għal informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali u l-aċċess għall-ġustizzja fil-qasam tal-ambjent, iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”) u approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2005, L 164M, p. 17) u tar-Regolamenti Nru 1049/2001 u Nru 1367/2006;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29      Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni, sostnuta minn CropLife America, NAM, ACC, CLI, Cefic, l-ECPA, ECCA u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq il-portata tal-kawża

30      Wara l-ispeċifikazzjonijiet mwettqa mir-rikorrenti, kif kien diġà ġie rrilevat fil-punti 22 u 24 tas-sentenza inizjali, li ma humiex ikkontestati fis-sentenza mogħtija fl-appell, il-kawża għandha tiġi limitata għall-parti tad-dokument kontenzjuż li fiha informazzjoni dwar il-grad ta’ purità tas-sustanza attiva, dwar “l-identità” u l-kwantità tal-impuritajiet preżenti fil-materjal tekniku, dwar il-profil analitiku tal-lottijiet u dwar il-kompożizzjoni eżatta tal-prodott żviluppat, kif speċifikat mir-rikorrenti waqt is-seduta tas-26 ta’ Frar 2013. Fir-rigward tal-impuritajiet, ir-rikorrenti ddikjaraw li qed jipprovaw isiru jafu s-sustanzi kimiċi oħra prodotti matul il-proċess ta’ manifattura tal-glyphosate u l-kwantità tagħhom. F’dak li jirrigwarda l-profil analitiku tal-lottijiet ippreżentati mill-impriżi għat-testijiet, huma ddikjaraw li riedu jkunu jafu l-kontenut u l-kompożizzjoni tal-lottijiet, b’mod partikolari s-sustanzi kimiċi l-oħra miżjuda, kif ukoll id-deskrizzjoni tat-testijiet u tal-effetti reali tagħhom.

 Id-dritt

31      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi. L-ewwel nett, huma jikkunsidraw li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jagħtix id-dritt ta’ veto lil Stat Membru u li l-Kummissjoni tista’ ma tibbażax ruħha fuq l-opinjoni tiegħu fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(2) ta’ dan l-istess regolament. It-tieni nett, huma jsostnu li l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess intiża sabiex tipproteġi l-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari għandha tiġi eskluża, minħabba interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba, li tirrigwarda l-emissjonijiet fl-ambjent. It-tielet nett, huma jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex konformi mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u mal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, peress li l-Kummissjoni ma evalwatx ir-riskju effettiv li jiġu ppreġudikati l-interessi kummerċjali invokati.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-portata tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001

32      Permezz tal-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jistax ikun il-bażi tar-rifjut tal-iżvelar tal-informazzjoni jew jillimita s-setgħa tal-Kummissjoni għall-eżami prima facie biss ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet invokati mill-Istat Membru. Dan jirriżulta, minn naħa, mis-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni (C-64/05 P, EU:C:2007:802), u, min-naħa l-oħra, mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1367/2006 kif ukoll minn interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea li hija konformi mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

33      Il-Kummissjoni ssostni li l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

34      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 4 tiegħu u mill-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 ifittex li jagħti l-ikbar effett possibbli lid-dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti miżmuma minn istituzzjoni. Skont l-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament, dan id-dritt ikopri mhux biss id-dokumenti redatti minn istituzzjoni, iżda wkoll dawk li tirċievi din tal-aħħar minn terzi, li fosthom hemm l-Istati Membri, kif jispeċifika espressament l-Artikolu 3(b) tal-istess regolament.

35      Madankollu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi, fl-Artikolu 4 tiegħu, eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokument. B’mod partikolari, il-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li Stat Membru jista’ jitlob lil istituzzjoni sabiex ma tiżvelax dokument li joriġina minnu mingħajr il-kunsens tiegħu minn qabel.

36      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jikkostitwixxi regola ta’ natura proċedurali, peress li hija sempliċement tipprevedi l-ħtieġa ta’ kunsens tiegħu minn qabel tal-Istat Membru kkonċernat meta dan tal-aħħar ikun ifformula talba speċifika f’dan is-sens u meta din tkun tirrigwarda l-proċess ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Unjoni (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, C-64/05 P, EU:C:2007:802, punti 78 u 81).

37      B’differenza għall-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jippermetti lil terzi, fil-każ ta’ dokumenti li joriġinaw minnhom, biss id-dritt li jiġu kkonsultati mill-istituzzjoni kkonċernata fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet previsti mill-Artikolu 4(1) u (2) tal-istess regolament, l-Artikolu 4(5) tal-imsemmi regolament jipprevedi li Stat Membru jista’ jitlob lil istituzzjoni sabiex ma tiżvelax dokument li joriġina minn dan l-Istat mingħajr il-kunsens tiegħu minn qabel.

38      Ġie deċiż li, meta Stat Membru jkun eżerċita l-possibbiltà mogħtija lilu mill-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 li jitlob li dokument speċifiku, li joriġina minn dan l-istess Stat, ma jiġix żvelat mingħajr il-kunsens tiegħu minn qabel, l-iżvelar eventwali ta’ dan id-dokument mill-istituzzjoni jkun jeħtieġ il-kunsens tiegħu (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, C-64/05 P, EU:C:2007:802, punt 50).

39      Minn dan isegwi, għall-kuntrarju, li l-istituzzjoni li ma għandhiex il-kunsens minn qabel tal-Istat Membru kkonċernat ma tistax tiżvela d-dokument inkwistjoni (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C-64/05 P, EU:C:2007:802, punt 44). F’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, dwar it-talba għal aċċess għad-dokument kontenzjuż, kienet tiddependi għalhekk mid-deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet Ġermaniżi fil-kuntest tal-proċess ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

40      Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jagħtix lill-Istat Membru kkonċernat dritt ta’ veto ġenerali u inkundizzjonat li jippermettilu jopponi, b’mod purament diskrezzjonali u mingħajr ma jkollu bżonn jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu, l-iżvelar ta’ kull dokument fil-pussess ta’ istituzzjoni għas-sempliċi fatt li dan id-dokument joriġina minn dan l-Istat Membru (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, C-64/05 P, EU:C:2007:802, punt 58). Fil-fatt, is-setgħa li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jagħti lill-Istat Membru kkonċernat huwa ddelimitat permezz tal-eċċezzjonijiet materjali elenkati fl-Artikolu 4(1) sa (3) ta’ dan l-istess regolament, peress li f’dan ir-rigward dan l-Istat Membru jingħata biss il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni fid-deċiżjoni tal-istituzzjoni. Il-kunsens minn qabel tal-Istat Membru kkonċernat li għalih jirreferi dan l-Artikolu 4(5) jindika, b’dan il-mod, mhux dritt ta’ veto diskrezzjonali, iżda forma ta’ opinjoni konformi dwar l-ineżistenza ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet ibbażati fuq l-Artikolu 4(1) sa (3) tal-imsemmi regolament (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, C-64/05 P, EU:C:2007:802, punt 76). Il-proċess deċiżjonali għalhekk stabbilit mill-imsemmi Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jeżiġi għaldaqstant li l-istituzzjoni u l-Istat Membru kkonċernati josservaw l-eċċezzjonijiet materjali previsti fl-imsemmi Artikolu 4(1) sa (3) (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, C-64/05 P, EU:C:2007:802, punt 83).

41      Minn dan isegwi li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jawtorizza lill-Istat Membru kkonċernat jikkontesta l-iżvelar ta’ dokumenti li joriġinaw minnu biss abbażi tal-eċċezzjonijiet materjali previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) ta’ dan ir-regolament u billi jimmotiva debitament il-pożizzjoni tiegħu f’dan ir-rigward (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, C-64/05 P, EU:C:2007:802, punt 99).

42      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, bħalma tirrileva l-Kummissjoni, għalkemm l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 ġie applikat f’dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-rifjut ta’ aċċess għad-dokument kontenzjuż huwa bbażat fuq l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, jiġifieri l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari, inkluża l-proprjetà intellettwali, invokata mill-awtoritajiet Ġermaniżi.

43      Fit-tieni lok, ġie deċiż ukoll li, qabel ma tirrifjuta l-aċċess għal dokument li joriġina minn Stat Membru, l-istituzzjoni kkonċernata għandha teżamina jekk dan tal-aħħar ibbażax l-oppożizzjoni tiegħu fuq l-eċċezzjonijiet materjali previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u jekk immotivax debitament il-pożizzjoni tiegħu f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-proċess ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess, il-Kummissjoni għandha tiżgura ruħha mill-eżistenza ta’ tali motivazzjoni u tistabbilixxiha fid-deċiżjoni adottata minnha fi tmiem il-proċeduri (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C-64/05 P, EU:C:2007:802, punt 99).

44      Għall-kuntrarju, skont il-ġurisprudenza mogħtija fil-kuntest tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma hijiex ir-responsabbiltà tal-istituzzjoni adita b’talba għal aċċess għal dokument li twettaq evalwazzjoni eżawrjenti tad-deċiżjoni ta’ oppożizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, meta twettaq stħarriġ li jmur lil hinn mill-verifika tas-sempliċi eżistenza ta’ motivazzjoni li tirreferi għall-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2012, IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il-Kummissjoni, C-135/11 P, EU:C:2012:376, punt 63; digriet tas-27 ta’ Marzu 2014, Ecologistas en Acción vs Il-Kummissjoni, T-603/11, mhux ippubblikat, EU:T:2014:182, punt 44, u sentenza tal-25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il-Kummissjoni, T-669/11, EU:T:2014:814, punt 54). L-istituzzjoni adita għandha, madankollu, tivverifika jekk l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Istat Membru jidhrux prima facie fondati (sentenza tal-5 ta’ April 2017, Franza vs Il-Kummissjoni, T-344/15, EU:T:2017:250, punt 54).

45      Issa, il-Kummissjoni vverifikat, fid-deċiżjoni ta’ oppożizzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-iżvelar tad-dokument kontenzjuż, l-eżistenza ta’ motivazzjoni li tirreferi għall-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll in-natura prima facie bbażata fuq din il-motivazzjoni (ara l-punti 7 sa 11 iktar ’il fuq).

46      Barra minn hekk, għandu jiġi eskluż l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq l-eċċezzjoni prevista mid-dispożizzjonijet tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex topponi l-iżvelar ta’ informazzjoni ambjentali, filwaqt li l-imsemmi regolament għandu jiġi interpretat skont ir-Regolament Nru 1367/2006 u l-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

47      Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fid-dawl ta’ dak li ġie indikat fil-punt 42 iktar’ il fuq, l-argument imqajjem ma jistax jintlaqa’, peress li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jikkostitwixxix ir-raġuni għalfejn il-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess għal dan id-dokument.

48      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ informazzjoni li tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent

 Fuq il-portata tad-dritt ta’ aċċess li jirriżulta mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006

49      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 tobbliga l-iżvelar ta’ dokument meta l-informazzjoni mitluba tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent, anki fil-każ ta’ riskju li jiġu ppreġudikati l-interessi protetti mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata taħt il-pretest ta’ interpretazzjoni koerenti, armonjuża jew konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jew ta’ interpretazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 39(2) u (3) tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (TRIPs), tal-15 ta’ April 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 305), li jikkostitwixxi l-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 82), tad-Direttiva 91/414 jew tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ottubru 2009, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009, L 309, p. 1), b’mod partikolari l-Artikolu 63 tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza inizjali, punti 27 sa 46; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2016, Bayer CropScience u Stichting De Bijenstichting, C-442/14, EU:C:2016:890, punti 96 sa 102).

 Fuq il-kunċett ta’ “informazzjoni li tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent”

50      Ir-rikorrenti, sostnuti mir-Renju tal-Isvezja, isostnu li l-Kummissjoni kisret il-preżunzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, billi l-informazzjoni mitluba kienet informazzjoni ambjentali li tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent. Din l-informazzjoni tikkonċerna s-sostanzi kollha li jispiċċaw fl-ambjent meta s-sustanza “glyphosate”, li ġiet awtorizzata, tintuża u tiġi applikata għal pestiċidi. Barra minn hekk, l-informazzjoni li tinsab fl-abbozz tar-rapport tippermetti lill-pubbliku jivverifika jekk it-testijiet li twettqu jipprovdux idea tal-emissjonijiet u tal-effetti tas-sustanza li ġiet awtorizzata fuq il-bażi ta’ dawn it-tests, jiġifieri s-sustanza attiva “glyphosate”.

51      Il-Kummissjoni, sostnuta minn CropLife America, NAM, ACC, CLI, Cefic, mill-ECPA u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tikkunsidra li l-kunċett ta’ “emissjoni” għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv u li, skont il-Gwida ta’ Applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, ippubblikat mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UN/ECE) fl-2000, dan huwa kkostitwit minn rilaxx dirett jew indirett ta’ sustanzi minn installazzjonijiet. Hija tiddikjara li l-informazzjoni mitluba ma tirrigwardax emissjonijiet fl-ambjent, peress li l-informazzjoni li tinsab fid-dokument kontenzjuż tikkonċerna, b’mod dettaljat, il-metodi ta’ manifattura tal-glyphosate, mogħtija mid-diversi applikanti għall-inklużjoni u protetta mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, billi ma huwiex possibbli li l-kategoriji ta’ informazzjoni li jinteressaw lir-rikorrenti jiġu distinti u iżolati mill-informazzjoni dwar il-metodi ta’ manifattura tas-sustanza attiva, li huma s-suġġett tad-dokument kontenzjuż. L-informazzjoni kontenzjuża hija barra minn hekk wisq “’il bogħod mis-suq” sabiex tkun tista’ tikkostitwixxi informazzjoni li tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent u ma hijiex għalhekk rilevanti mill-aspett ambjentali peress li l-impuritajiet kollha meqjusa bħala importanti fuq il-livell tossikoloġiku, ekotossikoloġiku jew ambjentali ġew żvelati.

52      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li d-dispożizzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv, jista’ biss jiġi miċħud. Fil-fatt, f’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dan ir-rigward, li huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li, fil-punti 49 u 53 tas-sentenza inizjali, il-Qorti Ġenerali ma kinitx adottat interpretazzjoni restrittiva tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 u tal-kunċett ta’ “informazzjoni konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent” (sentenza mogħtija fl-appell, punt 55).

53      Fit-tieni lok, fir-rigward tar-riferiment mill-Kummissjoni għall-Gwida ta’ Applikazzjoni iċċitata fil-punt 51 iktar ’il fuq sabiex issostni li l-kunċett ta’ “emissjoni” jirreferi għall-emissjonijiet li joriġinaw minn installazzjonijiet, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 54 sa 56 tas-sentenza inizjali, setgħet tikkunsidra li l-kunċett ta’ “informazzjoni konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 ma huwiex limitat għall-informazzjoni dwar l-emissjonijiet li ġejjin minn ċerti installazzjonijiet industrijali (sentenza mogħtija fl-appell, punt 70).

54      Fit-tielet lok, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat li għalkemm il-kunċett ta’ “informazzjoni konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 ma kienx jinkludi informazzjoni dwar emissjonijiet purament ipotetiċi, dan il-kunċett ma jistax madankollu ikun limitat biss għall-informazzjoni li tirrigwarda l-emissjonijiet effettivament irrilaxxati fl-ambjent waqt l-applikazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jew tas-sustanza attiva inkwistjoni fuq il-pjanti jew fl-art, emissjonijiet li jiddependu b’mod partikolari fuq il-kwantitajiet ta’ prodott użati fil-fatt mill-agrikolturi kif ukoll fuq il-kompożizzjoni eżatt tal-prodott finali kkumerċjalizzat (sentenza mogħtija fl-appell, punt 73). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li taqa’ taħt l-imsemmi kunċett l-informazzjoni dwar l-emissjonijiet prevedibbli tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jew tas-sustanza attiva inkwistjoni fl-ambjent, f’kundizzjonijiet normali jew realistiċi ta’ użu ta’ dan il-prodott jew ta’ din is-sustanza li jikkorrispondu għal dawk li għalihom hija mogħtija l-awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq tal-imsemmi prodott jew tal-imsemmija sustanza attiva u li jipprevalu fiż-żona fejn dan il-prodott jew din is-sustanza kienu intiżi li jintużaw (sentenza mogħtija fl-appell, punt 74). Hija speċifikat ukoll li, għalkemm it-tqegħid fis-suq ta’ prodott jew ta’ sustanza attiva ma kienx biżżejjed b’mod ġenerali sabiex jiġi kkunsidrat li dan il-prodott jew din is-sustanza tiġi neċessarjament irrilaxxata fl-ambjent u li l-informazzjoni li tikkonċernah jew tikkonċernaha kienet tirrigwarda “emissjonijiet fl-ambjent”, il-każ huwa differenti fir-rigward ta’ prodott, bħal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, u sustanzi attivi li dan il-prodott jinkludi, li kienu, fil-kuntest ta’ użu normali, intiżi sabiex jiġu rrilaxxati fl-ambjent minħabba l-funzjoni nnifisha tagħhom. F’dan il-każ, l-emissjonijiet prevedibbli, f’kundizzjonijiet normali jew realistiċi ta’ użu, tal-prodott inkwistjoni, jew tas-sustanzi li dan il-prodott fih, fl-ambjent ma humiex ipotetiċi u jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 (sentenza mogħtija fl-appell, punt 75).

55      Fir-raba’ lok, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza mogħtija fl-appell, ikkunsidrat li l-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet li huwa biżżejjed li informazzjoni tirrigwarda, b’mod suffiċjentement dirett, emissjonijiet fl-ambjent sabiex taqa’ taħt il-kunċett ta’ “informazzjoni konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1), tar-Regolament Nru 1367/2006, kienet wettqet żball ta’ liġi.

56      Minn naħa, hija rrilevat li mill-formulazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1), tar-Regolament Nru 1367/2006 jirriżulta li din id-dispożizzjoni kienet tirreferi għall-informazzjoni li “[kienet] konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent”, jiġifieri dik li kienet tirrigwarda jew li kienet marbuta ma’ tali emissjonijiet, u mhux l-informazzjoni li għandha rabta, diretta jew indiretta, mal-emissjonijiet fl-ambjent. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 4(4)(d) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus li tirreferi għall-“informazzjoni dwar l-emissjonijiet”. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-kunċett kellu jinftiehem bħala li jinkludi b’mod partikolari d-data li tippermetti lill-pubbliku jkun jaf dak li kien effettivament irrilaxxat fl-ambjent, jew dak li ser jiġi rrilaxxat b’mod prevedibbli f’kundizzjonijiet normali jew realistiċi ta’ użu tal-prodott jew tas-sustanza inkwistjoni, li jikkorrispondu għal dawk li għalihom ingħatat l-awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq ta’ dan il-prodott jew ta’ din is-sustanza, u li jipprevalu fiż-żona fejn l-imsemmi prodott jew l-imsemmija sustanza kienu intiżi li jintużaw. Għalhekk, dan l-istess kunċett għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri, b’mod partikolari, l-indikazzjonijiet marbuta man-natura, mal-kompożizzjoni, mal-kwantità, mad-data u mal-post tal-emissjonijiet konkreti jew prevedibbli, f’tali kundizzjonijiet, tal-imsemmi prodott jew tal-imsemmija sustanza (sentenza mogħtija fl-appell, punt 79).

57      Għandha wkoll tiġi inkluża fil-kunċett ta’ “informazzjoni konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent”, l-informazzjoni li tippermetti lill-pubbliku jivverifika jekk l-evalwazzjoni tal-emissjonijiet effettivi jew prevedibbli, li abbażi tagħha l-awtorità kompetenti awtorizzat il-prodott jew is-sustanza inkwistjoni, hijiex korretta kif ukoll id-data marbuta mal-effetti ta’ dawn l-emissjonijiet fuq l-ambjent. Fil-fatt, mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 1367/2006 jirriżulta, essenzjalment, li l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent żgurat b’dan ir-regolament huwa intiż b’mod partikolari sabiex jiffavorixxi parteċipazzjoni iktar effettiva tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali b’mod li jissaħħaħ l-obbligu tal-korpi kompetenti li jagħtu rendikont fil-kuntest tat-teħid ta’ deċiżjoni sabiex isir kontribut għall-kuxjenza pubblika u jiżdied l-appoġġ tal-pubbliku għad-deċiżjonijiet adottati. Issa, sabiex jiżgura ruħu li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-ambjent huma fondati u li jipparteċipa b’mod effettiv fil-proċess deċiżjonali fil-qasam tal-ambjent, il-pubbliku għandu jkollu aċċess għall-informazzjoni li tippermettilu jivverifika jekk l-emissjonijiet ġewx evalwati korrettament u għandu jitqiegħed f’pożizzjoni li jifhem raġonevolment il-mod li bih l-ambjent jista’ jiġi affettwat mill-imsemmija emissjonijiet (sentenza mogħtija fl-appell, punt 80).

58      Għall-kuntrarju, jekk ma hemmx lok li tiġi adottata interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “informazzjoni konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent”, dan il-kunċett ma jistax madankollu jinkludi l-informazzjoni kollha li għandha kwalunkwe rabta, anki diretta, ma’ emissjonijiet fl-ambjent. Fil-fatt, kieku l-imsemmi kunċett kellu jiġi interpretat fis-sens li jkopri tali informazzjoni, huwa jeżawrixxi fil-parti l-kbira l-kunċett ta’ “informazzjoni dwar l-ambjent” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(d) tar-Regolament Nru 1367/2006. Tali interpretazzjoni tneħħi, b’dan il-mod, kull effett utli tal-possibbiltà, prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, tal-istituzzjonijiet, li jirrifjutaw l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar l-ambjent għar-raġuni, b’mod partikolari, li tali żvelar jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari u jqiegħed f’periklu l-ekwilibriju li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jiżgura bejn l-għan ta’ trasparenza u l-protezzjoni ta’ dawn l-interessi. Hija tippreġudika wkoll b’mod sproporzjonat il-protezzjoni tas-sigriet professjonali żgurat permezz tal-Artikolu 339 TFUE (sentenza mogħtija fl-appell, punt 81).

 Applikazzjoni tal-kunċett ta’ “informazzjoni li tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent” fid-dokument kontenzjuż

59      L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma humiex qegħdin jitolbu l-aċċess għal informazzjoni dwar ir-relazzjonijiet kuntrattwali differenti bejn id-diversi operaturi li nnotifikaw il-glyphosate jew informazzjoni dwar il-metodu ta’ manifattura tagħha, li jikkorrispondu għall-punti “C.1.1 Informazzjoni dettaljata dwar il-proċess ta’ manifattura tas-sustanza attiva (Anness II A 1.8)” (p. 1 sa 11) u “C.2 Sunt u evalwazzjoni tal-informazzjoni dwar il-preżentazzjoni kollettiva ta’ fajlijiet” (p. 88 u 89) tal-ewwel subdokument ippreżentat mill-Kummissjoni lill-Qorti Ġenerali u għall-punt “C.1.1 Informazzjoni dettaljata dwar il-proċess ta’ manifattura tas-sustanza attiva (Anness II A 1.8)” (p. 1 sa 3 inklużiva) tat-tielet subdokument trażmess mill-Kummissjoni.

60      It-tieni nett, ir-rikorrenti speċifikaw fis-seduta tas-26 ta’ Frar 2013 ċerti punti tat-talba tagħhom għal aċċess. Huma jixtiequ jkollhom informazzjoni dwar “l-identità” u l-kwantità tal-impuritajiet preżenti fil-glyphosate kif ukoll dwar il-profil analitiku tal-lottijiet eżaminati, b’mod partikolari l-kompożizzjoni tagħhom, “l-identità” u l-kwantità tas-sustanzi kimiċi miżjuda matul it-testijiet, it-tul ta’ dawn tal-aħħar u l-effetti reali fuq is-sustanza attiva.

61      Għaldaqstant, huwa biss sa fejn il-partijiet tad-dokument kontenzjuż li ma jissemmewx fil-punt 59 iktar ’il fuq fihom informazzjoni bħal dik imsemmija fil-punt 60 iktar ’il fuq jew li tirrigwarda l-kompożizzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li fih il-glyphosate, u bil-kundizzjoni li din l-informazzjoni tkun tista’ titqies li tirrigwarda l-emissjonijiet fl-ambjent, li hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta rrifjutat li tiżvelahom.

62      It-tielet nett, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, ir-rikorrenti kkjarifikaw il-mod kif l-informazzjoni dwar “l-identità” u l-kwantità tal-impuritajiet preżenti fil-glyphosate, dwar il-profil analitiku tal-lottijiet eżaminati u l-kompożizzjoni tal-prodott li fih din is-sustanza tista’ twassal sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta’ emissjoni tal-imsemmija impuritajiet fl-ambjent.

63      Fir-rikors, ir-rikorrenti jsostnu li r-residwi tas-sustanza attiva fl-ambjent u l-effett tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem huma marbuta direttament mal-purità tas-sustanza, b’mod partikolari mal-“identità” u mal-kwantità tal-impuritajiet preżenti fil-glyphosate, u mhux biss mal-“identità” u mal-kwantità tal-impuritajiet ikkunsidrati bħala rilevanti mill-Kummissjoni. Skont huma, huwa importanti wkoll li jkun magħruf il-profil analitiku tal-lottijiet użati għall-kontrolli, sabiex dawn u l-istudji li fuqhom hija bbażata l-inklużjoni tal-glyphosate fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 ikunu jistgħu jiġu interpretati. Din hija r-raġuni għalfejn il-kompożizzjoni eżatta tal-prodotti żviluppati u kontrollati għandha tiġi żvelata, li jippermetti li jiġu ddeterminati liema elementi tossiċi huma emessi fl-ambjent u li jistgħu jibqgħu hemmhekk għal ċertu żmien.

64      Fit-tweġiba tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ppreċiżaw ukoll il-mod kif l-“informazzjoni li huma qegħdin jitolbu tikkonċerna l-kunċett ta’ emissjoni fl-ambjent”. Għalhekk, l-impuritajiet fil-glyphosate jiġu rrilaxxati fl-ambjent fl-istess ħin bħall-glyphosate nnifsu. Barra minn hekk, dawn l-impuritajiet seta’ jkollhom, skont il-kwantità tagħhom, effett fuq ir-riżultati tat-testijiet meħtieġa għall-eżami tal-effetti negattivi tal-glyphosate għall-inklużjoni tiegħu fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Sabiex jiġi ddeterminat jekk it-testijiet mwettqa għal din l-inklużjoni huma rappreżentattivi tal-emissjonijiet fl-ambjent li jkun hemm fl-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-glyphosate, huwa għalhekk neċessarju li l-informazzjoni dwar il-profil analitiku tal-lottijiet tkun disponibbli. Fl-anness għat-tweġiba tagħhom, ir-rikorrenti inkludew dokument li jindika b’mod partikolari proċess li bih il-glyphosate huwa prodott kif ukoll l-elementi miżjuda għall-produzzjoni ta’ din is-sustanza attiva u li jinsisti fuq il-fatt li l-impuritajiet preżenti fis-sustanza attiva prodotta ser jiġu emessi fl-ambjent. Barra minn hekk, l-istess dokument jenfasizza l-importanza li tinkiseb l-informazzjoni dwar il-profil analitiku tal-lottijiet eżaminati, sabiex jiġi vverifikat jekk dan il-profil jikkorrispondix ma’ dak tal-prodotti mqiegħda fis-suq, peress li produzzjoni fuq skala żgħira tista’ twassal għal profil analitiku tal-glyphosate differenti minn dak prodott fuq skala kbira għall-kummerċjalizzazzjoni tiegħu. Bil-kisba ta’ din l-informazzjoni, ikun possibbli li jiġu vverifikati d-differenzi eventwali bejn il-profili analitiċi tal-lottijiet eżaminati għall-inklużjoni tal-glyphosate fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 u dawk tal-prodotti mqiegħda fis-suq, u li jiġi ddeterminat jekk it-testijiet imwettqa kinux rilevanti fir-rigward tal-emissjonijiet reali tal-glyphosate fl-ambjent. Fl-aħħar nett, l-imsemmi dokument jenfasizza li l-informazzjoni mitluba tippermetti li jiġi magħruf jekk il-livell tal-metabolit li fih il-glyphosate jittrasforma ruħu, li huwa rrilaxxat fl-ambjent, huwiex ta’ natura persistenti u jniġġisx l-ilmijiet ta’ taħt l-art.

65      Għalkemm il-Kummissjoni taqbel li kull sustanza hija inevitabbilment irrilaxxata fl-ambjent f’xi stadju jew ieħor taċ-ċiklu tal-ħajja tagħha, hija tikkunsidra li d-dokument kontenzjuż ma fihx informazzjoni li tista’ titqies bħala li tirrigwarda l-emissjonijiet fl-ambjent, iżda informazzjoni dwar il-metodi ta’ manifattura użati mid-diversi operaturi li nnotifikaw il-glyphosate għall-inklużjoni tiegħu fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Hija topponi l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar l-impuritajiet u dwar il-profil analitiku tal-lottijiet, peress li dan jippermetti li jiġi rrikostitwit il-metodu ta’ manifattura tas-sustanza attiva u s-sigrieti kummerċjali relatati miegħu, għaliex ma huwiex possibbli li l-varji kategoriji ta’ informazzjoni jiġu distinti u iżolati. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-informazzjoni kollha rilevanti mil-lat tossikoloġiku u dwar l-effetti tas-sustanza attiva fuq is-saħħa kienet is-suġġett ta’ analiżi dettaljata u ġiet żvelata permezz tad-deċiżjoni tagħha tas-6 ta’ Mejju 2011, u tosserva wkoll li r-rikorrenti ma indikawx ir-raġunijiet għalfejn id-dokumenti diġà żvelati ma humiex biżżejjed għall-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-proċess ta’ inklużjoni tal-glyphosate fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

66      Ir-raba’ nett, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ miżuri istruttorji fil-kawża inizjali, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni d-dokument kontenzjuż, li jinqasam, hekk kif il-Kummissjoni fakkret fl-ittra tagħha mibgħuta mad-dokument kontenzjuż, f’subdokumenti.

67      L-ewwel subdokument fih b’mod partikolari l-punt “C.1.2 Speċifikazzjoni dettaljata tas-sustanza attiva (Anness II A 1.9 sa 1.11)”, li jindika, minn naħa, in-notifiki ppreżentati lill-Istat Membru relatur mill-operaturi li jridu l-inklużjoni tal-glyphosate fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 u li jidentifika l-varji impuritajiet li hemm fil-glyphosate prodott kif ukoll il-kwantità preċiża jew massima ta’ kull waħda minn dawn l-impuritajiet [punt “C.1.2.1 Identità tal-isomeri, tal-impuritajiet u tal-additivi (Anness II A 1.10)”, p. 11 sa 61] u, min-naħa l-oħra, il-profil analitiku tal-lottijiet eżaminati, b’mod li juri fi forma ta’ tabella l-kwantitajiet tal-impuritajiet kollha preżenti fil-varji lottijiet kif ukoll il-kwantitajiet minimi, medji u massimi ta’ kull waħda mill-impuritajiet, fejn il-metodi ta’ analiżi u l-validazzjoni tad-data ġew ippreżentati wkoll mill-maġġoranza tal-operaturi inkwistjoni [taqsima “C.1.2.2 Profil analitiku tal-lottijiet (Anness II A 1.11)”, p. 61 sa 84]. L-ewwel subdokument fih ukoll il-punt “C.1.3 Speċifikazzjoni dettaljata tal-preparazzjonijiet (Anness II A 1.4)”, li jiddeskrivi l-kontenut tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li fih il-glyphosate mmanifatturat minn kull wieħed mill-operaturi li nnotifikaw din is-sustanza attiva (p. 84 sa 88).

68      L-uniku punt tat-tieni subdokument (ara l-punt 15 iktar ’il fuq) jikkonsisti minn tabella fejn huma identifikati d-diversi operaturi li nnotifikaw il-glyphosate, il-formola strutturali ta’ kull impurità preżenti fis-sustanza attiva ta’ kull wieħed mill-imsemmija operaturi u l-kwantità preċiża jew massima ta’ kull waħda minn dawn l-impuritajiet (p. 1 sa 6).

69      It-tielet subdokument fih b’mod partikolari żewġ punti, rispettivament intitolati “C.1.2 Speċifikazzjoni dettaljata tal-purità tas-sustanza attiva” u “C.1.2.1 Identità tal-isomeri, tal-impuritajiet u tal-addittivi (Anness II A 1.10)” (p. 4 sa 13). Il-punt C.1.2 jindika d-diversi impuritajiet li jinsabu fil-glyphosate-trimesium kif ukoll il-kwantità preċiża jew massima ta’ kull waħda minn dawn l-impuritajiet (p. 4), u l-profil analitiku tal-lottijiet eżaminati, b’mod li juri fil-forma ta’ tabella l-kwantitajiet tal-impuritajiet kollha preżenti fid-diversi lottijiet (p. 7). Il-punt C.1.2.1 huwa kkostitwit minn tabella simili għal dik li hemm fit-tieni subdokument u fih informazzjoni tal-istess natura (p. 8 sa 13).

70      Huwa fid-dawl ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet li għandu jiġi ddeterminat jekk id-dokument kontenzjuż fihx informazzjoni li tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent.

71      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, huwa paċifiku bejn il-partijiet li sustanza attiva bħall-glyphosate huwa neċessarjament irrilaxxat fl-ambjent f’mument taċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu u li, min-naħa l-oħra, id-dokument kontenzjuż fih informazzjoni dwar l-ambjent. Għall-kuntrarju, il-partijiet ma jaqblux dwar jekk din l-informazzjoni taqax taħt il-kunċett ta’ “informazzjoni li tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent”, kif iddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza mogħtija fl-appell.

72      Sabiex tingħata deċiżjoni dwar din il-kwistjoni, jeħtieġ li jsir riferiment għad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1107/2009. Dan ir-regolament għandu l-għan li jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw l-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ppreżentati fil-forma kummerċjali tagħhom u għat-tqegħid fis-suq, l-użu u l-kontroll tagħhom fl-Unjoni (Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1107/2009) u għandu japplika għall-prodotti, fil-forma li fiha jiġu pprovduti lill-utent, li jikkonsistu minn sustanzi attivi, aġenti protettivi jew sinerġisti (Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1107/2009).

73      Mir-Regolament Nru 1107/2009 jirriżulta li sustanzi għandhom jiġu inklużi biss fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fejn ikun intwera li huma ta’ benefiċċju ċar għall-produzzjoni tal-pjanti u li ma humiex mistennija jkollhom xi effett ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew xi effett inaċċettabbli fuq l-ambjent (premessa 10). Fl-interess tal-prevedibbiltà, l-effiċjenza u l-konsistenza, għandha tiġi stabbilita proċedura dettaljata sabiex jiġi evalwat jekk sustanza attiva tistax tiġi approvata (premessa 12). Minbarra s-sustanzi attivi, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jista’ jkun fihom ukoll aġenti protettivi jew sinerġisti kif ukoll ko-formulanti (premessi 21 u 22).

74      Il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanzi attivi jistgħu jkunu fformulati b’ħafna modi u użati fuq diversi pjanti u prodotti tal-pjanti, f’kundizzjonijiet agrikoli, tas-saħħa tal-pjanti u ambjentali (inkluż dawk klimatiċi) differenti. Għaldaqstant, l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandhom għalhekk jingħataw mill-Istati Membri (premessa 23). Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għandhom jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni. Meta jingħataw awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent, b’mod partikolari, għandu jipprevali fuq l-għan li titjieb il-produzzjoni tal-pjanti. Konsegwentement, għandu jintwera, qabel ma l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jitqiegħdu fis-suq, li dawn joffru benefiċċju ċar għall-produzzjoni tal-pjanti u li ma għandhomx effett ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali, b’mod partikolari dik tal-gruppi vulnerabbli, jew xi effetti inaċċettabbli fuq l-ambjent (premessa 24).

75      Is-sustanzi attivi li jinsabu fi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jistgħu jiġu prodotti permezz ta’ proċessi ta’ manifattura differenti, li jwasslu għal differenzi fl-ispeċifikazzjonijiet. Dawk id-differenzi jista’ jkollhom implikazzjonijiet għas-sigurtà. Għal raġunijiet ta’ effiċjenza, għandha tiġi stabbilita proċedura armonizzata sabiex jiġu vvalutati dawn id-differenzi.

76      Fl-aħħar nett, huwa indikat fil-premessa 29 tar-Regolament Nru 1107/2009 li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku huwa wieħed mill-mezzi li bih jiġi żgurat il-moviment liberu tal-merkanzija fi ħdan l-Unjoni. Sabiex tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni tax-xogħol, sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-industrija u għall-Istati Membri u sabiex tiġi prevista disponibbiltà iktar armonizzata tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, l-awtorizzazzjonijiet mogħtija minn Stat Membru wieħed għandhom ikunu aċċettati mill-Istati Membri l-oħra fejn il-kundizzjonijiet agrikoli, tas-saħħa tal-pjanti u ambjentali (inkluż dawk klimatiċi) ikunu komparabbli. L-Unjoni għandha, għaldaqstant, tiġi maqsuma f’żoni li għandhom tali kundizzjonijiet komparabbli, sabiex ikun iffaċilitat tali rikonoxximent reċiproku. Madankollu, iċ-ċirkostanzi ambjentali jew agrikoli speċifiċi għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew iżjed jistgħu jirrekjedu li, mal-applikazzjoni, l-Istati Membri jirrikonoxxu jew jemendaw awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru ieħor, jew jirrifjutaw li jawtorizzaw il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fit-territorju tagħhom, fejn dan ikun ġustifikat minħabba ċirkostanzi ambjentali jew agrikoli speċifiċi jew fejn ma jkunx jista’ jiġi żgurat il-livell għoli ta’ protezzjoni kemm tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent previst mill-imsemmi regolament.

77      Għall-finijiet ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fl-Unjoni, ir-Regolament Nru 1107/2009 ppreveda sistema li permezz tagħha il-proċeduri ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva (l-Artikoli 7 sa 13 tar-Regolament Nru 1107/2009), bħall-glyphosate, huma separati mill-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni tal-prodott ifformulat għall-protezzjoni tal-pjanti, jiġifieri l-prodott finali li jinkludi s-sustanza attiva u elementi oħra, li mbagħad jiġi applikat mill-operaturi (l-Artikoli 33 sa 39 tar-Regolament Nru 1107/2009).

78      Il-proċedura għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi għandha ssir fil-livell tal-Unjoni u tiġi konkluża bl-adozzjoni ta’ att tal-Kummissjoni li tipprevedi jew le s-sustanza. Huwa paċifiku bejn il-partijiet li, għall-finijiet tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva, l-evalwazzjoni hija bbażata fuq “wieħed jew iktar mill-użi rappreżentattivi ta’ mill-inqas prodott wieħed għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fih dik is-sustanza attiva” (l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1107/2009), li tikkonsisti essenzjalment minn użu speċifiku wieħed jew iktar propost tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fuq wieħed jew iktar pjanti partikolari, u għandha tinkludi l-kundizzjonijiet tal-użu rilevanti proposti għal dan l-użu rappreżentattiv.

79      Peress li prodott għall-protezzjoni tal-pjanti ma jistax jitqiegħed fis-suq jew jintuża ħlief jekk ikun ġie awtorizzat fl-Istat Membru kkonċernat skont ir-Regolament Nru 1107/2009 (Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1107/2009), skont il-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni previsti b’mod partikolari fl-Artikolu 29 tiegħu, kwalunkwe applikant li jixtieq iqiegħed fis-suq prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jippreżenta applikazzjoni għal awtorizzazzjoni jew għal emenda ta’ awtorizzazzjoni huwa stess jew permezz ta’ rappreżentant f’kull Stat Membru li fih il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti huwa intiż li jitqiegħed fis-suq (Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1107/2009).

80      Fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, l-Istat Membru li jkun qiegħed jeżamina l-applikazzjoni jwettaq evalwazzjoni indipendenti, oġġettiva u trasparenti fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku attwali bl-użu tad-dokumenti ta’ gwida disponibbli fil-mument tal-applikazzjoni. Huwa jagħti lill-Istati Membri kollha tal-istess żona l-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, li jiġu eżaminati waqt l-evalwazzjoni. Huwa japplika l-prinċipji uniformi għall-evalwazzjoni u għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament Nru 1107/2009, sabiex jistabbilixxi, sa fejn dan ikun possibbli, jekk il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jissodisfax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 29 fl-istess żona, meta jintuża skont l-Artikolu 55, u f’kundizzjonijiet realistiċi ta’ użu. L-Istat Membru li jkun qed jeżamina l-applikazzjoni għandu jqiegħed l-evalwazzjoni tiegħu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri l-oħra taż-żona (Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1107/2009).

81      Fl-aħħar nett, meta jkun neċessarju li jiġi stabbilit jekk l-oriġini differenti ta’ sustanza attiva, aġent protettiv jew sinerġist jew, fil-każ tal-istess oriġini, modifika tal-proċess ta’ manifattura jew tal-post tal-manifattura tiegħu, jikkonformax mal-Artikolu 29(1)(b) tar-Regolament Nru 1107/2009, titwettaq evalwazzjoni mill-Istat Membru li aġixxa bħala relatur, indikat fl-Artikolu 7(1) ta’ dan l-istess regolament, għas-sustanza attiva, għall-aġent protettiv jew għas-sinerġist, sakemm l-Istat Membru li jkun qiegħed jeżamina l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 35 tal-imsemmi regolament ma jiddeċidix jevalwa l-ekwivalenza. L-applikant għandu jippreżenta d-data kollha neċessarja lill-Istat Membru li jkun qiegħed jevalwa l-ekwivalenza (Artikolu 38 tar-Regolament Nru 1107/2009).

82      Mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 73 sa 81 iktar ’il fuq jirriżulta li sustanza attiva bħalma hija l-glyphosate għandha tiġi approvata fil-livell tal-Unjoni qabel ma tidħol fil-kompożizzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li, min-naħa tagħhom, għandhom neċessarjament ikunu suġġetti għall-awtorizzazzjoni ta’ Stat Membru sabiex jiġi żgurat li l-kompożizzjoni tal-imsemmija prodotti tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni previsti fl-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1107/2009. Barra minn hekk, kif enfasizzat, essenzjalment, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-evalwazzjoni u l-approvazzjoni tas-sustanza attiva “glyphosate” fil-livell tal-Unjoni ma għandha tippreżenta, bħala prinċipju, ebda rabta mal-użu konkret sussegwenti li jsir minn din is-sustanza. Fil-fatt, l-approvazzjoni tas-sustanza attiva “glyphosate” ma tinkludi bl-ebda mod l-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ din is-sustanza, b’mod iżolat. Din is-sustanza tintuża biss meta tidħol fil-kompożizzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzat sabiex jitqiegħed fis-suq minn Stat Membru. Għaldaqstant, għalkemm huwa minnu li sustanza attiva bħall-glyphosate hija neċessarjament irrilaxxata fl-ambjent f’mument taċ-ċiklu tal-ħajja tagħha, dan huwa l-każ biss permezz ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti suġġett għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni.

83      Mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 73 sa 81 iktar ’il fuq jirriżulta wkoll li s-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 1107/2009 għandha bħala konsegwenza li l-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li għalih tkun saret applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni fi Stat Membru jista’ jkun differenti, taħt diversi aspetti, mill-prodott ippreżentat u evalwat fil-livell tal-Unjoni għall-finijiet tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva. Fil-fatt, kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni, minn naħa, l-użu u l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li għalihom tirreferi l-awtorizzazzjoni fi Stat Membru jistgħu jkunu differenti ħafna minn dawk li kienu s-suġġett tal-evalwazzjoni teoretika fil-livell tal-Unjoni.

84      Min-naħa l-oħra, is-sustanza attiva u l-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti speċifiku li jinkludiha, li għalihom intalbet l-awtorizzazzjoni fil-livell nazzjonali, jistgħu, minħabba ċerti aspetti tekniċi, ikunu differenti ħafna mis-sustanza attiva u l-użu rappreżentattiv tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti eżaminat fil-livell tal-Unjoni fl-istadju tal-proċedura ta’ approvazzjoni. Dan huwa minħabba l-fatt li l-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li għalih tkun intalbet awtorizzazzjoni jista’ jiġi mmanifatturat, u fil-fatt huwa ta’ spiss, minn impriża differenti minn dik li tkun talbet l-approvazzjoni tas-sustanza attiva fil-livell tal-Unjoni.

85      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, anki meta s-sustanza attiva u l-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti speċifiku jkunu mmanifatturati mill-istess impriża bħal dik li ressqet l-applikazzjoni għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva, il-metodu ta’ manifattura tal-imsemmija sustanza u, għaldaqstant, l-impuritajiet preżenti fil-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li għalih tintalab l-awtorizzazzjoni u li mbagħad jiġi rrilaxxat fl-ambjent jistgħu jvarjaw minn dawk analizzati fil-livell tal-Unjoni. Fil-fatt, kif imsemmi b’mod partikolari fil-premessi 23 u 27 tar-Regolament Nru 1107/2009, mhux biss prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jista’ jiġi fformulat b’diversi modi u jintuża fuq diversi pjanti u prodotti tal-pjanti, f’kundizzjonijiet agrikoli, tas-saħħa tal-pjanti u ambjentali (inkluż klimatiċi) differenti (ara l-punt 74 iktar ’il fuq), iżda, barra minn hekk, sustanza attiva li tinsab fi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti tista’ tiġi mmanifatturata permezz ta’ diversi proċessi ta’ manifattura, li jwasslu għal differenzi fl-ispeċifikazzjonijiet (ara l-punt 75 iktar ’il fuq).

86      Hija b’mod partikolari r-raġuni għaliex, skont l-Artikolu 29(1)(b), tar-Regolament Nru 1107/2009, l-Istat Membru huwa obbligat, matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, li jeżamina jekk is-sustanza attiva għandhiex sors differenti jew l-istess sors, iżda b’bidla fil-proċess ta’ manifattura tiegħu jew tal-post tal-manifattura tiegħu. Jekk dan huwa l-każ, dan l-Istat Membru għandu jeżamina jekk l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva eżistenti fil-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li għalih tintalab l-awtorizzazzjoni (Artikolu 38 tar-Regolament Nru 1107/2009) hijiex ekwivalenti għal dik evalwata fil-livell tal-UE u kkunsidrata li tissodisfa l-kriterji għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1107/2009.

87      Għandu jingħad ukoll, barra minn hekk, li l-Artikolu 29(3) tar-Regolament Nru 1107/2009 jipprevedi li l-osservanza tar-rekwiżit ta’ ekwivalenza previst fl-Artikolu 29(1)(b) tar-Regolament Nru 1107/2009 “għandha tiġi stabbilita [żgurata] permezz ta’ testijiet u analiżi uffiċjali jew rikonoxxuti uffiċjalment, imwettqa f’kondizzjonijiet agrikoli, tas-saħħa tal-pjanti u ambjentali rilevanti għall-użu tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti kkonċernat u li jirrappreżentaw il-kondizzjonijiet prevalenti fiż-żona fejn il-prodott mistenni jintuża”.

88      F’dawn iċ-ċirkustanzi, bħalma sostnew il-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għandu jiġi kkunsidrat li huwa biss fl-istadju tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni nazzjonali ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott speċifiku għall-protezzjoni tal-pjanti li l-Istat Membru għandu jevalwa kwalunkwe emissjonijiet fl-ambjent u li toħroġ informazzjoni konkreta dwar in-natura, il-kompożizzjoni, il-kwantità, id-data u l-post tal-emissjonijiet effettivi jew prevedibbli, f’tali ċirkustanzi, tas-sustanza attiva u tal-prodott speċifiku għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludiha, fis-sens tal-punt 79 tas-sentenza mogħtija fl-appell (ara l-punt 56 iktar ’il fuq).

89      F’dan il-każ, dan ifisser li l-abbozz tar-rapport, imħejji fil-kuntest tal-proċedura ta’ approvazzjoni fil-livell tal-Unjoni, jirrigwarda użu wieħed jew diversi użi rappreżentattivi ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-glyphosate, proposti mill-applikanti għall-approvazzjoni ta’ din is-sustanza, u l-kompożizzjoni speċifika tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li tirriżulta mill-proċess ta’ manifattura ta’ dawn l-applikanti, fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal approvazzjoni.

90      Peress li l-użu, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni u l-kompożizzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzat minn Stat Membru fit-territorju tiegħu jistgħu jkunu differenti ħafna minn dawk tal-prodotti evalwati fil-livell tal-Unjoni, fl-istadju tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva, għandu jiġi kkunsidrat li l-informazzjoni li tinsab fid-dokument kontenzjuż ma tikkonċernax emissjonijiet li r-rilaxx tagħhom fl-ambjent huwa prevedibbli u li għandhom biss rabta ma’ emissjonijiet fl-ambjent. Għaldaqstant, tali informazzjoni hija eskluża mill-kunċett ta’ “informazzjoni li tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent”, skont il-punt 78 tas-sentenza mogħtija fl-appell.

91      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni billi qieset li d-dokument kontenzjuż ma kienx fih informazzjoni li tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent u, għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

92      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata permezz tal-argument irrepetut mir-rikorrenti waqt is-seduta, li, essenzjalment, fl-istadju tal-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, peress li l-Istati Membri ma jevalwawx mill-ġdid is-sustanza attiva approvata fil-livell tal-Unjoni, huwa indispensabbli li jinkiseb l-aċċess għad-dokument kontenzjuż. Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat, bħall-Kummissjoni, Cefic u l-ECPA li, matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, huwa l-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fl-intier tiegħu, bil-komponenti kollha tiegħu, li jiġi analizzat. Issa, huwa biss jekk it-testijiet u l-analiżijiet kollha li jippermettu li jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni previsti fl-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1107/2009 huma ssodisfatti, u li għalhekk jista’ jiġi kkunsidrat li l-imsemmi prodott ma għandux effett ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew effett inaċċettabbli fuq l-ambjent, li dan il-prodott jiġi awtorizzat.

93      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti ma huwiex ta’ natura li jqiegħed inkwistjoni l-fatt li, essenzjalment, peress li s-sustanza attiva “glyphosate” ma hijiex intiża bħala tali li tiġi rrilaxxata fl-ambjent, iżda li hija tista’ tiġi rrilaxxata biss wara li tkun integrata fi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti suġġett għal awtorizzazzjoni, l-informazzjoni inkluża fid-dokument kontenzjuż ma tistax taqa’ taħt il-kunċett ta’ “informazzjoni li tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent” kif iddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza mogħtija fl-appell.

94      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus

95      Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess kellha tiġi interpretata b’mod restrittiv, konformement mal-Artikolu 4(4)(d) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Barra minn hekk, huma jallegaw li l-interessi kummerċjali setgħu jipprevalixxu biss jekk dawn kienu jikkostitwixxu interessi protetti bil-liġi sabiex jiddefendu interess ekonomiku leġittimu. Barra minn hekk, tali interessi kien ikollhom portata limitata, peress li l-Artikolu 13 tad-Direttiva 91/414 kien jipprevedi li applikanti oħra għar-reġistrazzjoni tas-sustanza attiva jistgħu, fit-tmiem perijodu ta’ għaxar snin, jużaw il-fajl ippreżentat għar-reġistrazzjoni. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda element konkret sabiex tissostanzja l-konklużjoni li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali kellhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ aċċess. Skont ir-rikorrenti, l-ibbilanċjar korrett ibbażat fuq l-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, jew ibbażat fuq interpretazzjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Aarhus tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 kellu jwassal għall-iżvelar tal-informazzjoni mitluba.

96      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

97      Qabelxejn, għandu jitfakkar li, peress li l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 jidderogaw mill-prinċipju tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti, huma għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2001, L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, C-506/08 P, EU:C:2011:496, punt 75). Għandu jintwera li l-aċċess inkwistjoni jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett mill-eċċezzjoni u li r-riskju ta’ preġudizzju għal dan l-interess huwa raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku. Dan l-eżami għandu jirriżulta mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni, T-2/03, EU:T:2005:125, punt 69, u tat-22 ta’ Mejju 2012, Sviluppo Globale vs Il-Kummissjoni, T-6/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:245, punt 64).

98      Għandu jiġi osservat ukoll li s-sistema tal-eċċezzjonijiet prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, u b’mod partikolari fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, hija bbażata fuq l-ibbilanċjar tal-interessi opposti f’sitwazzjoni partikolari, jiġifieri, minn naħa, l-interessi li huma protetti mill-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati u, min-naħa l-oħra, dawk li huma mhedda minn dan l-iżvelar. Id-deċiżjoni meħuda dwar it-talba għal aċċess għal dokumenti tiddependi mill-kwistjoni dwar liema huwa l-interess li għandu jipprevalixxi fil-każ inkwistjoni (sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C‑514/11 P u C-605/11 P, EU:C:2013:738, punt 42, u tat-23 ta’ Settembru 2015, ClientEarth u International Chemical Secretariat vs ECHA, T-245/11, EU:T:2015:675, punt 168).

99      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut għall-aċċess għal dokument, bħala regola, ma huwiex biżżejjed li dan id-dokument ikun jirrigwarda attività jew interess imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, iżda l-istituzzjoni kkonċernata għandha wkoll tispjega kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett minn eċċezzjoni prevista f’dan l-artikolu (sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C-404/10 P, EU:C:2012:393, punt 116; tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, C-477/10 P, EU:C:2012:394, punt 57, u tas-27 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 64).

100    Fir-rigward tal-kunċett tal-interessi kummerċjali, mill-ġurisprudenza jirriżulta li kull informazzjoni dwar kumpannija u r-relazzjonijiet tan-negozju tagħha ma tistax titqies bħala li taqa’ taħt il-protezzjoni li għandha tiġi żgurata għall-interessi kummerċjali skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ħlief biex iżżomm taħt kontroll l-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali li jikkonsisti fl-għoti tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli, lill-pubbliku, għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet (sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2011, CDC Hydrogene Peroxide vs Il-Kummissjoni, T-437/08, EU:T:2011:752, punt 44, u tad-9 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, T-516/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:759, punt 81).

101    Għalhekk, sabiex tiġi applikata l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, huwa neċessarju li jintwera li d-dokumenti kontenzjużi jinkludu elementi li jistgħu, minħabba l-iżvelar tagħhom, jippreġudikaw l-interessi kummerċjali ta’ persuna ġuridika. Dan huwa l-każ meta, b’mod partikolari, id-dokumenti mitluba fihom informazzjoni kummerċjali sensittiva relatata, b’mod partikolari, mal-istrateġiji kummerċjali tal-impriżi kkonċernati u mar-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom jew meta dawn ikun fihom data tal-impriża stess li turi l-esperjenza professjonali tagħha (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, T-516/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:759, punti 82 sa 84).

102    Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li dan il-każ jirrigwarda deċiżjoni ta’ rifjut tal-Kummissjoni li ma hijiex f’kontradizzjoni mal-motivi ta’ oppożizzjoni invokati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, iżda li hija bbażata fuq dawn il-motivi u li għaldaqstant kellha bħala konsegwenza li d-dokument kontenzjuż ma ġiex ikkomunikat.

103    Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni ta’ rifjut, mill-punt 94 tas-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni (C‑64/05 P, EU:C:2007:802), jirriżulta li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti tal-Unjoni li tistħarreġ, fuq talba tal-applikant li lilu l-istituzzjoni li saritilha t-talba tkun irrifjutatlu l-aċċess, jekk dan ir-rifjut seta’ validament ikun ibbażat fuq l-eċċezzjonijiet indikati fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, u dan indipendentement minn jekk dan ir-rifjut jirriżultax mill-evalwazzjoni tagħhom mill-istituzzjoni stess jew mill-Istat Membru kkonċernat. Minn dan isegwi li, minħabba l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni ma huwiex limitat għal stħarriġ prima facie. L-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tipprekludihiex milli twettaq stħarriġ sħiħ tad-deċiżjoni ta’ rifjut tal-Kummissjoni li għandha tosserva, b’mod partikolari, l-obbligu ta’ motivazzjoni u li tistrieħ fuq l-evalwazzjoni materjali, mill-Istat Membru kkonċernat, tal-applikabbiltà tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

104    Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li għandu jiġi analizzat l-argument tar-rikorrenti, li, essenzjalment, jikkonsisti f’talba lill-Qorti Ġenerali, minn naħa, sabiex tapplika l-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jew sabiex tinterpreta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni skont din id-dispożizzjoni, li abbażi tagħha r-raġunijiet għal rifjut għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv u, min-naħa l-oħra, sabiex tikkonstata li, fl-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni, il-Kummissjoni tat piż kbir wisq għall-interessi kummerċjali, mingħajr ma wriet b’mod konkret u preċiż ir-riskju ta’ ħsara ta’ dawn l-interessi.

105    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argumenti dwar l-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, għandu jitfakkar qabel kollox li, il-qorti tal-Unjoni qieset li l-obbligu li jiġu interpretati b’mod restrittiv il-motivi għar-rifjut ta’ aċċess ma jistax jinftiehem bħala li jimplika obbligu preċiż (sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il-Kummissjoni, C-612/13 P, EU:C:2015:486, punt 42, u tat-13 ta’ Settembru 2013, ClientEarth vs Il-Kummissjoni, T-111/11, EU:T:2013:482, punti 92 u 94). Huwa għal din ir-raġuni li, fid-dritt tal-Unjoni, din id-dispożizzjoni ma tistax tipproduċi effetti diretti fir-rigward tal-individwi (sentenza tat-23 ta’ Jannar 2017, Justice & Environment vs Il-Kummissjoni, T-727/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:18, punt 75).

106    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, skont ġurisprudenza stabbilita, is-supremazija tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni dwar it-testi tad-dritt sekondarju tal-Unjoni teżiġi li dawn tal-aħħar jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, b’konformità ma’ dawn il-ftehimiet (ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Řízení Letového Provozu, C-335/05, EU:C:2007:321, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minbarra dan, huwa paċifiku li l-Unjoni hija marbuta bil-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-assenza ta’ effett dirett ta’ dispożizzjoni ta’ ftehim internazzjonali ma jostakolax l-invokazzjoni tiegħu għall-finijiet ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, pereżempju, għalkemm il-ġurisprudenza kkonstatat l-assenza ta’ effett dirett tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2011, (Lesoochranárske zoskupenie, C-240/09, EU:C:2011:125, punt 45, u tat-13 ta’ Jannar 2015, Il-Kunsill et vs Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht, C-401/12 P sa C‑403/12 P, EU:C:2015:4, punti 55 u 61), hija madankollu rrikonoxxiet, minkejja din l-assenza ta’ effett dirett, prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt sekondarju fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie, C-240/09, EU:C:2011:125, punt 51).

107    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jurux li l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandu neċessarjament jiġi interpretat fis-sens mixtieq minnhom sabiex tiġi żgurata l-konformità tiegħu mal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Għandu jitfakkar li l-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni tirrikonoxxi diġà li l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (ara l-punt 97 iktar ’il fuq). Anki jekk jiġi preżunt li l-allegazzjoni mhux issostanzjata tar-rikorrenti għandha tiġi interpretata fis-sens li huma jikkunsidraw li din il-ġurisprudenza għandha tkun saħansitra iktar restrittiva, għandu jiġi kkunsidrat li interpretazzjoni skont l-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma timponix obbligu li jinkiseb ir-riżultat mixtieq minnhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2017, Justice & Environment vs Il-Kummissjoni, T-727/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:18, punt 78). Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

108    Bl-istess mod, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti li, minn naħa, skont l-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, l-interessi kummerċjali setgħu jipprevalu biss jekk kienu jikkostitwixxu interessi protetti bil-liġi għad-difiża ta’ interess ekonomiku leġittimu u, min-naħa l-oħra, tali interessi kellhom portata limitata skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 91/414 (ara l-punt 95 iktar ’il fuq). Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jinvokaw ebda element ta’ natura li turi li l-interessi kummerċjali invokati f’dan il-każ ma humiex protetti bil-liġi sabiex jiġi protett interess ekonomiku leġittimu. Fi kwalunkwe każ, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-interess kummerċjali tal-applikanti għall-inklużjoni tal-glyphosate fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, b’mod partikolari d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tagħhom, huma protetti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 14 tad-Direttiva 91/414, li ġie ssostitwit bl-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 1107/2009, mill-14 ta’ Ġunju 2011, kif jirriżulta mill-Artikolu 84 ta’ dan l-istess regolament. Fir-rigward tal-argument dwar l-Artikolu 13 tad-Direttiva 91/414, li ġie ssostitwit bl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1107/2009, għandu jiġi kkonstatat, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li din id-dispożizzjoni tirrigwarda t-testijiet u l-istudji dwar is-sustanza attiva u mhux dokumenti bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-metodu ta’ manifattura ta’ tali sustanza. Fil-fatt, tali informazzjoni jaqgħu fl-ambitu tat-trattament kunfidenzjali stabbilit permezz tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 91/414, issostitwit mill-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 1107/2009.

109    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni, kif hija ssostni ġustament, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, infurmat lir-rikorrenti dwar l-eċċezzjoni li fuqha l-awtoritajiet Ġermaniżi bbażaw ruħhom sabiex jirrifjutaw l-aċċess għad-dokument kontenzjuż, jiġifieri l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, bl-indikazzjoni fid-dettall tal-informazzjoni li, skont l-imsemmija awtoritajiet, kienet relatata mad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Għalhekk, ġiet indikata l-kompożizzjoni kimika ddettaljata tas-sustanza attiva, informazzjoni ddettaljata dwar il-proċess ta’ produzzjoni tagħha, informazzjoni dwar l-analiżi kimika tas-sustanza u tal-impuritajiet kollha tagħha, tal-kompożizzjoni tal-prodotti lesti u r-relazzjonijiet kuntrattwali bejn id-diversi impriżi li nnotifikaw is-sustanza.

110    Fuq il-bażi tal-eċċezzjoni invokata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Kummissjoni rrifjutat li tiżvela d-dokument kontenzjuż.

111    Madankollu, il-Kummissjoni wettqet ibbilanċjar tal-interessi kummerċjali mal-interess pubbliku għall-iżvelar tad-dokument kontenzjuż, billi eżaminat speċifikament ir-riskju ta’ preġudizzju għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-applikanti għall-inklużjoni. Hija rrilevat li d-dokument kontenzjuż kien jikkonċerna l-proċess ta’ produzzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom s-sustanza attiva u l-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali kienet tipprevali fuq l-interess pubbliku għall-iżvelar tal-imsemmi dokument. Hija insistiet dwar ir-riskji għall-applikanti għall-inklużjoni li jaraw id-dettalji dwar il-metodi ta’ produzzjoni tagħhom u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-glyphosate kkupjati mill-kompetituri tagħhom. Skont il-Kummissjoni, tali fatt iwassal għal telfiet sostanzjali ta’ ishma mis-suq għall-impriżi inkwistjoni u jipprekludi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħhom.

112    Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat li l-interess pubbliku għall-iżvelar kien ittieħed inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti, peress li l-partijiet l-oħra tal-abbozz tar-rapport, żvelati kompletament, ippermettew li jkunu magħrufa l-effetti possibbli tar-rilaxx tal-glyphosate fl-ambjent. Hija elenkat sussegwentement id-diversi elementi rilevanti li kienu ġew żvelati. Hija indikat ukoll li l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar l-impuritajiet mhux rilevanti, inklużi fid-dokument kontenzjuż, kien jippermetti li jiġi kkostitwit mill-ġdid il-proċess ta’ manifattura ta’ kull prodott, filwaqt li fakkret ir-riskji għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-applikanti għall-inklużjoni tal-glyphosate.

113    Il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-proċedura li biha s-sustanza attiva kienet ġiet evalwata u inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, b’mod partikolari l-evalwazzjonijiet xjentifiċi li għalihom kienu ġew suġġetti l-fajls għall-inklużjoni. Hija kkunsidrat li l-informazzjoni dwar l-effetti tal-glyphosate, disponibbli għall-pubbliku, sussegwentement għall-proċedura ta’ inklużjoni tas-sustanza u tat-talba għal aċċess għal dokumenti fformulata mir-rikorrenti, kienet tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1367/2006.

114    Il-Kummissjoni kkonkludiet l-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni billi kkunsidrat li, fid-dawl tar-riskji tal-iżvelar ta’ informazzjoni dwar il-proċess konkret ta’ manifattura u dwar id-drittijiet tal-impriżi, il-protezzjoni tal-interessi ta’ dawn tal-aħħar għandha tipprevali.

115    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni bbilanċjat l-interessi inkwistjoni b’mod korrett, peress li hija esponiet b’mod preċiż u konkret kif l-interessi kummerċjali tal-produtturi tal-glyphosate jew ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkluduh kienu mhedda bl-iżvelar tad-dokument kontenzjuż.

116    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-tielet motiv kif ukoll ir-rikors fl-intier tiegħu għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

117    Fis-sentenza inizjali, il-Kummissjoni kienet ġiet ikkundannata tbati l-ispejjeż. Fis-sentenza mogħtija fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja rriżervat l-ispejjeż. Għaldaqstant hija l-Qorti Ġenerali li, f’din il-kawża, għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż kollha relatati mad-diversi proċeduri, skont l-Artikolu 219 tar-Regoli tal-Proċedura.

118    [Kif irrettifikat permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Ġunju 2019] Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni, CropLife America, ta’ NAM, ta’ ACC, ta’ CLI, ta’ Cefic, tal-ECPAu tal-ECCA.

119    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għandu jiġi deċiż li r-Renju tal-Isvezja kif ukoll ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Stichting Greenpeace Nederland u Pesticide Action Network Europe (PAN Europe) huma kkundannati għall-ispejjeż.

3)      Ir-Renju tal-Isvezja u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Kanninen

Schwarcz

Iliopoulos

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Novembru 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.