Language of document : ECLI:EU:T:2024:291

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

8 ta’ Mejju 2024 (*)

“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta żarbun – Disinni Komunitarji preċedenti – Raġunijiet għal invalidità – Karattru individwali – Artikolu 25(1)(b) u Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002”

Fil-Kawża T‑757/22,

Puma SE, stabbilita fi Herzogenaurach (Il‑Ġermanja), irrappreżentata minn M. Schunke u P. Trieb, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn J. Ivanauskas, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO kienet

Road Star Group, stabbilita fi Nupaky (Ir-Repubblika Ċeka),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn F. Schalin (Relatur), President, P. Škvařilová-Pelzl, I. Nõmm, G. Steinfatt u D. Kukovec, Imħallfin,

Reġistratur: A. Juhász-Tóth, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑18 ta’ Ottubru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Puma SE, titlob l-annullament tad-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tal‑21 ta’ Settembru 2022 (Każ R 1900/2021-3) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Fit‑13 ta’ April 2021, ir-rikorrenti ppreżentat quddiem l-EUIPO talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn Komunitarju rreġistrat wara talba mressqa minn Road Star Group fit‑23 ta’ Awwissu 2017 u li jkun rrappreżentat fl-immaġini li ġejjin:

Image not found

Image not found

Image not found

3        Il-prodott li fih id-disinn ikkontestat huwa intiż li jiġi inkorporat kien jaqa’ fil-klassi 02.04 fis-sens tal-Ftehim ta’ Locarno tat‑8 ta’ Ottubru 1968 li jistabbilixxi klassifikazzjoni internazzjonali għad-disinni industrijali, kif emendat, u kien jikkorrispondi, għad-deskrizzjoni li ġejja: “Xedd is-saqajn”.

4        Il-motiv invokat insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kien dak imsemmi fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142), moqri flimkien mal-Artikoli 6(1) tal-istess regolament.

5        It-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ibbażata fuq l-assenza ta’ karattru individwali tad-disinn ikkontestat, fid-dawl, b’mod partikolari, tad-disinni preċedenti u tal-prodotti rrappreżentati li ġejjin:

–        id-disinn preċedenti Nru 1286116–0005 (iktar ’il quddiem id-“D 1”):

Image not found

–        id-disinn preċedenti Nru 1286116–0006 (iktar ’il quddiem id-“D 2”):

Image not found

–        id-disinn preċedenti Nru 1286116–0003 (iktar ’il quddiem id-“D 3”):

Image not found

–        id-disinn preċedenti Nru 1286116–0002 (iktar ’il quddiem id-“D 4”):

Image not found

–        id-disinn preċedenti Nru 1286116–0001 (iktar ’il quddiem id-“D 5”):

Image not found

–        il-prodott “NRGY v2” tat-trade mark PUMA li jidher fil-katalgu “Run/Train/Fit A/W 2016” (iktar ’il quddiem id-“D 6”):

Image not found

–        il-prodott “Mega NRGY Knit” ippreżentat fuq l-internet f’sit ta’ xiri u ta’ bejgħ online (iktar ’il quddiem id-“D 7”):

Image not found

6        Fl‑24 ta’ Settembru 2021, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat minħabba li dan tal-aħħar kellu karattru individwali.

7        Fit‑12 ta’ Novembru 2021, ir-rikorrenti appellat quddiem l-EUIPO mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

8        Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ċaħad l-appell. L-ewwel nett, il-Bord tal-Appell qies, essenzjalment, li d-disinni preċedenti D 1 sa D 7 kienu ġew żvelati lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002. It-tieni nett, fir-rigward tad-definizzjoni tal-utent avżat fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, huwa qies li dan kien persuna li tixtri abitwalment żraben u li turi livell ta’ attenzjoni relattivament għoli. It-tielet nett, fir-rigward tal-libertà ta’ kreazzjoni, huwa rrileva li d-disinjatur kellu grad għoli ta’ libertà f’dak li jirrigwarda l-ħolqien ta’ żraben u, b’mod iktar partikolari, f’dak li kien jirrigwarda l-istruttura, il-forma, il-materjal, il-kulur, id-disinni u l-elementi dekorattivi. Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-impressjoni globali, huwa qies li d-disinn ikkontestat u d-disinni preċedenti D 1 sa D 7 kienu jagħtu impressjoni globali differenti lill-utent avżat. Il-Bord tal-Appell għalhekk ikkonkluda li ma kienx hemm lok li d-disinn ikkontestat jiġi ddikjarat invalidu skont l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) tal-istess regolament.

 It-talbiet tal-partijiet

9        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tiddikjara l-invalidità tad-disinn ikkontestat;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż, inkluż l-ispejjeż tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell.

10      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż fil-każ li tinżamm seduta.

 Id-dritt

 Fuq id-determinazzjoni tal-att ikkontestat

11      L-EUIPO jsostni li r-rikors huwa manifestament infondat sa fejn, fir-rikors, permezz tal-ewwel kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti talbet l-annullament, minn naħa, ta’ deċiżjoni tal-Bord tal-Appell differenti minn dik effettivament eżaminata f’dan il-każ u, min-naħa l-oħra, ta’ disinn ieħor għajr dak li fir-rigward tiegħu hija kienet talbet l-annullament quddiem il-Bord tal-Appell.

12      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti rrikonoxxiet li l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikors kien fih żball. Madankollu, fil-fehma tagħha, mill-kontenut tar-rikors jirriżulta b’mod evidenti li r-rikors u l-annullament li qiegħed jintalab jirrigwardaw id-deċiżjoni kkontestata u d-disinn ikkontestat.

13      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamlet ir-rikorrenti, li mir-rikors jirriżulta li l-iżball ikkonstatat mill-EUIPO jikkostitwixxi żball tal-pinna u li r-rikors huwa tassew dirett kontra d-deċiżjoni kkontestata u kontra d-disinn Komunitarju kkontestat, kif jirriżulta speċifikament mill-punti introduttivi tar-rikors, b’mod partikolari mill-punt 17 tiegħu, u, b’mod iktar ġenerali, mill-argumenti kollha mressqa mir-rikorrenti, li jippermettu, mingħajr ambigwità, li jiġu identifikati. Konsegwentement, hemm lok li tiġi miċħuda t-talba tal-EUIPO intiża għaċ-ċaħda tar-rikors għal din ir-raġuni.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrenti

14      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel kap tat-talbiet, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tiddikjara d-disinn ikkontestat invalidu.

15      F’dan ir-rigward, għandu jitqies li, permezz ta’ din it-talba, ir-rikorrenti fformulat, skont l-Artikolu 61(3) tar-Regolament Nru 6/2002, talba għal bidla intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tadotta d-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell jidher li kellu jieħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2018, Şölen Çikolata Gıda Sanayi ve Ticaret vs EUIPO – Zaharieva (Imballaġġ għall-kornets tal-ġelat), T‑794/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:70, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq il-mertu

16      Ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) tal-istess regolament, sa fejn, essenzjalment, il-Bord tal-Appell ma osservax il-portata tal-protezzjoni tad-disinni preċedenti u jidher li kkonkluda, b’mod żbaljat, li d-disinn ikkontestat għandu karattru individwali.

17      Bis-saħħa tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, disinn Komunitarju jista’ jiġi ddikjarat invalidu jekk ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9 tal-imsemmi regolament, fosthom, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet dwar in-novità u l-karattru individwali.

18      Skont l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, disinn Komunitarju rreġistrat għandu jitqies li jkollu karattru individwali jekk l-impressjoni ġenerali li jħalli fuq utent informat tkun differenti mill-impressjoni ġenerali li titħalla fuq dan l-utent minn kull disinn li jkun ġie żvelat lill-pubbliku qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

19      L-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn Komunitarju ssir, essenzjalment, minn eżami f’erba’ stadji. Dan l-eżami jikkonsisti f’li jiġi ddeterminat, l-ewwel nett, is-settur tal-prodotti li fihom id-disinn huwa maħsub li jiġi inkorporat jew li għalihom huwa maħsub li jiġi inkorporat jew applikat, it-tieni, l-utent avżat tal-imsemmija prodotti skont l-għan tagħhom u, b’riferiment għal dan l-utent avżat, il-grad ta’ għarfien tal-arti preċedenti kif ukoll il-livell ta’ attenzjoni għax-xebh u għad-differenzi fit-tqabbil tad-disinni, it-tielet, il-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn, li l-influwenza tiegħu fuq il-karattru individwali hija sproporzjonata, u r-raba’, filwaqt li wieħed jieħu inkunsiderazzjoni dan kollu, ir-riżultat tal-paragun, dirett jew possibbli, tal-impressjonijiet globali prodotti fuq l-utent avżat mid-disinn ikkontestat u minn kull disinn preċedenti żvelat lill-pubbliku, meħud individwalment (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Visi/one vs EUIPO – EasyFix (Tabelli li jiddendlu għall-vetturi), T‑74/18, EU:T:2019:417, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell setax jikkunsidra, ġustament, li d-disinn ikkontestat kellu karattru individwali.

 Fuq l-iżvelar tad-disinni preċedenti, l-utent informat u l-grad ta’ libertà tad-disinjatur

21      Qabelxejn, fir-rigward tal-iżvelar tad-disinni preċedenti, il-Bord tal-Appell qies, essenzjalment, fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata, li, minn naħa, mill-impressjonijiet tad-database tal-EUIPO “eSearch” kien jirriżulta, fir-rigward tad-disinni preċedenti D 1 sa D 5, u, min-naħa l-oħra, mill-estratti tal-katalogi u ta’ pjattaforma ta’ xiri u ta’ bejgħ online fuq l-internet, fir-rigward tad-disinni preċedenti D 6 u D 7, li dawn kienu ġew żvelati b’mod suffiċjenti sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-validità tad-disinn ikkontestat.

22      Sussegwentement, il-Bord tal-Appell ikkonstata, fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-disinn ikkontestat kien intiż li jiġi applikat għaż-żraben u li, konsegwentement, minħabba l-interess tiegħu għal dawn tal-aħħar, l-utent avżat jidher li juri livell relattivament għoli ta’ attenzjoni meta jużahom.

23      Fl-aħħar nett, fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li l-grad ta’ libertà tad-disinjatur kien għoli sa fejn dan kien limitat biss sa fejn iż-żraben kellhom isegwu l-ergonomija tas-saqajn, ikunu robusti, jippermettu li tinżamm pożizzjoni stabbli u jkunu komdi u siguri għall-utent. Madankollu, id-disinjatur huwa liberu li jagħżel, b’mod partikolari, il-forma, il-materjal, il-kulur, id-disinni u l-elementi dekorattivi.

24      Għandhom jiġu kkonfermati dawn il-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell, li jidhru eżatti fir-rigward tal-elementi li jinsabu fil-proċess tal-kawża u li, barra minn hekk, ma humiex ikkontestati mill-partijiet.

 Fuq l-elementi rilevanti tad-disinni inkwistjoni

25      Ir-rikorrenti ssostni li d-disinni preċedenti D 1 sa D 5 jkunu rreġistrati bl-indikazzjoni “suletti taż-żraben” u li r-rappreżentazzjoni grafika tal-bqija taż-żarbun, li tidher bit-tikek f’dawn id-disinni preċedenti, tkun preżenti biss sabiex tindika lill-osservatur kif is-suletta ser tintrabat mal-bqija taż-żarbun. Konsegwentement, il-paragun tad-disinn ikkontestat mad-disinni preċedenti D 1 sa D 5 jista’ jsir biss abbażi tas-suletti taż-żraben li huma l-element essenzjali tagħhom, għaliex, fin-nuqqas, il-protezzjoni ta’ dawn l-elementi titlef l-effetti tagħha.

26      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

27      F’dan il-każ, ir-rikorrenti tikkontesta l-fatt li, fil-kuntest tal-paragun tal-impressjonijiet globali tad-disinni inkwistjoni, il-virga tad-disinn ikkontestat, minn naħa, u l-elementi bit-tikek preżenti fid-disinni preċedenti D 1 sa D 5, min-naħa l-oħra, kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni. Dawn iż-żewġ ilmenti għandhom jiġu eżaminati suċċessivament sabiex jiġu ddeterminati l-elementi rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-paragun tal-impressjonijiet globali tad-disinni inkwistjoni.

–       Fuq l-elementi rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-disinn ikkontestat

28      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, il-paragun tal-impressjoni globali prodotta minn disinni kunfliġġenti għandu jsir fid-dawl tad-dehra kollha ta’ kull wieħed minn dawn id-disinni (sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Ferrari, C‑123/20, EU:C:2021:889, punt 46).

29      Madankollu, skont l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, il-paragun tal-impressjonijiet globali prodotti mid-disinni kunfliġġenti għandu jieħu bħala bażi l-karatteristiċi żvelati tad-disinn ikkontestat u għandu jirrigwarda biss il-karatteristiċi protetti ta’ dan id-disinn, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni karatteristiċi, b’mod partikolari tekniċi, esklużi mill-protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2021, Eternit vs EUIPO – Eternit Österreich (bord tal-kostruzzjoni), T‑193/20, EU:T:2021:782, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      F’dan ir-rigward, il-fatt li d-disinn preċedenti jidher li jiżvela elementi addizzjonali li ma humiex preżenti fid-disinn ikkontestat ikun irrilevanti għall-paragun tad-disinni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Haverkamp IP vs EUIPO – Sissel (Mudell tal-wiċċ tal-bajja taċ-ċagħaq), T‑228/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:369, punt 38, u tal‑10 ta’ Novembru 2021, bord tal-kostruzzjoni, T‑193/20, EU:T:2021:782, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Għalhekk, sabiex isir il-paragun bejn disinni kunfliġġenti, għandu jiġi ddeterminat liema huma l-elementi effettivament protetti mid-disinn ikkontestat u li għalhekk huma rilevanti f’dan ir-rigward (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Mudell tal-wiċċ tal-bajja taċ-ċagħaq, T‑228/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:369, punt 37).

32      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-disinn ikkontestat ġie rreġistrat bl-indikazzjoni “żraben” u li dan jippreżenta perspettivi differenti ta’ disinn komplet ta’ żarbun, kif jirriżulta mill-punt 2 iktar ’il fuq.

33      Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 28 sa 31 iktar ’il fuq, għall-finijiet tal-paragun bejn id-disinn ikkontestat u d-disinni preċedenti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha effettivament protetti mid-disinn ikkontestat, li jirrappreżenta żarbuna sħiħa komposta kemm minn suletta kif ukoll minn virga ta’ żarbuna.

34      Il-paragun bejn id-disinni inkwistjoni għalhekk ma jistax sempliċement iqabbel biss id-dehra tas-suletta tad-disinn ikkontestat mas-suletta preżenti fid-disinni preċedenti D 1 sa D 5, li hija l-unika parti protetta.

35      Ir-rikorrenti ssostni li tali soluzzjoni għandha l-konsegwenza li tikkontesta l-protezzjoni bħala disinn ta’ parti biss ta’ prodott. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-eżami tar-raġuni għal invalidità msemmija fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, kuntrarjament għal dik imsemmija fl-Artikolu 25(1)(e) tal-istess regolament jew kuntrarjament għal proċedimenti ta’ vjolazzjoni, ma jagħmilx parti minn loġika ta’ protezzjoni ta’ dritt preċedenti. Fil-fatt, ir-raġuni għall-invalidità msemmija fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 tikkonsisti biss f’li jiġi ddeterminat jekk id-disinn ikkontestat jissodisfax il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni previsti fl-Artikoli 4 sa 9 tal-istess regolament.

36      Issa, it-teħid bħala bażi tal-karatteristiċi protetti tad-disinn preċedenti, kif tixtieq ir-rikorrenti, minflok dawk tad-disinn ikkontestat, jidher li jwassal sabiex jeskludi mill-paragun l-elementi tad-disinn ikkontestat li huma protetti. Dan jidher li jkollu l-konsegwenza li ma jivverifikax jekk l-imsemmi disinn jissodisfax, fl-intier tiegħu, il-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni, li għalhekk imur kontra l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 6/2002.

37      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li s-suletta hija l-element essenzjali ta’ żarbun, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, ma huwiex eskluż li, waqt il-paragun ta’ disinni, l-impressjoni globali prodotta minn kull wieħed minnhom tista’ tkun iddominata minn ċerti karatteristiċi tal-prodotti jew tal-partijiet tal-prodotti kkonċernati. Sabiex jiġi ddeterminat jekk karatteristika partikolari tiddomina prodott, jew parti minnu, huwa neċessarju li tiġi evalwata l-influwenza ftit jew wisq ċara li l-karatteristiċi differenti tal-prodott jew tal-parti inkwistjoni jeżerċitaw fuq id-dehra ta’ dan il-prodott jew ta’ din il-parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2013, Merlin et vs UASI – Dusyma (Logħob), T‑231/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:560, punt 36).

38      Issa, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel l-EUIPO, li r-rikorrenti ma indikatx għaliex is-suletta għandha titqies bħala l-element essenzjali ta’ żarbun, li tista’ waħedha tkun il-bażi tal-paragun. Barra minn hekk, jekk jitqies li, minn perspettiva purament teknika, dan huwa l-każ, din il-konstatazzjoni ma hijiex rilevanti fil-kuntest tal-protezzjoni ta’ disinn peress li, kuntrarjament għall-privattivi, hija biss id-dehra li hija protetta.

39      F’dan il-każ, ma hemmx raġuni sabiex jiġi kkunsidrat li, minn perspettiva purament viżiva, is-suletta tikkostitwixxi għall-utent avżat karatteristika li hija predominanti meta mqabbla mal-bqija taż-żarbun. L-iktar l-iktar, is-suletta għandha importanza daqs il-virga fl-impressjoni viżiva ġenerali taż-żarbuna.

40      Għalhekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 iktar ’il fuq, ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li l-impressjoni globali bejn id-disinni inkwistjoni hija ddominata mid-dehra tas-suletti.

–       Fuq l-elementi rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-disinni preċedenti D 1 sa D 5

41      Il-linji gwida tal-EUIPO dwar l-eżami tal-applikazzjonijiet għal disinni Komunitarji rreġistrati, minkejja li ma għandhomx valur vinkolanti, jikkostitwixxu sors ta’ riferiment għall-prattika tal-EUIPO fil-qasam tad-disinn (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2022, Muschaweck vs EUIPO – Conze (UM), T‑293/21, EU:T:2022:345, punt 38). F’dan ir-rigward, il-punt 5.4 tal-imsemmija direttivi, fil-verżjoni tagħhom applikabbli fil‑31 ta’ Marzu 2023, jipprovdi dan li ġej:

“[L]-esklużjonijiet viżivi jindikaw li protezzjoni ma hijiex mitluba u li r-reġistrazzjoni ma ngħatatx għal ċerti elementi tad-disinn muri fir-rappreżentazzjoni. Għaldaqstant, huma jindikaw l-elementi li għalihom ma ġiet mitluba l-ebda protezzjoni. Dan jista’ jsir [b’mod partikolari,] billi jiġu esklużi permezz ta’ linji bit-tikek, ċċajpar jew dellijar ikkulurit il-karatteristiċi tad-disinn li għalihom ma hijiex mitluba protezzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

42      F’dan il-każ, id-disinni preċedenti D 1 sa D 5 jkunu rreġistrati bl-indikazzjoni ta’ prodott “suletti taż-żraben” u jirriproduċu, kif jirriżulta mill-punt 5 iktar ’il fuq, id-dehra ta’ suletta ta’ żarbun, bit-tikek, id-dehra ta’ virga taż-żarbuna. Għandu jiġi kkonstatat li l-ebda protezzjoni ma ġiet mitluba fir-rigward tal-virga li tinsab bit-tikek.

43      Issa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 iktar ’il fuq, il-paragun tal-impressjonijiet globali prodotti mid-disinni kunfliġġenti għandu jieħu bħala bażi l-karatteristiċi żvelati u protetti tad-disinn ikkontestat, li jinkludu d-dehra ta’ suletta u ta’ virga taż-żarbuna.

44      Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk id-dehra tal-virga taż-żarbun tad-disinni preċedenti D 1 sa D 5 tistax ukoll tittieħed inkunsiderazzjoni waqt il-paragun tal-impressjonijiet globali prodotti mid-disinni kunfliġġenti, minkejja l-fatt li dawn ma jkunux karatteristiċi li għalihom intalbet protezzjoni.

45      F’dan ir-rigward, mill-premessa 14 tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn skont l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 6 tal-istess regolament, tidher li għandha tikkonsisti f’li jiġi ddeterminat jekk teżistix differenza ċara bejn l-impressjoni globali li jipproduċi fuq utent avżat li jżommu u dik prodotta fuqu mill-patrimonju tad-disinni (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2021, Davide Groppi vs EUIPO – Viabizzuno (Fanal tal-mejda), T‑187/20, EU:T:2021:363, punt 25).

46      Fil-fatt, fil-kuntest tal-eżami tar-raġuni għall-invalidità msemmija fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 6 tal-istess regolament, id-disinn preċedenti għandu biss bħala funzjoni li jiżvela l-istat tal-arti preċedenti. Dan jikkorrispondi għall-patrimonju tad-disinni li jirrigwardaw il-prodott inkwistjoni li ġew żvelati fid-data tal-preżentata tad-disinn ikkonċernat. Issa, l-appartenenza ta’ disinn preċedenti għall-imsemmi patrimonju tirriżulta biss mill-iżvelar tiegħu (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2021, Fanal tal-mejda, T‑187/20, EU:T:2021:363, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk elementi ta’ disinn preċedenti jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni, ma hemmx lok li wieħed jiffoka fuq l-oġġett tal-protezzjoni ta’ dan id-disinn, iżda biss fuq il-kwistjoni dwar jekk dawn l-elementi ġewx żvelati.

48      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jippreċiża li disinn għandu jitqies li jkun ġie żvelat lill-pubbliku jekk ikun ġie ppubblikat wara r‑reġistrazzjoni jew xorta oħra, jew eżibit, użat fil-kummerċ jew żvelat xorta oħra, qabel id-data indikata fl-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, għajr meta dawn il-fatti ma jkunux jistgħu jsiru raġjonevolment magħrufa, fil-kors normali tan-negozju, fl-ambjenti speċjalizzati fis-settur ikkonċernat, li jkunu qegħdin joperaw ġewwa l-Unjoni Ewropea.

49      Barra minn hekk, sabiex l-iżvelar lill-pubbliku ta’ disinn iwassal għall-iżvelar tal-elementi kollha tiegħu, ikun indispensabbli li dawn jidhru b’mod ċar u preċiż waqt dan l-iżvelar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Ferrari, C‑123/20, EU:C:2021:889, punti 38 u 39).

50      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma kkontestatx li l-elementi mhux mitluba tad-disinni preċedenti D 1 sa D 5, jiġifieri d-dehra ta’ virga ta’ żarbun bit-tikek, kienu wkoll ġew żvelati fl-istess ħin bħall-parti protetta tal-imsemmija disinni. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-elementi mhux mitluba tad-disinni preċedenti D 1 sa D 5 jidhru b’mod suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jipperċepixxu, mingħajr sforz ta’ interpretazzjoni, id-dehra ta’ virga ta’ żarbun u tad-diversi partijiet tiegħu bħal, b’mod partikolari, ir-rinforz, il-lazzijiet jew anki l-klakka.

51      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ġustament qies, fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-elementi mhux mitluba tad-disinni preċedenti D 1 sa D 5 setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat il-karattru individwali tad-disinn ikkontestat.

 Fuq l-impressjoni globali

52      Ir-rikorrenti ssostni, minn naħa, li d-disinn ikkontestat u d-disinni preċedenti għandhom l-istess karatteristiċi fil-livell tas-suletta u, min-naħa l-oħra, li l-karatteristiċi tas-suletta intermedjarja tad-disinn ikkontestat ikunu identiċi għal dawk tad-disinn preċedenti D 7.

53      Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li paragun tad-disinni kollha inkwistjoni huwa possibbli biss mad-disinni preċedenti D 6 sa D 7, li jagħtu l-istess impressjoni globali bħad-disinn ikkontestat. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkontesta t-teħid inkunsiderazzjoni, fil-punt 38 tad-deċiżjoni kkontestata, tal-istrixxa b’bażi orizzontali wiesgħa li ssir iktar fina fuq in-naħa u li tinsab fid-disinn preċedenti D 6, peress li din tkun trade mark tal-Unjoni Ewropea.

54      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li l-varjetà ta’ motivi tad-disinn ikkontestat tidher li tipproduċi impressjoni globali distinta. Fil-fatt, din il-varjetà ta’ disinni tagħti l-impressjoni li ż-żarbuna tkun maħduma bil-labar, li hija wkoll l-impressjoni mogħtija mill-wiċċ taż-żarbun tad-disinn preċedenti D 7.

55      Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll li d-disinn ikkontestat ikun differenti fil-livell tal-konfigurazzjoni tal-virga. F’dan ir-rigward, ma hemmx differenzi sinjifikattivi fil-livell tal-għonq bejn id-disinn ikkontestat u d-disinn preċedenti D 6. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li r-rinforz tal-għarqub tad-disinn ikkontestat huwa ddettat mill-funzjoni teknika tiegħu, li hija li tipprekludi l-parti ta’ fuq taż-żarbun milli tinxtered, u li għalhekk ma huwiex kopert mill-protezzjoni tad-disinn Komunitarju skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002. Fl-aħħar nett, id-disinni inkwistjoni kollha jinkludu strixxa ta’ tessut iffissata vertikalment fil-livell ta’ rinforz tal-għarqub.

56      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

57      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-karattru individwali ta’ disinn jirriżulta minn impressjoni ġenerali ta’ differenza, jew ta’ assenza ta’ “déjà vu”, mill-perspettiva tal-utent informat, meta mqabbel ma’ kull preċedenza fi ħdan il-patrimonju ta’ disinni, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi mhux evidenti biżżejjed li jaffettwaw l-imsemmija impressjoni ġenerali, minkejja li jkunu juru dettalji insinjifikanti, iżda billi jittieħdu fid-dawl differenzi suffiċjentement evidenti biex joħolqu impressjonijiet ġenerali differenti (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Antrax It vs EUIPO – Vasco Group (Termosifuni għal radjaturi), T‑828/14 u T‑829/14, EU:T:2017:87, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-paragun tal-impressjonijiet globali prodotti mid-disinni għandu jkun sintetiku u ma jistax ikun limitat għall-paragun analitiku ta’ elenkar ta’ xebh u ta’ differenzi (sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2015, Roca Sanitario vs UASI – Villeroy & Boch (Vit b’liver wieħed), T‑334/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:817, punt 58).

59      Barra minn hekk, peress li l-elementi verbali u figurattivi li jinsabu fuq id-disinni inkwistjoni jkunu trade marks jew sinjali distintivi mwaħħla fuq il-prodott sabiex jindikaw l-oriġini tiegħu, li ma għandhomx funzjoni ornamentali jew dekorattiva u ma jikkostitwixxux karatteristiċi tal-prodott li jagħtu d-dehra tagħhom lill-prodotti kkonċernati, fis-sens tal-Artikolu 3(a) u (b) tar-Regolament Nru 6/2002, dawn l-elementi huma irrilevanti fil-kuntest tal-paragun tal-impressjonijiet globali sabiex jiġi stabbilit il-karattru individwali tad-disinn ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2021, Sanford vs EUIPO – Avery Zweckform (Tikketti), T‑443/20, EU:T:2021:767, punt 80).

60      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 34 u 51 iktar ’il fuq, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ rinunzja preżenti fid-disinni preċedenti D 1 sa D 5 peress li dawn ġew żvelati u jidhru b’mod ċar u preċiż u li l-paragun tad-disinni inkwistjoni ma jistax sempliċement, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, jipparaguna s-suletti bejniethom.

61      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 40 iktar ’il fuq, ma hemmx lok, għall-impressjoni globali bejn id-disinni inkwistjoni, li tingħata iktar importanza lil parti waħda jew l-oħra taż-żarbun b’mod partikolari.

–       Fuq il-paragun bejn id-disinn ikkontestat u d-disinni preċedenti D 1 u D 2

Image not found

62      Il-Bord tal-Appell ikkonstata, fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-disinni inkwistjoni kienu jikkoinċidu minħabba l-fatt li kienu żraben bil-lazzijiet b’kullar imniżżel u suletta minsuġa dejjem inqas ħoxna u li d-differenzi tagħhom kienu suffiċjenti sabiex jipproduċu impressjonijiet globali differenti fuq l-utent informat.

63      F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell ikkonstata, fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-disinn ikkontestat kien jippreżenta diversi motivi, bħal linji paralleli u punti, filwaqt li d-disinni preċedenti D 1 u D 2 kienu jippreżentaw żewġ inserzjonijiet distinti fir-rinforz tal-għarqub u fuq il-kappa tas-swaba. Barra minn hekk, id-disinn ikkontestat jippreżenta żarbun ta’ rinforz tal-għarqub ta’ daqs kbir u tliet pari anelli li jitpoġġew iktar baxxi fil-ġnub tal-kwartier, filwaqt li d-disinni preċedenti D 1 u D 2 għandhom rinforz tal-għarqub iżgħar u ħames pari anelli imqiegħda f’livell iktar qrib tal-għoli taż-żarbun.

64      Il-Bord tal-Appell irrileva wkoll, fil-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-disinni inkwistjoni kellhom differenzi oħra fuq il-livell tas-suletta. B’mod iktar partikolari, skont il-Bord tal-Appell, kuntrarjament għad-disinni preċedenti D 1 u D 2, is-suletta tad-disinn ikkontestat hija komposta minn żewġ saffi, għandha toqob ta’ wara u suletta ta’ użu li jinfirex lejn l-ogħla livell tal-ponta.

65      Il-konklużjonijiet preċedenti tal-Bord tal-Appell għandhom jiġu approvati.

66      Ċertament, id-disinni inkwistjoni jistgħu jaqsmu ċerti karatteristiċi viżivi, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda t-tessut tas-suletta tad-disinn preċedenti D 1. Madankollu, id-disinn ikkontestat jiddistingwi ruħu prinċipalment mid-disinni preċedenti D 1 u D 2 minħabba d-dekorazzjoni tal-virga, il-preżenza ta’ suletta ta’ użu, għonq tond mingħajr qtugħ nett u rinforz stilizzat li jestendi sa nofs iż-żarbuna. Issa, dawn id-differenzi prinċipali huma suffiċjenti sabiex jagħtu lid-disinni inkwistjoni impressjoni globali distinta li ma taħrabx lil utent avżat li juri livell għoli ta’ attenzjoni.

67      L-argumenti tar-rikorrenti ma jippermettux li tiddaħħal inkwistjoni din l-analiżi.

68      Fil-fatt, ir-rikorrenti bbażat ruħha biss fuq paragun bejn is-suletti fid-disinni inkwistjoni billi sostniet li huma kellhom l-istess karatteristiċi fosthom, b’mod partikolari, suletta li kienet tiddependi ftit miż-żona tal-għarqub sal-ponta taż-żarbun fejn hija kienet tinfirex ftit lejn in-naħa ta’ fuq, superfiċje li għandha struttura paragunabbli għal dik tal-polistirene, moduli individwali differenti mqiegħda ħdejn xulxin ta’ kulur unit abjad, struttura li kienet testendi b’mod uniformi fuq il-perspettiva laterali kollha tas-suletta u suletta li kienet ibbażata fuq suletta ta’ użu u li kellha sporġenza żgħira fl-għarqub.

69      Madankollu, id-differenzi identifikati fil-punt 66 iktar ’il fuq ikunu iktar notevoli mill-karatteristiċi komuni identifikati mir-rikorrenti u jkunu suffiċjenti sabiex joħolqu impressjonijiet globali differenti bejn id-disinni inkwistjoni. Din il-konklużjoni hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-fatt li, kuntrarjament għal dawk tar-rikorrenti, l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell ma jkunux ibbażati biss fuq il-paragun tas-suletti u li l-vireg tad-disinni inkwistjoni jippreżentaw differenzi importanti li jippermettu li jiġu prodotti impressjonijiet globali differenti fuq l-utent avżat.

–       Fuq il-paragun bejn id-disinn ikkontestat u d-disinni preċedenti D 3 sa D 5

Image not found

70      Il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata, li kuntrarjament għad-disinni preċedenti D 3 sa D 5, id-disinn ikkontestat kien jippreżenta ġenb tal-għarqub b’disinn ta’ linji paralleli, parti frontali tal-wiċċ imżejjen b’varjetà ta’ linji u ta’ punti kontrastanti, ponta mżejna b’disinn ta’ pied-de-poule, għonq baxx mingħajr ilsien jew tab viżibbli fil-livell tal-għerq ta’ Akille u żewġ ringieli ta’ tliet anelli, li kull wieħed minnhom kien konness mal-oppost tiegħu permezz ta’ lazz interladed. Id-disinni preċedenti D 3 sa D 5 jidhru li jippreżentaw, min-naħa tagħhom, żewġ inserzjonijiet nodfa fuq il-virga, ilsien distint u tab fil-livell tal-għerq ta’ Akille u ħames anelli ta’ naħa u minn naħa l-oħra, marbutin b’lazz dritt.

71      Fir-rigward b’mod iktar speċifiku tas-suletta, il-Bord tal-Appell ikkonstata, fil-punt 36 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-suletta tad-disinn ikkontestat kienet komposta minn żewġ saffi distinti, li hija kienet titbiegħed minn wara b’mod prominenti u li kienet tingħaqad mal-virga tul linja lixxa. Min-naħa l-oħra, is-suletti tad-disinni preċedenti D 3 sa D 5 jkunu komposti minn saff wieħed, b’tarf bis-snien fil-post fejn huma jingħaqdu mal-virga u f’qatgħa iżgħar minn dik tad-disinn ikkontestat. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell irrileva li s-suletta ta’ użu tad-disinn ikkontestat kien jidher lixx u li kien ikopri l-ponta taż-żarbuna u l-għarqub, filwaqt li s-suletta ta’ użu tad-disinn preċedenti D 4 ma kinitx sħiħa u li dik tad-disinn preċedenti D 3 kienet intakkjata. Id-disinn preċedenti D 5, min-naħa tiegħu, għandu biss suletta ta’ użu mingħajr talji.

72      Konsegwentement, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-impressjoni globali prodotta mid-disinn ikkontestat fuq l-utent avżat kienet differenti minn dawk prodotti mid-disinni preċedenti D 3 sa D 5.

73      Il-konklużjonijiet preċedenti tal-Bord tal-Appell għandhom jiġu approvati.

74      Ċertament, id-disinni inkwistjoni jistgħu jaqsmu ċerti karatteristiċi viżivi. Madankollu, id-disinn ikkontestat jiddistingwi ruħu prinċipalment mid-disinni preċedenti D 3 sa D 5 minħabba d-dekorazzjoni tal-virga, minħabba l-forma l-iktar iebsa tas-suletta, permezz ta’ linja intermedjarja li tgħaqqad is-suletta intermedja fi tnejn, minn għonq fit-tond mingħajr qatgħat nodfa, permezz ta’ rinforz stilizzat li jestendi sa nofs iż-żarbun u, fl-aħħar nett, minħabba l-assenza ta’ lsien prominenti. Issa, dawn id-differenzi prinċipali huma biżżejjed sabiex jagħtu impressjoni globali distinta lid-disinni inkwistjoni li ma jaħarbux lil utent avżat li juri livell għoli ta’ attenzjoni.

75      L-argumenti tar-rikorrenti ma jippermettux li tiddaħħal inkwistjoni din l-analiżi.

76      Fil-fatt, il-karatteristiċi komuni tad-disinni inkwistjoni li jkunu enfasizzati mir-rikorrenti, kif riprodotti mutatis mutandis fil-punt 68 iktar ’il fuq, ma jippermettux li tiġi kkontrobilanċjata l-impressjoni globali differenti tal-imsemmija disinni. Din il-konklużjoni hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-fatt li l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell ma humiex ibbażati biss fuq il-paragun tas-suletti u li l-vireg tad-disinni inkwistjoni jippreżentaw differenzi importanti li jippermettu li jiġu prodotti impressjonijiet globali differenti fuq l-utent avżat.

77      Bl-istess mod, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-karatteristiċi tas-suletta fid-disinn ikkontestat huma differenti ħafna minn dawk tad-disinni preċedenti D 3 sa D 5, kif jirriżulta mill-punt 71 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, din hija iktar iebsa fid-disinn ikkontestat.

–       Fuq il-paragun bejn id-disinn ikkontestat u d-disinni preċedenti D 6 u D 7

Image not found

78      Fil-punt 38 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata li d-disinni inkwistjoni kienu differenti minħabba d-dekorazzjoni tal-virga. Id-disinn preċedenti D 6 jippreżenta fuq in-naħa strixxa maqluba fil-bażi, li titnissel orizzontalment, u mbagħad magħduda lura fuq in-naħa ta’ wara. Id-disinn preċedenti D 7 jidher li jippreżenta, min-naħa tiegħu, inserzjoni laterali solida, ta’ forma trijangolari u ta’ kulur kontrastanti, b’diversi linji paralleli. Bil-maqlub, id-disinn ikkontestat jidher li għandu varjetà ta’ disinni fuq il-virga kollha.

79      Il-Bord tal-Appell irrileva wkoll, fil-punt 39 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-konfigurazzjoni tal-virga, li d-disinn ikkontestat kien mgħammar b’għonq imwaqqa’ mingħajr ilsien jew pat viżibbli fuq il-livell tal-għerq ta’ Akille u b’rinforz ta’ għarqub b’daqs eċċessiv. Min-naħa l-oħra, huwa kkonstata li d-disinni preċedenti D 6 u D 7 kellhom għonq għoli, ilsien ta’ fuq, pat kbir fuq il-livell tal-għerq ta’ Akille u strixxa ħoxna fuq in-naħa ta’ quddiem tal-ilsien, sabiex jinżammu l-lazzijiet eżistenti, kif ukoll listi “zipped”. L-istampar tad-disinn ikkontestat huwa wkoll iktar mgħawweġ u oħxon, kuntrarjament għal dak, iktar fin u dejjaq, tad-disinni preċedenti D 6 u D 7.

80      Fir-rigward tal-parti ta’ taħt tas-suletti il-Bord tal-Appell ikkonstata, fil-punt 40 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-disinn ikkontestat kien jippreżenta disinn distintiv kompost minn trijangoli bl-għarqub u bil-ponta, imdawra b’suletta ta’ użu lixx ta’ kulur skur, filwaqt li s-suletta tad-disinn preċedenti D 6 kienet tippreżenta ċertu numru ta’ strixxi u ta’ linji u d-disinn preċedenti D 7 kellu suletta ta’ użu intakkjat.

81      Il-Bord tal-Appell għalhekk ikkunsidra, fil-punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata, li, minħabba dawn id-differenzi, l-impressjoni globali mogħtija mid-disinn ikkontestat fuq l-utent avżat kienet differenti minn dik prodotta mid-disinni preċedenti D 6 u D 7.

82      Il-konklużjonijiet preċedenti tal-Bord tal-Appell għandhom jiġu approvati.

83      Ċertament, id-disinni inkwistjoni jistgħu jaqsmu ċerti karatteristiċi viżivi, b’mod partikolari fil-livell tas-suletta. Madankollu, id-disinn ikkontestat jiddistingwi ruħu prinċipalment mid-disinni preċedenti D 6 u D 7 bid-dekorazzjoni tal-virga, permezz ta’ għonq baxx ittondjat mingħajr qatgħat nodfa, permezz ta’ rinforz iktar stilizzat li jestendi sa nofs iż-żarbuna u, fl-aħħar nett, minħabba l-assenza ta’ ilsien prominenti jew ta’ strixxa wiesgħa li sservi għat-twaħħil tal-lazzijiet. Issa, dawn id-differenzi prinċipali huma suffiċjenti sabiex jagħtu lid-disinni inkwistjoni impressjoni globali distinta li ma taħrabx lil utent avżat li juri livell għoli ta’ attenzjoni.

84      L-argumenti tar-rikorrenti ma jippermettux li tiddaħħal inkwistjoni din l-analiżi.

85      Fil-fatt, ir-rikorrenti ssostni li d-disinni inkwistjoni jipproduċu l-istess impressjoni globali minħabba ċerti karatteristiċi komuni, kif riprodotti mutatis mutandis fil-punt 68 iktar ’il fuq, u minħabba l-fatt li d-dehra tal-profil tas-suletta tad-disinn ikkontestat tipproduċi l-istess impressjoni globali bħal dik tad-disinn preċedenti D 7 u li s-suletta tagħhom ta’ użu tkun kważi identika minħabba l-preżenza ta’ trijangoli fuq it-terz ta’ quddiem u ta’ wara taż-żarbun. Madankollu, il-karatteristiċi komuni tas-suletti tad-disinni inkwistjoni ma jippermettux li tiġi kkontrobilanċjata l-impressjoni globali differenti tal-imsemmija disinni li tirriżulta, b’mod partikolari, mill-fatt li għandhom virga li hija differenti ħafna fl-istruttura tagħha u fid-dekorazzjoni tagħha.

86      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta ħa inkunsiderazzjoni “strixxa maqluba fil-bażi, li kienet maħluqa f’bażi orizzontali li kienet iebsa magħduda b’lura” u li tikkorrispondi għal trade mark tal-Unjoni Ewropea, peress li dan is-sinjal figurattiv jikkontribwixxi ħafna, b’mod partikolari minħabba d-daqs tiegħu, għad-dehra tad-disinn preċedenti D 6 u, b’mod iktar partikolari, għall-ornamenti tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2021, Tikketti, T‑443/20, EU:T:2021:767, punt 80).

87      Għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-rikorrenti li d-disinn ikkontestat u d-disinn preċedenti D 7 jagħtu l-istess impressjoni minħabba l-istil tagħhom li jfakkar l-innittjar. Fil-fatt, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-impressjoni komuni li tidher li tirriżulta mill-istil li jfakkar l-innittjar tkun kkumpensata ħafna mill-varjetà ta’ disinni preżenti fid-disinn ikkontestat, li tikkuntrasta ħafna mad-disinn preċedenti D 7, li, bl-eċċezzjoni ta’ strixxa fuq in-naħa ta’ wara u ta’ disinni fi trijangoli fuq il-ġnub, ma tippreżentax raġunijiet partikolari.

88      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, l-għonq tad-disinn ikkontestat huwa differenti ħafna minn dak tad-disinn preċedenti D 6. Fil-fatt, bil-kontra ta’ dan tal-aħħar, l-għonq tad-disinn ikkontestat ma jippreżentax ilsien u għandu forma pjuttost tonda mingħajr qatgħat nodfa.

89      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li r-rinforz fuq skala kbira tad-disinn ikkontestat huwa ddettat mill-funzjoni teknika tiegħu, għandu jitfakkar li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru\ 6/2002 jipprevedi li disinn Komunitarju ma għandux jagħti drittijiet fuq il-karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott iddettati biss mill-funzjoni teknika tiegħu.

90      Skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi evalwat jekk karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott ikunux esklużivament iddettati mill-funzjoni teknika tiegħu, għandu jiġi stabbilit li din il-funzjoni hija l-uniku fattur li ddetermina dawn il-karatteristiċi, peress li l-eżistenza ta’ disinni alternattivi ma tkunx determinanti f’dan ir-rigward (sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2018, DOCERAM, C‑395/16, EU:C:2018:172, punt 32, u tat‑18 ta’ Novembru 2020, Tinnus Enterprises vs EUIPO – Mystic Products u Koopman International (Installazzjonijiet għad-Distribuzzjoni ta’ fluwidi), T‑574/19, EU:T:2020:543, punt 16).

91      Meta l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jiġi invokat fil-kuntest ta’ azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, huwa l-Bord tal-Appell li għandu jeżamina l-provi prodotti mill-persuna li tressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, u sussegwentement li jikkonfrontahom, jekk ikun il-każ, mal-provi kuntrarji prodotti mill-proprjetarju tad-disinn inkwistjoni u b’hekk jevalwa l-affidabbiltà tal-provi kollha prodotti minn kull parti fil-proċedimenti, sabiex jiddeċiedi dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-karatteristiċi tad-dehra tal-prodott inkwistjoni jkunux esklużivament iddettati mill-funzjoni teknika tiegħu (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2022, Unger Marketing International vs EUIPO – Orben Wasseraufbereitung (Purifikaturi tal-ilma), T‑325/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:23, punt 38).

92      F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti ma invokatx il-fatt, matul il-proċedimenti quddiem l-EUIPO, li r-rinforz tad-disinn ikkontestat kien iddettat mill-funzjoni teknika tiegħu, u lanqas ma pproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali provi li dan ir-rinforz fuq skala kbira kien jirriżulta esklużivament mill-funzjoni teknika tiegħu fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 90 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi eskluż mill-paragun bejn id-disinni inkwistjoni.

93      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li d-disinni inkwistjoni kollha jinkludu strixxa ta’ tessut imwaħħla vertikalment fil-livell ta’ rinforz, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak tad-disinni preċedenti, l-istrixxa ta’ tissut tad-disinn ikkontestat ma tmurx lil hinn mir-rinforz tal-għarqub, li twassal għal differenza li ma tiġix injorata minn utent avżat.

94      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ġustament ikkunsidra li d-disinn ikkontestat kien jipproduċi impressjoni globali differenti minn dik prodotta mid-disinni preċedenti D 1 sa D 7.

95      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ebda wieħed mid-disinni preċedenti invokati mir-rikorrenti ma jipproduċi l-istess impressjoni globali bħal dik prodotta mid-disinn ikkontestat u li d-deċiżjoni kkontestata ma tkun vvizzjata minn ebda motiv ta’ annullament jew ta’ bidla.

96      L-uniku motiv invokat mir-rikorrenti u, għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm hu, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

97      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

98      Peress li saret seduta u peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-EUIPO.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Puma SE hija kkundannata għall-ispejjeż.

Schalin

Škvařilová-Pelzl

Nõmm

Steinfatt

 

      Kukovec

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑8 ta’ Mejju 2024.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.