Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Mejju 2013 – L-Italja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-268/13)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti:Ir-Repubblika Taljana (rappreżentanti: S. Fiorentino, avvocato dello Stato, G. Palmieri, aġent)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C(2013) 1264 finali, tas-7 ta’ Marzu 2013, innotifikata fil-11 ta’ Marzu sussegwenti, għar-raġunijiet esposti fil-kuntest tat-tliet motivi tar-rikors;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors preżenti, il-Gvern Taljan jikkontesta d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C(2013) 1264 finali, tas-7 ta’ Marzu 2013, innotifikata fil-11 ta’ Marzu sussegwenti, li permezz tagħha, bl-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Novembru 2011 fil-Kawża C-469/09, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Taljana tħallas is-somma ta’ EUR 16 533 000 bħala pagamenti ta’ penalità.

Permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet, b’mod partikolari, ikkundannat lir-Repubblika Taljana tħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, pagamenti ta’ penalità ta’ ammont li jikkorrispondi mal-multiplikazzjoni tal-ammont bażiku ta’ EUR 30 miljun bil-perċentwali ta’ għajnuna illegali inkompatibbli, ikkalkolata fir-rigward tat-totalità tal-ammonti li jkunu għadhom ma ġewx irkuprati fid-data ta’ meta tingħata din is-sentenza, u dan għal kull semester tardiv fl-implementazzjoni tal-miżuri neċessarji għall-konformità mas-sentenza tal-1 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-99/02.

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 260(1) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 260(3) TFUE: ksur tas-sentenza għall-eżekuzzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-469/09), minħabba interpretazzjoni żbaljata tal-punt ta’ din is-sentenza li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità, kien jieħu bħala referenza l-“ammonti li jkunu għadhom ma ġewx irkuprati fid-data tad-deċiżjoni tas-sentenza preżenti”.

Il-Gvern Taljan jikkunsidra li dan il-punt għandu jiġi interpretat fis-sens li d-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni ma hijiex dik li fiha ngħatat is-sentenza, iżda dik tal-għeluq tal-fażi ta’ ġbir tal-provi fil-proċedura, jiġifieri l-mument li fih ikkonkretizzat ruħha s-sitwazzjoni materjali proċedurali li abbażi tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar il-kawża. Fil-fatt, il-Gvern Taljan jikkunsidra li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-miżuri ta’ rkupru li huwa adotta matul il-proċedura, iżda wara l-għeluq tal-istruttorja, sabiex jitnaqqsu l-pagamenti ta’ penalità semestrali.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 260(1) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 260(3) TFUE: ksur tas-sentenza għall-eżekuzzjoni minħabba l-interpretazzjoni żbaljata tal-punt ta’ din is-sentenza li jipprevedi li ma hemmx lok, għall-finijiet tal-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità dovuti kull semester, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ammonti marbuta mal-għajnuna “li l-irkupru tagħha għadu ma sarx jew ma ġiex ipprovat fi tmiem il-proċedura kkonċernata”.

Il-Gvern Taljan jikkunsidra li dan il-punt għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni ċċitata, hija rilevanti l-produzzjoni tal-provi matul is-semester ta’ referenza u mhux il-fatt li dawn jiġu prodotti quddiem il-Kummissjoni qabel l-iskadenza ta’ dan is-semester. Fil-fatt, il-Gvern Taljan jikkunsidra li l-interpretazzjoni kuntrarja tal-Kummissjoni, li tipprovdi li r-Repubblika Taljana għandha l-obbligu tipproduċi provi, għall-finijiet tal-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità semestrali, mhux iktar tard mill-aħħar jum tas-semester ikkonċernat, u b’hekk jiġu esklużi mill-kalkolu s-somom li l-irkupru tagħhom effettivament sar matul dan il-perijodu, iżda li ġew ikkomunikati wara lill-Kummissjoni, tmur kontra l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u ma hijiex iġġustifikata bir-rekwiżit impost mill-Qorti tal-Ġustizzja, u fil-fatt twassal sabiex tqassar b’mod inammissibbli t-terminu impost lill-awtoritajiet Taljani sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ dan ir-rekwiżit u għalhekk tnaqqas l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità semestrali.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 260(1) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 260(3) TFUE: ksur tas-sentenza għall-eżekuzzjoni dwar il-kreditu ta’ impriżi mqiegħda f’“konkordat preventiv” jew taħt “amministrazzjoni kkontrollata”.

Fil-fatt, id-deċiżjoni ma tnaqqasx mill-kumplament tal-għajnuna dovuta fl-iskadenza tas-semester rilevanti, id-djun ta’ dawn l-impriżi li ġew prodotti fil-kuntest ta’ proċeduri kollettivi korrispondenti, minkejja li l-Gvern Taljan jaħseb li hemm inkwistjoni kreditu li fir-rigward tiegħu l-Istat Membru wettaq id-diliġenza kollha neċessarja għall-irkupru u li jista’, konsegwentement, jiġi eskluż mill-ammont tal-għajnuna dovuta minħabba s-sentenza għall-eżekuzzjoni.