Language of document : ECLI:EU:T:2004:262

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM' ISTANZA (It-Tieni Awla)

14 ta' Settembru 2004 (*)

"Fond Reġjonali Ewropew għall-Iżvilupp – Inizjattiva Komunitarja għall-impriżi ż-żgħar u ta' daqs medju – Organizzazzjoni ta' fieri tax-xerrejja 'IBEX' – Kanċellazzjoni u talba għal ħlas lura ta' għajnuna finanzjarja – Regolament (KEE) Nru 4253/88 – Artikolu 24 – Rikors għal annullament"

Fil-kawża T-290/02,

Associazione Consorzi Tessili (Ascontex), irrappreżentata minn P. Mbaya Kapita u L. Denis, avukati, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C. Giolito u L. Flynn, bħala agenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2002) 1702, tat-12 ta' Lulju 2002, li tikkanċella s-sussidju FEDER Nru 97.05.10.001 mogħti lir-rikorrenti b'deċiżjoni SG(98)D/2251, tat-18 ta' Marzu 1998, u li tordna l-ħlas lura tas-somma mogħtija bil-quddiem mill-Kummissjoni fil-kuntest ta' proġett li jikkonċerna l-organizzazzjoni ta' fiera internazzjonali fis-settur tat-tessili u tal-ħwejjeġ f'Kapri (proġett Euresprit),

IL-QORTI TAL-PRIM' ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, A. W. H. Meij u N. J. Forwood, Imħallfin,

Reġistratur : M. I. Natsinas, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-4 ta' Mejju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1       Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 1993 fuq it-tisħiħ tal-kompetittività ta' l-impriżi, b'mod partikolari ta' l-impriżi żgħar u ta' daqs medju u ta' l-artiġjanat, u l-iżvilupp ta' l-impjieg (ĠU C 326, p.1), il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni tipprova l-formola ta' laqgħat bejn impriżi organizzati fuq l-inizjattiva ta' impriżi kbar li jixtiequ jikkuntatjaw impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) għal finijiet ta' kooperazzjoni.

2       Abbażi ta' din ir-riżoluzzjoni, il-Kummissjoni bdiet, fil-kuntest tal-politika reġjonali u ta' l-inizzjattiva komunitarja SME (SMECI), proġett dwar l-għajnuna teknika u finanzjarja ta' fieri tax-xerrejja "IBEXs" (International Buyers' Exhibitions) għal perijodu 1996-1999. Dawn il-fieri huma intiżi sabiex jgħinu lill-impriżi kbar isibu SMEs imsieħba u sabiex joffru lill-SMEs opportunitajiet ta' kuntatti diretti ma' l-impriżi l-kbar interessati fil-prodotti u s-servizzi tagħhom. Dawn huma organizzati f'setturi partikolari (tal-vetturi bil-mutur, l-elettronika u t-tessili, eċċ.) jew għal gamma preċiża ta' impriżi (SMEs ta' teknoloġija għolja, ta' l-artiġjanat, eċċ.).

3       Ir-regoli operattivi tal-fieri IBEX u l-kundizzjonijiet għall-għoti ta' l-għajnuna finanzjarja għal dawn il-fieri jinsabu fl-"IBEX-SMECI Vade Mecum" tal-Kummissjoni (iktar 'il quddiem il-Vade Mecum"). Skond dan it-test, l-organizzatur ta' fiera tax-xerrejja għandu jissodisfa, b'mod partikolari, il-kundizzjonijiet bażiċi u formali li ġejjin: il-fiera għandha tiġi organizzata f'reġjun eliġibbli taħt il-Fondi Strutturali, bil-parteċipazzjoni ta' SMEs li huma eleġibbli bl-istess mod, il-fiera għandha ssegwi timetable preċiża u għandha tirrispetta diversi fażijiet. Peress illi l-għażla ta' l-imsieħba hija kkunsidrata kruċjali għas-suċċess tal-fiera, il-metodi tax-xogħol ta' kull imsieħeb għandhom ikunu ddettaljati. L-organizzatur għandu jippreżenta fajl dwar il-proġett tiegħu u diversi rapporti.

4       B'mod partikolari, rapport intermedjarju li juri li l-ewwel tliet fażijiet tal-proġett tlestew għandu jintbagħat lill-Kummissjoni minn ta' l-inqas erba' xhur qabel l-avveniment u wara l-bidu tal-fażi li fiha jibdew isiru kuntatti ma' l-SMEs. Dan ir-rapport għandu, b'mod partikolari, jinkludi l-lista ta' l-impriżi digà rreġistrati. L-approvazzjoni ta' dan ir-rapport mill-Kummissjoni hija kundizzjoni meħtiġa minn qabel għall-ħlas tat-tieni rata mill-erba' rati ta' l-għajnuna finanzjarja.

5       Il-Vade Mecum jippreċiża li bi tpattija għall-impenn tal-Kummissjoni li tagħti l-għajnuna finanzjarja tagħha, l-organizzatur jintrabat li jissodisfa l-obbligi imsemmija fid-"dikjarazzjoni tal-benefiċċjarju ta' għajnuna finanzjarja" (iktar 'il quddiem id-"dikjarazzjoni tal-benefiċċjarju") li tinstab fl-anness tal-Vade Mecum. Skond dawn l-obbligi, huwa għandu, b'mod partikolari jwettaq ix-xogħol kif ġie ddefinit fil-propożizzjoni li abbażi tagħha l-proġett ġie magħżul u jagħti kont ta' l-attivitajiet finanzjarji fir-rigward tal-baġit li ġie aċċettat. Il-modifiki kollha tal-proġett għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni u aċċettati minnha. Jekk l-organizzatur jonqos milli jipprovdi servizzi (inklużi t-termini sabiex jitwettqu l-istadji differenti), il-Kummissjoni tirriserva d-dritt li twaqqaf il-ħlasijiet u, jekk ikun neċessarju, li titlob il-ħlas lura tas-somom li digà tħallsu.

6       Id-dikjarazzjoni tal-benefiċċjarju telenka it-tmien fażijiet, li għandhom ikunu inklużi fl-operazzjoni sussidjata, tippreċizza r-rati tal-ħlas ta' l-għajnuna mogħtija u tobbliga lill-benefiċċjarju, b'mod partikolari, jirrinunċja għall-ħlas tat-tieni rata ta' l-għajnuna jekk ma jiġix osservat il-perijodu ffissat għat-tielet fażi, li jikkonsisti fl-ikkuntatjar ma' l-SMEs li jistgħu jossidisfaw il-bżonnijiet espressi mill-impriżi l-kbar li digà ġew identifikati u li esprimew tali bżonnijiet. Barra minnhekk, l-organizzatur għandu jieħu nota tal-fattt li l-Kummissjoni tirriserva d-dritt li tnaqqas il-bilanċ tas-sussidju jekk hija tikkunsidra li l-għanijiet imsemmija ma ntlaħqux.

7       Fiż-żmien ta' din il-kawża, jiġifieri fil-perijodu 1997-2002, il-kuntest leġiżlattiv tal-fieri IBEX kien jikkonsisti, essenzjalment, fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88 tad-19 ta' Diċembru 1988, li jippreskrivi dispożizzjonijiet sabiex jiġi implimentat ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88 rigward il-koordinament ta' l-attivitajiet tal-Fondi Strutturali differenti bejniethom stess u mal-ħidma tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment u l-istrumenti l-oħra finanzjarji eżistenti (ĠU L 374, p. 1), emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2082/93 ta' l-20 ta' Lulju 1993 (ĠU L 193, p. 20, iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 4253/88"), u fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4254/88 tad-19 ta' Diċembru 1988, li jippreskrivi dispożizzjonijiet sabiex jiġi implimentat ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88 rigward il-Fond Reġjonali Ewropew għall-Iżvilupp (ĠU L 374, p. 15), emendat mir-Regolament (KEE) Nru 2083/93 tal-Kunsill, ta' l-20 ta' Lulju 1993 (ĠU L 193, p. 34).

8       Skond l-Artikolu 52(1) tiegħu, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999, tal-21 ta' Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU L 161, p. 1), u li jħassar ir-Regolament Nru 4253/88 b'effett mill-1 ta' Jannar 2000, ma jafettwax it-tkomplija jew il-modifika, inkluż il-kanċellazzjoni totali jew parzjali, ta’ għajnuna approvata mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta' dan l-aħħar Regolament jew xi leġislazzjoni oħra li kienet tapplika għal dik l-għajnuna fil-31 ta’ Diċembru 1999.

9       L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 4253/88, intitolat "Ipproċessar ta' l-applikazzjonijiet għal għajnuna", jipprovdi, fl-ewwel sentenza ta' l-ewwel paragrafu tiegħu li: L-Applikazzjonijiet għal għajnuna […] għandhom jiġu mħejjija mill-Istati Membri jew mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, reġjonali, lokali jew oħra u għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni mill-Istat Membru jew minn xi korp ieħor li huwa jinnomina, skond il-każ, għal dan il-għan." [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

10     Skond l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 21(1) ta' l-istess Regolament, "[il-]ħlas ta' l-għajnuna finanzjarja għandu jsir […] lill-awtorità jew lill-korp nazzjonali, reġjonali jew lokali nnomminat għal dan il-għan fl-applikazzjoni magħmula mill-Istat Membru kkonċernat". [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

11     L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88, intitolat "Tnaqqis, sospensjoni u kanċellazzjoni ta' l-għajnuna", jiddisponi li:

"1. Jekk it-twettieq ta' operazzjoni […] jidher li ma jiġġustifikax la parti mill-għajnuna finanzjarja u lanqas l-għajnuna finanzjarja kollha allokata, il-Kummissjoni tipproċedi għal eżami xieraq tal-każ fil-kuntest tas-sħubija, billi titlob b'mod partikolari lill-Istat Membru jew lill-awtoritajiet nominati minnu għall-implimentazzjoni ta' l-operazzjoni jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fi żmien determinat.

2. Wara [dan] l-eżami, il-Kummissjoni tista' tnaqqas jew tissospendi l-għajnuna għall-operazzjoni […] kkonċernata jekk l-eżami jikkonferma l-eżistenza ta' irregolarità jew ta' modifika importanti li taffettwa n-natura jew il-kundizzjonijiet li jimplimentaw l-operazzjoni […] u li għalihom ma ġietx mitluba l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

3. Kull somma li tħallset indebitament għandha titħallas lura lill-Kummissjoni […]" [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

12     Fid-29 ta' Settembru 1997, ir-rikorrenti, assoċjazzjoni li ma tagħmilx profitt li tirrapreżenta l-interessi tas-settur tat-tessili Taljan, ippreżentat lill-Kummissjoni applikazzjoni għal għajnuna finanzjarja għall-organizzazzjoni ta' fiera tax-xerrejja IBEX fis-settur tat-tessili u tal-ħwejjeġ, intitolata "Euresprit", li d-dati previsti għaliha inizjalment kienu d-19, 20 u 21 ta' Ottubru 1998, imbgħad saru t-22, 23 u l-24 ta' Marzu 1999 u li kellha ssir f'Kapri (l-Italja).

13     B' deċiżjoni tat-18 ta' Marzu 1998, il-Kummissjoni tat lir-rikorrenti sussidju ta' 50% ta' l-ispejjeż eliġibbli tal-proġett u ffissat il-limitu massimu ta' din il-kontribuzzjoni għas-somma ta' ECU 500 000. Ma' din id-deċiżjoni ġiet mehmuża formola tad-dikjarazzjoni tal-benfiċċjarju. Barra minn hekk, il-Vadem Mecum ġie mgħoddi lir-rikorrenti.

14     Abbażi tal-Vade Mecum u tad-deċiżjoni tat-18 ta' Marzu 1998, ir-rikorrenti ffirmat u bagħtet lura lill-Kummissjoni, fit-28 ta' April 1998, id-dikjarazzjoni tal- benefiċċjarju. F'din id-dikjarazzjoni, hija intrabtet, b'mod partikolari, li tuża l-għajnuna finanzjarja esklussivament għall-iskopijiet ta' l-għan deskritt fl-applikazzjoni tagħha tad-29 ta' Settembru 1997 dwar il-proġett Euresprit. Dan il-proġett essenzjalment kien jipprevedi, li l-fiera IBEX proposta kellha tlaqqa' 60 sa 70 impriżi kbar ta' fama internazzjonali bħala prinċipali eventwali (ARMANI, VERSACE, MARKS & SPENCER, eċċ.) u 300 sa 350 SMEs bħala eventwali subkuntratturi u tistabbilixxi network ta' sħubija ekonomika fis-settur tat-tessili u tal-ħwejjeġ.

15     Wara li rċeviet id-dikjarazzjoni tal-benefiċċjarju, il-Kummissjoni għamlet ħlas bil-quddiem ta' EUR 200 000 (40% ta' l-ammont massimu allokat) lill-applikant. Wara sar evidenti li l-proġett Euresprit ma kienx ser isir kif previst, prinċipalment, skond l-applikant, minħabba n-nuqqas ta' rispons mill-impriżi tas-settur.

16     Bil-għan li jiġu diskussi l-problemi li kien hemm għat-twettiq tal-proġett, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni skambjaw numru ta' ittri u għamlu ħafna laqgħat bejn Novembru 1998 u Jannar 2002. F'dan il-kuntest ir-rikorrenti, b'ittra tat-22 ta' Diċembru 1998, mill-bidu nett ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni fuq ir-"riluttanza tal-prinċipali li jieħdu sehem ", jiġifieri l-impriżi l-kbar tat-tessili u tal-ħwejjeġ, u pproponiet li tmexxi b'xahrejn id-data li fiha kellha tiġi organizzata l-fiera f'Kapri.

17     B'ittra tal-21 ta' Jannar 1999, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti, b'mod partikolari, tgħaddilha l-lista tal-prinċipali u tal-SMEs "subkuntratturi" (ikklassifikati mill-Istat Membru u mir-reġjun eliġibbli għall-Fondi Strutturali) li kienu definittivament irreġistraw kif ukoll in-numru totali ta' interviews digà ffissati. F'ittra tat-22 ta' Marzu ta' wara, ir-rikorrenti llimitat ruħha li tippreċiża t-talba tagħha intiża sabiex tipposponi l-organizzazzjoni tal-fiera u pproponiet il-25, 26 u 27 ta' Ottubru 1999 bħala d-dati l-ġodda.

18     B'risposta għal din it-talba għal modifika, il-Kummissjoni, permezz ta' faks tas-6 ta' Mejju 1999, ikkuntatjat lir-rikorrenti bil-għan ta' modifika eventwali tad-deċiżjoni ta' l-għotja tal-flus tat-18 ta' Marzu 1998, billi ġibdet l-attenzjoni tagħha għall-proġett ta' fiera oħra IBEX fis-settur tat-tessili, fit-22 u t-23 ta' Novembru 1999 fl-Londra (ir-Renju Unit), li wkoll kienet sussidjata mill-fondi komunitarji, u stednitha tikkuntatja lill-organizzaturi ta' din il-fiera sabiex jiġi evitat xogħol doppju bejn iż-żewġ fieri. Hija talbitha tikkomunikalha l-miżuri ta' koordinazzjoni meħuda bil-għan li tiġi ffinalizzata l-proċedura ta' modifika tad-data tal-proġett Euresprit. Wara li fl-4 ta' Ġunju 1999 hija indirizzat tfakkira lir-rikorrenti, il-Kummissjoni tenniet, b'ittra tad-19 ta' Lulju 1999, it-talba tagħha intiża sabiex jiġu ppreċiżati l-miżuri meħuda mir-rikorrenti sabiex tiġi żgurata l-koordinazzjoni tal-proġett tagħha previst Londra. F'din l-ittra, il-Kummissjoni għall-ewwel darba indikat li, peress li ma rċevitx l-informazzjoni li tippermettilha tapprova t-tibdil fid-data tal-fiera Euresprit, hija tista' tikkunsidra tieħu lura s-sussidju diġà mħallas.

19     Ir-rikorrenti wieġbet billi, fil-21 ta' Lulju 1999, iddepożitat rapport fuq il-progress tal-proġett. Madankollu dan ir-rapport ma kienx fih l-informazzjoni kollha mitluba mill-Kummissjoni, jiġifieri l-lista tal-prinċipali u ta' l-SMEs rreġistrati definittivament, in-numru totali ta' interviews iffissati u l-kjarifika dwar il-koordinazzjoni bejn il-fiera prevista mir-rikorrenti u dik prevista fl-Londra. B'ittra tal-11 ta' Awwissu 1999, il-Kummissjoni, wara li reġgħet fakkret dawn il-lakuni, talbet lir-rikorrenti tipprovdilha l-imsemmija informazzjoni qabel il-5 ta' Settembru 1999 jekk hi riedet tevita li l-Kummissjoni ma tipproċedix għall-irkupru tas-sussidju.

20     B'ittra tas-16 ta' Settembru 1999, ir-rikorrenti affermat li kienet ġiet infurmata mill-organizzatur tal-fiera fl-Londra li din ma kinitx ser issir fit-22 u 23 ta' Novembru 1999, imma fir-rebbiegħa ta' l-2000. Ma' din l-ittra kien hemm ukoll lista bl-isem, l-indirizz u s-settur ta' attività ta' 16–il prinċipal u ta' 28 subkuntrattur. Minn dan jirriżulta li l-ebda interview ma kien għadu ġie ffissat bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta' operaturi.

21     Fit-18 ta' Ottubru 1999, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni rapport li kien fih programm ġdid tal-fiera u xi addizzjonijiet meta mqabbla ma' l-ewwel proġett, u pproponiet li l-avveniment jiġi pospost għas-6, 7 u 8 ta' April 2000.

22     Peress illi l-fiera ma seħħitx kif previst u ebda wieħed mill-elementi ta' informazzjoni rċevuta ma seta' jiggrantixxi li din kienet ser isseħħ f'data ġdida, il-Kummissjoni, b'ittra ta' l-14 ta' Diċembru 1999, infurmat lir-rikorrenti li hija kienet ser tibda l-proċedura ta' kanċellazzjoni ta' l-għajnuna finanzjarja mogħtija, sakemm ir-rikorrenti ma tgħatihiex, qabel il-15 ta' Jannar 2000, lista tal-prinċipali u ta' l-SMEs skond il-proġett approvat (300 sa 350 SMEs u 60 sa 70 prinċipali), flimkien mad-dettalji ta' dawn l-impriżi li jippermettu lill-Kummissjoni tikkuntatjhom. Kopja ta' din l-ittra ġiet indirizzata lill-Ministeru Taljan kompetenti.

23     Fir-risposta tagħha ta' l-10 ta' Jannar 2000, ir-rikorrenti fakkret li l-preparazzjoni tal-fiera tax-xerrejja Euresprit kienet uriet "ċertu numru ta' problemi speċifiċi għas-settur tat-tessili u tal-ħwejjeġ, li jibqa' tradizzjonali ħafna fir-relazzjonijiet tiegħu bejn klijenti u fornituri", iżda li l-arranġament propost seta' jiggarantixxi s-suċċess tagħha, peress li d-ditti l-kbar Ewropej kienu esprimew l-appoġġ tagħhom. Hija affermat li 160 subkuntrattur kienu digà rreġistraw u li l-listi tal-parteċipanti kienu ser jiġu aġġornati mill-aħħar ta' Jannar 2000, hija żiedet li l-arranġament mill-ġdid ta' l-inizjattiva tagħha kien suċċess, peress li 50 ditta magħrufa fuq skala internazzjonali ddikkjaraw li kienu lesti jipparteċipaw fil-fiera. Ma' din l-ittra kienet annessa lista bl-ismijiet ta' 22 impriża (AEFFE, HILTON VESTIMENTA, MOSCHILLO, ASPESI, LEVI’S, NIKE, eċċ.) u bl-ismijiet ta' 50 ditta li kienu rrappreżentati mill-imsemmija impriżi. Jirriżulta li l-lista bl-ebda mod ma tikkorispondi mal-lista annessa ma' l-ittra tas-16 ta' Settembru 1999 (ara l-punt 20 iktar 'il fuq).

24     B'ittra ta' l-14 ta' Awwissu 2000, il-Kummissjoni annullat id-deċiżjoni li biha hija kienet tat lir-rikorrenti s-sussidju ta' EUR 500 000 u ordnat il-ħlas lura tal-ħlas bil-quddiem mogħti.

25     Fir-risposta tagħha tat-18 ta' Settembru 2000, ir-rikorrenti kkritikat lill-Kummissjoni li ma rrejaġixxitx għall-proposti tagħha ta' modifika tal-proġett. Hija sostniet, li għalkemm il-fiera ma saritx, preparazzjoni intensa kienet saret sas-sajf ta' l-2000 u din kienet ħolqot ċertu spejjeż. Fi tliet ittri suċċessivi tad-19 ta' Marzu u tal-5 ta' Lulju 2001, ir-rikorrenti sostniet li l-kont finali għandu jieħu in kunsiderazzjoni x-xogħol u l-ispejjeż li hija kienet sostniet.

26     Fid-9 ta' Jannar 2002, ir-rikorrenti ressqet ilment quddiem l-Ombudsman Ewropew u fl-istess ħin talbet lill-Kummissjoni tissospendi l-proċeduri ta' rkupru. F'dan l-ilment, ir-rikorrenti ddikjarat li hija kienet tifhem in-neċessità li jiġi kkanċellat il-proġett tagħha, iżda li hija kienet tinsisti li jittieħdu in kunsiderazzjoni x-xogħolijiet li digà saru kif ukoll l-ispejjeż marbuta magħhom. Hija talbet li l-każ jerġa' jinfetaħ u li terġa' ssir valutazzjoni mill-ġdid ta' l-ammont li għandu jitħallas lura. Fid-deċiżjoni tiegħu tat-18 ta' Settembru 2002, l-Ombudsman Ewropew ikkonkluda li l-Kummissjoni ma kkommettitx atti li jikkostitwixxu amministrazzjoni ħażina skond l-Artikolu 195 KE.

27     Fit-12 ta' Lulju 2002, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni C(2002) 1702 li tikkanċella s-sussidju FEDER Nru 97.05.10.001 mogħti lir-rikorrenti b' deċiżjoni SG(98)D/2251, tat-18 ta' Marzu 1998, u li tordna l-ħlas lura tas-somma mogħtija mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proġett li jikkonċerna l-organizzazzjoni ta' fiera internazzjonali fis-settur tat-tessili u tal-ħwejjeġ f'Kapri (proġett Euresprit) iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), li skond l-Artikolu 4 tagħha hija indirizzata lir-rikorrenti.

28     L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jikkanċella s-sussidju mogħti, filwaqt li Artikolu 2 jordna l-ħlas lura ta' EUR 200 000 li kienu diġà ingħataw. Dawn iż-żewġ Artikoli huma bbażati fuq l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88. Fl-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra, essenzjalment, li l-inkapaċità tar-rikorrenti li tipprovdi l-lista tal-prinċipali u tal-SMEs li kienu ser jipparteċipaw fil-fiera tikkostitwixxi lakuna li taffettwa l-eżistenza stess ta' l-operazzjoni. Konsegwentement, il-falliment tal-proġett IBEX Euresprit iwassal għall-kanċellazzjoni tas-sussidju u għall-irkupru tal-ħlas mogħti indebitament.

29     L-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li d-deċiżjoni tissostitwixxi l-ittra ta' l-14 ta' Awwissu 2000 (ara l-punt 24 iktar 'il fuq).

30     Id-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata lir-rikorrenti fil-15 ta' Lulju 2002 u hija rċevietha fis-16 ta' Lulju 2002.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

31     B'talba ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim' Istanza fl-24 ta' Settembru 2002, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

32     Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim' Istanza (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u li tistieden lill-Gvern Taljan, skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 24 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, iwieġeb għal domanda bil-miktub.

33     Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim' Istanza nstemgħu matul is-seduta ta' l-4 ta' Mejju 2004. F'din l-okkażjoni, ir-risposta tal-Gvern Taljan għad-domanda magħmula mill-Qorti tal-Prim' Istanza ingħatat lill-partijiet. Wara li fit-28 ta' Mejju 2004 dawn ta' l-aħħar ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub fuq din ir-risposta, il-President tat-Tieni Awla għalaq il-proċedura.

34     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim' Istanza:

–       prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata; tiddikjara li l-ħlas ta' EUR 200 000 li ngħata bil-quddiem m'għandux jingħata lura;

–       alternattivament: tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata; tiddikjara li l-ħlas ta' EUR 200 000 li ngħata bil-quddiem għandu jitħallas lura lill-Kummissjoni biss wara li din tkun iddeċidiet fuq l-eliġibbiltà ta' l-ispejjeż sostnuti u proporzjonalment ma' dak li ma ntużax mir-rikorrenti għall-proġett Euresprit;

–       tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

35     Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim' Istanza:

–       tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli;

–       tiċħad ir-rikors bħala mhux fondat f'dak illi huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

36     B'sostenn għar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment ħames motivi. L-ewwel motiv, imqajjem taħt forma ta' nuqqas ta' motivazzjoni, huwa bbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88. Il-motivi l-oħra huma bbażati, rispettivament, fuq ksur tal-prinċipji ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi, ta' ċertezza legali u ta' propozjonalità kif ukoll fuq ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88

37     Ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li kisret l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 4253/88 billi naqset milli tistaqsi lill-Istat Membru kkonċernat, jiġifieri lir-Repubblika Taljana, tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-kanċellazzjoni proposta ta' l-għajnuna finanzjarja in kwistjoni. Il-Kummissjoni għalhekk kisret l-obbligu ta' sħubija li hija għandha f'dan il-qasam.

38     Fis-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżat li kien indispensabbli li l-Gvern Taljan jiġi espliċitament infurmat mill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tikkanċella l-għajnuna finanzjarja in kwistjoni peress li, skond l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 4253/88, l-Istat Membru kkonċernat huwa alternattivament responsabbli għal kull somma mħallsa indebitament fil-każ ta' abbuż jew ta' negliġenza.

39     F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim' Istanza tfakkar li, fis-sentenza tagħha tat-12 ta' Frar 2004, Hortiplant vs Il-Kummissjoni (C-330/01 P, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 jobbliga lill-Kummissjoni titlob lill-Istat Membru kkonċernat jew lill-awtoritajiet nominati minnu sabiex jimplimentaw l-operazzjoni, jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fi żmien determinat.

40     Iċ-ċirkustanzi tal-każ in kwistjoni jippermettu li tiġi aċċettata kumulazzjoni ta' l-istatus ta' awtorità nominata u ta' benefiċjarju ta' l-għajnuna finanzjarja Komunitarja.

41     Fl-ewwel lok, fil-fatt, il-Kummissjoni aċċettat kompletament din il-kumulazzjoni matul l-iżvolġiment tal-proġett IBEX in kwistjoni. Matul is-seduta, il-Kummissjoni enfassizzat in-natura mhux tas-soltu ta' din il-prassi, billi ġġustifikata bil-fatt li l-proġett IBEX in kwistjoni kien ġie direttament iffinanzjat mill-Kummissjoni u esklussivament minn riżorsi Komunitarji bħala "proġett pilota" li għandu interess Komunitarju mmarkat skond l-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Nru 4254/88. Huwa evidenti li, f'tali kuntest relazzjonali u finanzjarju, l-interessi tar-Repubblika Taljana ma setgħux jiġu effettwati b'mod sostanzjali.

42     Fit-tieni lok, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 4253/88 jipprevedi li l-applikazzjonijiet għal għajnuna finanzjarja mill-Fondi Strutturali għandhom jiġu mħejjija mill-Istat Membru "jew mill-awtoritajiet kompetenti nnominati minnu fuq livell nazzjonali, reġjonali, lokali jew ieħor" u għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni mill-Istat Membru " jew minn xi korp ieħor li huwa jinnomina, skond il-każ, għal dan il-għan ". Barra minnhekk, skond l-Artikolu 21(1) ta' l-istess Regolament, il-ħlas ta' l-għajnuna finanzjarja għandu jsir "lill-awtorità jew lill-korp nazzjonali, reġjonali jew lokali nominat għal dan il-għan".

43     Issa, huwa kostanti li l-Gvern Taljan, b'ittra tal-Ministeru ta' l-Industrija, il-Kummerċ u l-Artiġjanat tas-26 ta' Novembru 1997 indirizzata lill-Kummissjoni, espliċitament awtorizza lir-rikorrenti, skond l-Artikolu 14(1) u l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 4253/88, tiżgura l-implimentazzjoni u t-tmexxija finanzjarja tal-fiera tax-xerrejja in kwistjoni.

44     Hekk kif il-Gvern Taljan ippreċiża fir-risposta għal domanda tal-Qorti tal-Prim' Istanza, huwa kellu l-intenzjoni, huwa hu jabbozza din l-ittra, li jikkonferixxi lir-rikorrenti l-istatus ta' "awtorità" u ta' "korp" skond dawn id-dispożizzjonijiet. Il-Gvern Taljan żied li b'hekk huwa kellu l-intenzjoni jikkonferixxi lir-rikorrenti r-responsabbiltà kollha għat-twettiq tal-proġett in kwistjoni, bil-konsegwenza li r-rikorrenti kellha wkoll tiġi kkunsidrata bħala "awtorità nominata" skond l-Artikolu 24(1) tar-Regolament 4253/88.

45     Fit-tielet lok, għandu jingħad ukoll li, waqt l-iżvolġiment tal-proġett IBEX in kwistjoni, ir-rikorrenti kienet ġiet kompletament infurmata bil-fatt li r-rwol ta' "awtorità nominata" kien ġie kkonferit lilha, u li hija aċċettat li tassumi dan ir-rwol.

46     Minn dan jirriżulta li, peress li r-rikorrenti ngħatat ukoll l-istatus ta' "awtorità nominta" skond l-Artikolu 24(1), il-Kummissjoni ma kelliex l-obbligu li tikkonsulta lill-Gvern Taljan qabel ma tadotta d-deċiżjoni kkontestata, peress li skond din id-dispożizzjoni hija kellha l-għażla, meta pproponiet li tikkanċella l-għajnuna in kwistjoni, li titlob lir-Repubblika Taljana jew lill-awtoritajiet nominati minnha jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

47     Din il-konklużjoni mhijiex ikkontradita mill-istatus tar-rikorrenti bħala assoċjazzjoni tad-dritt privat. Fil-fatt, xejn fir-Regolament Nru 4253/88 ma jimpedixxi lill-Istati Membri milli jinkarigaw persuna rregolata mid-dritt privat, b'mod partikolari dik il-persuna li tipproponi t-twettiq tal-proġett imressaq lill-Kummissjoni għall-finijiet tal-finanzjament Komunitarju, b'doveri li jikkonsistu fl-ipproċessar ta' l-applikazzjonijiet għal għajnuna u li tirċievi ħlasijiet skond l-Artikolu 14(1) u l-Artikolu 21(1) ta' dan ir-Regolament. Dan huwa iktar u iktar il-każ meta, bħal f'din il-kawża, il-proġett finanzjarju in kwistjoni jolqot biss b'mod marġinali l-interessi pubbliċi ta' l-Istat li lilu jappartjeni l-benefiċċjarju tal-fondi Komunitarji.

48     Barra minnhekk, ir-Regolament Nru 1260/1999 – li, sabiex jiżgura trasparenza aħjar tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, ġabar f'regolament wieħed id-dispożizzjonijiet dwar il-Fondi Strutturali u ħassar, b'mod partikolari, ir-Regolament Nru 4253/88 – iċċara din il-kwistjoni fl-Artikolu 9(n) billi jiddefinixxi bħala "awtorità amministrattiva" "kull awtorità pubblika jew privata jew korp fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali nominat mill-Istat Membru […] li jaministraw l-għajnuna għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament", u jżid li "l-awtorità amministrattiva tista' tkun l-istess korp bħall-awtorità li tkun qiegħda tħallas għall-għajnuna in kwestjoni".

49     Safejn ir-rikorrenti tirreferi għall-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 4253/88, huwa biżejjed li jiġi osservat li din il-kawża ma tikkonċernax il-kwistjoni dwar liema huma l-kundizzjonijiet li taħthom ir-Repubblika Taljana tista' tiġi obbligata, alternattivament, tħallas lura somma indebitament imħallsa mill-Kummissjoni fil-każ ta' abbuż jew ta' negliġenza imwettqa fil-kuntest tal-proġett in kwistjoni. Għalhekk, f'dan il-kuntest – li huwa dak ta' l-irkupru mingħand ir-rikorrenti ta' għajnuna mħallsa - , mhemmx lok li jiġi deċiż jekk tali responsabbiltà finanzjarja tippresupponix li l-Kummissjoni infurmat minn qabel lill-Gvern Taljan, f'forma ġusta u xierqa, bl-intenzjoni tagħha li tipproċedi għall-kanċellament ta' l-għajnuna in kwistjoni.

50     F'kull każ, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni bagħtet kopja ta' ittra ta' l-14 ta' Diċembru 1999 lill-Ministeru Taljan kompetenti (ara l-punt 22 iktar 'il fuq) u bl-istess ittra informat lill-Gvern Taljan li proċedura intiża għall-kanċellazzjoni ta' l-għajnuna mħallsa lir-rikorrenti setgħet tinbeda. B'kunsiderazzjoni għaċ-ċirkustanzi fattwali speċifiċi ta' dan il-każ, din l-informazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala li hija suffiċjenti sabiex tippermetti lil dan il-Gvern jippreżenta osservazzjonijiet lill-Kummissjoni, barra dawk ta' l-awtorità li huwa nnomina, sabiex jipproteġi l-interessi tiegħu.

51     Minn dan jirriżulta li, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 4253/88.

52     Konsegwentement, l-ewwel ilment huwa miċħud.

 Fuq il-motivi bbażati fuq ksur tal-prinċipji ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi, ta' ċertezza legali u ta' propozjonalità

53     Hemm lok li jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li l-proġett Euresprit ippreżentat mir-rikorrenti qatt ma twettaq u li dan ir-rikors mhuwiex intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sabiex ir-rikorrenti titqiegħed f'pożizzjoni li twettaq dan il-proġett jew sabiex takkwista l-ħlas tas-sussidju kollu li ngħata b'deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Marzu 1998. Fil-fatt, diġà matul il-proċedura prekontenzjuża r-rikorrenti kkonstatat li "il-fiera ma kinitx effettivament saret" (ittra tat-18 ta' Settembru 2000) u indunat bin-"neċessità li ttemm dan il-proġett" (ilment ippreżentat lill-Ombudsman Ewropew fid-9 ta' Jannar 2002).

54     Konsegwentement, it-tliet motivi in kwistjoni huma intiżi sabiex jiddenunzjaw l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata safejn din titlob il-ħlas lura tas-somma kollha mħallsa bil-quddiem ta' EUR 200 000 mingħajr ma tqis l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti sabiex tibda l-proġett u sabiex tipprova twettqu. F'dan il-kuntest, ir-rikorrenti tippreċiża li dawn l-ispejjeż kienu, f'kull każ, ikunu eliġibbli kieku l-fiera Euresprit setgħet isseħħ. Hija żżid li, fid-dawl ta' l-ittri numerużi u tat-talbiet għal modifika differenti tagħha, il-Kummissjoni kienet infurmata bid-diffikultajiet inerenti għall-organizzazzjoni tat-tip ta' fiera ppreżentata fil-proġett inizjali.

55     Fl-aħħar, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li rrifjutat, b'mod żbaljat, li tirrikonoxxi, matul il-proċedura prekontenzjuża, in-natura eliġibbli ta' l-ispejjeż li r-rikorrenti kienet sostniet matul l-ewwel fażijiet tal-proġett tagħha, minħabba li dawn l-ispejjeż ma kienux ġew iċċertifikati kif suppost. Skond ir-rikorrenti, iċ-ċertifikazzjoni ta' l-ispejjeż kellha tiġi ppreżentata biss mar-rapport finali, jiġifieri wara li titlesta l-operazzjoni.

56     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 24(1) u (2) tar-Regolament Nru 4253/88 jippermetti lill-Kummissjoni tikkanċella l-għajnuna finanzjarja kollha allokata jekk it-twettiq ta' l-operazzjoni ffinanzjata "jidher li la jiġġustifika parti u lanqas it-totalità" ta' din l-għajnuna (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-24 ta' Jannar 2002, Conserve Italia vs Il-Kummissjoni, P, Ġabra p. I‑867, punti 88 sa 90).

57     F'dan il-każ, l-operazzjoni ffinanzjata kienet il-fiera tax-xerrejja IBEX fis-settur tat-tessili u l-ħwejjeġ li dettalji tagħha kienu deskritti fil-fajl ippreżentat mir-rikorrenti u li l-elementi essenzjali tagħha kienu ddeterminati fil-Vade Mecum u fid-dikjarazzjoni tal-benefiċċjarju ffirmata kif suppost mir-rikorrenti.

58     Kif jirriżulta minn dawn it-testi, is-sostanza stess ta' fiera bħal din tikkonsisti f'li tippermetti lill-impriżi l-kbar u lill-SMEs eliġibbli f'settur speċifiku jorganizzaw laqgħat skedati minn qabel bil-għan li tiġi stabbilità sħubija kummerċjali teknoloġika. Konsegwentement, l-għażla ta' l-imsieħba hija kkunsidrata bħala fundamentali għas-suċċess tal-proġett. L-organizzatur għandu jsegwi timetable preċiża li tikkonsisti fi tmien fażijiet u għandu jippreżenta, minn ta' l-inqas erba' xhur qabel id-data tal-fiera, rapport intermedjarju flimkien mal-lista ta' l-impriżi digà rreġistrati.

59     Issa, il-fiera proposta mir-rikorrenti – li kellha tiġi organizzata f'Kapri u li kellha tlaqqgħa flimkien 60 sa 70 impriżi kbar kif ukoll 300 sa 350 SMEs – qatt ma seħħet, lanqas parzjalment.

60     Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti tilfet kull dritt għall-għajnuna finanzjarja in kwistjoni. Fil-fatt, l-obbligu ta' eżekuzzjoni materjali tal-proġett kien jikkostitwixxi d-dover essenzjali tar-rikorrenti u, għalhekk, kien jikkundizzjona l-għotja ta' l-għajnuna Komunitarja (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim' Istanza tal-24 ta' April 1996, Industrias Pesqueras Campos et vs Il-Kummissjoni, T-551/93 u T-231/94 sa T-234/94, Ġabra p. II-247, punt 160). Finanzjament parzjali mill-Kummissjoni kien ikun possibbli biss fil-każ ta' twettiq parzjali tal-proġett, per eżempju jekk il-fiera kienet ġiet organizzata għal perijodu ta' inqas minn tlett ijiem jew għal numru ta' parteċipanti inqas minn dak prevvist mir-rikorrenti. Però xorta waħda jibqa' l-fatt li din il-fiera kellha effettivament isseħħ.

61     Peress li l-għajnuna finanzjarja in kwistjoni ġiet mogħtija speċifikament u esklussivament għat-twettiq ta' fiera tax-xerrejja IBEX, u mhux għal xogħolijiet li r-rikorrenti tikkunsidra bħala ġeneralment utli għaliex, skond kliemha, dawn ix-xogħolijiet "ippermettew li jingħataw lezzjonijiet utli dwar is-settur" (ittra tat-18 ta' Settembru 2000), l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti għal dawn ix-xogħolijiet ma jistgħux jiġu attribwiti għall-badġit Komunitarju.

62     Minn dan jirriżulta li l-ilment li l-Kummissjoni rrifjutat b'mod żbaljat li tirrikonnoxxi n-natura eliġibbli ta' l-ispejjeż allegatament sostnuti għall-preparazzjoni tal-fiera in kwistjoni għandu jiġi miċħud bħala bla effett. Fil-fatt, anki kieku dawn l-ispejjeż ġew rikonoxxuti u l-Kummissjoni ħallset it-tieni rata tas-sussidju lir-rikorrenti, din ta' l-aħħar, minħabba l-falliment totali tal-proġett tagħha, kienet tkun obbligata tħallas lura t-total tal-ħlas bil-quddiem li tkun irċeviet.

63     F'kull każ, il-Kummissjoni kienet korretta meta rrifjutat li tħallas it-tieni rata ta' l-għajnuna finanzjarja u li tirrikonoxxi l-eliġibbiltà ta' l-ispejjeż li r-rikorrenti tallega li sostniet bil-għan li twettaq il-proġett in kwistjoni. Fil-fatt, għalkemm id-dikjarazzjoni tal-benifiċċjarju ffirmata mir-rikorrenti tindika espressament, fil-punt 3, li l-ħlas ta' din ir-rata kien jiddependi, b'mod partikolari, fuq il-preżentazzjoni ta' dikjarazzjoni intermedjarja ta' badġit "li tafferma li minn ta' l-inqas 50% ta' l-ewwel rata ta' dan is-sussidju diġà intefaq") ("attesting that at least 50 % of the first instalment of this subsidy has already been spent"), ir-rikorrenti illimitat ruħha li tgħaddi lill-Kummissjoni sempliċi lista ta' spejjeż allegatament sostnuti fil-kuntest tal-proġett, mingħajr "ma tafferma" – permezz tal-preżentazzjoni ta' fattura jew estratti tal-kont – li dawn l-ispejjeż verament ġew sostnuti, u dan preċiżament għat-twettiq tal-proġett in kwistjoni.

64     Għandu jingħad ukoll li, b'ittra tat-12 ta' Jannar 1999 – jiġifieri f'mument fejn ir-rikorrenti kienet għadha bil-ħsieb li twettaq il-proġett, għalkemm f'data iktar tard minn dik inizjalment prevista -, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tar-rikorrenti għall-fatt li hija kellha tippreżenta rapport finanzjarju li jippreċiża l-istat ta' l-ispejjeż fir-rigward tal-badġit approvat. Għal dan il-għan, hija għadditilha formula li hija kellha timla li minnha jirriżulta li l-ħlas tat-tieni rata, tat-tielet rata u tal-bilanċ ta' l-għajnuna mogħtija kien jiddependi fuq iċ-ċertifikazzjoni ta' l-ispejjeż invokati. Ir-rikorrenti naqset milli timla din il-formola u li tibgħatha lill-Kummissjoni bil-għan li tirċievi l-ħlas tat-tieni rata.

65     Issa, skond ġurisprudenza kostanti, l-applikanti u l-benefiċċjarji ta' għajnuna jassumu l-obbligu li jipprovdu informazzjoni u li jkunu lejali, liema obbligu jobblighom li jiżguraw li huma jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni affidabbli li ma tistax tisgwidha, mingħajr liema s-sistema ta' kontroll u ta' provi stabbilità sabiex jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet ta' għotja ta' l-għajnuna humiex sodisfatti ma tistax taħdem korrettament (sentenza tal-Qorti tal-Prim' Istanza tas-17 ta' Ottubru 2002, Astipesca vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. II‑3985, punt 93, u l-ġurisprudenza ċċitata).

66     Għalhekk il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li kkawżat id-dewmien fit-twettiq tal-proġett u l-falliment finali tiegħu permezz tar-rifjut tagħha li testendi l-finanzjament oltre l-ewwel rata ta' l-għajnuna mogħtija. Għalkemm huwa minnu li r-rikorrenti, minn kmieni, talbet lill-Kummissjoni tipposponi d-data tal-fiera proposta, mill-korrispondenza bejn il-partijiet imsemmija (ara l-punti 16 sa 24 iktar 'il fuq) jirrizulta li l-Kummissjoni dejjem rreaġiet f'manjiera kostruttiva għat-talbiet ta' modifika u għall-verżjonijiet riveduti tal-proġett li r-rikorrenti ppreżentatilha. Għaldaqstant, ma kinitx l-attitudni tal-Kummissjoni li impedixxiet lir-rikorrenti milli ssib data konvenjenti għall-fiera proposta, li tikoordina din id-data, jekk ikun neċessarju, ma' dawk ta' fieri oħra ta' l-istess natura u li tissodisfa waħda mill-kriterji preliminari fundamentali tal-fiera proposta, jiġifieri l-komunikazzjoni ta' lista ta' 60 sa 70 prinċipali u ta' 300 sa 350 SMEs irreġistrati għall-fiera in kwistjoni. Barra minnhekk, ir-rikorrenti stess spjegat id-diffikultajiet li l-proġett tagħha iltaqa' magħhom, kkostitwiti mill-ostakoli speċifiċi għas-settur tat-tessili (ittra ta' l-10 ta' Jannar 2000, ara l-punt 23 iktar'il fuq) u minn nuqqas ta' reazzjoni ta' l-impriżi tas-settur, billi rrilevat li s-settur kien għaddej minn perijodu ta' kriżi priniċipalment strutturali (tielet rapport intermedjarju ta' Ottubru 1999). Issa, dawn huma avvenimenti li jaqgħu esklussivament taħt ir-responsabbiltà tar-rikorrenti, assoċjazzjoni attiva fis-settur tat-tessili.

67     F'dawn iċ-ċirkustanzi, wara li ġie kkonstatat li l-fiera tax-xerrejja proposta mir-rikorrenti ma saritx fid-dati previsti, il-Kummissjoni kellha raġun tikkanċella l-għajnuna finanzjarja kollha mogħtija u tirkupra l-ħlas li diġà ħalset. F'kull każ, fin-nuqqas ta' affermazzjoni li wieħed jista' joqgħod fuqha ta' l-ispejjeż allegatament sostnuti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proġett in kwistjoni, il-Kummissjoni mhix obbligata tirrikonoxxi dawn l-ispejjeż, lanqas parzjalment, bħala eliġibbli u tirkupra biss parti mill-ħlas li diġà tħallas bil-quddiem.

68     Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tkun proporzjonata għall-falliment totali tal-proġett in kwistjoni.

69     Jirriżulta wkoll li r-rikorrenti, li taf li l-proġett tagħha falla, ma tistax leġittimament tispera li l-Kummissjoni ma tirkuprax il-ħlas li tħallas bil-quddiem, aktar u aktar meta l-Kummissjoni ripetutament informat lir-rikorrenti, fil-korrispondenza tagħhom (ara l-punti 17 sa 19 u 27 iktar 'il fuq), li r-rikorrenti kienet naqset milli twettaq obbligi essenzjali fl-eżekuzzjoni tal-proġett u li hija, b'mod partikolari ma affermatx l-eliġibbiltà ta' l-ispejjeż allegatament sostnuti għal dan il-għan. Għalhekk kien eskluż li r-rikorrenti seta' jkollha xi aspettattiva leġittima.

70     Fl-aħħar, fid-dawl ta' l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88, tal-Vade Mecum u tad-dikjarazzjoni tal-benefiċċjarju, ir-rikorrenti kellha tistenna li kienet ser tkun obbligata tħallas lura s-sussidju rċevut fil-każ li l-kundizzjonijiet ta' l-għotja ma ġewx irrispettati. Fid-dawl ta' dawn ir-regoli, id-deċiżjoni kkontestata hija għalhekk konformi mal-prinċipju ta' ċertezza legali.

71     Konsegwentement, il-motivi bbażati fuq ksur tal-prinċipji ta' proporzjonalità, ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi u ta' ċertezza legali għandhom jiġu miċħuda bħala mhux fondati.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni

72     Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata ma ppermetitilhiex tifhem għaliex id-dokumenti li hija kienet ipprovdiet matul il-proċedura prekontenzjuża, b'mod partikolari t-tielet verżjoni tar-rapport intermedjarju tat-18 ta' Ottubru 1999, kif ukoll it-talbiet għal modifika tal-proġett u r-rendikont ta' l-ispejjeż sostnuti ġew ikkunsidrati bħala insuffiċjenti għall-akkwist tas-sussidju in kwistjoni.

73     F'dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-motivazzjoni ta' deċiżjoni individwali għandha turi, b'mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament ta' l-istituzzjoni li adottat id-deċiżjoni, b'tali manjiera li tippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. L-eżistenza ta' motivazzjoni adegwata għandha tiġi evalwata skond iċ-ċirkustanzi tal-kawża. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha tad-dritt u tal-fatt rilevanti, in kwantu l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni tissodisfax jew le l-ħtiġijiet ta' l-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fir-rigward mhux biss tal-kliem tagħha imma wkoll fil-kuntest li fih dan l-att ġie adottat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

74     F'dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata giet immotivata mill-falliment tal-proġett Euresprit, minħabba l-inkapaċità tar-rikorrenti li tipprovdi l-lista tal-prinċipali u ta' l-SMEs parteċipanti fil-fiera in kwistjoni u n-nuqqas ta' rapport finanzjarju akkumpanjat minn rapport intermedjarju. Barra minnhekk, din id-deċiżjoni rreferiet għall-korrispondenza skambjata bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti dwar l-elementi li kienu nieqsa sabiex jitkompla l-proġett (punti 7 sa 14, 21 u 22 tad-deċiżjoni kkontestata). Fid-dawl ta' dawn l-elementi, ir-rikorrenti setgħet kompletament tkun konxja tar-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni kkontestata u, jekk neċessarju, li tikkuntesthom, u l-Qorti tal-Prim' Istanza setgħat validament teżerċità l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

75     Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni ma jistax jiġi milqugħ.

76     Peress illi ebda wieħed mill-motivi mqajjma b'sostenn għat-talbiet ppreżentati b'mod prinċipali jew b'mod alternattiv ma ġie milqugħ, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu bħala mhux fondat, mingħajr m'huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-oġġezzjonijiet ta' inammissibbiltà mqajjma mill-Kummissjoni kontra t-tieni kap tat-talbiet ippreżentati b'mod prinċipali u kontra t-talbiet ippreżentati alternattivament.

 Fuq l-ispejjeż

77     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet tal-Kummissjoni f'dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla )

taqta’ u tiddeciedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha u dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

Pirrung

Meij

Forwood

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-14 ta' Settembru 2004.

H J.ung

 

       J. Pirrung

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-proċedura: il-Franċiż.