Language of document : ECLI:EU:C:2019:1064

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

11 ta’ Diċembru 2019 (*)

[Test irrettifikat bid-digriet tat-13 ta’ Frar 2020]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7 u 8 – Direttiva 95/46/KE – Artikolu 6(1)(ċ) u Artikolu 7(f) – Leġittimazzjoni tal-ipproċessar ta’ data personali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti sorveljanza bil-vidjo sabiex jiġu żgurati s-sigurtà u l-protezzjoni tal-persuni, tal-beni u tal-affarijiet ta’ valuri u sabiex jiġu protetti interessi leġittimi, mingħajr il-kunsens tas-suġġett tad-data – Installazzjoni ta’ sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo fil-partijiet komuni ta’ proprjetà immobbli użata għall-abitazzjoni”

Fil-Kawża C-708/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Ottubru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Novembru 2018, fil-proċedura

TK

vs

Asociaţia de Proprietari bloc M5A-ScaraA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatur), President tal-Awla, L. S. Rossi, J. Malenovský, F. Biltgen u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Rumen, minn C.-R. Canţăr kif ukoll minn O.-C. Ichim u A. Wellman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u O. Serdula, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. Nymann-Lindegren, M. Wolff u P. Z. L. Ngo, bħala aġenti,

–        [kif irrettifikata bid-digriet tat-13 ta’ Frar 2020] għall-Irlanda, minn M. Browne, G. Hodge u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn D. Fennelly, BL,

–        għall-Gvern Awstrijak, inizjalment minn G. Hesse u J. Schmoll, sussegwentement minn J. Schmoll, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, P. Barros da Costa, L. Medeiros, I. Oliveira u M. Cancela Carvalho, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Kranenborg, D. Nardi kif u L. Nicolae, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)(e) u tal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), kif ukoll tal-Artikoli 8 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn TK u l-Asociaţia de Proprietari bloc M5A-ScaraA (l-Assoċjazzjoni tal-koproprjetarji tal-proprjetà immobbli M5A-ScaraA, ir-Rumanija, iktar ’il quddiem l-“Assoċjazzjoni tal-koproprjetarji”), fir-rigward tat-talba ta’ TK sabiex din l-assoċjazzjoni tiġi ordnata ma tħaddimx is-sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo ta’ din il-proprjetà immobbli u tneħħi l-kameras installati fil-partijiet komuni tagħha.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Id-Direttiva 95/46 ġiet imħassra u ssostitwita, b’effett mill-25 ta’ Mejju 2018, bir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, (ĠU 2016, L 119, p. 1 u r-rettifika fil-ĠU 2018 L 127, p. 2). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din tkompli tkun suġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

4        L-għan tad-Direttiva 95/46/KE kien, skont l-Artikolu 1 tagħha, li l-Istati Membri jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertà ta’ persuni fiżiċi, u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-ħajja privata fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, kif ukoll it-tneħħija ta’ ostakoli għall-moviment liberu ta’ din id-data.

5        L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva kien jipprevedi:

“Din id-Direttiva għandha tkun applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar”.

6        Il-Kapitolu II tal-imsemmija direttiva kien jinkludi t-Taqsima I, intitolata “Prinċipji dwar il-kwalità tad-data”, komposta mill-Artikolu 6 ta’ din l-istess direttiva, li kien jipprevedi:

“1.      Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali għandu jkun:

a)      ipproċessat b’mod ġust u skond il-liġi;

b)      miġbur għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u mhux ipproċessat aktar b’mod li ma jkunx kompatibbli ma dawk il-finijiet. Ippoċessar iktar ta’ data għal finijiet storiċi, ta’ statistika jew xjentifiċi m’għandux jitqies bħala inkompatibbli sakemm dak l-Istat Membru jagħti protezzjoni xierqa;

ċ)      adekwat, rilevanti u mhux eċċessiv għall-finijiet li għalih jinġab u/jew jiġi iktar ipproċessat;

d)      eżatt u, fejn meħtieġ, jinżamm aġġornat; għandu jsir dak kollu raġjonevoli biex ikun assigurat li data li ma tkunx eżatta jew mhux kompleta, meħud kont tal-finijiet li għalihom kien inġabar jew li għalihom ikun sar iktar ipproċessar, jitħassar jew jissewwa;

e)      miżmum b’mod li jippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux iktar milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data tkun inġabret jew li għalihom tkun iktar ipproċessata. Stati Membri għandhom jistabbilixxu protezzjoni xierqa għal data personali maħżuna għal perijodi itwal għal użu storiku, ta’ statistika jew xjentifiku.

2.      Għandu jkun il-kontrollur li jassigura [jiżgura] konformità mal-paragrafu 1”.

7        Fit-Taqsima II ta’ dan il-Kapitolu II, intitolata “Kriterji biex l-ipproċessar ta’ data jkun leġittimu”, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46 kien ifformulat kif ġej:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk:

a)      is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu b’mod ċar;

jew

b)      l-ipproċessar ikun meħtieġ biex isir kuntratt li tiegħu s-suġġett tad-data jkun parti jew biex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jagħmel kuntratt;

jew

ċ)      l-ipproċessar ikun meħtieġ biex titħares obbligazzjoni legali li s-suġġett tagħha jkun il-kontrollur;

jew

d)      l-ipproċessar ikun meħtieġ biex jipproteġi l-interessi vitali tas-suġġett tad-data;

jew

e)      l-ipproċessar ikun meħtieġ biex isir ħidma fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika vestita fil-kontrollur jew f’parti terza li lilha jkun żvelat id-data;

jew

f)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ l-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur jew il-parti terza jew il-partijiet li lilhom ikun żvelat id-data, ħlief meta dawk l-interessi jiġu wara l-interessi ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jkun jeħtiġilhom protezzjoni skond l-Artikolu 1(1).”

 Id-dritt Rumen

8        Il-Legea nr. 677/2001 pentru protecția persoanelor cu privire la prelucrarea datelor cu caracter personal și libera circulație a acestor date (il-Liġi Nru 677/2001 dwar il-protezzjoni tal-persuni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u dwar il-moviment liberu ta’ din id-data) (Monitorul Oficial, Parti I, Nru 790 tat-12 ta’ Diċembru 2001), kif emendata bil-Liġi Nru 102/2005 u bid-Digriet b’urġenza tal-Gvern Nru 36/2007, applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali, ġiet adottata għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 95/46 fid-dritt Rumen.

9        L-Artikolu 5 ta’ din il-liġi kien jipprevedi:

“1.      Kull ipproċessar ta’ data personali, ħlief jekk dan jirrigwarda data li taqa taħt il-kategoriji msemmija fl-Artikolu 7(1) u fl-Artikoli 8 u 10, jista’ jitwettaq biss jekk is-suġġett tad-data jkun, espliċitament u bla dubju, ta l-kunsens tiegħu għal dan l-ipproċessar.

2.      Il-kunsens tas-suġġett tad-data ma huwiex meħtieġ fil-każijiet li ġejjin:

a)      meta l-ipproċessar huwa neċessarju għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt jew ta’ abbozz ta’ kuntratt li għalih huwa parti s-suġġett tad-data jew għall-adozzjoni ta’ miżuri, fuq talba ta’ dan tal-aħħar, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt jew ta’ abbozz ta’ kuntratt;

b)      meta l-ipproċessar huwa neċessarju għall-protezzjoni tal-ħajja, tal-integrità fiżika jew tas-saħħa tas-suġġett tad-data jew ta’ persuna oħra mhedda;

c)      meta l-ipproċessar huwa neċessarju għall-osservanza ta’ obbligu legali tal-kontrollur;

d)      meta l-ipproċessar huwa neċessarju għat-twettiq ta’ missjoni ta’ interess pubbliku jew ikun jirrigwarda l-eżerċizzjoni tal-prerogattivi ta’ setgħa pubblika mogħtija lill-kontrollur jew lil terz li lilu tiġi żvelata d-data;

e)      meta l-ipproċessar huwa neċessarju għat-twettiq ta’ interess leġittimu tal-kontrollur jew ta’ terz li lilu tiġi żvelata d-data, bil-kundizzjoni li dan l-interess ma jippreġudikax l-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data;

f)      meta l-ipproċessar jikkonċerna data misluta minn dokumenti aċċessibbli għall-pubbliku, b’mod konformi mal-liġi;

g)      meta l-ipproċessar jitwettaq għal finijiet esklużivament ta’ statistika, ta’ riċerka storika jew xjentifika, u meta d-data tibqa’ anonima matul l-ipproċessar kollu.

3.      Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 huma bla ħsara għad-dispożizzjonijiet legali li jirregolaw l-obbligu tal-awtoritajiet pubbliċi li josservaw u li jipproteġu l-ħajja intima, tal-familja u privata.”

10      Id-Deċiżjoni Nru 52/2012 tal-Autoritate Națională de Supraveghere a Prelucrării Datelor cu Caracter Personal (l-Awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza tal-ipproċessar tad-data personali, Ir-Rumanija, iktar ’il quddiem l-“ANSPDCP”) dwar l-ipproċessar tad-data personali permezz tal-użu ta’ mezzi ta’ sorveljanza bil-vidjo, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, kienet tipprevedi, fl-Artikolu 1 tagħha:

“Il-ġbir, ir-reġistrazzjoni, il-ħażna, l-użu, it-trażmissjoni, l-iżvelar jew kull operazzjoni oħra ta’ pproċessar tal-immaġni permezz ta’ mezzi ta’ sorveljanza bil-vidjo, li jippermettu direttament jew indirettament li jiġu identifikati persuni fiżiċi, jikkostitwixxu operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data personali li huma koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-[Liġi Nru 677/2001].”

11      L-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni kien jipprevedi:

“Is-sorveljanza bil-vidjo tista’ titwettaq prinċipalment għall-għanijiet li ġejjin:

a)      il-prevenzjoni tal-ksur u l-ġlieda kontra dan il-ksur;

b)      is-sorveljanza tat-traffiku fit-toroq u l-konstatazzjoni ta’ ksur tar-regoli tat-traffiku fit-toroq;

c)      il-ħarsien u l-protezzjoni tal-persuni, tal-beni u ta’ affarijiet ta’ valur, tal-proprjetà immobbli u tal-installazzjonijiet ta’ utilità pubblika kif ukoll l-akwati tagħhom;

d)      l-eżekuzzjoni ta’ miżuri ta’ interess pubbliku jew l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika;

e)      sabiex jiġu protetti interessi leġittimi, bil-kundizzjoni li ma jiġux ippreġudikati d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġetti tad-data.”

12      Skont l-Artikolu 5(1) sa (3) tal-imsemmija deċiżjoni:

“1.      Is-sorveljanza bil-vidjo tista’ titwettaq fil-postijiet u fl-ispazji miftuħa u intiżi għall-pubbliku, inkluż fit-toroq pubbliċi ta’ aċċess li jinstabu fi proprjetà pubblika jew privata, taħt il-kundizzjonijiet stipulati fil-liġi.

2.      Il-kameras ta’ sorveljanza bil-vidjo għandhom ikunu installati b’mod li jidhru.

3.      L-użu ta’ mezzi moħbija ta’ sorveljanza bil-vidjo huwa pprojbit, ħlief fil-każijiet stipulati fil-liġi.”

13      L-Artikolu 6 tal-istess deċiżjoni kien jistipula:

“L-ipproċessar tad-data personali permezz ta’ sistemi ta’ sorveljanza bil-vidjo titwettaq bil-kunsens espliċitu u bla dubju tas-suġġett tad-data jew fil-każijiet previsti fl-Artikolu 5(2) tal-Liġi Nru 677/2001[…].”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      TK huwa residenti f’appartament, proprjetà tiegħu, li jinsab fil-proprjetà immobbli M5A. Fuq talba ta’ ċerti koproprjetarji ta’ din il-proprjetà immobbli, l-Assoċjazzjoni tal-koproprjetarji adottat, waqt laqgħa ġenerali li nżammet fis-7 ta’ April 2016, deċiżjoni li tapprova l-installazzjoni ta’ kameras ta’ sorveljanza bil-vidjo f’din il-proprjetà immobbli.

15      B’eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni, ġew installati tliet kameras ta’ sorveljanza bil-vidjo fil-partijiet komuni tal-proprjetà immobbli M5A. L-ewwel kamera kienet orjentata lejn il-faċċata tal-proprjetà immobbli, filwaqt li t-tieni u t-tielet kameras kienu installati, rispettivament, fid-daħla tal-pjan terran u fil-lift tal-proprjetà immobbli.

16      TK oppona l-installazzjoni ta’ din is-sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo, sa fejn din tikkostitwixxi ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata.

17      Wara li kkonstata li, minkejja d-diversi proċeduri mnedija minnu u minkejja l-ammissjoni bil-miktub tal-Assoċjazzjoni tal-koproprjetarji li s-sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo installata hija illegali, din is-sistema kompliet tiġi mħaddma, TK ressaq azzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex l-imsemmija assoċjazzjoni tiġi ordnata tneħħi t-tliet kameras u, b’mod definittiv, ma tibqax tħaddimhom taħt piena ta’ impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità.

18      Quddiem dik il-qorti, TK sostna li s-sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo inkwistjoni tikser kemm id-dritt primarju u sussidjarju tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, kif ukoll id-dritt nazzjonali li jitratta d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata. Barra minn dan huwa indika li l-Assoċjazzjoni tal-koproprjetarji kienet assumiet il-funzjoni ta’ kontrollur tad-data personali mingħajr ma segwiet il-proċedura ta’ reġistrazzjoni prevista għal dan il-għan mill-liġi.

19      L-Assoċjazzjoni tal-koproprjetarji indikat li d-deċiżjoni li tiġi installata sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo kienet ittieħdet sabiex jiġu kemm jista’ jkun ikkontrollati d-dħul u l-ħruġ fil-proprjetà immobbli, minħabba l-fatt li l-lift kien ġie vvandalizzat diversi drabi u li diversi appartamenti kif ukoll il-partijiet komuni kienu s-suġġett ta’ dħul mingħajr permess u ta’ serq.

20      Hija speċifikat ukoll li miżuri oħra li hija kienet preċedentement adottat, jiġifieri l-installazzjoni ta’ sistema ta’ dħul fil-proprjetà immobbli bl-intercom u bil-kard manjetika ma kinux waqqfu t-twettiq ripetut ta’ ksur tal-istess natura.

21      L-Assoċjazzjoni tal-koproprjetarji barra minn hekk bagħtet lil TK il-minuti li hija kienet fasslet flimkien mal-kumpannija li kienet installat il-kameras tas-sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo, fejn kien indikat li fil-21 ta’ Ottubru 2016, il-hard disk tas-sistema kienet ġiet ifformatjata u ma kinitx għada mqabbda, li s-sistema ma kinitx għadha taħdem u li l-immaġni rreġistrati kienu ġew imħassra.

22      Hija kkomunikatlu wkoll minuti oħra tat-18 ta’ Mejju 2017 li minnhom jirriżulta li t-tliet kameras ta’ sorveljanza bil-vidjo kienu ġew żarmati. Dawn il-minuti jispeċifikaw li l-Assoċjazzjoni tal-koproprjetarji kienet, fil-frattemp, wettqet il-proċedura li tippermettilha tiġi rreġistrata bħala kontrollur ta’ data personali.

23      Madankollu TK osserva quddiem il-qorti tar-rinviju li t-tliet kameras ta’ sorveljanza bil-vidjo kienu għadhom hemmhekk.

24      Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 677/2001 jipprevedi, b’mod ġenerali, li l-ipproċessar ta’ data personali, bħar-reġistrazzjoni ta’ immaġni permezz ta’ sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo, tista’ titwettaq biss jekk is-suġġett tad-data jagħti l-kunsens espliċitu u bla dubju tiegħu. L-Artikolu 5(2) tal-istess liġi madankollu jipprevedi sensiela ta’ eċċezzjonjiet għal din ir-regola, li fosthom hemm dik li tgħid li l-ipproċessar ta’ data personali huwa neċessarju għall-protezzjoni tal-ħajja, tal-integrità fiżika jew tas-saħħa tas-suġġett tad-data jew ta’ persuna oħra mhedda. Id-Deċiżjoni Nru 52/2012 tal-ANSPDCP tipprevedi eċċezzjoni tal-istess natura.

25      Il-qorti tar-rinviju wara dan tagħmel riferiment, b’mod partikolari, għall-Artikolu 52(1) tal-Karta li jissanċixxi l-prinċipju li jgħid li għandu jkun hemm relazzjoni ta’ proporzjonalità bejn l-għan imfittex mil-limitazzjonijiet għad-drittijiet u għal-libertajiet taċ-ċittadini u l-mezzi użati.

26      Issa, skont dik il-qorti, ma jidhirx li s-sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo inkwistjoni quddiemha kienet intużat b’mod li ma kienx jaqbel mal-għan iddikjarat mill-Assoċjazzjoni tal-koproprjetarji, jiġifieri dak li tiġi protetta l-ħajja, l-integrità fiżika u s-saħħa tas-suġġetti tad-data, jiġifieri l-koproprjetarji tal-proprjetà immobbli li fiha ġiet installata din is-sistema.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, Ir-Rumanija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikoli 8 u 52 tal-[Karta] u l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva [95/46] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-Artikolu 5(2) tal-[Liġi Nru 677/2001] u l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 52/2012 tal-[ANSPDCP], li tipprevedi l-possibbiltà li tintuża s-sorveljanza bil-vidjo sabiex jiġu ggarantiti s-sigurtà u l-protezzjoni tal-persuni, tal-beni u ta’ affarijiet ta’ valur u sabiex jiġu protetti interessi leġittimi, mingħajr il-kunsens tas-suġġett tad-data?

2)      L-Artikoli 8 u 52 tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-limitazzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet minħabba s-sorveljanza bil-vidjo tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, tissodsifa r-rekwiżit ta’ dak li “ikun meħtieġ” u tissodisfa għan ta’ ‘interess ġenerali’ jew “il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn” f’sitwazzjoni fejn l-operatur ikun jista’ jadotta miżuri oħra sabiex jipproteġi l-interess leġittimu inkwistjoni?

3)      L-Artikolu 7(f) tad-Direttiva [95/46] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“interess leġittimu” tal-kontrollur għandu jkun stabbilit, eżistenti u effettiv fil-mument tal-ipproċessar?

4)      L-Artikolu 6(1)(e) tad-Direttiva [95/46] għandu jiġi interpretat fis-sens li pproċessar (is-sorveljanza bil-vidjo) ikun eċċessiv jew inadegwat meta l-operatur ikun jista’ jadotta miżuri oħra għall-protezzjoni tal-interess leġittimu inkwistjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

28      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li, għalkemm il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment, permezz tar-raba’ domanda tagħha, għall-Artikolu 6(1)(e) tad-Direttiva 95/46, hija ma tipprovdi ebda spjegazzjoni dwar ir-rilevanza ta’ din id-dispożizzjoni sabiex tinstab soluzzjoni tat-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

29      Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni tirrigwarda biss ir-rekwiżiti li għandhom ikunu osservati għaż-żamma ta’ data personali. Issa, ma hemm xejn fil-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jippermetti li jiġi meqjus li l-kawża prinċipali tirrigwarda dan l-aspett.

30      Min-naħa l-oħra sa fejn, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-installazzjoni ta’ sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo, bħal dik inkwistjoni quddiemha, hijiex proporzjonali għall-għanijiet imfittxija, għandu jiġi osservat li l-kwistjoni ta’ jekk id-data personali miġbura minn din is-sistema tissodisfax ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità hija relatata mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva 95/46.

31      Issa, id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-verifika tat-tieni kundizzjoni għall-applikazzjoni prevista fl-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, li jgħid li l-ipproċessar tad-data personali għandu jkun “meħtieġ” għat-twettiq tal-interess leġittimu mfittex.

32      Fit-tieni lok, permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għall-Artikoli 8 u 52 tal-Karta, ikkunsidrati separatement jew flimkien mal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà speċifikat li l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, dwar l-eżistenza ta’ drittijiet u ta’ libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data permezz tal-protezzjoni tad-data li jieħdu preċedenza fuq l-interess leġittimu mfittex mill-kontrollur tad-data jew mit-terz jew mit-terzi li lihom tiġi kkomunikata d-data, teħtieġ li d-drittijiet u l-interessi opposti inkwistjoni jiġu mwieżna skont iċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ partikolari inkwistjoni, fil-kuntest ta’ dan it-tweżin għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza tad-drittijiet tas-suġġett tad-data li jirriżultaw mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta (sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito, C-468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777, punt 40). Minn dan isegwi li dawn l-Artikoli 8 u 52 ma għandhomx, f’dan il-każ, jiġu applikati b’mod iżolat.

33      Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, għandu jitqies li, permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1)(ċ) u l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali li jawtorizzaw l-installazzjoni ta’ sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo, bħas-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali, installata fil-partijiet komuni ta’ proprjetà immobbli użata għall-abitazzjoni, sabiex jintlaħqu interessi leġittimi li jikkonsistu f’li jiġu żgurati l-ħarsien u l-protezzjoni tal-persuni u tal-beni, mingħajr il-kunsens tas-suġġetti tad-data.

34      Għandu jitfakkar li s-sorveljanza mwettqa permezz ta’ reġistrazzjoni vidjo ta’ persuni, maħżuna f’apparat ta’ reġistrazzjoni kontinwa, jiġifieri f’hard disk, tikkostitwixxi, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 95/46, ipproċessar ta’ data personali b’mezzi awtomatiċi (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Ryneš, C‑212/13, EU:C:2014:2428, punt 25).

35      Għaldaqstant, sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo permezz ta’ kamera għandha tiġi kklassifikata bħala pproċessar ta’ data personali b’mezzi awtomatiċi, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, meta l-apparat installat jippermetti r-reġistrazzjoni u l-ħażna ta’ data personali bħal ma huma immaġni li jippermettu l-identifikazzjoni tal-persuni fiżiċi. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk is-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex tali karatteristiċi.

36      Barra minn hekk, kull ipproċessar ta’ data personali għandu, minn naħa, ikun konformi mal-prinċipji dwar il-kwalità tad-data stabbiliti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 95/46, u, min-naħa l-oħra, jissodisfa wieħed mill-prinċipji dwar in-natura leġittima tal-ipproċessar ta’ data elenkati fl-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva (sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C-131/12, EU:C:2014:317, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      L-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46 jistabbilixxi lista eżawrjenti u limitattiva ta’ każijiet li fihom l-ipproċessar ta’ data personali jista’ jitqies skont il-liġi. L-Istati Membri la jistgħu jżidu prinċipji ġodda relatati mal-leġittimazzjoni tal-ipproċessar ta’ data personali mal-imsemmi artikolu u lanqas ma jistgħu jipprevedu rekwiżiti addizzjonali li jimmodifikaw il-portata ta’ wieħed mis-sitt prinċipji previsti f’dan l-artikolu (sentenza tal-19 ta’ Ottubru 2016, Breyer, C-582/14, EU:C:2016:779, punt 57).

38      Minn dan isegwi li, sabiex ipproċessar ta’ data personali jkun jista’ jitqies li huwa skont il-liġi, dan għandu jkun kopert minn wieħed mis-sitt każijiet previsti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46.

39      Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw b’mod partikolari l-prinċipju dwar il-leġittimazzjoni tal-ipproċessar ta’ data previst fl-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, dispożizzjoni li ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Rumen bl-Artikolu 5(2)(e) tal-Liġi Nru 677/2001, li għaliha jagħmel ukoll riferiment l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 52/2012 tal-ANSPDCP f’dak li jirrigwarda speċifikament l-ipproċessar ta’ data personali bl-użu ta’ mezzi ta’ sorveljanza bil-vidjo.

40      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 jipprevedi tliet kundizzjonijiet kumulattivi sabiex ipproċessar ta’ data personali jkun skont il-liġi, jiġifieri, l-ewwel nett, it-tfittxija ta’ interess leġittimu mill-kontrollur jew mit-terz jew terzi li lilhom tiġi kkomunikata d-data, it-tieni nett, il-ħtieġa tal-ipproċessar tad-data personali għall-finijiet tal-interess leġittimu mfittex u, it-tielet nett, il-kundizzjoni li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data ma jiħdux il-preċedenza fuq l-interess leġittimu mfittex (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Rīgas satiksme, C-13/16, EU:C:2017:336, punt 28).

41      Għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 ma jeħtieġx il-kunsens tas-suġġett tad-data. Madankollu tali kunsens huwa previst, inkwantu kundizzjoni li għaliha huwa suġġett l-ipproċessar tad-data personali, biss fl-Artikolu 7(a) ta’ din id-direttiva.

42      F’dan il-każ, l-għan li l-kontrollur tad-data jrid, essenzjalment, jilħaq meta jistabbilixxi sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-protezzjoni tal-beni, tas-saħħa u tal-ħajja tal-koproprjetarji ta’ proprjetà immobbli, jista’ jiġi kklassifikat bħala “interess leġittimu”, fis-sens tal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46. Għlhekk, jidher li l-ewwel kundizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni hija, bħala prinċipju, issodisfatta (ara, b’analoġija, s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Ryneš, C-212/13, EU:C:2014:2428, punt 34).

43      Il-qorti tar-rinviju madankollu tistaqsi jekk l-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet previsti f’dan l-Artikolu 7(f) għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-interess imfittex mill-kontrollur inkwistjoni għandux, minn naħa, ikun “stabbilit” u, min-naħa l-oħra, ikun “eżistenti u effettiv fil-mument tal-ipproċessar”.

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, bħalma osservaw il-Gvernijiet tar-Rumanija, tar-Repubblika Ċeka, tal-Irlanda, tal-Awstrija, tal-Portugall kif ukoll il-Kummissjoni, peress li, b’mod konformi mal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, il-kontrollur ta’ data personali jew it-terz li lilu tiġi kkomunikata d-data għandu jkollhom interess leġittimu li jiġġustifika dan l-ipproċessar, dan l-interess għandu jkun eżistenti u effettiv fid-data tal-ipproċessar u ma jkunx ta’ natura ipotetika fl-imsemmija data. Madankollu ma għandux ikun neċessarjament rikjest, fil-kuntest tal-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, li preċedentement ikun ġie kkawżat preġudizzju għas-sigurtà tal-beni u tal-persuni.

45      F’dan il-każ, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jidher li l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ interess eżistenti u effettiv hija ssodisfatta, peress li l-qorti tar-rinviju tosserva li qabel l-installazzjoni tas-sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo kien hemm serq, dħul bla permess u atti ta’ vandaliżmu, u dan minkejja l-installazzjoni, fid-dħul tal-proprjetà immobbli, ta’ sistema ta’ sigurta li tikkonsisti f’intercom u f’kard manjetika.

46      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni imposta mill-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, dwar in-neċessità li jintuża pproċessar ta’ data personali sabiex jintlaħaq l-interess leġittimu mfittex, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li d-derogi u r-restrizzjonijiet għall-prinċipju ta’ protezzjoni tad-data personali għandhom joperaw fil-limiti ta’ dak li huwa strettament meħtieġ (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Rīgas satiksme, C-13/16, EU:C:2017:336, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Din il-kundizzjoni timponi fuq il-qorti tar-rinviju l-obbligu li tivverifika li l-interess leġittimu tal-ipproċessar tad-data li jrid jintlaħaq bis-sorveljanza bil-vidjo inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsisti, essenzjalment, f’li tiġi żgurata s-sigurtà tal-beni u tal-persuni u sabiex ikun hemm prevenzjoni ta’ ksur, ma jistax raġonevolment jintlaħaq b’mod daqstant effikaċi permezz ta’ mezzi oħra li huma inqas limitattivi għal-libertajiet u għad-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data, b’mod partikolari għad-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali ggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

48      Barra minn hekk, hekk kif sostniet il-Kummissjoni, il-kundizzjoni relatata man-neċessità tal-ipproċessar għandha tiġi eżaminata flimkien mal-prinċipju msejjaħ ta’ “minimizzazzjoni tad-data” sanċit fl-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva 95/46, li jgħid li d-data personali għandha tkun “adekwat, rilevanti u mhux eċċessiv għall-finijiet li għalih jinġab u/jew jiġi iktar ipproċessat”.

49      Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rekwiżiti marbuta mal-proporzjonalità tal-ipproċessar ta’ data inkwistjoni fil-kawża prinċipali donnhom ittieħdu inkunsiderazzjoni. Huwa effettivament paċifiku li għall-ewwel kienu ttieħdu miżuri alternattivi li jikkonsistu f’sistema ta’ sigurtà, installata fid-daħla tal-proprjetà immobbli, komposta minn interkom u kard manjetika, iżda li dawn il-miżuri kienu insuffiċjenti. Barra minn hekk, is-sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo inkwistjoni hija limitata biss għall-partijiet komuni tal-koproprjetà u għall-entrati tagħha.

50      Madankollu, il-proporzjonalità tal-ipproċessar tad-data permezz ta’ sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo għandha tiġi evalwata b’teħid inkunsiderazzjoni tal-modalitajiet konkreti tal-installazzjoni u ta’ funzjonament ta’ din is-sistema, li għandhom jillimitaw l-effett tagħha fuq id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data filwaqt li fl-istess ħin jiggarantixxu l-effikaċja tas-sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo inkwistjoni.

51      Għalhekk, hekk kif sostniet il-Kummissjoni, il-kundizzjoni relatata man-neċessità tal-ipproċessar timplika li l-kontrollur għandu jeżamina, per eżempju, jekk huwiex suffiċjenti li s-sorveljanza bil-vidjo taħdem biss bil-lejl jew barra mill-ħinijiet tax-xogħol normali u timblokka jew iċċajpar l-immaġni meħuda fiż-żoni fejn is-sorveljanza ma hijiex neċessarja.

52      Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tielet kundizzjoni imposta mill-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, dwar l-eżistenza ta’ drittijiet u ta’ libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data għall-protezzjoni tad-data li jieħdu l-preċedenza fuq l-interess leġittimu mfittex mill-kontrollur tad-data jew mit-terz jew terzi li lihom tiġi kkomunikata d-data, għandu jitfakkar, kif diġà ġie indikat fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, li l-evalwazzjoni ta’ din il-kundizzjoni teħtieġ li d-drittijiet u l-interessi opposti inkwistjoni jiġu mwieżna skont iċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ partikolari inkwistjoni, u fil-kuntest ta’ dan it-tweżin għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza tad-drittijiet tas-suġġett tad-data li jirriżultaw mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

53      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 jipprekludi li Stat Membru jeskludi b’mod kategoriku u ġġeneralizzat il-possibbiltà li ċerti kategoriji ta’ data personali jiġu pproċessati, mingħajr ma jippermetti tweżin tad-drittijiet u tal-interessi opposti inkwistjoni f’każ partikolari. Għaldaqstant, Stat Membru ma jistax jippreskrivi, għal dawn il-kategoriji, b’mod definittiv, ir-riżultat tat-tweżin tad-drittijiet u tal-interessi opposti, mingħajr ma jippermetti riżultat differenti minħabba ċirkustanzi partikolari ta’ każ konkret (sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2016, Breyer, C-582/14, EU:C:2016:779, punt 62).

54      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, għall-finijiet tat-twettiq ta’ dan it-tweżin, huwa possibbli li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-gravità tal-preġudizzju għad-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data tista’ tvarja skont il-possibbiltà tal-aċċess għad-data inkwistjoni f’sorsi aċċessibbli għall-pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Rīgas satiksme, C-13/16, EU:C:2017:336, punt 32).

55      B’differenza mill-ipproċessar tad-data li tidher fis-sorsi aċċessibbli għall-pubbliku, l-ipproċessar tad-data li tidher fis-sorsi li ma humiex aċċessibbli għall-pubbliku, jimplika neċessarjament li xi informazzjoni dwar il-ħajja privata tas-suġġett tad-data hija issa magħrufa mill-kontrollur u, jekk ikun il-każ, mit-terz jew mit-terzi li lilhom tiġi kkomunikata din id-data. Dan il-preġudizzju iktar serju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data, stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni u jitwieżen mal-interess leġittimu mfittex mill-kontrollur jew mit-terz jew terzi li lilhom tiġi kkomunikata d-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito, C-468/10 u C-469/10, EU:C:2011:777, punt 45).

56      Il-kriterju dwar il-gravità tal-preġudizzju għad-drittijiet u għal-libertajiet tas-suġġett tad-data jikkostitwixxi element essenzjali tal-eżerċizzju ta’ tweżin jew ta’ bbilanċjar każ b’każ, meħtieġ mill-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46.

57      Għal dan il-għan, għandha tittieħed b’mod partikolari inkunsiderazzjoni n-natura tad-data personali inkwistjoni, b’mod partikolari n-natura eventwalment sensittiva ta’ din id-data, kif ukoll in-natura u l-modalitajiet konkreti tal-ipproċessar tad-data inkwistjoni, b’mod partikolari n-numru ta’ persuni li għandhom aċċess għal din id-data u dawn il-modalitajiet ta’ aċċess għall-imsemmija data.

58      Għall finijiet ta’ dan it-tweżin huma wkoll rilevanti l-aspettattivi raġonevoli tas-suġġett tad-data li d-data personali tiegħu ma tiġix ipproċessata meta, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, din il-persuna ma tistax raġonevolment tistenna pproċessar ulterjuri ta’ din id-data.

59      Fl-aħħar nett, dawn l-elementi għandhom jiġu bbilanċjati mal-importanza, għall-koproprjetarji kollha tal-proprjetà immobbli kkonċernata, tal-interess leġittimu li jrid jintlaħaq f’dan il-każ mis-sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo inkwistjoni, sa fejn dan huwa essenzjalment intiż sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-beni, tas-saħħa u tal-ħajja tal-imsemmija koproprjetarji.

60      Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 6(1)(ċ) u l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjonijiet nazzjonali li jawtorizzaw l-installazzjoni ta’ sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo, bħas-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali installata fil-partijiet komuni ta’ proprjetà immobbli użata għall-abitazzjoni, sabiex jintlaħqu interessi leġittimi li jikkonsistu f’li jiġu żgurati l-ħarsien u l-protezzjoni tal-persuni u tal-beni, mingħajr il-kunsens tas-suġġetti tad-data, jekk l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq permezz tas-sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo inkwistjoni jissodisfa l-kundizzjonijiet imposti fl-imsemmi Artikolu 7(f), fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ispejjeż

61      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 6(1)(ċ) u l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjonijiet nazzjonali li jawtorizzaw l-installazzjoni ta’ sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo, bħas-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali installata fil-partijiet komuni ta’ proprjetà immobbli użata għall-abitazzjoni, sabiex jintlaħqu interessi leġittimi li jikkonsistu f’li jiġu żgurati l-ħarsien u l-protezzjoni tal-persuni u tal-beni, mingħajr il-kunsens tas-suġġetti tad-data, jekk l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq permezz tas-sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo inkwistjoni jissodisfa l-kundizzjonijiet imposti fl-imsemmi Artikolu 7(f), fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.