Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta' Jannar 2013 - Club Hotel Loutraki et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-57/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Club Hotel Loutraki (Loutraki, il-Greċja); Vivere Entertainment AE (Ateni, il-Greċja); Theros International Gaming, Inc. (Patra, il-Greċja); Elliniko Casino Kerkyras (Ateni); Casino Rodos (Ródos, il-Greċja); u Porto Carras AE (Alimos, il-Greċja) (rappreżentant: S. Pappas, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni COMP F3/MC/erg*2012/127386 tad-29 ta' Novembru 2012, li permezz tagħha ġie miċħud l-ilment tar-rikorrenti li tressaq fl-4 ta' April 2012 li jikkonċerna l-allegat għoti ta' għajnuna mill-Istat lil OPAP mill-Istat Grieg;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba' motivi.

L-ewwel motiv jallega ksur tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti kif stabbilit fl-Artikolu 108(2) TFUE b'riżultat tan-nuqqas tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta' investigazzjoni formali skont l-Artikoli 4(4), 6 u 20 tar-Regolament Nru 659/1999, li jikkostitwixxi użu ħażin ta' poter.

Il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 108(2) TFUE u l-Artikoli 4 et seq tar-Regolament, sa fejn hija sostanzjalment wettqet proċedura ta' investigazzjoni formali mingħajr ma osservat ir-rekwiżiti formali tagħha u b'hekk ċaħdet lir-rikorrenti-lanjanti, kif ukoll lil partijiet ikkonċernati oħra, mid-dritt tagħhom għal smigħ.

Alternattivament, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tad-drittijiet tagħhom ta' assoċjazzjoni mal-każ waqt il-proċedura ta' investigazzjoni preliminari.

It-tieni motiv jallega ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni u tad-dritt tar-rikorrenti għal amministrazzjoni tajba skont l-Artikoli 296 TFUE u 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea rispettivament.

Billi tonqos milli tikkunsidra l-informazzjoni u l-figuri ekonomiċi kollha, id-deċiżjoni kkontestata tonqos milli tiżvela b'mod ċar u inekwivoku r-raġunament adottat mill-Kummissjoni b'tali mod li tippermetti lir-rikorrenti jaċċertaw ruħhom dwar ir-raġunijiet li wasslu għall-konklużjoni li l-miżuri inkwistjoni ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat. Dawn in-nuqqasijiet ma jistgħux jiġu ġġustifikati b'riferiment għall-obbligu ta' preservazzjoni tal-kunfidenzjalità kummerċjali.

Ir-rikorrenti jikkontestaw ukoll in-natura kunfidenzjali tad-daqsijiet kruċjali ekonomiċi.

It-tielet motiv jallega ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva pprovduta mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Għall-istess raġunijiet bħal dawk avvanzati fil-kuntest tal-motiv Nru 2, hemm ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ir-rikorrenti jsibu diffikultà sabiex jikkontestaw direttament is-sustanza tad-deċiżjoni kkontestata, peress li ma jistgħu bl-edba mod jaċċertaw ruħhom dwar ir-raġument sottostanti, minħabba li dan huwa bbażat biss fuq informazzjoni ekonomika, li baqgħet ma ġietx żvelata.

Ir-raba' motiv jallega żball manifest ta' liġi fl-evalwazzjoni tal-konformità tal-Ftehim VLT konġuntement mal-Addendum u fl-adozzjoni tal-konklużjoni li dawn tal-aħħar ma jagħtux lok għal vantaġġ ekonomiku lil OPAP.

L-għoti ta' vantaġġi ekonomiċi, li huwa rekwiżit formali għall-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat, għandu jiġi evalwat fil-kuntest ta' suq distint u mhux fil-kuntest ta' evalwazzjoni konġunta ma' miżuri simili mogħtija lill-istess riċevitur f'suq differenti, irrispettivament mill-fatt dwar jekk dan tal-aħħar huwiex paragunabbli mal-ewwel imsemmi suq.

Fi kwalunkwe każ, tali evalwazzjoni konġunta ma tistax titwettaq inkonnessjoni ma' miżuri li għandhom jiġu applikati f'perijodi differenti ta' żmien.

____________