Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Judiciaire de Paris (Franza) fl-14 ta’ Novembru 2023 – Procureur de la République vs Société SWIFTAIR

(Kawża C-701/23, SWIFTAIR)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal Judiciaire de Paris

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Procureur de la République

Konvenut: Société SWIFTAIR

Domandi preliminari

L-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom 1 [(iktar ’il quddiem il-“KTFS”)], moqri fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea 2 [(iktar ’il quddiem il-“Karta”)], għandu jiġi interpretat fis-sens li digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, mogħti fi Stat kontraenti minn korp ġudizzjarju, li jista’ jiġi kkontestat, li ngħata wara investigazzjoni fid-dettall tal-kawża, u li huwa ta’ ostakolu għat-tkomplija tal-proċedura mingħajr provi ġodda, għandu jiġi kklassifikat bħala deċiżjoni definittiva fis-sens ta’ dan l-artikolu, anki jekk għall-Istat kontraenti li fih ingħata dan id-digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, dan ma jgawdix mill-effetti kollha ta’ deċiżjoni li għandha l-awtorità sħiħa u totali tar-res judicata?

L-Artikolu 54 tal-KTFS, moqri fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni li jgħodd bħala deċiżjoni definittiva, li jista’ joffri l-protezzjoni tan-ne bis in idem prevista minn dan it-test, il-“[p]ersuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali” għandha tinftiehem bħala kull persuna akkużata matul l-investigazzjoni, li l-aġir jew l-astensjonijiet tagħha kienu s-suġġett ta’ investigazzjonijiet, anki jekk din il-persuna ma kienet formalment koperta mill-ebda taħrika jew att ta’ koerċizzjoni matul il-fażi ta’ investigazzjoni?

a) L-Artikolu 54 tal-KTFS, moqri fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li teżisti identiċità ta’ persuni bejn, minn naħa, persuni fiżiċi li l-aġir tagħhom twettaq fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet soċjali tagħhom, għall-benefiċċju ta’ u għan-nom tal-persuna ġuridika li jirrappreżentaw u, min-naħa l-oħra, il-persuna ġuridika nnifisha, li tipprojbixxi kull proċedura kontra persuna ġuridika fi Stat kontraenti, jekk il-kawża tar-rappreżentanti legali tagħha tkun diġà “inqat[għet] b’mod finali” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni fi Stat kontraenti ieħor, minkejja li l-persuna ġuridika qatt ma ġiet imħarrka personalment f’dan tal-aħħar?

b) Jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti hija pożittiva u f’tali każ, l-Artikolu 54 tal-KTFS, moqri fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-protezzjoni ta’ ne bis in idem għandha tibbenefika lill-persuna ġuridika, inkluż jekk, għall-Istat kontraenti li fih tkun ingħatat id-deċiżjoni definittiva, il-persuna ġuridika fi kwalunkwe każ ma setgħetx tkun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali kontriha, jew għaliex ir-responsabbiltà kriminali tal-persuna ġuridika ma teżistix b’mod dirett f’dan l-Istat, jew għaliex ir-responsabbiltà kriminali tal-persuna ġuridika tista’ biss tiskatta għal istanzi ta’ ksur li l-fatti suġġett għall-proċeduri ma jistgħux jikkaratterizzaw?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9.

1 Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.