Language of document : ECLI:EU:T:2015:361

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

4 ta’ Ġunju 2015 (*)

“Aċċess għal dokumenti — Deċiżjoni 2004/258/KE — Ftehim ta’ skambju tal-15ta’ Frar 2012 bejn il-Greċja u l-BĊE u banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema — Annessi A u B — Rifjut parzjali ta’ aċċess — Interess pubbliku — Politika monetarja tal-Unjoni u ta’ Stat Membru — Sitwazzjoni finanzjarja tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema — Stabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni”

Fil-Kawża T‑376/13,

Versorgungswerk der Zahnärztekammer Schleswig-Holstein, stabbilita f’Kiel (il-Ġermanja), irrappreżentata minn O. Hoepner u D. Unrau, avukati,

rikorrenti,

vs

Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn A. Sáinz de Vicuña Barroso, S. Lambrinoc u K. Laurinavičius, bħala aġenti, assistiti minn H.-G. Kamann u P. Gey, avukati,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-BĊE, tat-22 ta’ Mejju 2013, ikkomunikata lir-rikorrenti b’ittra tal-president ta’ dan, li tiċħad parzjalment talba ta’ aċċess għall-Annessi A u B tal-“Exchange agreement dated 15 February 2012 among the Hellenic Republic and the European Central Bank and the Eurosystem NCBs listed herein” (ftehim ta’ skambju tal-15 ta’ Frar 2012 bejn ir-Repubblika Ellenika u l-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema li huwa jelenka),

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn G. Berardis, President, O. Czúcz (Relatur) u A. Popescu, Imħallfin,

Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Diċembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

1        Wara tensjoni dwar ċerti partijiet mis-swieq finanzjarji, b’mod partikolari dwar ċerti swieq ta’ dejn tal-Istat taż-żona tal-euro, fl-10 Mejju 2010, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iddeċieda u ħabbar pubblikament li kellu jiġu stabbilit programm temporanju għas-swieq tat-titoli, intiż sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid funzjonament xieraq tal-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja, jiġifieri l-proċess li permezz tiegħu d-deċiżjonijiet ta’ politika monetarja jeżerċitaw effett fuq l-ekonomija b’mod ġenerali u fuq il-livell tal-prezzijiet b’mod partikolari.

2        Fl-14 ta’ Mejju 2010, il-BĊE adotta d-deċiżjoni tiegħu 2010/281/UE, tal-14 ta’ Mejju 2010, li tistabbilixxi programm għas-swieq tat-titoli (BĊE/2010/5) (ĠU L 124, p. 8). Il-programm għas-swieq tat-titoli (Securities Markets Programme, iktar ’il quddiem, is-“SMP”) kien jippermetti lill-BĊE u lill-banek ċentrali nazzjonali (iktar ’il quddiem, il-“BĊN”) tal-Eurosistema jipproċedu b’interventi diretti fis-swieq tat-titoli ta’ dejn pubbliku u privat taż-żona tal-euro.

3        Is-SMP kien implementat mill-ġestjonarji tal-portafoll tal-Eurosistema permezz ta’ interventi fil-forma ta’ xiri ta’ titoli ta’ dejn sovrani f’euro fi swieq sekondarji. Fil-kuntest tal-imsemmi SMP, il-BĊE xtara titoli ta’ dejn sovrani, Griegi b’mod partikolari, bejn Mejju 2010 u Marzu 2011, kif ukoll bejn Awwissu 2011 u Frar 2012.

4        Permezz tal-ftehim ta’ skambju tal-15 ta’ Frar 2012 bejn ir-Repubblika Ellenika u l-BĊE u l-BĊN tal-Eurosistema li huwa jelenka (iktar ’il quddiem, il-“ftehim ta’ skambju”), il-BĊE u l-BĊN tal-Eurosistema skambjaw titoli ta’ dejn tal-Istat Griegi li kienu detenturi tagħhom ma’ titoli ta’ dejn tal-Istat Griegi ġodda. Dawn tal-aħħar għandhom l-istess karatteristiċi f’termini ta’ valur nominali, ta’ rata ta’ interessi nominali, ta’ dati ta’ ħlas tal-interessi u ta’ dati ta’ xiri mill-ġdid bħat-titoli ta’ dejn tal-Istat Griegi oriġinali.

5        F’Marzu 2012, fil-kuntest tal-inizjattiva ta’ parteċipazzjoni tas-settur privat marbuta mar-ristrutturazzjoni tad-dejn nazzjonali Grieg, titoli ta’ dejn tal-Istat Griegi ġew irristrutturati. Din ir-ristrutturazzjoni ma kinitx taffettwa t-titoli ta’ dejn tal-Istat Griegi ġodda miżmuma mill-BĊE u mill-BĊN imsemmija fil-punt 4 hawn fuq. Ir-rikorrenti, il-Versorgungswerk der Zahnärztekammer Schleswig-Holstein, istituzzjoni ta’ previdenza tal-ordni tad-dentisti ta’ Schleswig-Holstein, li hija d-detentur ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat Griegi, ma tatx l-approvazzjoni tagħha għall-inizjattiva ta’ parteċipazzjoni tas-settur privat u invokat id-drittijiet tagħha kontra r-Repubblika Ellenika fil-kuntest ta’ rikors. Hija tqis li l-kwistjoni dwar sa fejn il-BĊE u l-BĊN tal-Eurosistema kellhom titoli ta’ dejn tal-Istat Griegi fil-mument tar-ristrutturazzjoni tad-dejn nazzjonali Grieg fil-kuntest tal-inizjattiva ta’ parteċipazzjoni tas-settur privat hija ta’ importanza partikolari għar-rikors tagħha.

6        Fis-6 ta’ Settembru 2012, il-BĊE ddeċieda li jtemm is-SMP. Huwa ħabbar li l-likwidità mogħtija permezz tas-SMP ser tkompli tiġi assorbita bħal fl-imgħoddi u li t-titoli li jibqgħu jeżistu fil-portafoll marbut mas-SMP ser jinżammu sal-iskadenza. Huwa ħabbar ukoll il-karatteristiċi tekniċi marbuta mal-operazzjonijiet monetarji fuq titoli fis-swieq sekondarji tat-titoli ta’ dejn sovrani (iktar ’il quddiem, l-“OMT”), li kienu jikkostitwixxu eventwali miżuri futuri ta’ politika monetarja.

7        B’ittra tal-15 ta’ Marzu 2013, ir-rikorrenti talbet lill-BĊE l-aċċess għall-“Anness” tal-ftehim ta’ skambju.

8        B’ittra tas-16 ta’ April 2013, il-BĊE rrisponda għal din it-talba. Huwa speċifika li l-ftehim ta’ skambju kellu, fost l-oħrajn, Annessi A u B, u ddeskriva l-kontenut ta’ dawn. Qabel kollox, fir-rigward tal-Anness A, il-BĊE espona li huwa kellu, fil-forma ta’ tabella, it-titoli ta’ dejn tal-Istat Griegi akkwistati minnu u mill-BĊN tal-Eurosistema fil-kuntest tas-SMP. Din it-tabella tinkludi erba’ kolonni, li jindikaw id-deskrizzjoni tat-titoli, in-numru ta’ identifikazzjoni tagħhom, il-volum totali tas-SMP u s-sit. Il-BĊE indika wkoll li l-valur globali tat-titoli ta’ dejn tal-Istat Griegi elenkati fl-Anness A kien jammonta għal EUR 42 732 860 000.00. Imbagħad, huwa indika li l-Anness B kien magħmul minn żewġ partijiet. Il-Parti I tiffissa l-kundizzjonijiet finanzjarji tat-titoli ta’ dejn tal-Istat Griegi ġodda u tinkludi ħames kolonni, u erbgħa minnhom jindikaw l-elementi li jinsabu fl-Anness A filwaqt li l-ħames waħda tindika l-valur nominali f’euros. Il-valur nominali tat-titoli ta’ dejn tal-Istat Griegi ġodda elenkati fl-Anness B kien jammonta wkoll għal EUR 42 732 860 000.00. Il-Parti II tiffissa l-kundizzjonijiet l-oħra tat-titoli ta’ dejn tal-Istat Griegi ġodda, bħall-bażi għall-kalkolu tal-interessi, id-dati ta’ ħlas tal-interessi, l-aġent li jagħmel il-ħlas, il-klassifika, in-negozjazzjoni, eċċ. Barra minn hekk, il-BĊE spjega li t-titoli ta’ dejn tal-Istat Griegi ġodda kellhom l-istess karatteristiċi bħat-titoli ta’ dejn tal-Istat Griegi oriġinali f’termini ta’ valur nominali, rati ta’ kupuni, dati ta’ ħlas tal-interessi u dati ta’ rimbors u ma kinux jidhru fil-lista ta’ titoli eliġibbli li kienu s-suġġett ta’ ristrutturazzjoni fil-kuntest tal-inizjattiva ta’ parteċipazzjoni tas-settur privat. Mill-bqija, il-BĊE ċaħad it-talba tar-rikorrenti sa fejn hija talbet l-aċċess għall-informazzjoni ddettaljata u kkategorizzata inkluża fl-Annessi A u B.

9        Fid-19 ta’ April 2013, ir-rikorrenti indirizzat talba konfermattiva lill-BĊE, fejn hija talbet biss l-aċċess għall-Annessi A u B tal-ftehim ta’ skambju.

10      B’ittra tat-22 ta’ Mejju 2013, il-BĊE kkomunika estratti mill-Annessi A u B tal-ftehim ta’ skambju li jikkonfermaw id-deskrizzjoni tal-imsemmija annessi magħmula fl-ittra tiegħu tas-16 ta’ April 2013. Għall-bqija, huwa ċaħad it-talba konfermattiva. F’dan il-kuntest, huwa espona li r-rifjut li tiġi żvelata informazzjoni ddettaljata u kkategorizzata dwar it-titoli ta’ dejn tal-Istat Griegi li huwa u l-BĊN tal-Eurosistema kienu detenturi tagħhom kien ibbażat fuq it-tieni, it-tielet u s-seba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-deċiżjoni tiegħu 2004/258/KE, tal-4 ta’ Marzu 2004, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2004/3) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 5, p. 51), kif emendata bid-deċiżjoni tiegħu 2011/342/UE, tad-9 ta’ Mejju 2011, li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2004/3 (BĊE/2011/6) (ĠU L 158, p. 37) (iktar ’il quddiem, id-“Deċiżjoni 2004/258 emendata”). Dan ir-rifjut huwa ġġustifikat mill-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda l-politika monetarja tal-Unjoni Ewropea u ta’ Stat Membru, f’dan il-każ ir-Repubblika Ellenika, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-BĊE u tal-BĊN tal-Eurosistema u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u t-talbiet tal-partijiet

11      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Lulju 2013, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

12      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

13      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, fit-28 ta’ Ottubru 2014, il-Qorti Ġenerali indirizzat mistoqsijiet bil-miktub lir-rikorrenti u lill-BĊE. Ir-rikorrenti u l-BĊE wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet fit-terminu stabbilit.

14      Fil-kuntest tal-miżuri istruttorji previsti fl-Artikolu 65 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali, b’digriet tat-3 ta’ Novembru 2014, ordnat lill-BĊE jipproduċi l-Annessi A u B tal-ftehim ta’ skambju. Il-BĊE osserva din il-miżura istruttorja fit-terminu stabbilit. Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-annessi inkwistjoni ma ġewx ikkomunikati lir-rikorrenti.

15      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-10 ta’ Diċembru 2014.

16      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla “l-opinjoni tal-[BĊE] tas-16 ta’ April 2013, fil-verżjoni tal-opinjoni tat-22 ta’ Mejju 2013 […], sa fejn tkun għadha ma ntlaqgħetx it-talba ta’ aċċess għall-Annessi A u B tal-[ftehim ta’ skambju]”;

–        tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

17      Il-BĊE jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors fl-intier tiegħu

18      Mingħajr ma jqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-BĊE jikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors. Huwa jsostni li, qabel ma fformula t-talbiet ta’ aċċess għall-annessi tal-ftehim ta’ skambju f’isem ir-rikorrenti, l-avukat ta’ din kien diġà fformula tali talbiet f’ismu proprju. Dawn it-talbiet, li kienu prattikament identiċi għal dawk ifformulati f’isem ir-rikorrenti, ġew miċħuda. Peress li l-avukat tar-rikorrenti ma kompliex bir-rikors kontra din iċ-ċaħda (Kawża T‑70/13) fil-15 ta’ Marzu 2013, għalhekk fl-istess data li fih tressqet it-talba ta’ aċċess f’isem ir-rikorrenti, ir-rikors għal annullament għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

19      F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi kkonstatat li, quddiem it-talbiet li l-avukat tar-rikorrenti fformula f’isem ir-rikorrenti, il-BĊE la invoka n-natura eċċessiva jew abbużiva ta’ dawn, u lanqas l-awtorità ta’ res judicata. Bil-kontra, fid-deċiżjonijiet tas-16 ta’ April u tat-22 ta’ Mejju 2013, huwa ċaħad it-talbiet tar-rikorrenti fuq il-mertu.

20      Inkwantu destinatarja ta’ dawn id-deċiżjonijiet, ir-rikorrenti għandha d-dritt li tippreżenta rikors kontrihom. Fil-fatt, bil-kontra ta’ dak li jsostni l-BĊE, id-dritt għal rikors tar-rikorrenti kontra l-imsemmija deċiżjonijiet ma jistax jiġi affettwat minn eventwali inammissibbiltà tat-talba tagħha quddiem il-BĊE, u lanqas mill-fatt li parti rikorrenti oħra ma komplietx bir-rikors f’kawża oħra quddiem il-Qorti Ġenerali.

21      Għaldaqstant, dan l-ilment dwar l-ammissibbiltà għandu jiġi miċħud.

2.     Dwar it-talba għall-annullament tal-ittra tal-BĊE tat-22 ta’ Mejju 2013

 Fuq l-ammissibbiltà

22      Il-BĊE jsostni li l-ewwel kap ta’ talbiet intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-BĊE tas-16 ta’ April 2013 kif emendata bid-deċiżjoni tal-BĊE tat-22 ta’ Mejju 2013 huwa inammissibbli. Ir-rikorrenti ma indikatx b’mod suffiċjentement ċar id-deċiżjoni tal-BĊE li hija titlob l-annullament tagħha. L-argumenti mressqa insostenn ta’ din it-talba jirreferu sew għar-risposta tiegħu tas-16 ta’ April 2013 sew għal dik tat-22 ta’ Mejju 2013.

23      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53, tal-istess statut, u skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jindika s-suġġett tat-tilwima. Din l-indikazzjoni għandha tkun suffiċjentement preċiża sabiex tippermetti lill-konvenuta tħejji d-difiża tagħha u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (sentenza tal-20 ta’ Marzu 2013, Nexans France vs Entreprise commune Fusion for Energy, T‑415/10, Ġabra, EU:T:2013:141, punt 49).

24      F’dan il-każ, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest ġuridiku tat-talba għal annullament. Fil-fatt, skont il-proċedura prevista fl-Artikoli 6 u 7 tad-Deċiżjoni 2004/258 emendata, wara r-rifjut ta’ talba inizjali ta’ aċċess għal dokumenti, l-applikant jista’ jindirizza talba konfermattiva intiża sabiex il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE jirrevedi l-pożizzjoni ta’ dan tal-aħħar. Fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar mit-talba li tiġi annullata “r-risposta tal-BĊE tas-16 ta’ April 2013 kif emendata bir-risposta tal-BĊE tat-22 ta’ Mejju 2013” li r-rikorrenti titlob l-annullament tar-reviżjoni tad-deċiżjoni inizjali u għaldaqstant tal-ittra tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE tat-22 ta’ Mejju 2013. Matul is-seduta, ir-rikorrenti kkonfermat din l-interpretazzjoni tat-talba tagħha għal annullament.

25      Bil-kontra ta’ dak li jsostni l-BĊE, din il-konferma tar-rikorrenti ma tistax titqies li hija emenda tat-talbiet tagħha. Fil-fatt, diġà kien jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar mir-rikors li t-talba għal annullament kienet tirreferi għad-deċiżjoni tal-BĊE tat-22 ta’ Mejju 2013.

26      Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li tirreferi għat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-BĊE tat-22 ta’ Mejju 2013 għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-fondatezza

27      Insostenn tat-talba tagħha għal annullament, ir-rikorrenti tqajjem tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tas-seba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 emendata. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u fl-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. It-tielet motiv jirreferi għall-fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet tal-BĊE.

28      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet motivi qabel l-ewwel motiv.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

29      Ir-rikorrenti ssostni li l-BĊE kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u fl-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Insostenn ta’ dan il-motiv, hija tgħid li l-eċċezzjonijiet mid-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għal dokumenti għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett. L-istituzzjoni li tirrifjuta l-aċċess għal dokument għandha tispjega f’liema miżura l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett minn eċċezzjoni li hija tqajjem taħt id-dispożizzjoni li hija tinvoka. F’dan il-każ, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-obbligu ta’ motivazzjoni huma ta’ livell partikolarment għoli minħabba s-setgħa diskrezzjonali tal-BĊE u l-istħarriġ ġudizzjarju limitat tad-deċiżjonijiet tiegħu. Skont ir-rikorrenti, l-ittra tal-BĊE tat-22 ta’ Mejju 2013 ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti.

30      Il-BĊE jikkontesta dawn l-argumenti.

31      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, l-atti ġuridiċi għandhom jiġu mmotivati.

32      L-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali li għandu jkun distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, liema kwistjoni taqa’ taħt il-legalità sostantiva tal-att ikkontestat. Il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandha tkun adatta għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha tirrifletti l-kunsiderazzjonijiet tal-istituzzjoni tal-Unjoni li adottat l-att ġuridiku b’mod ċar u mhux ekwivoku, b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jifhmu l-motivi tal-miżura adottata u b’mod li l-qrati tal-Unjoni jkunu jistgħu jeżerċitaw l-istħarriġ tagħhom (sentenza tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑17/99, Ġabra, EU:C:2001:178, punt 35).

33      Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament jew individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, peress li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss b’referenza għall-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha u għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2003, L-Awstrija vs Il-Kunsill, C‑445/00, Ġabra, EU:C:2003:445, punt 49).

34      Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandha tiġi eżaminata l-motivazzjoni tal-ittra tal-BĊE tat-22 ta’ Mejju 2013.

35      Fl-imsemmija ittra, qabel kollox, il-BĊE sostna li żvelar tad-data inkluża fl-Annessi A u B tal-ftehim ta’ skambju jippreġudika, l-ewwel nett, il-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda l-politika finanzjarja, dik monetarja, u dik ekonomika tal-Unjoni u ta’ Stat Membru, it-tieni nett, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-BĊE u tal-BĊN tal-Eurosistema u, it-tielet nett, l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni u fi Stat Membru u li r-rifjut parzjali ta’ aċċess għall-imsemmija dokumenti kien għaldaqstant iġġustifikat taħt it-tieni, it-tielet u s-seba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 emendata.

36      Imbagħad, il-BĊE espona iktar fid-dettall ir-raġunijiet għalfejn qies li l-iżvelar ta’ din id-data jista’ jippreġudika l-interess pubbliku.

37      L-ewwel nett, huwa speċifika li huwa ma kienx qed jiżvela informazzjoni ddettaljata u kkategorizzata fuq interventi fis-swieq, għaliex dan jista’ jippreġudika l-effikaċja tal-politika monetarja tal-Unjoni. Din il-kunsiderazzjoni tgħodd b’mod partikolari għal xiri ta’ titoli fil-kuntest tas-SMP, li jikkostitwixxi operazzjonijiet ta’ intervent. L-iżvelar tal-kompożizzjoni eżatta tal-portafoll marbut mas-SMP f’dak li jirrigwarda t-titoli ta’ dejn tal-Istat Griegi jiżvela informazzjoni dwar l-istrateġija u t-tattika segwiti permezz tal-operazzjonijiet ta’ intervent, u dan jista’ jippreġudika l-effikaċja ta’ eventwali futuri operazzjonijiet ta’ intervent tal-BĊE u, fl-aħħar mill-aħħar, l-effikaċja tal-politika monetarja. F’dan il-kuntest, il-BĊE speċifika li l-akkwist tat-titoli ta’ dejn tal-Istat Griegi minnu u mill-BĊN tal-Eurosistema fil-kuntest tas-SMP ma kienx segwa għan ta’ investiment, iżda għan pubbliku, jiġifieri dak li jiġi rrimedjat il-funzjonament mhux adegwat ta’ partijiet rilevanti tas-swieq tat-titoli sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid mekkaniżmu xieraq ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja, għaliex dan huwa komponent essenzjali tal-istabbiltà finanzjarja u prerekwiżit fundamentali għall-effikaċja ta’ politika monetarja. Mingħajr trażmissjoni effettiva tal-politika monetarja, fiż-żona kollha tal-euro, l-istabbiltà finanzjarja tiġi mhedda, l-istess bħaż-żamma taż-żona monetarja unika inkwantu tali.

38      It-tieni nett, il-BĊE ġibed l-attenzjoni tar-rikorrenti għall-fatt li ma huwiex normali li l-atturi fis-suq finanzjarju jiżvelaw il-kompożizzjoni eżatta tal-portafoll finanzjarju tagħhom, meta dan ikun żvantaġġuż għall-interessi finanzjarji tagħhom. Skont prinċipju ġeneralment irrikonoxxut, it-trasparenza totali fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti ddgħajjef il-pożizzjoni fis-suq tad-detentur għal tranżazzjonijiet futuri, għaliex dan jippermetti lil terzi li jobsru, abbażi tal-istrateġija ta’ portafoll li huwa segwa fil-passat, il-bżonnijiet u l-preferenzi futuri tiegħu fil-qasam ta’ investiment. Peress li l-BĊN tal-Eurosistema huma investituri pubbliċi, l-interess pubbliku rigward is-sitwazzjoni finanzjarja tal-BĊE u tal-BĊN tal-Eurosistema għandu jiġi protett u l-iżvelar ta’ ċerta informazzjoni ddettaljata dwar l-operazzjonijiet u l-ammonti li jinsabu fil-bilanċ tagħhom għandu jkun limitat.

39      Din il-motivazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

40      Fil-fatt, il-kunsiderazzjonijiet tal-BĊE esposti fil-punti 35 sa 38 hawn fuq ippermettew lir-rikorrenti tkun taf il-bażi legali li fuqha huwa kien ibbaża ċ-ċaħda tat-talba tagħha ta’ aċċess għall-Annessi A u B tal-ftehim ta’ skambju, jiġifieri t-tieni, it-tielet u s-seba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 emendata, u r-raġunijiet għalfejn huwa kien qies li żvelar tal-kontenut tal-imsemmija annessi kien jippreġudika l-politika monetarja tal-Unjoni u tal-Istati Membri, is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu u dik tal-BĊN tal-Eurosistema u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Huma kienu jippermettu wkoll lill-Qorti Ġenerali tistħarreġ il-fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet tal-BĊE.

41      L-ebda argument imressaq mir-rikorrenti ma jista’ jikkontesta din il-konklużjoni.

42      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li peress li l-attività kollha tal-BĊE sservi għan pubbliku, huwa ma setax sempliċement jinvoka l-funzjonament mhux adegwat ta’ partijiet rilevanti tas-suq u l-għan pubbliku tal-interventi tiegħu sabiex jiġġustifika r-rifjut ta’ aċċess għall-Annessi A u B tal-ftehim ta’ skambju.

43      Dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

44      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 35 sa 38 hawn fuq, fl-ittra tiegħu tat-22 ta’ Mejju 2013, il-BĊE ma llimitax ruħu li jinvoka l-għanijiet pubbliċi segwiti bl-interventi tiegħu, iżda espona wkoll ir-raġunijiet konkreti għalfejn l-iżvelar ta’ informazzjoni inkluża fl-Annessi A u B kellha mnejn taffettwa l-effikaċja ta’ eventwali futuri miżuri ta’ intervent kif ukoll is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu u dik tal-BĊN tal-Eurosistema.

45      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-BĊE ma esponiex suffiċjentement ir-raġunijiet għalfejn l-informazzjoni inkluża fl-Annessi A u B tal-ftehim ta’ skambju tista’ tippreġudika l-effikaċja ta’ miżuri futuri ta’ intervent, meta, minn naħa, is-SMP kien diġà skada u meta, min-naħa l-oħra, hija ma talbitx informazzjoni li tirrigwarda direttament is-SMP, iżda biss informazzjoni inkluża fil-ftehim ta’ skambju.

46      Dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

47      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 35 sa 38 hawn fuq, fid-deċiżjoni tiegħu tat-22 ta’ Mejju 2013, il-BĊE indika li l-informazzjoni inkluża fl-Annessi A u B tal-ftehim ta’ skambju tinkoraġġixxi lil atturi fis-suq mhux biss janalizzaw it-tattika u l-istrateġija sottostanti għall-interventi magħmula fil-kuntest tas-SMP, iżda wkoll tinkoraġġihom jobsru t-tattika u l-istrateġija segwiti permezz ta’ eventwali interventi futuri, u dan għandu mnejn jaffettwa l-effikaċja ta’ dawn tal-aħħar.

48      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li r-referenzi magħmula għall-“funzjonament mhux adegwat ta’ partijiet rilevanti tas-suq” u għall-“mekkaniżmu ta’ trażmissjoni” fil-qasam tal-politika monetarja, li l-BĊE uża fil-kuntest tal-motivazzjoni tiegħu, ma kinux suffiċjentement ċari.

49      Dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

50      Fil-fatt, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-BĊE ma kienx obbligat jispjega iktar l-espressjonijiet “funzjonament mhux adegwat ta’ partijiet rilevanti tas-suq” u “mekkaniżmu ta’ trażmissjoni” użati fl-ittra tiegħu tat-22 ta’ Mejju 2013. Qabel kollox, fir-rigward tal-espressjoni “funzjonament mhux adegwat ta’ partijiet rilevanti tas-suq”, għandu jitfakkar li kien magħruf pubblikament li, sa mill-bidu tas-sena 2010, l-Unjoni kienet sostniet il-kriżi tad-dejn sovran u li tensjonijiet kienu dehru f’ċerti swieq tad-dejn sovran taż-żona tal-euro, b’mod partikolari minħabba tħassib dejjem jikber tas-suq rigward il-vijabbiltà tal-finanzi pubbliċi fid-dawl tad-defiċit baġitarju għoli ħafna, b’mod partikolari fil-Greċja. Kien ukoll magħruf li dawn it-tensjonijiet kienu nfirxu għal partijiet oħra tas-swieq finanzjarji u li l-BĊE kien ħabbar is-SMP sabiex itejjeb l-effikaċja tal-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja. Imbagħad, rigward l-użu, mill-BĊE, tal-espressjoni “mekkaniżmu ta’ trażmissjoni”, biżżejjed jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, li kisbet titoli ta’ dejn tal-Istat Griegi fil-funzjoni tagħha ta’ investitur istituzzjonali, għandha titqies li taf it-tifsira ta’ dan it-terminu jew li hija kapaċi ssibha faċilment, pereżempju billi tikkonsulta s-sit Internet tal-BĊE.

51      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tat-22 ta’ Mejju 2013 ma tinkludi assolutament l-ebda fatt u li l-BĊE bbaża ruħu fuq sempliċi spekulazzjoni f’dak li jirrigwarda l-preġudizzju għall-effikaċja ta’ eventwali futuri operazzjonijiet ta’ intervent. Issa, f’dan il-każ, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-obbligu ta’ motivazzjoni huma għolja, għaliex il-BĊE għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jistabbilixxi jekk l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni kellux mnejn jippreġudika l-interess pubbliku.

52      Sa fejn dan l-ilment jirreferi għal ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni inkwantu rekwiżit proċedurali essenzjali, huwa għandu jiġi miċħud.

53      Huwa minnu li l-BĊE għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-interess pubbliku rigward il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-BĊE jew tal-BĊN tal-Eurosistema u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni jew fi Stat Membru setax ikun ippreġudikat bl-iżvelar tal-informazzjoni li tinsab fl-Annessi A u B u, għaldaqstant, l-istħarriġ tal-legalità eżerċitat mill-Qorti tal-Unjoni f’dan ir-rigward għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenza tad-29 ta’ Novembru 2012, Thesing u Bloomberg Finance vs BĊE, T‑590/10, EU:T:2012:635, punt 43).

54      Għandu wkoll jitfakkar li, minħabba l-istħarriġ limitat tal-qorti tal-Unjoni, l-osservanza tal-obbligu tal-BĊE li jimmotiva suffiċjentement id-deċiżjonijiet hija ta’ importanza jerġa’ iktar fundamentali. Fil-fatt, huwa biss b’dan il-mod li l-qorti tal-Unjoni tista’ tivverifika jekk l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ġewx issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra, EU:C:1991:438, punt 14).

55      Madankollu, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, f’dan il-każ, l-obbligu ta’ motivazzjoni bl-ebda mod ma kien jipprekludi lill-BĊE milli jibbaża ruħu fuq kunsiderazzjonijiet li jieħdu inkunsiderazzjoni l-aġir ipotetiku li atturi fis-suq jistgħu jadottaw wara l-iżvelar tal-informazzjoni li tinsab fl-Annessi A u B tal-ftehim ta’ skambju u fuq l-effetti li tali aġir jista’ jkollu għal interventi futuri. Fil-fatt, minn naħa, dan ir-raġunament huwa suffiċjentement konkret sabiex jippermetti lir-rikorrenti tikkontesta l-fondatezza tiegħu u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, in-natura ġenerali tal-motivazzjoni tal-BĊE hija ġġustifikata bil-ħsieb li ma tiġix żvelata informazzjoni li l-protezzjoni tagħha hija koperta mill-eċċezzjoni invokata.

56      Fil-ħames lok, ir-rikorrenti ssostni li l-motiv skont liema l-istrateġija u t-tattika segwiti permezz tal-operazzjonijiet ta’ investiment għandhom mnejn jiġu żvelati ma huwiex rilevanti u li l-BĊE afferma b’mod żbaljat li huwa għandu bżonnijiet u preferenzi fil-qasam ta’ investiment.

57      Dawn l-allegazzjonijiet għandhom ukoll ikunu miċħuda.

58      Fil-fatt, huma jirreferu għall-fondatezza tal-motivazzjoni u għaldaqstant ma jistgħux jipprovaw ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni inkwantu rekwiżit proċedurali essenzjali.

59      Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud sa fejn huwa bbażat fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

60      Barra minn hekk, sa fejn dan il-motiv huwa bbażat ukoll fuq ksur tal- Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jipprevedi li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jinvolvi fost l-oħrajn l-obbligu għall-amministrazzjoni li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha, biżżejjed jiġi kkonstatat li, minħabba l-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan lanqas ma jista’ jwassal, mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni dwar jekk, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, din id-dispożizzjoni tapplikax għall-BĊE.

61      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tielet motiv, dwar il-fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet tal-BĊE

62      Ir-rikorrenti ssostni li l-kunsiderazzjonijiet tal-BĊE li fuqhom huwa bbaża r-rifjut tat-talba tagħha ta’ aċċess għall-Annessi A u B tal-ftehim ta’ skambju huma vvizzjati bi żbalji. Jekk l-argumenti mressqa mill-BĊE kellhom jitqiesu li huma suffiċjenti sabiex jiġi rrifjutat l-aċċess għall-imsemmija annessi, dan jikkostitwixxi ostakolu għad-dritt għall-informazzjoni stabbilit fl-Artikolu 15(3) TFUE u fl-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li huwa sproporzjonat u li jneħħi s-sustanza ta’ dan id-dritt.

63      Il-BĊE jikkontesta dawn l-argumenti.

64      F’dan ir-rigward, b’mod preliminari, għandu jiġi osservat li xi wħud mill-argumenti li r-rikorrenti tressaq fil-kuntest ta’ dan il-motiv jistgħu jagħtu l-impressjoni li hija tinvoka eċċezzjoni ta’ illegalità intiża sabiex tikkontesta l-konformità tat-tieni u tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 emendata mal-Artikolu 15(3) TFUE u mal-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

65      Fir-risposta tagħha tal-10 ta’ Novembru 2014 għad-domandi tal-Qorti Ġenerali (ara l-punt 13 hawn fuq), ir-rikorrenti speċifikat li, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tqis li, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet għall-eċċezzjonijiet previsti fit-tieni u fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 emendata huma ssodisfatti, hija ma żżommx l-eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tat-tieni u tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 emendata.

66      Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk l-argumenti mressqa mir-rikorrenti jiżvelawx żball li jaffettwa l-fondatezza tal-konklużjoni tal-BĊE, skont liema ċ-ċaħda parzjali tat-talba ta’ aċċess għall-Annessi A u B tal-ftehim ta’ skambju hija ġġustifikata bis-saħħa tat-tieni u tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 emendata.

67      Kif jirriżulta mill-punti 35 sa 38 hawn fuq, insostenn ta’ din il-konklużjoni, il-BĊE espona, essenzjalment, li l-iżvelar tad-data ddettaljata u kkategorizzata dwar it-titoli ta’ dejn tal-Istat li huwa u l-BĊN tal-Eurosistema akkwistaw fil-kuntest tas-SMP jista’ jinkoraġġixxi lill-atturi fis-suq jiddeduċu konklużjonijiet dwar l-istrateġija, it-tattika u l-metodu segwiti fil-kuntest ta’ dan u li jagħmlu pronjosi tal-istrateġija, tat-tattika jew tal-metodu li jistgħu jiġu segwiti fil-kuntest ta’ interventi futuri. Dan jista’ jippreġudika l-effikaċja tal-imsemmija interventi u, fl-aħħar nett, il-politika monetarja tal-Unjoni, kif ukoll is-sitwazzjoni finanzjarja tal-BĊE u tal-BĊN tal-Eurosistema.

68      Ir-rikorrenti tqis li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma żbaljati. Insostenn ta’ dan il-motiv, hija ma tiżviluppax argumenti awtonomi, iżda sempliċement tirreferi għall-argumenti li hija żviluppat fil-kuntest tat-tieni motiv, li jirreferi għal ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti li r-rikorrenti ressqet fil-kuntest tat-tieni motiv, sa fejn huma ma jirreferux, jew mill-inqas ma jirreferux biss, għal ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni inkwantu rekwiżit proċedurali essenzjali, iżda wkoll għall-fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet tal-BĊE.

–       Dwar l-allegazzjonijiet ibbażati b’mod partikolari fuq in-natura ipotetika tal-kunsiderazzjonijiet tal-BĊE

69      Ir-rikorrenti ssostni li l-kunsiderazzjonijiet tal-BĊE huma bbażati fuq sempliċi spekulazzjonijiet, iżda ma huma bbażati fuq l-ebda fatt. Tali kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jiġġustifikaw rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti taħt it-tieni u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 emendata. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ssostni wkoll li t-talba tagħha ma rreferietx għal miżuri ta’ intervent, iżda biss għall-ftehim ta’ skambju, u li, f’kull każ, fil-mument li fih hija għamlet it-talba, is-SMP kien diġà skada.

70      F’dan ir-rigward, b’mod preliminari, għandu jitfakkar li d-Deċiżjoni 2004/258 emendata hija intiża, kif jindikaw il-premessi 2 u 3 tagħha, sabiex tawtorizza aċċess għad-dokumenti tal-BĊE usa’ minn dak li kien jeżisti taħt ir-reġim tad-Deċiżjoni tiegħu 1999/284/KE, tat-3 ta’ Novembru 1998, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumentazzjoni u l-arkivji tal-Bank Ċentrali Ewropej (BĊE/1998/12) (ĠU L 110, p. 30), filwaqt li tiġi protetta l-indipendenza tal-BĊE u tal-BĊN tal-Eurosistema kif ukoll il-kunfidenzjalità ta’ ċerti kwistjonijiet rigward it-twettiq tal-missjonijiet tal-BĊE.

71      L-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2004/258 emendata jagħti b’dan il-mod lil kull ċittadin tal-Unjoni, u lil kull persuna fiżika jew ġuridika residenti jew bl-uffiċċju rreġistrat fi Stat Membru, dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-BĊE, bla ħsara għall-kundizzjonijiet u għal-limiti ddefiniti permezz ta’ din id-deċiżjoni.

72      Dan id-dritt huwa suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat. B’mod iktar speċifiku, it-tieni u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 emendata jipprevedu eċċezzjonijiet mill-aċċess għal dokument fil-każ li l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku, f’dak li jirrigwarda l-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru jew is-sitwazzjoni finanzjarja tal-BĊE jew tal-BĊN tal-Eurosistema.

73      Fid-dawl tal-fatt li l-eċċezzjonijiet mid-dritt ta’ aċċess imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2004/258 emendata jidderogaw mid-dritt ta’ aċċess għal dokumenti previst fl-Artikolu 2(1) tagħha, huma għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett. B’dan il-mod, meta l-BĊE jiddeċiedi li jirrifjuta l-aċċess għal dokument, li l-komunikazzjoni tiegħu ġiet mitluba minnu, taħt l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija deċiżjoni, huwa għandu, bħala regola ġenerali, jiġġustifika r-raġuni għalfejn l-aċċess għal dan id-dokument jista’ jippreġudika konkretament u effettivament l-interess protett permezz ta’ eċċezzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni li hija tinvoka (sentenza Thesing u Bloomberg Finance/BĊE, punt 53 iktar ’il fuq, EU:T:2012:635, punti 41 u 42).

74      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi evalwat jekk il-kunsiderazzjonijiet tal-BĊE kinux suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw iċ-ċaħda parzjali tat-talba ta’ aċċess għall-Annessi A u B tal-ftehim ta’ skambju.

75      Fl-ewwel lok, sa fejn ir-rikorrenti tikkritika lill-BĊE talli bbaża ruħu fuq ipoteżi, għandu jitfakkar li, skont ir-regoli previsti fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2004/258 emendata, il-BĊE huwa marbut iqabbel, minn naħa, is-sitwazzjoni eżistenti, li fiha l-aċċess għad-dokumenti (għadu) ma huwiex mogħti, u, min-naħa l-oħra, sitwazzjoni ipotetika, fejn l-aċċess għad-dokumenti jkun mogħti. Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li, fid-deċiżjoni tiegħu ta’ rifjut parzjali ta’ aċċess, il-BĊE ħa inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ipotetika li fiha huwa jagħti aċċess għall-Annessi A u B ma huwiex, minnu nnifsu, tali li jikkontesta l-fondatezza tar-raġunament tiegħu.

76      Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk l-argumenti mressqa mir-rikorrenti humiex tali li juru li, fid-deċiżjoni tiegħu tat-22 ta’ Mejju 2013, il-BĊE ma esponiex ir-riskju ta’ preġudizzju għall-interess protett b’mod suffiċjentement konkret jew li l-kunsiderazzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward huma vvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

77      F’dan il-kuntest, qabel kollox, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tressaq l-ebda argument li jista’ jikkontesta l-fondatezza tal-kunsiderazzjoni tal-BĊE li tgħid li l-iżvelar tad-data li tinsab fl-Annessi A u B tal-ftehim ta’ skambju kienet tiżvela l-kompożizzjoni eżatta tal-portafoll tas-SMP u għaldaqstant kienet tippermetti lill-atturi fis-suq ikunu jafu, fost l-oħrajn, il-valuri nominali, ir-rati ta’ kupuni, id-dati ta’ ħlas tal-interessi u d-dati ta’ rimbors tat-titoli ta’ dejn tal-Istat akkwistati fil-kuntest tas-SMP. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti sempliċement issostni li hija ma titlobx l-aċċess għal dokumenti marbuta direttament mal-intervent tal-BĊE. Kif isostni l-BĊE, huwa possibbli, abbażi tal-informazzjoni li tinsab fl-Annessi A u B tal-ftehim ta’ skambju, li jiġu identifikati t-titoli ta’ dejn tal-Istat Griegi li l-BĊE u l-BĊN tal-Eurosistema akkwistaw fil-kuntest tas-SMP.

78      Imbagħad, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li s-SMP kien diġà skada ma jirrendix dawn il-kunsiderazzjonijiet manifestament żbaljati jew irrilevanti. Fil-fatt, skont ir-raġunament tal-BĊE, l-iżvelar tad-data li tinsab fl-Annessi A u B tal-ftehim ta’ skambju seta’ jinkoraġġixxi lil atturi fis-suq jobsru l-istrateġija, it-tattika u l-metodu li jistgħu jiġu adottati minnu u mill-BĊN tal-Eurosistema fil-kuntest ta’ interventi futuri. Bħalma diġà ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, huwa normali li l-atturi fis-suq jużaw l-informazzjoni żvelata mill-banek ċentrali, peress li l-analiżi u d-deċiżjonijiet ta’ dawn tal-aħħar jitqiesu li huma sors partikolarment importanti u affidabbli sabiex issir evalwazzjoni tal-evoluzzjonijiet kurrenti u futuri tas-suq finanzjarju (sentenza Thesing u Bloomberg Finance vs BĊE, punt 53 iktar ’il fuq, EU:T:2012:635, punti 52, 57 u 63).

79      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkontesta l-kunsiderazzjoni tal-BĊE fis-sens li l-effikaċja ta’ interventi futuri u tas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu kif ukoll dik tal-BĊN tal-Eurosistema jistgħu jiġu affettwati fil-każ li ċerti atturi fis-suq jaġixxu skont il-pronjosi mwettqa abbażi tad-data li tinsab fl-Annessi A u B tal-ftehim ta’ skambju.

80      Fir-rigward ta’ dan l-element tal-motivazzjoni tal-ittra tat-22 ta’ Mejju 2013, il-BĊE speċifika li l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar il-metodu segwit fil-kuntest tas-SMP jista’ jippreġudika miżuri ta’ intervent li jkollhom għan identiku jew simili għal dak li ġie segwit permezz tas-SMP. Tali programmi huma intiżi sabiex jinkoraġġixxu lill-atturi fis-suq jinvestu f’kategorija ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat, jekk ikun il-każ saħansitra qabel ma l-BĊE u l-BĊN tal-Eurosistema jixtru minnhom, sabiex japprofittaw mill-evoluzzjoni fil-prezzijiet ikkawżata permezz ta’ dan ix-xiri. Huma jista’ jkollhom effett pożittiv fuq it-titoli ta’ dejn kollha li jinsabu fil-kategorija inkwistjoni. Peress li l-atturi fis-suq ma jkunux jafu bit-titoli ta’ dejn ippreferiti mill-BĊE u mill-BĊN tal-Eurosistema, huma jkunu nkoraġġuti jinvestu b’mod wiesa’ fil-kategorija inkwistjoni kollha. Min-naħa l-oħra, fil-każ li l-atturi fis-suq ikollhom aċċess għad-data ddettaljata u kkategorizzata li tinsab fl-Annessi A u B tal-ftehim ta’ skambju, l-effikaċja tal-miżuri ta’ intervent u, fl-aħħar mill-aħħar, dik tal-politika monetarja għandhom mnejn ikunu affettwati, kif ukoll is-sitwazzjoni finanzjarja tal-BĊE u tal-BĊN tal-Eurosistema. F’din l-ipoteżi, l-atturi fis-suq jistgħu jkunu nkoraġġuti jagħmlu pronjosi sabiex jistabbilixxu b’mod iktar speċifiku t-tipi ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat fil-kategorija inkwistjoni li għandhom mnejn jinxtraw mill-BĊE u mill-BĊN tal-Eurosistema u jikkonċentraw l-akkwisti tagħhom fuq dawn it-tipi ta’ titoli ta’ dejn. Minn naħa, dan għandu mnejn ikollu, bħala konsegwenza, żieda fil-prezzijiet għat-tipi kollha ta’ titoli ta’ dejn identifikati mill-atturi fis-suq bħala titoli li għandhom mnejn jiġu akkwistati mill-BĊE u mill-BĊN tal-Eurosistema. Sa fejn dawn it-titoli ta’ dejn jikkorrispondu effettivament għall-preferenzi tal-BĊE u tal-BĊN tal-Eurosistema, dawn tal-aħħar jistgħu jkunu mwassla sew biex jixtru dawn it-tipi ta’ titoli ta’ dejn bi prezzijiet ogħla, jew biex jixtru titoli ta’ dejn differenti li jikkorrispondu inqas għall-preferenzi tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-BĊE u l-BĊN tal-Eurosistema jistgħu jiġu mwassla jixtru titoli ta’ dejn ta’ diversi tipi fil-kategorija inkwistjoni, sabiex jinkoraġġixxu lill-atturi fis-suq jinvestu fit-titoli ta’ dejn kollha li jinsabu fl-imsemmija kategorija, minflok ma jikkonċentraw ruħhom fuq ċerti tipi ta’ titoli ta’ dejn.

81      F’dan ir-rigward, inizjalment, ir-rikorrenti ssostni li dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-BĊE huma bbażati fuq ipoteżi improbabbli. Huwa minnu li fl-istqarrija tiegħu għall-istampa tas-6 Settembru 2012, il-BĊE ħabbar il-karatteristiċi tekniċi rigward ix-xiri ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat fil-kuntest tal-programm marbut mal-OMT (iktar ’il quddiem, il-“programm OMT”) (ara l-punt 6 hawn fuq). Madankollu, kien prevedibbli li l-BĊE u l-BĊN tal-Eurosistema ma jkunux wettqu x-xiri ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat fil-kuntest tal-imsemmi programm.

82      F’dan il-kuntest, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li mid-deċiżjoni tal-ministri taż-żona tal-euro tal-aħħar tas-sena 2014 jirriżulta li l-miżura prevista fil-kuntest tal-politika monetarja rigward ir-Repubblika Ellenika kienet il-ftuħ ta’ linja ta’ kreditu. Ix-xiri ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat Griegi ma għadux, għaldaqstant, previst.

83      Dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

84      F’dan ir-rigward, biżżejjed jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat skont l-Artikolu 263 TFUE, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fuq il-bażi ta’ elementi ta’ fatt u ta’ dritt li kienu jeżistu fid-data li fih kien ġie adottat l-att (sentenza tas-7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il-Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra, EU:C:1979:29, punt 7). Issa, iċ-ċirkustanzi li għalihom tirreferi r-rikorrenti huma posterjuri għad-deċiżjoni tal-BĊE tat-22 ta’ Mejju 2013 u ma jistgħux, għaldaqstant, jikkontestaw il-legalità tagħha.

85      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li, skont l-istqarrija għall-istampa tal-BĊE tas-6 ta’ Settembru 2012, xiri ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat fil-kuntest tal-programm OMT jippreżupponi li l-Istat li x-xiri tat-titoli ta’ dejn tiegħu jkun previst jinnegozja programm ta’ konsolidazzjoni mal-mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbiltà (iktar ’il quddiem, il-“MES”). F’dan il-każ, in-negozjar ta’ tali programm seta’ jiġi eskluż. Fil-fatt, id-deċiżjonijiet tal-MES jistgħu jiġu adottati biss b’unanimità u, minħabba d-dubji tal-Bundesverfassungsgericht (Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża), li jirriżultaw mid-domanda preliminari tagħha tal-14 ta’ Jannar 2014 fil-Kawżi 2 BvR 2728/13 sa 2 BvR 2731/13 u 2 BvR 13/13 (Kawża C‑62/14, Gauweiler et, bħalissa pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u dawk tal-Bundesbank (bank ċentrali Ġermaniż) rigward il-legalità tal-programm OMT, membru tal-Istat Ġermaniż ħabbar li tali programm ta’ konsolidazzjoni mhux ser jiġi approvat.

86      Dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

87      F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti sempliċement tipprevedi l-akkwist ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat fil-kuntest tal-programm OMT kif deskritt fl-istqarrija għall-istampa tal-BĊE tas-6 ta’ Settembru 2012. Madankollu, il-kunsiderazzjonijiet tal-BĊE msemmija fil-punt 80 hawn fuq ma humiex limitati għall-akkwist ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat fil-kuntest tal-programm OMT, iżda jirrigwardaw il-miżuri kollha ta’ intervent li għandhom għan identiku jew simili għal dak segwit mis-SMP. F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-BĊE għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa ħafna rigward l-għażla u d-determinazzjoni tal-miżuri li huwa jadotta fil-kuntest tat-twettiq tal-missjonijiet tiegħu. Għaldaqstant, meta l-BĊE eżamina jekk l-aċċess għall-Annessi A u B setax jaffettwa l-politika monetarja tal-Unjoni, is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu jew dik tal-BĊN tal-Eurosistema, huwa seta’ jieħu inkunsiderazzjoni l-miżuri kollha li kellu mnejn ikollu jadotta fil-futur u ma kienx marbut jieħu inkunsiderazzjoni biss miżuri li jistabbilixxu l-kundizzjoni, prevista fl-istqarrija għall-istampa tal-BĊE tas-6 ta’ Settembru 2012 rigward l-OMT, li tgħid li l-akkwist ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat fil-kuntest ta’ dan il-programm huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-Istat Membru inkwistjoni jinnegozja programm ta’ konsolidazzjoni mal-MES.

88      F’kull każ, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma humiex tali li juru li, fil-mument li fih il-BĊE adotta d-deċiżjoni tat-22 ta’ Mejju 2013, kien ċar li l-kundizzjonijiet previsti fl-istqarrija għall-istampa mhux ser ikunu jistgħu jiġu ssodisfatti.

89      Minn naħa, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq id-domanda preliminari tal-Bundesverfassungsgericht fil-Kawża C‑62/14, biżżejjed jiġi kkonstatat li ma jirriżultax li din il-qorti tqis li kull akkwist ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat mill-BĊE jew mill-BĊN tal-Eurosistema fil-kuntest tal-programm OMT imur kontra d-dritt primarju tal-Unjoni. Bil-kontra, jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 99 u 100 ta’ din id-domanda preliminari li din il-qorti ma teskludix li l-programm OMT, interpretat b’mod strett, jista’ jitqies li huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni.

90      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-oppożizzjoni għall-approvazzjoni ta’ programm ta’ konsolidazzjoni ġdid imħabbar minn membru tal-Gvern Ġermaniż, biżżejjed jiġi osservat li mill-istqarrija għall-istampa tal-BĊE tas-6 ta’ Settembru 2012 jirriżulta li l-programm OMT kien japplika għal Stati li diġà kienu jipparteċipaw fi programm ta’ konsolidazzjoni. Anki jekk jingħad li programm ta’ konsolidazzjoni ma jistax jiġi nnegozjat għal Stat Membru li għadu ma jipparteċipax f’tali programm, dan ma kienx għaldaqstant jeskludi l-akkwist ta’ titoli ta’ dejn ta’ Stati li diġà jipparteċipaw f’tali programm.

91      Għaldaqstant, l-ebda argument imressaq mir-rikorrenti ma huwa tali li juri li, fit-22 ta’ Mejju 2013, għaldaqstant fil-mument li fih il-BĊE ċaħad parzjalment it-talba ta’ aċċess kontenzjuża, seta’ jiġi eskluż li huwa jew il-BĊN tal-Eurosistema jipproċedu għax-xiri ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat fil-kuntest tal-programm OMT.

92      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma humiex tali li juru li l-kunsiderazzjonijiet tal-BĊE msemmija fil-punti 37 u 38 hawn fuq, skont liema żvelar tad-data li tinsab fl-Annessi A u B tal-ftehim ta’ skambju jista’ jippreġudika l-effikaċja ta’ intervent futur b’għan identiku jew simili għal dak li diġà ġie segwit mis-SMP, huma bbażati fuq ipoteżi li ma hijiex suffiċjentement probabbli jew huma vvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

93      Sussegwentement, ir-rikorrenti ssostni li l-kunsiderazzjoni tal-BĊE skont liema l-iżvelar tad-data li tinsab fl-Annessi A u B tal-ftehim ta’ skambju kien tali li jippreġudika l-effikaċja ta’ miżuri futuri ta’ intervent ma tistax tirreferi għal miżuri li l-għanijiet tagħhom huma differenti minn dawk segwiti mis-SMP. Fil-fatt, anki jekk tali miżuri jimplikaw ukoll l-akkwist ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat, akkwisti komparabbli għal dawk magħmula fil-kuntest tas-SMP ma jkunux jistgħu jirriproduċu ruħhom meta l-miżuri ta’ intervent jsegwu għanijiet differenti.

94      Dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

95      L-ewwel nett, dan l-ilment huwa ineffettiv. Fil-fatt, il-kunsiderazzjonijiet tal-BĊE rigward il-miżuri ta’ intervent li għandhom għan identiku jew simili għas-SMP eżaminati fil-punti 80 sa 92 hawn fuq huma biżżejjed minnhom innifishom sabiex jiġġustifikaw iċ-ċaħda parzjali tat-talba ta’ aċċess għall-Annessi A u B tal-ftehim ta’ skambju.

96      It-tieni nett, u f’kull każ, bħalma l-BĊE jgħid ġustament, meta intervent jimplika l-akkwist ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat mill-BĊE u mill-BĊN tal-Eurosistema, jeżisti r-riskju li l-atturi fis-suq jibbażaw ruħhom fuq l-informazzjoni dwar tali akkwisti fil-passat sabiex jidentifikaw, ġustament jew b’mod żbaljat, preferenzi tal-BĊE u tal-BĊN tal-Eurosistema għal ċerti tipi ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat li huma jqisu li japplikaw indipendentement mill-għan segwit permezz tal-akkwist ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat.

97      F’tali ipoteżi, minħabba l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 80 hawn fuq, l-iżvelar tal-informazzjoni li tinsab fl-Annessi A u B tal-ftehim ta’ skambju jista’ jaffettwa l-effikaċja tal-miżuri ta’ intervent tal-BĊE u s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu jew dik tal-BĊN tal-Eurosistema.

98      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jista’ juri li l-kunsiderazzjonijiet tal-BĊE li jinsabu fl-ittra tat-22 ta’ Mejju 2013, skont liema l-iżvelar tal-Annessi A u B tal-ftehim ta’ skambju jista’ jippreġudika l-effikaċja ta’ miżuri futuri ta’ intervent u, fl-aħħar mill-aħħar, il-politika monetarja, kif ukoll is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu u dik tal-BĊN tal-Eurosistema, huma bbażati fuq sitwazzjoni purament ipotetika jew huma vvizzjati bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq l-għan pubbliku segwit permezz tal-interventi

99      Ir-rikorrenti ssostni li l-kunsiderazzjonijiet tal-BĊE bbażati fuq l-istrateġija ta’ portafoll tiegħu u l-preferenzi tiegħu fil-materja ta’ investiment huma żbaljati. L-interventi tal-BĊE kienu jsegwu għan pubbliku u għaldaqstant huwa ma kellux strateġija ta’ portafoll jew preferenzi fil-materja ta’ investiment.

100    Dan l-ilment ukoll għandu jiġi miċħud.

101    F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi osservat li, meta intervent jimplika x-xiri ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat, il-fatt li huwa jsegwi għan pubbliku ma jipprekludix li l-BĊE jew il-BĊN tal-Eurosistema jkunu jistgħu jkollhom preferenzi għal ċerti tipi ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat.

102    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-ebda wieħed mill-ilmenti mressqa mir-rikorrenti ma huwa tali li jikkontesta l-fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet tal-BĊE skont liema r-rifjut tal-aċċess għall-Annessi A u B tal-ftehim ta’ skambju kien iġġustifikat bis-saħħa tat-tieni u tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 emendata.

103    Fid-dawl tal-kjarifika magħmula mir-rikorrenti msemmija fil-punt 65 hawn fuq, ma hemmx lok li tiġi eżaminata eventwali eċċezzjoni ta’ illegalità tat-tieni u tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 emendata.

104    Dan il-motiv għandu għaldaqstant jiġi miċħud, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġu eżaminati l-ilmenti li jirreferu għas-seba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 emendata, li jipprevedi li l-aċċess għal dokument jew l-iżvelar tiegħu jiġu rrifjutati meta jippreġudikaw il-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni jew fi Stat Membru. Fil-fatt, dawn l-ilmenti għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi. Skont l-istruttura tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2004/258 emendata, iċ-ċaħda ta’ talba ta’ aċċess hija ġġustifikata meta l-kundizzjonijiet mitluba permezz ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet previsti f’dan l-artikolu jiġu ssodisfatti. Issa, f’dan il-każ, din iċ-ċaħda tista’ tkun ibbażata fuq it-tieni u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 emendata. Għaldaqstant, anki jekk jingħad li l-ilmenti li jirreferu għas-seba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 emendata huma fondati, huma ma jistgħux jikkontestaw il-ġustifikazzjoni taċ-ċaħda tat-talba ta’ aċċess.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-bażi legali tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Mejju 2013

105    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li s-seba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 ma huwiex konformi mal-Artikolu 15(3) TFUE u lanqas mal-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Minn naħa, l-eċċezzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni ma għadhiex koperta mir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331). Min-naħa l-oħra, il-premessi tad-Deċiżjoni 2004/258 emendata ma jirreferux għal dan it-twessigħ tal-motivi ta’ rifjut. Għaldaqstant, id-deċiżjoni tal-BĊE tat-22 ta’ Mejju 2013 ma tistax tkun ibbażata fuq din id-deċiżjoni.

106    Il-BĊE jikkontesta dawn l-argumenti.

107    Dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv minħabba l-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punt 104 hawn fuq.

108    Peress li l-motivi kollha invokati għandhom jiġu miċħuda, għandha tiġi miċħuda t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-BĊE tat-22 ta’ Mejju 2013.

3.     Fuq l-ittra tal-BĊE tas-16 ta’ April 2013

109    Kif ġie espost fil-punt 24 hawn fuq, it-talba għal annullament għandha tiġi interpretata fis-sens li tirreferi biss għad-deċiżjoni tal-BĊE tat-22 ta’ Mejju 2013.

110    F’kull każ, anki jekk jingħad li r-rikorrenti talbet ukoll l-annullament tal-ittra tal-BĊE tas-16 ta’ April 2013, din it-talba għandha tiġi miċħuda, peress li l-motivi kollha mressqa insostenn tat-talba għal annullament tal-ittra tal-BĊE tat-22 ta’ Mejju 2013 għandhom jiġu miċħuda u peress li r-rikorrenti ma ressqitx motivi distinti insostenn ta’ eventwali talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-BĊE tas-16 ta’ April 2013.

111    Għaldaqstant, ma hemmx bżonn issir dikjarazzjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-BĊE skont liema eventwali talba għall-annullament tal-ittra tal-BĊE tas-16 ta’ Mejju 2013 ma hijiex suffiċjentement ċara.

112    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

113    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mill-BĊE, skont it-talbiet ta’ dan tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Versorgungswerk der Zahnärztekammer Schleswig-Holstein hija kkundannata għall-ispejjeż.

Berardis

Czúcz

Popescu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-4 ta’ Ġunju 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.