Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Litwanja) fl-4 ta’ Frar 2022 – M.A. vs Valstybės sienos apsaugos tarnyba

(Kawża C-72/22)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: M.A.

Konvenut: Valstybės sienos apsaugos tarnyba

Domandi preliminari

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali 1 , moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija 2 , għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli tad-dritt nazzjonali bħal dawk applikabbli f’dan il-każ, li abbażi tagħhom, f’każ ta’ dikjarazzjoni tal-istat ta’ gwerra jew tal-istat ta’ emerġenza jew f’każ ta’ proklamazzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza minħabba fluss massiv ta’ barranin, barrani li jkun daħal u jirrisjedi illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru ma għandux, essenzjalment, il-possibbiltà li jippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali?

F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) u (3) tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regola tad-dritt nazzjonali li tgħid li, f’każ ta’ dikjarazzjoni tal-istat ta’ gwerra jew tal-istat ta’ emerġenza jew f’każ ta’ proklamazzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza minħabba fluss massiv ta’ barranin, applikant għall-ażil jista’ jitqiegħed f’detenzjoni għall-unika raġuni li jkun daħal fit-territorju tar-Repubblika tal-Litwanja billi qasam illegalment il-fruntiera tagħha?

____________

1     ĠU 2013, L 180, p. 60.

1     ĠU 2011, L 337, p. 9.

1     ĠU 2013, L 180, p. 96.