Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Ottubru 2020 – Ir-Rumanija vs Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-548/20)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Rumanija (rappreżentanti: E. Gane, L. Liţu u M. Chicu, bħala aġenti)

Konvenuti: Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla parzjalment id-Direttiva (UE) 2020/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li tistabbilixxi regoli speċifiċi rigward id-Direttiva 96/71/KE u d-Direttiva 2014/67/UE għall-istazzjonar tax-xufiera fis-settur tat-trasport bit-triq u li temenda d-Direttiva 2006/22/KE fir-rigward ta’ rekwiżiti tal-infurzar u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU 2020, L 249, p. 49), f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 1(3) sa (6);

sussidjarjament, biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li dawn id-dispożizzjonijiet huma marbuta b’mod inseparabbli ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva (UE) 2020/1057 jew jikkonċernaw l-essenza ta’ dan l-att, tannulla fl-intier tiegħu dan l-att leġiżlattiv tal-Unjoni;

tikkundanna lill-Parlament u lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Rumanija tinvoka żewġ motivi:

1.    L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5(4) TUE

Ir-Rumanija tikkunsidra li għall-identifikazzjoni tal-ipoteżi ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ kollokament fit-trasport bit-triq, il-kriterju tat-tipoloġija tal-operazzjoni tat-trasport ma kinitx suġġetta għal evalwazzjoni tal-impatt imwettqa mill-Kummissjoni u ma hija sostnuta minn l-ebda rapport/studju jew data xjentifika.

F’dan il-każ, il-koleġiżlaturi kienu meħtieġa jwettqu evalwazzjoni tal-impatt, fil-kuntest li fih emendaw b’mod fundamentali l-proposta tal-Kummissjoni mingħajr biżżejjed evidenza li tippermettilhom jevalwaw il-proporzjonalità tal-miżura l-ġdida.

Minbarra dan, il-kriterju tat-tipoloġija tal-operazzjonijiet tat-trasport joħloq inċertezzi fl-identifikazzjoni tal-Istat Membru ospitanti u tal-leġiżlazzjoni applikabbli. Konsegwentement, l-użu ta’ dan il-kriterju jaffettwa ċ-ċertezza legali, billi jmur kontra, inter alia, l-għanijiet iddikjarati tad-Direttiva 2020/1057.

Barra minn hekk, l-applikazzjoni tas-sistema ta’ kollokament fit-trasport bit-triq b’relazzjoni mal-kriterju tal-operazzjoni tat-trasport hija ta’ natura tali li taffettwa l-flessibbiltà u l-ħeffa speċifika f’dan il-qasam.

2.    It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE

Ir-Rumanija tikkunsidra li, fil-kuntest li fih is-suq tat-trasport internazzjonali huwa oġġettivament iċċentralizzat/ippolarizzat u tas-sehem dejjem jiżdied tal-operaturi fis-suq tat-trasport internazzjonali fl-Istati Membri li jinsabu fil-periferija tal-Unjoni, huwa ċar li huma prinċipalment l-operaturi f’din iż-żona li ser isostnu l-ispejjeż amministrattivi u finanzjarji assoċjati mal-kollokament u li ser jisfavorixxi t-twettiq ta’ dawn il-miżuri bħall-Artikolu 1(3) sa (6) tad-Direttiva 2020/1057.

Minbarra dan, il-miżuri koperti bid-Direttiva 2020/1057, bir-Regolament (UE) 2020/1054 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 fir-rigward ta’ rekwiżiti minimi dwar il-ħinijiet massimi ta’ sewqan kuljum u kull ġimgħa, il-pawżi minimi u l-perijodi ta’ mistrieħ kuljum u kull ġimgħa u r-Regolament (UE) Nru 165/2014 fir-rigward tal-pożizzjonament permezz ta’ takografi 1 u bir-Regolament (UE) 2020/1055 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1071/2009, (KE) Nru 1072/2009 u (UE) Nru 1024/2012 bl-għan li jiġu adattati għall-iżviluppi fis-settur tat-trasport bit-triq 2 (dwar ir-restrizzjoni supplimentari għall-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ, ir-ritorn tal-vettura fiċ-ċentru operazzjonali tal-Istat Membru ta’ stabbiliment fi żmien tmien ġimgħat, ir-ritorn tas-sewwieq tal-vettura fi żmien erba’ ġimgħat, il-projbizzjoni li l-perijodi regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa jitwettqu fil-kabina tal-vettura u l-kollokament tas-sewwieq tal-vettura) kienu intiżi bħala pilastri li jifformaw flimkien pakkett leġislattiv wieħed, kuntest li fih hija biss analiżi tal-effetti kumulattivi tagħhom li tista’ turi l-impatt reali tagħhom fis-suq tat-trasport.

____________

1     ĠU 2020, L 249, p 1.

2     ĠU 2020, L 249, p 17.