Language of document : ECLI:EU:C:2017:448

Kawża C-258/14

Eugenia Florescu et

vs

Casa Judeţeană de Pensii Sibiu et

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Curtea de Apel Alba Iulia)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 143 TFUE — Diffikultajiet dwar il-bilanċ tal-pagamenti ta’ Stat Membru — Għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea — Memorandum ta’ Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat Membru benefiċjarju — Politika soċjali — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-kumulu bejn pensjoni tal-irtirar pubblika u dħul mis-salarju li jirriżulta mit-twettiq ta’ attivitajiet ma’ istituzzjoni pubblika — Differenza fit-trattament bejn il-persuni li t-tul tal-ħatra tagħhom huwa previst mill-kostituzzjoni u l-imħallfin professjonali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-13 ta’ Ġunju 2017

1.        Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Azzjonijiet meħuda mill-istituzzjonijiet – Memorandum ta’ Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u Stat Membru benefiċjarju ta’ għajnuna finanzjarja tal-Unjoni li jikkonkretizza l-impenn ta’ dan l-Istat Membru li jirrispetta ċerti għanijiet ekonomiċi – Inklużjoni

(Artikoli 143 TFUE u 267 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 332/2002, Artikolu 3a)

2.        Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Bilanċ tal-pagamenti – Diffikultajiet ta’ Stat Membru – Memorandum ta’ Ftehim konkluż mar-Rumanija li jikkonkretizza l-impenn ta’ din tal-aħħar li tirrispetta ċerti għanijiet ekonomiċi – Obbligu li r-Rumanija tadotta dispożizzjonijiet fil-qasam tan-nuqqas ta’ kumulu tal-pensjonijiet tal-irtirar ma dħul mis-salarju – Assenza

(Artikolu 143 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 332/2002; Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/459)

3.        Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Bilanċ tal-pagamenti – Diffikultajiet ta’ Stat Membru – Memorandum ta’ Ftehim konkluż mar-Rumanija li jikkonkretizza l-impenn ta’ din tal-aħħar li tirrispetta ċerti għanijiet ekonomiċi – Stabbiliment ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-kumulu ta’ pensjoni tal-irtirar ma dħul mis-salarju – Ksur tad-dritt għall-proprjetà – Assenza

(Artikolu 6 TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 17 u 52(1); Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/459)

4.        Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78 – Kamp ta’ applikazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi, f’ċerti kundizzjonijiet, il-kumulu ta’ pensjoni tal-irtirar ma dħul magħmul mill-eżerċizzju ta’ attività professjonali fis-settur pubbliku – Differenza fit-trattament bejn l-imħallfin professjonali u l-persuni li nħatru b’mandat previst mill-kostituzzjoni nazzjonali – Esklużjoni

(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 2(2)(b))

1.      Il-Memorandum ta’ Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Rumanija, konkluż f’Bukarest u fi Brussell fit-23 ta’ Ġunju 2009, għandu jitqies li huwa att adottat minn istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, li jista’ jiġi suġġett għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Il-bażi legali ta’ dan il-memorandum hija l-Artikolu 143 TFUE, li jagħti lill-Unjoni l-kompetenza biex tagħti assistenza reċiproka lil Stat Membru li l-munita tiegħu ma hijiex l-euro u li jkollu diffikultajiet jew ikun mhedded b’mod serju b’diffikultajiet dwar il-bilanċ tal-pagamenti tiegħu. Peress li huwa att li l-bażi ġuridika tiegħu tinsab fid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-punti 31 sa 33 ta’ din is-sentenza u li ġie konkluż, b’mod partikolari, mill-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, il-Memorandum ta’ Ftehim jikkostitwixxi att adottat minn istituzzjoni tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 267(b) TFUE.

(ara l-punti 31, 35, 36, u d-dispożittiv 1)

2.      Il-Memorandum ta’ Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Rumanija, konkluż f’Bukarest u fi Brussell fit-23 ta’ Ġunju 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-projbizzjoni li l-pensjoni tal-irtirar netta fis-settur pubbliku tiġi akkumulata mad-dħul minn attivitajiet imwettqa ma’ istituzzjonijiet pubbliċi jekk il-livell tagħha jeċċedi l-livell tas-salarju gross medju nazzjonali li serva ta’ bażi għall-istabbiliment tal-baġit tas-sigurtà soċjali tal-Istat.

F’dan ir-rigward, hekk kif ġie enfasizzat fil-kuntest tar-risposta għall-ewwel domanda, il-Memorandum ta’ Ftehim jikkostitwixxi konkretizzazzjoni ta’ impenn bejn l-Unjoni u Stat Membru fuq programm ekonomiku li tippermetti li dan tal-aħħar jibbenefika minn faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta’ pagament tal-Istati Membri, prevista fl-Artikolu 143 TFUE u speċifikata permezz tar-Regolament Nru 332/2002. Dan jinvolvi numru ta’ rekwiżiti fil-qasam tal-politika ekonomika li ġew deċiżi bi qbil bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Rumeni, konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2009/459, u li għall-osservanza tagħhom huwa suġġett l-għoti tal-għajnuna finanzjarja. Dan espost, il-Memorandum ta’ Ftehim, għalkemm huwa vinkolanti, ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni speċifika li timponi l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

(ara l-punti 38, 41, 42, u d-dispożittiv 2)

3.      L-Artikolu 6 TUE u l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-projbizzjoni li l-pensjoni tal-irtirar netta fis-settur pubbliku tiġi akkumulata mad-dħul minn attivitajiet imwettqa ma’ istituzzjonijiet pubbliċi jekk il-livell tagħha jeċċedi ċertu livell

F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi osservat li, kif jirriżulta minn kliem l-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 329/2009, din hija ta’ natura eċċezzjonali u hija intiża li tkun temporanja. Barra minn hekk, hija ma tqigħedx inkwistjoni l-prinċipju nnifsu tad-dritt għall-pensjoni, imma tillimita l-eżerċizzju tiegħu f’ċirkustanzi definiti u inkwadrati tajjeb, jiġifieri meta l-pensjoni hija kkumulata ma’ attività mwettqa ma’ istituzzjonijiet pubbliċi u meta l-ammont ta’ din il-pensjoni jeċċedi ċertu livell. F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din fl-istess ħin għandha l-għan tat-tnaqqis tal-ispiża salarjali tas-settur pubbliku kif ukoll dak tar-riforma tas-sistema tal-pensjoni, li ġew stabbiliti bid-Deċiżjoni 2009/459 u mill-Memorandum ta’ Ftehim bil-għan li jitnaqqsu d-diffikultajiet tal-bilanċ tal-pagamenti li wasslu sabiex ir-Rumanija titlob u tikseb għajnuna finanzjarja mingħand l-Unjoni. Tali għanijiet huma għanijiet ta’ interess ġenerali.

Fir-rigward tal-adegwatezza u tan-neċessità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku speċifiku, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ meta jadottaw deċiżjonijiet fil-qasam ekonomiku, u li huma jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jiddefinixxu l-miżuri li jistgħu jwasslu biex jintlaħaq l-għan imfittex.

(ara l-punti 55-57, 60, u d-dispożittiv 3)

4.      L-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni ma tapplikax għall-interpretazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi li l-projbizzjoni prevista minnha li l-pensjoni tal-irtirar netta tiġi akkumulata mad-dħul minn attivitajiet ma’ istituzzjonijiet pubbliċi jekk il-livell ta’ din il-pensjoni jeċċedi l-livell tas-salarju gross medju nazzjonali li serva ta’ bażi għall-istabbiliment tal-baġit tas-sigurtà soċjali tal-Istat tapplika għall-imħallfin professjonali, iżda mhux għall-persuni li nħatru b’mandat previst mill-kostituzzjoni nazzjonali.

(ara l-punt 66 u d-dispożittiv 4)