Language of document : ECLI:EU:T:2018:841

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

27 ta’ Novembru 2018 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti u informazzjoni dwar deċiżjoni tal-Kummissjoni li tittermina “ittra ta’ ftehim u ta’ adeżjoni mat-Team Europe” – Rifjut ta’ aċċess – Eċċezzjoni li tirrigwarda l‑protezzjoni tal-ħajja privata u l-protezzjoni tal-individwi – Protezzjoni tad-data personali – Regolament (KE) Nru 45/2001 – Rifjut ta’ trasferiment – Artikoli 7, 47 u 48 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali – Responsabbiltà mhux kuntrattwali”

Fil-Kawżi magħquda T‑314/16 u T‑435/16,

VG, fil-kapaċità tagħha ta’ werrieta universali ta’ MS, inizjalment irrappreżentata minn L. Levi u M. Vandenbussche, sussegwentement minn Levi, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn F. Clotuche-Duvieusart u A.-C. Simon, sussegwentement minn Clotuche-Duvieusart u B. Mongin, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandhom bħala suġġett, minn naħa, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Frar u tad-19 ta’ April 2016 li ċaħdu t-talbiet għall-aċċess ta’ MS għad-dokumenti li jikkonċernawh u tas-16 ta’ Ġunju 2016 li ċaħdet it-talba tiegħu intiża biex tiġi ttrasferita lilu d-data ta’ natura personali li tikkonċernah li tinsab fid-dokumenti msemmija f’dik it-talba għall-aċċess u, min-naħa l-oħra, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża li tikseb kumpens għad-dannu allegatament imġarrab minn MS minħabba dak ir-rifjut ta’ aċċess u ta’ trasferiment,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, V. Valančius u U. Öberg (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: G. Predonzani, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Marzu 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-kuntest fattwali

A.      Fatti li seħħew qabel il-preżentata tar-rikors

1        MS kien membru tan-netwerk Team Europe bejn l-20 ta’ Lulju 2011 u l-10 ta’ April 2013.

2        In-netwerk Team Europe huwa netwerk lokali ta’ komunikazzjoni li l-funzjoni prinċipali tiegħu hija li jassisti lir-rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea fil-komunikazzjonijiet tagħhom fuq il-politika Ewropea fuq livell lokali u li l-membri tiegħu jaġixxu bħala kelliema, moderaturi, animaturi ta’ avvenimenti u esperti fil-komunikazzjoni.

3        Il-membri tan-netwerk Team Europe huma marbutin mal-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni b’“ittra ta’ ftehim u ta’ adeżjoni mat-Team Europe” (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ ftehim”). Din l-ittra tipprevedi l-possibbiltà għal kull parti li tirrinunzja, fi kwalunkwe mument, għal dak il-ftehim bil-miktub, mingħajr kundizzjoni oħra. Hija tindika wkoll, essenzjalment, li dawn il-membri ma jitħallsux mill-Kummissjoni. Hija tipprovdi, barra minn hekk, li dawn il-membri jaġixxu fuq bażi volontarja, iżda li huma jistgħu jaċċettaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, rimbors tal-ispejjeż tagħhom jew kumpens raġonevoli min-naħa tal-organizzaturi tal-manifestazzjonijiet li fihom jipparteċipaw.

4        Fl-10 ta’ April 2013, il-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni fi Franza (iktar ’il quddiem ir-“Rappreżentanza”) ikkuntattjat lil MS, bit-telefon, wara li rċeviet ilment, li jikkonċerna l-imġiba mhux mixtieqa tiegħu, li sar minn nisa li pparteċipaw f’konferenza jew grupp ta’ ħidma tan-netwerk Team Europe. Wara dik il-konverżazzjoni, hija informat lil MS, b’ittra, li hija tterminat il-kollaborazzjoni tiegħu ma’ dak in-netwerk, b’effett immedjat, skont id-dispożizzjonijiet tal-ittra ta’ ftehim tiegħu.

5        Fis-6 ta’ Ġunju 2013, MS ippreżenta lment mal-Medjatur Ewropew kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tterminat il-kollaborazzjoni tiegħu man-netwerk Team Europe.

6        Matul il-proċedura quddiem il-Medjatur, MS ġie informat bil-fatt li l-Kummissjoni kienet ibbażat id-deċiżjoni tagħha tal-10 ta’ April 2013 biex tittermina l-kollaborazzjoni tiegħu man-netwerk Team Europe fuq tliet dokumenti, jiġifieri, fl-ewwel lok, ilment li ġie mingħand persuna li pparteċipat f’waħda mill-konferenzi organizzati min-netwerk Team Europe (iktar ’il quddiem “X”), fit-tieni lok, posta elettronika li ntbagħtet minnu lil X (ikkuppjata lil Y, persuna oħra), u, fit-tielet lok, diskussjoni li seħħet fuq in-netwerk soċjali ma’ X (iktar ’il quddiem id-“dokumenti kontenzjużi”). Barra minn hekk, huwa ġie informat bil-fatt li l-Kummissjoni kienet sostniet li s-solidità tal-proċess kienet ikkorroborata bi provi ġodda li dehru matul il-proċedura, inkwantu diversi membri mill-persunal tar-rappreżentanaza (iktar ’il quddiem, il-“membri tar-Rappreżentanza” rispettivament) kienu kkonfermaw lill-kapijiet tagħhom li diversi aġenti tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Komunikazzjoni” ta’ din l-istituzzjoni li tnejn minnhom kienu jaħdmu mar-Rappreżentanza u tnejn jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom fi Brussell (il-Belġju) (iktar ’il quddiem l-“aġenti tal-Kummissjoni”) b’effett mill-2013, kienu l-mira ta’ kummenti mhux mixtieqa min-naħa tiegħu (iktar ’il quddiem it-“testimonjanzi kontenzjużi”). Il-Kummissjoni la bagħtet lil MS id-dokumenti u lanqas it-testimonjanzi kontenzjużi.

7        Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2015, il-Medjatur għalaq l-investigazzjoni tiegħu fuq l-ilment imressaq minn MS. F’dik id-deċiżjoni, il-Medjatur ikkonkluda, b’mod partikolari, li kien każ ta’ amministrazzjoni ħażina, minħabba li l-Kummissjoni ma kinitx semgħet lil MS b’mod adegwat, u lanqas għamlet evalwazzjoni suffiċjentement iddettaljata tal-każ inkwistjoni, qabel ma ħadet id-deċiżjoni tagħha tal-10 ta’ April 2013 biex itterminat il-kollaborazzjoni tiegħu man-netwerk Team Europe. Il-Kummissjoni ma adottat ebda miżura fil-konfront ta’ MS wara l-preżentazzjoni ta’ dak l-ilment u d-deċiżjoni tal-Medjatur.

8        Permezz ta’ itra tat-18 ta’ Diċembru 2015, MS bagħat lill-Kap tar-Rappreżentanza, abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol 3, p. 331) talba inizjali għall-aċċess għad-dokumenti u għat-testimonjanzi kontenzjużi kif ukoll għall-ismijiet tal-persuni li kienu taw dawn it-testimonjanzi.

9        Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Frar 2016, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Komunikazzjoni” tal-Kummissjoni, wara konsultazzjoni ma’ X, deskritt bħala li kien l-awtur tad-dokumenti kontenzjużi, irrifjuta lil MS l-aċċess għal dawn id-dokumenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-2 ta’ Frar 2016”). Dan ir-rifjut kien ibbażat fuq l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 u kien jikkonċerna l-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu, inkwantu d-dokumenti kontenzjużi kienu jikkonċernaw ċerti data ta’ natura personali ta’ terzi u li ma ntweriex li l-aċċess għal dik id-data kien neċessarju għal MS u ma jippreġudikax l-interessi leġittimi ta’ dawn it-terzi. Għal dak li kien jikkonċerna t-talba għall-aċċess għat-testimonjanzi kontenzjużi, il-Kummissjoni żiedet li dawn it-testimonjanzi ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha tal-10 ta’ April 2013 biex tittermina l-kollaborazzjoni ta’ MS man-netwerk Team Europe.

10      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Frar 2016, MS ippreżenta talba ta’ konferma għal aċċess, li fiha wera n-neċessità li jkollu aċċess għad-dokumenti kontenzjużi u n-nuqqas ta’ preġudizzju għall-interessi leġittimi ta’ terzi minħabba tali aċċess. F’dik it-talba ta’ konferma, huwa għamel, ukoll, talba għat-trasferiment tad-data ta’ natura personali li tikkonċernah u li tinsab fid-dokumenti kontenzjużi (iktar ’il quddiem id-“data personali kontenzjuża”), ibbażata fuq l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol 26, p. 102).

11      Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ April 2016, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni rrisponda għat-talba ta’ konferma (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tad-19 ta’ April 2016”). Minn naħa, huwa ppreċiża li t-testimonjanzi kontenzjużi ma setgħux jintbagħtu lil MS inkwantu dawn ma kinux irreġistrati fuq dokument. Min-naħa l-oħra, huwa rrifjuta lil MS l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi billi bbaża ruħu fuq l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1)(b) u fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 li jirrigwardaw, rispettivament, il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu u l-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji. Barra minn hekk, f’din id-deċiżjoni, huwa indika li t-talba għat-trasferiment tad-data personali kontenzjuża ma kinitx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 u li kienet ser tintbagħat lid-DĠ “Komunikazzjoni”, li huwa d-dipartiment kompetenti biex jirrispondi għaliha.

12      Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Ġunju 2016, il-Kap tar-Rappreżentanza ċaħad it-talba għat-trasferiment tad-data personali kontenzjuża (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2016”). F’dan ir-rigward, huwa kkunsidra li, “meħud kont tat-tilwima bejn […] [MS] u l-persuni msemmija fit-testimonjanzi [kontenzjużi], jidher li dawn il-persuni kienu wrew raġunijiet leġittimi biex jibżgħu minn preġudizzju [għall-]interessi ad personam tagħhom” u li, sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet u libertajiet ta’ dawn il-persuni, din id-data personali ma setgħetx tkun ittrasferita lil MS.

13      MS adixxa wkoll lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD), skont l-Artikolu 20(3) u (4) tar-Regolament Nru 45/2001. Permezz ta’ deċiżjoni tal-KEPD tat-3 ta’ Frar 2017, il-proċedura f’dik il-kawża ġiet sospiża sakemm jingħataw is-sentenzi f’dawn il-kawżi.

B.      Fatti li seħħew wara l-preżentata tar-rikors

14      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Lulju 2016, MS ippreżenta rikors intiż biex il-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas danni wara d-deċiżjoni tagħha tal-10 ta’ April 2013 li tterminat il-kollaborazzjoni tiegħu man-netwerk Team Europe. Dan ir-rikors ġie rreġistrat bir-referenza T‑17/16.

15      Permezz ta’ digriet tal-31 ta’ Mejju 2017, MS vs Il-Kummissjoni (T‑17/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:379), il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba għall-kumpens ta’ MS bħala li hija manifestament inammissibbli, inkwantu s-suġġett tar-rikors kien ta’ natura kuntrattwali u għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, ma kienx jaqa’ taħt il-kompetenza tagħha.

16      Fil-5 ta’ Jannar 2018, MS appella kontra dak id-digriet.

II.    Il-proċeduri u t-talbiet tal-partijiet

17      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju u l-1 ta’ Awwissu 2016, MS ippreżenta talbiet għal għajnuna legali.

18      Permezz ta’ digrieti tat-30 ta’ Settembru u tat-28 ta’ Novembru 2016, il-President tal-Qorti Ġenerali akkorda lil MS il-benefiċċju tal-għajnuna legali u ħatar avukat.

19      Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 u fit-22 ta’ Diċembru 2016, MS ippreżenta r-rikorsi li ġew irreġistrati bir-referenzi T‑314/16 u T‑435/16.

20      Fil-Kawża T‑314/16, b’digriet tas-6 ta’ Lulju 2017, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 91(ċ), l-Artikolu 92(1) u l-Artikolu 104 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sabiex tipproduċi d-dokumenti kollha li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni tagħha tal-10 ta’ April 2013, li biha hija kienet itterminat il-parteċipazzjoni ta’ MS man-netwerk Team Europe.

21      Fl-14 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni pproduċiet id-dokumenti kontenzjużi, fejn talbet trattament kunfidenzjali għal dawn id-dokumenti fir-rigward ta’ MS. Skont l-Artikolu 104 tar-Regoli tal-Proċedura, id-dokumenti ma ntbagħtux lil MS.

22      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lill-Kummissjoni tirrispondi għal ċerti domandi. Il-Kummissjoni rrispettat din it-talba fit-terminu stabbilit.

23      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Jannar 2018, il-Kawżi T‑314/16 u T‑435/16 ingħaqdu għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li taqta’ l-kawża, skont l-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

24      Fid-19 ta’ Frar 2018, l-avukat ta’ MS informa lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali li dan tal-aħħar kien miet. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ġiet informata li r-rikorrenti, VG, fil-kapaċità tagħha ta’ werrieta universali ta’ MS, kienet iddeċidiet li tkompli bir-rikorsi.

25      Fil-Kawża T‑314/16, ir-rikorrenti, fil-kapaċità tagħha ta’ werrieta universali ta’ MS, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tat-2 ta’ Frar 2016, li tirrifjuta l-aċċess ta’ MS għad-dokumenti kontenzjużi u d-deċiżjoni li tikkonferma dan ir-rifjut tad-19 ta’ April 2016;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tikkumpensa d-dannu morali, stmat għal EUR 20 000, li MS ġarrab minħabba r-rifjut li jingħatalu aċċess għad-dokumenti kontenzjużi;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

26      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti, fil-kapaċità tagħha ta’ werrieta universali ta’ MS, għall-ispejjeż.

27      Fil-Kawża T‑435/16, ir-rikorrenti, fil-kapaċità tagħha ta’ werrieta universali ta’ MS, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2016, li ċaħdet it-talba ta’ MS biex tiġi ttrasferita lilu dik id-data ta’ natura personali;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tikkumpensa d-dannu morali, stmat għal EUR 20 000, li MS ġarrab minħabba r-rifjut li tiġi ttrasferita lilu d-data personali kontenzjuża;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

28      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti, fil-kapaċità tagħha ta’ werrieta universali ta’ MS, għall-ispejjeż.

III. Fid-dritt

A.      Fuq it-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni mressqa mill-Kummissjoni fil-Kawża T435/16

29      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni sostniet li, wara l-mewt ta’ MS, ir-rikors fil-Kawża T‑435/16 kien sar bla skop u li konsegwentement, ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni fuqu. L-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 45/2001 jiddefinixxi l-persuna kkonċernata bħala li hija “identifikata jew identifikabbli”, b’mod li ma japplikax għad-data ta’ persuni mejta u li d-drittijiet li kienu invokati minn MS ma setgħux jiġu ttrasferiti.

30      Permezz tat-talba tagħha, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li r-rikorrenti, fil-kapaċità tagħha ta’ werrieta universali ta’ MS, kienet tilfet l-interess tagħha għas-soluzzjoni tal-kwistjoni minħabba l-mewt ta’ MS.

31      F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza li azzjoni għall-annullament mibdija mid-destinatarju ta’ att tista’ titkompla mill-aventi kawża universali tiegħu, b’mod partikolari fil-każ tal-mewt ta’ persuna fiżika (ara d-digriet tat-12 ta’ Lulju 2016, Yanukovych vs Il-Kunsill, T‑347/14, EU:T:2016:433, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod, l-aventi kawża universali jista’ jkompli azzjoni għal kumpens għad-dannu morali allegatament imġarrab mill-mejjet, sakemm dan tal-aħħar kien beda din l-azzjoni għalih qabel ma miet, b’mod li dik l-azzjoni tirriżulta fil-patrimonju tiegħu fil-jum tas-suċċessjoni.

32      Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li l-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandu jkompli sal-għoti tad-deċiżjoni ġudizzjarja fin-nuqqas ta’ dan ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, u dan jippreżupponi li, permezz tar-riżultat tiegħu, ir-rikors ikun jista’ jagħti vantaġġ lill-parti li tkun ippreżentatu (ara d-digriet tat-12 ta’ Lulju 2016, Yanukovych vs Il-Kunsill, T‑347/14, EU:T:2016:433, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      F’dan il-każ, kif ġie rrilevat fil-punt 24 iktar ’il fuq, MS miet wara li ppreżenta dawn ir-rikorsi u r-rappreżentant tiegħu indika li r-rikorrenti xtaqet tkompli dawn ir-rikorsi, fil-kapaċità tagħha ta’ werrieta universali ta’ binha mejjet, billi pproduċiet dikjarazzjoni bil-miktub tiegħu għal dan il-għan, l-att uffiċjali tal-mewt kif ukoll il-karta tal-identità tiegħu.

34      Ir-rikors fil-Kawża T‑435/16 kien intiż, b’mod partikolari, li MS jikseb it-trasferiment tad-data personali kontenzjuża kif ukoll il-kumpens għad-dannu morali li dan allegatament ġarrab minħabba r-rifjut, mill-Kummissjoni, tat-talba tiegħu għat-trasferiment. Ma huwiex ikkontestat li din id-data personali kienet tirrigwarda aġir mhux mixtieq ta’ MS marbut mal-kollaborazzjoni tiegħu fin-netwerk Team Europe (ara l-punt 4 iktar ’il fuq) u kienet tali li tħammeġ, b’mod partikolari, ir-reputazzjoni u l-unur tiegħu, bħala kollaboratur f’dak in-netwerk. Mill-bqija, ma huwiex ikkontestat li din id-data kienet il-bażi tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ April 2013 li tterminat il-kollaborazzjoni ta’ MS f’dak in-netwerk (ara l-punt 6 iktar ’il fuq).

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li, kif ġie ppreċiżat fil-punt 31 iktar ’il fuq, l-aventi kawża universali ta’ MS għandha d-dritt li tkompli bl-istanza, l-interess ġuridiku tagħha jibqa’, minkejja l-mewt ta’ MS, sabiex tikseb l-annullament tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2016, li ċaħdet it-talba ta’ MS biex tittrasferilu d-data personali kontenzjuża u l-kumpens għad-dannu morali li MS ġarrab minħabba r-rifjut, min-naħa tal-Kummissjoni, tat-talba tiegħu li tittrasferilu l-imsemmija data.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interess tar-rikorrenti biex tipproċedi bir-rikors fil-kawża T‑435/16, fil-kapaċità tagħha ta’ werrieta universali ta’ MS, jibqa’ minkejja l-mewt ta’ dan tal-aħħar.

37      Għaldaqstant, it-talba mressqa mill-Kummissjoni fis-sens li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fil-Kawża T‑435/16 għandha tiġi miċħuda.

B.      Fuq il-mertu

1.      Fuq it-talbiet għal annullament

a)      Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet tat-2 ta’ Frar u tad-19 ta’ April 2016, inkwantu jirrigwardaw ir-rifjut tat-talba għall-aċċess ta’ MS għat-testimonjanzi kontenzjużi

38      Il-possibbiltà għal istituzzjoni tal-Unjoni li tilqa’ talba għal aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 tippreżumi, evidentement, li d-dokumenti msemmija f’dik it-talba jeżistu (sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2014, Strack vs Il-Kummissjoni, C‑127/13 P, EU:C:2014:2250, punt 38; ara, ukoll, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, McCullough vs Cedefop, T‑496/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:374, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Skont il-ġurisprudenza, kull dikjarazzjoni tal-istituzzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ dokumenti mitluba tgawdi minn preżunzjoni ta’ legalità. Għaldaqstant, din id-dikjarazzjoni tgawdi minn preżunzjoni ta’ veraċità. Madankollu, din hija preżunzjoni sempliċi li r-rikorrenti, fil-kapaċità ta’ werrieta universali ta’ MS, tista’ taqleb bil-mezzi kollha, abbażi ta’ indizji rilevanti u konkordanti (ara s-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, McCullough vs Cedefop, T‑496/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:374, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      F’dan il-każ, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tat-2 ta’ Frar 2016, irrifjutat l-aċċess għat-testimonjanzi kontenzjużi billi invokat l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 u billi spjegat li hija ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni dawn it-testimonjanzi għad-deċiżjoni tagħha tal-10 ta’ April 2013 li tittermina l-kollaborazzjoni tar-rikorrent man-netwerk Team Europe. Imbagħad, fid-deċiżjoni tad-19 ta’ April 2016, hija sostniet li t-testimonjanzi kontenzjużi ma kinux irreġistrati f’dokument.

41      B’risposta għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kkonfermat li hija “ma kellha ebda traċċa bil-miktub ta’ dawn it-testimonjanzi […] u għaldaqstant ma kellhiex dokumenti li fihom it-testimonjanzi [kontenzjużi]”. Fid-dawl ta’ din id-dikjarazzjoni u fin-nuqqas ta’ provi ppreżentati mir-rikorrenti, fil-kapaċità tagħha ta’ werrieta universali ta’ MS, sabiex taqleb il-preżunzjoni ta’ legalità u ta’ veraċità marbutin magħha, ma jeżistux, f’dan il-każ, raġunijiet suffiċjenti li jippermettu li tiġi ddubitata din id-dikjarazzjoni.

42      Għaldaqstant, it-talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet tat-2 ta’ Frar u tad-19 ta’ April 2016 għandha tiġi miċħuda, inkwantu dawn jirrigwardaw ir-rifjut tat-talba għall-aċċess ta’ MS għat-testimonjanzi kontenzjużi, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tat-talba għall-annullament inkwantu din tirrigwarda d-deċiżjoni tat-2 ta’ Frar 2016.

b)      Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet tat-2 ta’ Frar u tad-19 ta’ April 2016, inkwantu jirrigwardaw iċ-ċaħda tat-talba għall-aċċess ta’ MS għad-dokumenti kontenzjużi

43      Insostenn ta’ din it-talba għall-annullament, ir-rikorrenti, fil-kapaċità tagħha ta’ werrieta universali ta’ MS, tinvoka, essenzjalment, żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-Artikolu 2 u tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipji tar-rispett tal-ħajja privata u ta’ proporzjonalità.

1)      Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001

44      Ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm id-dokumenti kontenzjużi fihom data ta’ natura personali dwar X u dwar terzi persuni, il-Kummissjoni ma wrietx li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti jippreġudika b’mod konkret u effettiv il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità ta’ X jew dik ta’ terzi persuni li jissemmew f’dawn id-dokumenti.

45      Barra minn hekk, ir-rikorrenti, fil-kapaċità tagħha ta’ werrieta universali ta’ MS, tiġġustifika l-assenza ta’ riskju għall-interessi leġittimi tat-terzi persuni bl-“għan tal-proċess tagħha [intiż li] jistabbilixxi l-verità u l-unur ta’ MS”. Hija żżid li l-akkużi jirrigwardaw esklużivament lil dan tal-aħħar, b’mod li l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi ma jistax jippreġudika l-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità ta’ X jew dik ta’ terzi persuni li jissemmew ukoll hemmhekk.

46      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti, fil-kapaċità tagħha ta’ werrieta universali ta’ MS, tirreferi għall-fatt li l-Medjatur diġà kkonstata, fil-punt 32 tal-proposta għal soluzzjoni bonarja, li l-Kummissjoni “ma [kinitx ġabet] il-provi ta’ riskju reali għall-[…] interessi leġittimi ta’ [X]”.

47      Ir-rikorrenti, fil-kapaċità tagħha ta’ werrieta universali ta’ MS, issostni wkoll li hija wriet in-neċessità tat-trasferiment tad-data personali kontenzjuża abbażi tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001. Fil-fehma tagħha, id-dokumenti kontenzjużi huma indispensabbli biex wieħed jifhem l-akkużi tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ MS u tad-deċiżjoni tagħha tal-10 ta’ April 2013 biex tittermina l-kollaborazzjoni ta’ dan tal-aħħar fin-netwerk Team Europe, kif ukoll biex tintwera n-natura infondata tal-akkużi tagħha. Hija spjegat li MS kien diġà fil-pussess tal-korrispondenza skambjata bejnu u X permezz ta’ netwerk soċjali u permezz tal-posta elettronika, iżda li huwa kkontesta l-awtentiċità tad-dokumenti kontenzjużi li għalihom huwa ma kellux aċċess.

48      Filwaqt li bbażat ruħha fuq is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2012, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni (T-300/10, EU:T:2012:247, punt 107), ir-rikorrenti ssostni finalment li d-dokumenti kontenzjużi ma jsirux pubbliċi kieku kienu żvelati abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001.

49      Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tfakkar li r-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, kif juru r-raba’ premessa u l-Artikolu 1 tiegħu, sabiex jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet li jkun kemm jista’ jkun wiesa’ (ara s-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, L-Iżvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti japplikaw għad-dokumenti kollha miżmuma mill-Kummissjoni, jiġifieri d-dokumenti kollha mħejjija jew irċevuti minnha u li huma fil-pussess tagħha, fl-oqsma kollha ta’ attività tal-Unjoni Ewropea.

51      Peress li r-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż li jiggarantixxi l-aċċess ta’ kull persuna għad-dokumenti, dokument żvelat skont id-dispożizzjonijiet tiegħu jidħol fid-dominju pubbliku (sentenzi tal-21 ta’ Mejju 2014, Catinis vs Il-Kummissjoni, T‑447/11, EU:T:2014:267, punt 62, u tal-15 ta’ Lulju 2015, Dennekamp vs Il-Parlament, T‑115/13, EU:T:2015:497, punt 67).

52      F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-iżvelar tad-data ta’ natura personali li kienet tikkonċerna esklużivament lil min jitlob l-aċċess inkwistjoni ma jistax jiġi skartat minħabba li jkun jippreġudika l-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Mejju 2012, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, T‑300/10, EU:T:2012:247, punti 107 sa 109, u tat-12 ta’ Mejju 2015, Unión de Almacenistas de Hierros de España vs Il-Kummissjoni, T‑623/13, EU:T:2015:268, punt 91).

53      Madankollu, u kontra l-argumenti tar-rikorrenti, din il-ġurisprudenza ma tapplikax għall-każ ineżami, peress li d-dokumenti kontenzjużi fihom data ta’ natura personali li ma jikkonċernawx esklużivament lil MS.

54      Fil-fatt, jirriżulta espliċitament mis-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2012, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni (T-300/10, EU:T:2012:247, punt 109), li, għalkemm il-protezzjoni tal-interess previst fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma hijiex neċessarja fir-rigward tal-applikant għal aċċess, madankollu din għandha min-naħa l-oħra tiġi ggarantita, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001, fir-rigward ta’ terzi.

55      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ma jiddependix min-natura tal-interess partikolari li l-applikant għall-aċċess jista’ jew ma jistax ikollu sabiex jikseb l-informazzjoni mitluba (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2014, Catinis vs Il-Kummissjoni, T‑447/11, EU:T:2014:267, punt 61; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 43).

56      Barra minn hekk, sa fejn l-applikant għal aċċess, bħala membru tal-pubbliku, ma għandux jiġġustifika t-talba għall-aċċess għad-dokumenti tiegħu, l-interess reali li l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni jista’ jirrappreżenta għall-applikant huwa wkoll irrilevanti għall-finijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara s-sentenza tas-26 ta’ April 2016, Strack vs Il-Kummissjoni, T‑221/08, EU:T:2016:242, punt 252 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 1049/2001, skont il-premessa ħdax tiegħu, jipprovdi fl-Artikolu 4 tiegħu, sistema ta’ eċċezzjonijiet li jippermettu lill-istituzzjonijiet jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jkun ta’ preġudizzju għal wieħed mill-interessi protetti b’dan l-artikolu (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2011, L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-13 ta’ Jannar 2017, Deza vs ECHA, T‑189/14, EU:T:2017:4, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li l-istituzzjonijiet jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-ħajja privata u l-integrità tal-individwi, b’mod partikolari konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ data personali. Din id-dispożizzjoni, li tistabbilixxi sistema speċifika u msaħħa ta’ protezzjoni tal-persuni li d-data personali tagħhom tista’, skont il-każ, tiġi kkomunikata lill-pubbliku, teħtieġ li l-preġudizzju eventwali għall-ħajja privata tagħhom u għall-integrità tagħhom ikun dejjem eżaminat u evalwat konformement, b’mod partikolari, mar-Regolament Nru 45/2001 (ara s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2015, Axa Versicherung vs Il-Kummissjoni, T‑677/13, EU:T:2015:473, punti 138 u 139 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Għalhekk, meta l-istituzzjoni kkonċernata tiddeċiedi li tirrifjuta l-aċċess għal dokument li tkun intalbet il-komunikazzjoni tiegħu, din għandha, fil-prinċipju, tipprovdi spjegazzjonijiet rigward il-kwistjonijiet dwar kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ jippreġudika b’mod konkret u effettiv l-interess protett mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 u invokata minn din l-istituzzjoni. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ tali preġudizzju għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux sempliċement ipotetiku (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Din is-sistema ta’ eċċezzjonijiet hija bbażata fuq l-ibbilanċjar tal-interessi opposti f’sitwazzjoni partikolari, jiġifieri, minn naħa, l-interessi li huma ffavoriti mill-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati u, min-naħa l-oħra, dawk li huma mhedda minn dan l-iżvelar. Id-deċiżjoni meħuda fuq talba għal aċċess tad-dokumenti tiddependi fuq il-kwistjoni dwar liema huwa l-interess li għandu jipprevali fil-każ ineżami (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 42).

61      F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li d-dokumenti kontenzjużi fihom data personali li jikkonċernaw kemm lil MS kif ukoll lil X u lil terzi persuni oħra.

62      Skont l-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 45/2001, l-espressjoni “data personali” tfisser “kull informazzjoni relatata ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli hawnhekk iżjed ‘l quddiem imsejjħa "suġġett tad-data"; persuna identifikabbli hija waħda li tkun tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għall-numru ta’ identifikazzjoni jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiku għall-identità tiegħu jew tagħha fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali”.

63      Jirriżulta mill-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 45/2001 u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, C‑28/08 P, EU:C:2010:378, punt 68, u tat-23 ta’ Novembru 2011, Dennekamp vs Il-Parlament, T‑82/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:688, punt 27) li l-ismijiet u l-kunjomijiet jistgħu jitqiesu bħala data personali).

64      Apparti d-data dwar l-ismijiet, anki l-elementi ta’ informazzjoni relatati mal-attivitajiet professjonali eżerċitati minn persuna jistgħu jiġu kkunsidrati bħala data ta’ natura personali meta, minn naħa, dawn ikunu jirrigwardaw informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-imsemmija persuni u meta, min-naħa l-oħra, l-imsemmija informazzjoni tista’ tippermetti l-identifikazzjoni, b’mod indirett, meta din tkun tista’ tiġi konnessa ma’ data jew ma’ perijodu preċiż, ta’ persuna fiżika fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija (ara s-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2012, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, T‑300/10, EU:T:2012:247, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Iktar minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-użu tal-espressjoni “kull data” fil-kuntest tad-definizzjoni tal-kunċett “data personali” jirrifletti l-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jattribwixxi portata wiesgħa lil dan il-kunċett, li ma hijiex limitata għal data sensittiva jew privata, iżda tinkorpora potenzjalment kull tip ta’ informazzjoni kemm oġġettiva kif ukoll suġġettiva, f’għamla ta’ opinjonijiet jew evalwazzjonijiet, bil-kundizzjoni li “tikkonċerna” lill-persuna inkwistjoni (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Nowak, C‑434/16, EU:C:2017:994, punt 34).

66      Skont l-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, data personali tista’, fil-prinċipju, tiġi ttrasferita biss jekk id-destinatarju juri l-ħtieġa tat-trasferiment tagħha u jekk ma tkun teżisti l-ebda raġuni li tindika li dan it-trasferiment jista’ jippreġudika l-interessi leġittimi tal-persuna kkonċernata.

67      F’dan il-kuntest, qabelxejn huwa dak li jitlob dan it-trasferiment li għandu juri n-neċessità tiegħu. Jekk dan isir, allura tkun l-istituzzjoni kkonċernata li jkollha tivverifika jekk teżistix xi raġuni li tagħti x’wieħed jaħseb li t-trasferiment jista’ jippreġudika l-interessi leġittimi tal-persuna kkonċernata. Fl-assenza ta’ raġuni ta’ dan it-tip, għandu jsir it-trasferiment mitlub, filwaqt li, f’każ kuntrarju, l-istituzzjoni kkonċernata għandha tibbilanċja d-diversi interessi preżenti sabiex tiddeċiedi dwar it-talba għal aċċess. Id-deċiżjoni meħuda fuq talba għal aċċess għad-dokumenti tiddependi fuq il-kwistjoni dwar liema huwa l-interess li għandu jipprevali fil-każ ineżami (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth u PAN Europe vs EFSA, C‑615/13 P, EU:C:2015:489, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-13 ta’ Jannar 2017, Deza vs ECHA, T‑189/14, EU:T:2017:4, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkunsidrat ġustament li, fir-rigward tal-informazzjoni u l-evalwazzjonijiet li jirrigwardaw il-ħajja privata ta’ MS, ta’ X, kif ukoll ta’ terzi persuni u li jippermettu l-identifikazzjoni tagħhom, il-kontenut tad-dokumenti kontenzjużi jaqa’ taħt il-kunċett ta’ data personali.

69      Issa, l-iżvelar lill-pubbliku tad-dokumenti kontenzjużi abbażi tar-Regolament 1049/2001 jippreġudika l-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità kemm ta’ MS, ta’ X, kif ukoll ta’ terzi persuni oħra ċċitati f’dawk id-dokumenti.

70      Fil-fatt, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, la huwa fl-interess ta’ MS, la f’dak ta’ X, u lanqas f’dak ta’ terzi persuni ċċitati li d-dokumenti kontenzjużi jidħlu fid-dominju pubbliku.

71      Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni kellha tibbilanċja l-interessi differenti preżenti għall-finijiet li tiddeċiedi dwar it-talba għall-aċċess għall-ilment ta’ X u għall-korrispondenza skambjata bejn MS u din permezz ta’ posta elettronika u permezz tan-netwerk soċjali fid-dawl tal-eċċezzjoni intiża għall-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament 1049/2001, b’konformità mar-Regolament Nru 45/2001.

72      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li, skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, jekk parti biss mid-dokument mitlub kienet milquta minn eċċezzjoni waħda jew iktar minn dawk imsemmija iktar ’il fuq, il-partijiet l-oħra tad-dokument kellhom jiġu żvelati (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-27 ta’ Novembru 2012, Steinberg vs Il-Kummissjoni, T‑17/10, mhux ippubblikat, EU:T:2012:625, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Il-Kummissjoni sostniet madankollu li, fil-każ odjern, ma kienx possibbli li tifred ċerti partijiet tad-dokumenti kontenzjużi u tikkunsidrahom bħala mhux koperti mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, lanqas li tifred f’dawn id-dokumenti dawk li jagħtu d-data personali kontenzjuża li tikkonċerna lil MS jew lil X jew lil terzi persuni oħrajn.

74      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, anki d-data personali li kienet ġiet anonimatizzata għandha titqies bħala data personali li tikkonċerna terza persuna, inkwantu hija kapaċi li tkun attribwita lil persuna fiżika identifikabbli bl-użu ta’ informazzjoni addizzjonali.

75      Issa, f’dan il-każ, l-aċċess parzjali għal informazzjoni li tinsab fl-ilment ta’ X jew il-korrispondenza skambjata bejn din tal-aħħar u MS kien jippermetti lill-pubbliku li jidentifika l-persuni msemmija fid-dokumenti kontenzjużi.

76      Għaldaqstant, ma kienx possibbli għall-Kummissjoni li tagħti aċċess parzjali għad-dokumenti kontenzjużi mingħajr ma tiżvela b’mod partikolari l-identità tat-terzi persuni li kienu ċċitati fihom.

77      Barra minn hekk, peress li d-dokumenti kontenzjużi kien fihom data personali li ma kinitx tikkonċerna esklużivament lil MS u li kienet tidħol fid-dominju pubbliku kieku dawn id-dokumenti ġew ikkomunikati lil dik il-persuna, il-Kummissjoni kienet korretta li, fl-ibbilanċjar tal-interessi preżenti, titfa’ l-interess ta’ X u tat-terzi persuni l-oħra quddiem biex l-identità tagħhom ma tidħolx fid-dominju pubbliku u dan flok l-interess ta’ MS biex din l-identità tkun tista’ tiġi reża pubblika u li hija rrifjutat l-aċċess lil dan tal-aħħar, billi bbażat ruħha fuq l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001.

78      Konsegwentement, l-argument imressaq mir-rikorrenti f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud.

79      Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

2)      Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 2 u tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

80      Ir-rikorrenti ssostni li d-dokumenti kontenzjużi ma sarux minħabba proċedura ġudizzjarja u li, konsegwentement, ir-rifjut tat-talba għall-aċċess ta’ MS, inkwantu kien ibbażat fuq il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, ma huwiex iġġustifikat. Hija tenfasizza li d-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża, huma tali li jikkostitwixxu interess pubbliku superjuri tali li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti.

81      Madankollu, jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 44 sa 78 iktar ’il fuq li l-legalità tad-deċiżjonijiet tat-2 ta’ Frar u tad-19 ta’ April 2016 ma tistax tkun ikkontestata, peress li d-dokumenti kontenzjużi kollha huma koperti mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001.

82      Konsegwentement, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva, b’mod li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu.

3)      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tal-prinċipju tar-rispett għall-ħajja privata u tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

83      Ir-rikorrenti ssostni li, bil-fatt li rrifjutatlu l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi, il-Kummissjoni ppreġudikat l-eżerċizzju, min-naħa ta’ MS, tad-drittijiet tad-difiża tiegħu u, b’mod partikolari, tad-dritt ta’ aċċess ta’ dan għall-fajl li jikkonċernah, iggarantit mill-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tad-dritt tiegħu għal smigħ xieraq, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, u kisret ukoll il-prinċipju tar-rispett għall-ħajja privata tiegħu, iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta, kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

84      Għal dak li jikkonċerna l-argument tal-Kummissjoni li hija setgħet tittermina l-kollaborazzjoni ta’ MS man-netwerk Team Europe f’kull mument, ir-rikorrenti ssostni li peress li l-Kummissjoni ressqet akkuża gravi fuq aġir mhux mixtieq ta’ MS fil-konfront ta’ X u ta’ terzi persuni oħra, id-drittijiet tad-difiża ta’ MS u l-preżunzjoni ta’ innoċenza jeħtieġu li jkun permess l-aċċess għad-dokumenti kkontestati.

85      Iktar minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni tal-Kummissjoni hija purament ġenerika peress li ma tispjegax kif l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi, pereżempju billi jitgħattew l-ismijiet imsemmija f’dawk id-dokumenti, jipperikola l-interess tal-protezzjoni tad-data personali u tal-ħajja privata tal-persuni kkonċernati. Hija żżid li l-imparzjalità tal-Kummissjoni ma tistax tittieħed bħala preżunta fit-trattament tal-ilment ta’ X.

86      B’mod prinċipali, għandu jitfakkar li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi, li tikkonċerna l-legalità fil-mertu tal-att kontenzjuż (sentenzi tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑17/99, EU:C:2001:178, punt 35, u tat-22 ta’ Mejju 2012, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, T‑300/10, EU:T:2012:247, punt 180).

87      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat b’mod ċar, fid-deċiżjoni tad-19 ta’ April 2016, l-eċċezzjonijiet li fuqhom kien ibbażat ir-rifjut tat-talba ta’ MS għall-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi billi invokat prinċipalment, għal dawn id-dokumenti kollha, l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu.

88      Fil-fatt, jirriżulta mid-deċiżjoni tad-19 ta’ April 2016 li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-kontenut kollu tad-dokumenti kontenzjużi kien jaqa’ taħt il-kunċett ta’ data personali, peress li kien jirrigwarda informazzjoni li tirrigwarda kemm il-ħajja privata ta’ MS kif ukoll dik ta’ persuni oħra u li kien jippermetti li jiġu identifikati dawn il-persuni f’każ ta’ żvelar ta’ dawn id-dokumenti fil-pubbliku abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, li l-iżvelar ta’ din id-data tkun tikkostitwixxi għaldaqstant trasferiment ta’ data personali fis-sens tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 u li ebda waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi għal tali trasferiment ma kienet issodisfatta.

89      Minn dan isegwi li mhux biss MS kien f’pożizzjoni li jkun jaf il-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni tad-19 ta’ April 2016, iżda wkoll li l-Qorti Ġenerali setgħet tistħarreġ il-legalità ta’ dik id-deċiżjoni, kif jirriżulta wkoll mill-punti 44 sa 78 iktar ’il fuq. Issa, skont il-ġurisprudenza, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li jippermetti li l-qorti tal-Unjoni tagħmel l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tat-22 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs Salzgitter, C‑408/04 P, EU:C:2008:236, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, dwar id-dokumenti kontenzjużi, il-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

90      Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti fejn tgħid li l-fatt li MS ma ngħatax aċċess għad-dokumenti kontenzjużi kiser id-drittijiet tad-difiża tiegħu u, b’mod partikolari, id-dritt tiegħu għal aċċess għall-fajl li jikkonċernah kif ukoll il-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u kien imur kontra l-Karta lanqas ma jista’ jirnexxi, inkwantu t-talba għal aċċess għad-dokumenti kontenzjużi ma saritx fil-kuntest ta’ proċedura, amministrattiva jew ġudizzjarja, fejn dawn id-drittijiet u prinċipji kienu jkunu applikabbli, imma f’dak ta’ relazzjoni kuntrattwali li kienet torbot lil MS mal-Kummissjoni u li kienet irregolata mill-ittra ta’ ftehim u d-dritt applikabbli għal din tal-aħħar.

91      Mis-suespost jirriżulta li għandu jiġi miċħud it-tieni motiv u, konsegwentement, it-talba għal annullament tad-deċiżjonijiet tat-2 ta’ Frar u tad-19 ta’ April 2016, inkwantu jirrigwardaw it-talba ta’ MS għall-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi, mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tat-talba għall-annullament fejn din tirrigwarda d-deċiżjoni tat-2 ta’ Frar 2016.

c)      Fuq it-talba għal annullament tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2016, li tirrigwarda ċ-ċaħda tat-talba ta’ MS biex tiġi ttrasferita lilu d-data personali kontenzjuża

92      Insostenn ta’ din it-talba għal annullament, ir-rikorrenti tressaq motiv wieħed, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 8, 13 u 20 tar-Regolament Nru 45/2001.

93      Skont ir-rikorrenti, ir-regoli stabbiliti bl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 45/2001 ma jiffurmawx parti mill-kundizzjonijiet jew mil-limitazzjonijiet għad-dritt ġenerali ta’ aċċess previst fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament. Ma hemm ebda raġuni għalfejn wieħed għandu jaħseb li t-trasferiment tad-data personali kontenzjuża setgħet tippreġudika l-interessi leġittimi ta’ terzi persuni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma wrietx, kif ikkonstata l-Medjatur fil-punt 32 tal-proposta għal soluzzjoni bonarja, li l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi kien ser jippreġudika, b’mod konkret u effettiv, il-ħajja privata u l-integrità ta’ X jew ta’ persuni oħra li kienu jissemmew f’dik id-data. B’mod sussidjarju, ir-rikorrenti ssostni li l-kundizzjonijiet kumulattivi tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 kienu ssodisfatti f’dan il-każ.

94      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-għan uniku tat-talbiet ta’ MS kien li jifhem l-akkużi magħmula kontrih u li juri li dawn l-akkużi kienu infondati, sabiex jistabbilixxi l-verità u unuru. Barra minn hekk, it-trasferiment tad-data personali kontenzjuża kien ikun meħtieġ sabiex tinftiehem id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ April 2013 li tittermina l-kollaborazzjoni ta’ MS man-netwerk Team Europe. Iċ-ċaħda tat-talba ta’ MS biex tiġi ttrasferita lilu din id-data personali lanqas ma kienet tkun iġġustifikata mill-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 45/2001, ħaġa li l-Medjatur ikkonstata wkoll.

95      Il-Kummissjoni ssostni, fir-rigward tal-allegata applikazzjoni żbaljata tal-Artikoli 13 u 20 tar-Regolament Nru 45/2001, li d-data personali kontenzjuża ma kinitx data personali li tirrigwarda biss lil MS u ma kinitx tista’ tkun is-suġġett ta’ verifika tal-eżattezza, rettifika, tħassir jew ibblukkar minn dan tal-aħħar. La hija l-funzjoni u lanqas l-għan tar-Regolament Nru 45/2001 li jawtorizza l-aċċess, l-ikkontestar jew il-ksib ta’ rettifika ta’ deskrizzjoni purament suġġettiva magħmula lill-Kummissjoni minn kwerelanta li pparteċipat f’konferenza u f’ikla ma’ MS u li kkorrispondiet miegħu permezz tan-netwerk soċjali u permezz tal-posta elettronika.

96      Iktar minn hekk, għal dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, il-Kummissjoni ssostni li d-data personali tista’ tkun is-suġġett ta’ trasferiment lil terza persuna biss jekk dak it-trasferiment, minn naħa, jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(a) jew (b) ta’ dan ir-regolament, u, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxi pproċessar leċitu, skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5 ta’ dan l-istess regolament. Ir-rikorrenti ma tindikax, fir-rikors tagħha fil-Kawża T‑435/16, kif it-trasferiment lil MS tad-data personali ta’ terzi persuni seta’ jkun ikkunsidrat bħala leċitu. Il-Kummissjoni ssostni għaldaqstant li l-ħtieġa tat-trasferiment tad-data personali, fis-sens tal-Artikolu 8(b) tal-istess regolament, ma kinitx ippruvata. Barra minn hekk, hija ssostni li MS kien jaf perfettament ir-raġunijiet li wasslu għad-deċiżjoni tal-10 ta’ April 2013 li tterminat il-kollaborazzjoni tiegħu man-netwerk Team Europe.

97      Għal dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti, li huwa intiż li jikkontesta l-applikazzjoni tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 45/2001, fejn skontu hija ma kinitx ġabet il-prova dwar ir-riskju reali għad-drittijiet fundamentali jew l-interessi leġittimi ta’ terzi persuni, il-Kummissjoni tindika li kkonsultat ma’ X u li din kellha l-biża’ li MS idur kontriha jew kontra ħbiebha bħala ritaljazzjoni. Hija ssostni, fid-dawl ta’ dawn il-biżgħat u tad-dokumenti kontenzjużi fil-pussess tagħha, li dan ir-riskju kien jeżisti.

98      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li ma kienx possibbli li tifred ċerta data li tinsab fid-dokumenti kontenzjużi u li tikkunsidra li dawn ma kinux koperti mill-kunċett ta’ data personali. Għaldaqstant ma kienx ikun possibbli li tagħti aċċess parzjali (salv għal informazzjoni mingħajr kontenut sostantiv) għad-dokumenti kontenzjużi mingħajr ma tiżvela data personali jew informazzjoni fuq il-ħajja privata tat-terzi persuni kkonċernati jew li jippermettu li jiġu identifikati.

99      B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li r-Regolament Nru 45/2001għandu għan differenti minn dak tar-Regolament Nru 1049/2001. Filwaqt li dan tal-aħħar huwa intiż sabiex jiżgura l-ikbar trasparenza possibbli tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal‑awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll tal-informazzjoni li fuqha huma bbażati d‑deċiżjonijiet tagħhom, l-ewwel wieħed, kif jindika l-Artikolu 1 tiegħu, huwa intiż sabiex jiżgura l-protezzjoni tal‑libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari, tal‑ħajja privata tagħhom, waqt l-ipproċessar tad-data personali (sentenzi tad- 29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, C‑28/08 P, EU:C:2010:378, punt 49, u tal-21 ta’ Settembru 2016, Secolux vs Il-Kummissjoni, T‑363/14, EU:T:2016:521, punt 26).

100    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, jirriżulta li d-dritt ta’ persuna għall-protezzjoni tar-reputazzjoni tagħha huwa element mid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tagħha (il-Qorti EDB, 21 ta’ Settembru 2010, Polanco Torres u Movilla Polanco vs Spanja, CE:ECHR:2010:0921JUD003414706, punt 40, u tas-7 ta’ Frar 2012, Axel Springer AG vs Il-Ġermanja, CE:ECHR:2012:0207JUD003995408, punt 83). Ir-reputazzjoni ta’ persuna tifforma parti integrali mill-identità personali u mill-integrità morali tagħha, li jaqgħu taħt il-ħajja privata tagħha (Qorti EDB, 25 ta’ Frar 1992, Pfeifer u Plankl vs L-Awstrija, CE:ECHR:1992:0225JUD001080284, punt 35). L-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw għall-unur ta’ persuna (Qorti EDB, 4 ta’ Ottubru 2007, Sanchez Cardenas vs In-Norveġja, CE:ECHR:2007:1004JUD001214803, punt 38, u tad-9 ta’ April 2009, A. vs In-Norveġja, CE:ECHR:2009:0409JUD002807006, punt 64).

101    Skont l-Artikolu 13(ċ) tar-Regolament Nru 45/2001, il-persuna kkonċernata b’data personali li tkun is-suġġett ta’ pproċessar għandha d-dritt li tintbagħtilha, f’forma intelliġibbli, dik id-data kif ukoll kull informazzjoni disponibbli fuq l-oriġini ta’ dik l-istess data. F’dan ir-rigward, ir-Regolament Nru 45/2001 għandu jiġi interpretat skont l-Artikolu 41 tal-Karta, li jirrikonoxxi d-dritt għal amministrazzjoni tajba u b’mod partikolari d-dritt ta’ aċċess ta’ kull persuna għall-fajl li jikkonċernaha (sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, CN vs Il-Kunsill, F‑84/12, EU:F:2013:128, punti 39 u 40).

102    F’dan il-kuntest, il-protezzjoni tad-dritt fundamentali għall-ħajja privata jimplika, b’mod partikolari, li kull persuna fiżika tista’ tkun ċerta li d-data personali li tikkonċernaha hija korretta u tiġi pproċessata legalment. Huwa sabiex ikunu jistgħu jsiru l-verifiki neċessarji li l-persuna kkonċernata għandu jkollha dritt ta’ aċċess għad-data li tikkonċernaha li tkun qiegħda tiġi pproċessata. Dan id-dritt ta’ aċċess huwa neċessarju, b’mod partikolari, sabiex jippermetti lill-persuna kkonċernata tikseb, skont il-każ, mingħand l-entità responsabbli mill-ipproċessar tad-data, ir-rettifika, it-tneħħija jew l-imblokk ta’ din id-data, u konsegwentement, teżerċita d-dritt li titlob li ċerti evalwazzjonijiet li jikkonċernawha jiġu, wara ċertu żmien, imħassra, jiġifieri, meqruda (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Nowak, C‑434/16, EU:C:2017:994, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

103    Fid-dawl b’mod partikolari tal-motivi invokati mir-rikorrenti fil-punt 94 iktar ’il fuq, din uriet suffiċjentement skont il-liġi l-ħtieġa li jkollha dritt ta’ aċċess għad-data personali kontenzjuża li tikkonċerna lil MS sabiex tkun tista’, jekk ikun il-każ, titlob rettifika jew tħassir. Fil-fatt, dan tal-aħħar ma kellux aċċess għall-allegazzjonijiet ta’ aġir mhux mixtieq min-naħa tiegħu esposti fl-ilment ta’ X, filwaqt li dawn l-allegazzjonijiet kienu identifikati b’mod ċar mill-Kummissjoni bħala li wasslu għad-deċiżjoni ta’ din tal-10 ta’ April 2013 biex tittermina l-kollaborazzjoni tiegħu man-netwerk Team Europe (ara l-punt 6 iktar ’il fuq) u kienu għalhekk tali li jħammġu r-reputazzjoni tiegħu u unuru, bħala kollaboratur ta’ dan in-netwerk.

104    L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 45/2001 jipprovdi madankollu għal eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess tal-persuna kkonċernata u, b’mod partikolari, li l-istituzzjonijiet u organi tal-Unjoni jistgħu jillimitaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament inkwantu tali limitazzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja biex tkun iggarantita l-protezzjoni tal-persuna kkonċernata jew tad-drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor.

105    Iktar minn hekk, it-trasferiment tad-data personali lil destinatarji li ma humiex l-istituzzjonijiet u organi tal-Unjoni u l-persuni kkonċernati huwa rregolat mill-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 45/2001, li jipprovdi b’mod partikolari li d-data personali tista’ tiġi ttrasferita biss lil destinatarju jekk dan juri l-ħtieġa għal tali trasferiment u ma jkun hemm ebda raġuni biex wieħed jaħseb li l-interessi leġittimi tal-persuna kkonċernata jistgħu jiġu ppreġudikati b’dak it-trasferiment.

106    Inkwantu d-data personali kontenzjuża hija data ta’ natura personali li tikkonċerna kemm lil MS kif ukoll lil X u lit-terzi persuni ċċitati fid-dokumenti kontenzjużi, għandhom jiġu bbilanċjati l-interessi leġittimi tad-diversi persuni li jopponu f’dan il-każ, sabiex jiġi stabbilit jekk kienx jeżisti interess suprem li jiġġustifika r-rifjut lil MS tad-dritt ta’ aċċess għal dik id-data personali.

107    Issa, anki jekk jiġi aċċettat l-argument tal-Kummissjoni li l-bżonn tal-protezzjoni japplika għad-dokumenti kontenzjużi kollha kemm huma, dan ma jiġġustifikax, fid-deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2016, kif l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti u, b’mod partikolari, taż-żewġ dokumenti li fihom il-korrispondenza skambjata bejn X u MS, li għalihom dan tal-aħħar diġà kellu aċċess bħala l-awtur jew destinatarju, seta’ jippreġudika b’mod konkret u effettiv l-interessi leġittimi ta’ X jew ta’ terzi persuni ċċitati f’dawk id-dokumenti.

108    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tistax tirreferi, għall-finijiet ta’ kompletezza, fid-deċiżjoni tad-19 ta’ April 2016, għall-fatt li l-persuna li ressqet l-ilment ma xtaqitx li d-data personali kontenzjuża tinġieb għall-konjizzjoni ta’ MS minħabba l-biża’ ta’ ritorsjoni. Għalkemm il-Kummissjoni sostniet, waqt is-seduta, li waħda mill-persuni ċċitati fid-dokumenti kontenzjużi kienet toqgħod fl-istess belt bħal MS, ebda prova mill-proċess ma tindika li dan tal-aħħar, li kellu diġà l-informazzjoni suffiċjenti biex jidentifika lil X u Y bħala li kienu l-persuni li mingħandhom seta’ oriġina l-ilment, kien ikkontempla li jagħmlilhom xi vendikazzjonijiet, li jmorru lil hinn mill-azzjonijiet meħtieġa għad-difiża tal-interessi leġittimi tiegħu.

109    Fil-punt 32 tal-proposta għal soluzzjoni bonarja, il-Medjatur stess irrileva li, “mill-perspettiva tad-drittijiet tad-difiża [ta’ MS], [i]r-raġuni [għar-rifjut tal-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi fir-rigward tal-ħtieġa li tkun protetta l-kunfidenzjalità ta’ X kienet] insuffiċjenti, peress li r-rappreżentanti tal-Kummissjoni ma [kinux] ġabu[] l-prova ta’ riskju reali għad-drittijiet fundamentali jew l-interessi leġittimi ta’ [X] u li d-dikjarazzjonijiet [ta’ din tal-aħħar] u l-provi prodotti [minn din] [kienu] jikkostitwixxu l-provi deċiżivi, ossija uniċi, kontra [MS]”.

110    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, skont il-ġurisprudenza, is-sempliċi fatt li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni ma huwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni. L-istituzzjoni kkonċernata għandha wkoll tagħti spjegazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni dwar kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett minn eċċezzjoni prevista f’dan l-artikolu (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il-Kummissjoni, C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-11 ta’ Marzu 2009, Borax Europe vs Il-Kummissjoni, T‑121/05, mhux ippubblikata, EU:T:2009:64, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-11 ta’ Marzu 2009, Borax Europe vs Il-Kummissjoni, T‑166/05, mhux ippubblikata, EU:T:2009:65, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111    F’dan il-każ, ma jirriżultax mid-deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2016 li din l-istituzzjoni pproċediet b’eżerċizzju ta’ bbilanċjar adegwat tal-interessi leġittimi differenti preżenti, kif jeżiġu l-Artikoli 8, 13 u 20 flimkien tar-Regolament Nru 45/2001.

112    Mill-evalwazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li d-deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2016, li rrifjutat it-talba ta’ MS biex tiġi ttrasferita lilu d-data personali kontenzjuża, tikser l-Artikoli 8, 13 u 20 tar-Regolament Nru 45/2001 u għandha, għal din ir-raġuni, tkun annullata, mingħajr il-bżonn li jiġi eżaminat il-motiv l-ieħor invokat mir-rikorrenti.

2.      Fuq it-talba għad-danni

113    Ir-rikorrenti titlob kumpens għad-dannu morali li MS ġarrab minħabba r-rifjut, min-naħa tal-Kummissjoni, tat-talba tal-istess MS għall-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi u biex tiġi ttrasferita lilu d-data personali kontenzjuża.

114    Ir-rikorrenti ssostni li, bil-fatt li ġie rrifjutat l-aċċess ta’ MS għad-dokumenti u għat-testimonjanzi kontenzjużi kif ukoll bil-fatt li ġie rrifjutat it-trasferiment lil dan tad-data personali kontenzjuża, il-Kummissjoni adottat aġir ħażin u kisret id-drittijiet fundamentali tiegħu, bħalma huma d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, b’mod li minnu joħroġ, fil-konfront ta’ dan tal-aħħar, sentiment ta’ inġustizzja u telf ta’ fiduċja f’din l-istituzzjoni. Għal dawn ir-raġunijiet, ir-rikorrenti tikkunsidra li t-talba għall-kumpens hija distinta mit-talba għall-annullament u tibqa’ valida anki jekk ir-rikors għall-annullament kellu jiġi miċħud. Għal dan il-għan, ir-rikorrenti tistma d-dannu mġarrab minn MS fl-ammont ta’ EUR 20 000, f’kull kawża, jiġifieri ammont totali ta’ EUR 40 000.

115    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 340 TFUE, għal aġir illeċitu ta’ xi istituzzjoni, huwa suġġett għall-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir ikkritikat tal-istituzzjoni tal-Unjoni, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir tal-istituzzjoni u d-dannu invokat. Peress li waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma hijiex issodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali (sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2014, Giordano vs Il-Kummissjoni, C‑611/12 P, EU:C:2014:2282, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, C‑257/98 P, EU:C:1999:402, punt 14).

116    Barra minn hekk, it-talbiet intiżi għall-kumpens għad-danni materjali jew morali għandhom jiġu miċħuda sa fejn huma jippreżentaw rabta mill-qrib mat-talbiet għall-annullament li huma stess ġew miċħuda bħala inammissibbli jew infondati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Fernández Gómez, C‑417/05 P, EU:C:2006:582, punt 51).

117    F’dan il-każ, it-talba għall-kumpens għad-dannu morali li MS ġarrab minħabba l-allegata illegalità tar-rifjut li jingħatalu aċċess għad-dokumenti kontenzjużi hija marbuta mill-qrib mat-talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet tat-2 ta’ Frar u tad-19 ta’ April 2016, inkwantu dawn ċaħdu t-talba ta’ MS għall-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi. Issa, kif jirriżulta mill-punti 43 sa 91 iktar ’il fuq, l-eżami tal-motivi mressqa insostenn ta’ din it-talba għal annullament ma żvela ebda illegalità mwettqa mill-Kummissjoni u għaldaqstant ma għandha ebda tort li jinvolvi r-responsabbiltà tagħha. Għaldaqstant, it-talba għall-kumpens għad-dannu allegatament imġarrab minn MS minħabba dawn l-illegalitajiet għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

118    Fir-rigward tat-talba għall-kumpens għad-dannu morali li MS ġarrab minħabba l-allegata illegalità tar-rifjut li tiġi ttrasferita lilu d-data personali kontenzjuża, jirriżulta mill-punt 112 iktar ’il fuq li d-deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2016, li ċaħdet it-talba biex tiġi ttrasferita lil MS dik id-data personali, tikser l-Artikoli 8, 13 u 20 tar-Regolament Nru 45/2001 u għandha, għal dan il-għan, tiġi annullata. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità jista’ jikkostitwixxi fih innifsu kumpens adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża (ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2004, Montalto vs Il-Kunsill, T‑116/03, EU:T:2004:325, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata), sakemm ir-rikorrenti ma turix li sofriet dannu morali separat mill-illegalità li fuqha huwa bbażat l-annullament u li ma jistax jiġi kkumpensat kompletament b’dak l-annullament (ara s-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il-Kummissjoni, T‑10/02, EU:T:2006:148, punt 131 u l-ġurisprudenza ċċitata).

119    Is-sentiment ta’ inġustizzja u l-ansjetà li jikkawża lill-persuna l-fatt li jkollha tiftaħ proċedura kontenzjuża sabiex jiġu rrikonoxxuti d-drittijiet tagħha jistgħu jikkostitwixxu dannu li jista’ jiġi dedott mis-sempliċi fatt li l-amministrazzjoni wettqet illegalitajiet. Dawn id-danni għandhom jiġu rrimedjati meta ma jkunux ikkumpensati permezz tas-sodisfazzjon li jirriżulta mill-annullament tal-att inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, CG vs BEI, F‑115/11, EU:F:2014:187, punt 132).

120    Barra minn hekk, l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità ma jistax jikkostitwixxi minnu nnifsu kumpens adewgat meta l-att ikkontestat jinvolvi evalwazzjoni espliċitament negattiva tal-kapaċitajiet tar-rikorrenti li tista’ tikkaġunalu ħsara (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il-Kummissjoni, C‑343/87, EU:C:1990:49, punti 27 sa 29; tat-23 ta’ Marzu 2000, Rudolph vs Il-Kummissjoni, T‑197/98, EU:T:2000:86, punt 98; u tat-13 ta’ Diċembru 2005, Cwik vs Il-Kummissjoni, T‑155/03, T‑157/03 u T‑331/03, EU:T:2005:447, punti 205 u 206).

121    F’dan il-każ, id-deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2016, li ċaħdet it-talba ta’ MS biex tiġi ttrasferita lilu d-data personali kontenzjuża mingħajr ma bbilanċjat b’mod adegwat l-interessi leġittimi differenti preżenti, setgħet ħolqot f’moħħ MS sentiment ta’ inġustizzja u telf ta’ fiduċja fil-Kummissjoni. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni kienet ibbażata, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni quddiem il-Medjatur u quddiem il-Qorti Ġenerali, fuq il-“biża’ ta’ vendikazzjonijiet ta’ [MS] kontra [X] jew kontra l-persuni l-oħra ċċitati fl-ilment tagħha”, jiġifieri fuq forma ta’ evalwazzjoni negattiva fil-konfront ta’ MS u li tista’ tikkaġunalu ħsara.

122    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-annullament tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2016 ma jistax, minnu nnifsu, ikun suffiċjenti sabiex jikkostitwixxi kumpens adegwat tad-dannu morali mġarrab minn MS minħabba dik id-deċiżjoni.

123    Għaldaqstant, it-talba għal kumpens għad-dannu morali mġarrab minn MS minħabba ċ-ċaħda illegali li tiġi ttrasferita lilu d-data personali kontenzjuża għandha tintlaqa’ parzjalment, fis-somma ta’ EUR 5 000, u mill-bqija din it-talba għandha tiġi miċħuda.

IV.    Fuq l-ispejjeż

124    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom.

125    F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti u l-Kummissjoni t-tnejn tilfu wħud mill-kapijiet tat-talbiet tagħhom, huma għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas-16 ta’ Ġunju 2016, li tiċħad it-talba ta’ MS biex tiġi ttrasferita lilu ċerta data personali, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni hija kkundannata tħallas lil VG, fil-kapaċità tagħha ta’ werrieta universali ta’ MS, somma ta’ EUR 5 000.

3)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

4)      VG u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Pelikánová

Valančius

Öberg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Novembru 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.