Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Diċembru 2016 – Air France vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-894/16)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Société Air France (Roissy en France, Franza) (rappreżentant: R. Sermier, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannula d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1698, tal-20 ta’ Frar 2014, dwar il-miżuri SA.22932 (11/C) (ex NN 37/07) implimentati minn Franza favur l-ajruport ta’ Marseille Provence u favur il-kumpaniji tal-ajru li jagħmlu użu minn dan l-ajruport (notifikata bid-dokument C(2014) 870);

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq difetti li jaffettwaw id-deċiżjoni kkontestata għal dak li jirrigwarda l-għajnuna tad-dipartiment ta’ Bouches-du-Rhône lit-terminal “Marseille-Provence 2” (MP2). B’mod partikolari,

il-miżura ma tissodisfax l-għanijiet ta’ interess ġenerali ddefiniti b’mod ċar. L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, bi żball ta’ liġi u bi żball ta’ interpretazzjoni, għal dak li jirrigwarda:

l-għan li tiġi indirizzata ż-żieda mistennija fit-traffiku tal-ajru;

l-għan relatat mal-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun;

l-għajnuna ma hijiex neċessarja.

It-tieni motiv, ibbażat fuq difetti li jaffettwaw id-deċiżjoni kkontestata għal dak li jirrigwarda l-kuntratt ta’ xiri ta’ spazju għar-reklamar mal-kumpannija Airport Marketing Services.

It-tielet motiv, ibbażat fuq difetti li jaffettwaw id-deċiżjoni kkontestata għal dak li jirrigwarda t-tariffi tal-imposta għal kull passiġġier fit-terminal MP2.

____________