Language of document : ECLI:EU:T:2019:508

Kawża T894/16

Société Air France

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla Estiża) tal11 ta’ Lulju 2019

“Rikors għal annullament – Għajnuna mill-Istat – Miżuri implimentati minn Franza favur l-ajruport ta’ Marseille Provence u l-kumpanniji tal-ajru li jagħmlu użu minn dan l-ajruport – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Sussidji għall-investiment – Differenzjazzjoni fit-tariffi tal-ajruport applikabbli għat-titjiriet nazzjonali u għat-titjiriet internazzjonali – Tariffi tal-ajruport imnaqqsa sabiex jinkoraġġixxu titjiriet mit-terminal il-ġdid ta’ Marseille-Provence 2 – Nuqqas ta’ inċidenza individwali – Nuqqas ta’ inċidenza sostanzjali tal-pożizzjoni kompetittiva – Inammissibbiltà”

1.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Inċidenza individwali – Kriterji – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern – Rikors ta’ impriża li ma jiġġustifikax relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarju tal-għajnuna – Inammissibbiltà

(Artikolu 108(2)  u (3) u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 24 sa 44)

2.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Inċidenza individwali – Kriterji – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern – Rikors ta’ impriża kompetitriċi li ma jiġġustifikax effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni tagħha fis-suq – Inammissibbiltà – Ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Assenza

(Artikolu 108 (2) u (3), u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

(ara l-punti 53 sa 69, 80)

3.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern– Rikors ta’ impriża li pparteċipat fil-proċedura amministrattiva – Karatteristika insuffiċjenti sabiex jiġi rrikonoxxut locus standi

(Artikolu 108(2) TFUE u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 71, 72)


Sunt

Fis-sentenza Air France vs Il-Kummissjoni (T‑894/16), mogħtija fil-11 ta’ Lulju 2019, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors għal annullament ippreżentat mill-kumpannija tal-ajru Air France kontra deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat adottata mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ ċerti miżuri implimentati minn awtoritajiet Franċiżi favur l-ajruport ta’ Marseille Provence u kumpanniji tal-ajru li jużaw dan l-ajruport. (1)

L-ajruport ta’ Marseille Provence huwa wieħed mill-ikbar ajruporti ta’ Franza. Fl-2004, bil-għan li jsaħħaħ it-traffiku tiegħu u jorjenta l-iżvilupp tiegħu lejn destinazzjonijiet Ewropej, l-operatur ta’ dan l-ajruport iddeċieda li jinstalla, ma’ ġenb it-terminal ewlieni, terminal ġdid intiż għat-titjiriet bi “prezz baxx”. Sabiex jiffinanzja l-kostruzzjoni ta’ dan it-terminal il-ġdid, l-operatur, b’mod partikolari, irċieva sussidju għall-investiment tal-Istat Franċiż. Leġiżlazzjoni speċifika li tipprevedi tariffi għal kull passiġġier imnaqqsa ġew, barra minn hekk, stabbiliti għat-terminal il-ġdid. Fl-aħħar nett, kuntratt ta’ xiri ta’ spazju għar-reklamar ġie konkluż għal perijodu ta’ ħames snin li jista’ jiġġedded intiż li jiżgura reklamar tad-destinazzjoni ta’ Marseille sabiex jiġi attirat numru kbir ta’ passiġġieri.

Wara li eżaminat il-miżuri differenti tiegħu fid-dawl tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ajruport ta’ Marseille Provence kien ibbenefika minn għajnuna għall-investiment li kienet kompatibbli mas-suq intern skont il-punt (c) tal-Artikolu 107(3) TFUE. Fir-rigward tat-tariffi mnaqqsa applikabbli għat-terminal il-ġdid irriżervat għat-titjiriet bi “prezz baxx” u tal-kuntratt ta’ xiri ta’ spazju għar-reklamar, il-Kummissjoni, għall-kuntrarju, ikkonkludiet li ma kienx hemm għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet is-suġġett ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn Air France, li lmentat, b’mod partikolari, mill-fatt li l-kumpanniji tal-ajru bi “prezz baxx”, bħal Ryanair, jiksbu vantaġġ kompetittiv mill-użu tat-terminal il-ġdid irriżervat għal dan it-tip ta’ titjiriet.

Madankollu, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ Air France bħala inammissibbli, minħabba li din tal-aħħar ma kellhiex locus standi abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qabelxejn enfasizzat li, skont l-imsemmija dispożizzjoni, rikorrenti, bħal Air France, kellha tissodisfa l-kundizzjoni doppja li tkun direttament u individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-inċidenza individwali ta’ Air France setgħet, barra minn hekk, tiġi affermata biss jekk din tal-aħħar kienet tinsab f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarju tal-miżuri ta’ għajnuna li huma s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali u jekk il-pożizzjoni tagħha fis-suq kienet ġiet affettwata b’mod sostanzjali minn dawn il-miżuri.

Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji tagħha, il-Qorti Ġenerali sussegwentement irrilevat li s-sussidju għall-investiment allokat sabiex tiġi ffinanzjata l-kostruzzjoni tat-terminal il-ġdid fl-ajruport ta’ Marseille Provence kien ingħata biss lill-operatur ta’ dan l-ajruport, li kien l-uniku benefiċjarju tiegħu. Fin-nuqqas ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn l-imsemmi operatur u Air France, din tal-aħħar ma kinitx, konsegwentement, individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara dan is-sussidju kompatibbli mas-suq intern.

Fir-rigward tat-tariffi mnaqqsa applikabbli għat-terminal il-ġdid għat-titjiriet bi “prezz baxx” u tal-kuntratt ta’ xiri ta’ spazju għar-reklamar, il-Qorti Ġenerali, fl-aħħar nett, speċifikat li s-suq rilevanti li fih kellu jiġi eżaminat l-effett ta’ dawn il-miżuri kien ikkostitwit mir-rotot kollha operati minn u lejn dan l-ajruport, irrispettivament mit-terminal użat. Għalhekk, hija Air France li kellha turi, bħala rikorrenti, li l-pożizzjoni kompetittiva tagħha f’dan is-suq kienet sostanzjalment affettwata mit-tariffi mnaqqsa u mill-kuntratt ta’ xiri ta’ spazju għar-reklamar. Issa, anki jekk jitqies li l-imsemmija miżuri kienu affettwaw direttament il-pożizzjoni kompetittiva ta’ Air France fis-suq rilevanti, fid-dawl tal-kompetizzjoni tagħha ma’ Ryanair, hija ma kinitx ipproduċiet provi li jippermettu li jiġi konkluż li tali inċidenza kienet sostanzjali. Għaldaqstant, ir-rikors tagħha kellu jiġi miċħud bħala inammissibbli fit-totalità tiegħu.


1      Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1698 tal-20 ta’ Frar 2014 dwar il-miżuri SA.22932 (11/C) (ex NN 37/07) implimentati minn Franza favur l-ajruport ta’ Marseille Provence u favur il-kumpaniji tal-ajru li jagħmlu użu minn dan l-ajruport (ĠU 2016, L 260, p. 1).