Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Piteşti (ir-Rumanija) fil-5 ta’ Jannar 2022 – EF, GH, IJ vs KL

(Kawża C-13/22)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Piteşti

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: EF, GH, IJ

Konvenut: KL

Domandi preliminari

Il-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin, stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 2 TUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 148(2) tal-Constituția României (il-Kostituzzjoni Rumena), kif interpretata mill-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija) fis-sentenza Nru 390/2021, li tipprovdi li l-qrati nazzjonali ma għadx għandhom is-setgħa li janalizzaw il-konformità ta’ dispożizzjoni nazzjonali, meqjusa kostituzzjonali permezz ta’ sentenza tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea?

Il-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin, stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 2 TUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 99(ș) tal-Legea nr. 303/2004 privind statutul judecătorilor și procurorilor (il-Liġi Nru 303/2004 dwar l-Istatus tal-Imħallfin u tal-Prosekuturi), li tippermetti l-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari u l-impożizzjoni ta’ sanzjoni dixxiplinari fil-konfront ta’ mħallef għal nuqqas ta’ osservanza ta’ sentenza tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), meta l-imħallef huwa mitlub jistabbilixxi s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet ta’ sentenza tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), dispożizzjoni nazzjonali din li ċċaħħad lill-imħallef mill-possibbiltà li japplika s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li huwa jqis li għandha prijorità?

____________