Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta' Settembru 2009 - Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Association Fédération Club B2A

(Kawża T-356/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: A.-M. Rouchaud-Joët u N. Bambara, aġenti, assistiti minn E. Bouttier, avocat)

Konvenuta: Association Fédération Club B2A (Étupes, Franza)

Talbiet tar-rikorrenti

tikkundanna lil Fédération, irrappreżentata mill-President tagħha, tħallas lir-rikorrenti l-ammont ta' EUR [...] li jikkorrispondi għas-somma prinċipali ta' EUR 62 500 u għas-somma ta' EUR [...] bħala interessi moratorji dovuti fil-[...];

tikkundanna lil Fédération tħallas is-somma ta' EUR 7 000 sabiex tkopri l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea sabiex tirkupra d-dejn tagħha;

tikkundanna lil Fédération għall-ispejjeż tal-kawża preżenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Komunità Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, ikkonkludiet mal-konvenuta kuntratt ta' sussidju dwar proġett ta' "ħolqien u ġestjoni ta' federazzjoni Grand Est ta' netwerks reġjunali ta' Business Angels". Il-proġett, li matulu l-Kummissjoni ħallset, bħala depożitu, is-somma ta' EUR 62 5000 lill-konvenuta, ġie komplut fit-30 ta' Settembru 2002.

F'dan il-kuntratt, il-konvenuta intrabtet, inter alia, li tipprovdi rapport finali. Peress li ġie ppreżentat rapport mhux komplut, il-Kummissjoni intimat lill-konvenuta sabiex tippreżenta rapport konformi mal-għanijiet. Peress li l-konvenuta ma weġbitx għal din l-intimazzjoni, kif ukoll għal numru ta' ittri oħra, il-Kummissjoni indirizzat nota ta' debitu u sussegwentement ordni ta' rkupru tal-ammont ta' EUR 62 500 lill-konvenuta.

Peress li dan id-dejn għadu dovut, il-Kummissjoni titlob li l-konvenuta tiġi kkundannata tħallas is-somma dovuta kif ukoll kumpens għad-dannu subit sabiex tkopri l-ispejjeż kollha li l-Kummissjoni kellha ssostni sabiex tirkupra d-dejn tagħha billi tinvoka dan li ġej: i) il-konvenuta ma osservatx l-obbligi tagħha previsti fil-kuntratt billi ma ppreżentatx rapport finali komplut u ii) il-ħlas tas-somma ta' EUR 62 500 magħmul mill-Kummissjoni sar bħala depożitu sakemm jiġi approvat ir-rapport finali.

____________