Language of document : ECLI:EU:C:2017:988

Kawża C372/16

Soha Sahyouni

vs

Raja Mamisch

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberlandesgericht München)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Regolament (UE) Nru 1259/2010 – Kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali – Rikonoxximent ta’ divorzju privat miksub minn qorti reliġjuża fi Stat terz – Kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-20 ta’ Diċembru 2017

1.        Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li saru applikabbli mid-dritt nazzjonali b’mod dirett u inkundizzjonat għal sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom – Inklużjoni

(Artikolu 267 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1259/2010)

2.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali – Regolament Nru 1259/2010 – Kamp ta’ applikazzjoni – Rikonoxximent ta’ deċiżjoni ta’ divorzju li tirriżulta minn dikjarazzjoni ta’ rieda unilaterali quddiem qorti reliġjuża li tinsab fi Stat terz – Esklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1259/2010, Artikolu 1)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 27 sa 34)

2.      L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 tal-20 ta’ Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali, għandu jiġi interpretat fis-sens li divorzju li jirriżulta minn dikjarazzjoni unilaterali ta’ wieħed mill-konjuġi quddiem qorti reliġjuża, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament.

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kliem tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1259/2010, kulma jagħmel dan l-artikolu huwa li, fil-paragrafu 1 tiegħu jindika li, fis-sitwazzjonijiet li jinvolvu kunflitt tal-liġijiet, dan ir-regolament japplika għad-divorzju u għas-separazzjoni legali. Il-formulazzjoni tal-imsemmi artikolu għaldaqstant ma tipprovdi ebda element utli sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “divorzju” fis-sens tiegħu.

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1259/2010, qabelxejn għandu jiġi rrilevat li ebda dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament ma tipprovdi definizzjoni tal-kunċett ta’ “divorzju” fis-sens tiegħu. Sussegwentement, għalkemm huwa minnu li d-divorzji privati ma humiex esklużi b’mod espliċitu mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1259/2010, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-riferimenti għall-intervent ta’ “qorti” u għall-eżistenza ta’ “proċedura”, li jidhru f’diversi dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, bħall-Artikolu 1(2), l-Artikolu 5(2) u (3), l-Artikoli 8 u 13, kif ukoll l-Artikolu 18(2) tal-imsemmi regolament, jenfasizzaw li dan tal-aħħar jirrigwarda esklużivament id-divorzji mogħtija jew minn qorti Statali jew minn awtorità pubblika jew taħt il-kontroll tagħha. Fl-aħħar nett, skont il-premessa 10 tar-Regolament Nru 1259/2010, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u d-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom ikunu koerenti mar-Regolment Nru 2201/2003.

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-għan imfittex mir-Regolament Nru 1259/2010, dan jistabbilixxi, hekk kif jirriżulta mit-titolu tiegħu, kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri parteċipanti fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali. Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, waqt l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri parteċipanti f’tali kooperazzjoni msaħħa, kienu biss korpi ta’ natura pubblika li setgħu jadottaw deċiżjonijiet ta’ valur ġuridiku fil-qasam ikkonċernat. F’dan ir-rigward, minkejja li huwa minnu li, sa mill-adozzjoni tar-Regolament Nru 1259/2010, diversi Stati Membri introduċew fl-ordinamenti ġuridiċi tagħhom il-possibbiltà li divorzji jingħataw mingħajr intervent ta’ awtorità Statali, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-inklużjoni tad-divorzji privati fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament tkun teħtieġ arranġamenti li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-leġiżlatur tal-Unjoni biss.

B’hekk, fid-dawl tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “divorzju” li jidher fir-Regolament Nru 2201/2003, mill-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1259/2010 jirriżulta li dan ikopri biss id-divorzji mogħtija jew minn qorti Statali jew minn awtorità pubblika jew taħt il-kontroll tagħha.

(ara l-punti 37 sa 40, 44, 45, 47 sa 49 u d-dispożittiv)