Language of document : ECLI:EU:C:2021:870

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

21 ta’ Ottubru 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikoli 167 sa 171 u Artikolu 178(a) – Dritt għal tnaqqis tal-VAT – Rimbors tal-VAT favur persuni taxxabbli stabbiliti fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru tar-rimbors – Pussess ta’ fattura – Direttiva 2008/9/KE – Ċaħda tat-talba għal rimbors – ‘Kanċellazzjoni’ tal-fattura mill-fornitur – Ħruġ ta’ fattura ġdida – Talba ġdida għal rimbors – Ċaħda”

Fil-Kawża C‑80/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Diċembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Frar 2020, fil-proċedura

Wilo Salmson France SAS

vs

Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Bucureşti,

Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Bucureşti – Administraţia Fiscală pentru Contribuabili Nerezidenţi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, C. Lycourgous u I. Jarukaitis (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Wilo Salmson France SAS, minn C. Apostu, avocată,

–        għall-Gvern Rumen, minn E. Gane u R. I. Haţieganu, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u R. Lyal, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat-22 ta’ April 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 167 u 178 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, u r-rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/45/UE tat-13 ta’ Lulju 2010 (ĠU 2010, L 189, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”), u tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE tat‑12 ta’ Frar 2008 li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista fid-Direttiva 2006/112/EC, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor (ĠU 2008, L 44, p. 23).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Wilo Salmson France SAS (iktar ’il quddiem “Wilo Salmson”) u l-Agenția Națională de Administrare Fiscală – Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice București (l-Aġenzija Nazzjonali tal-Amministrazzjoni Fiskali – Direttorat Ġenerali Reġjonali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Bukarest, ir-Rumanija) u l-Agenția Națională de Administrare Fiscală – Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice București – Administrația fiscală pentru Contribuabili Nerezidenți (l-Aġenzija Nazzjonali tal-Amministrazzjoni Fiskali – Direttorat Ġenerali Reġjonali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Bukarest – Amministrazzjoni Fiskali għall-Persuni Taxxabbli Mhux Residenti, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“Awtoritajiet Fiskali”), dwar deċiżjoni li tiċħad talba għal rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imressqa minn din il-kumpannija matul is-sena 2015, b’rabta ma’ akkwist ta’ oġġetti mwettaq matul is-sena 2012.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva dwar il-VAT

3        L-Artikolu 62 tad-Direttiva dwar il-VAT jiddefinixxi, għall-finijiet tagħha, l-“avveniment li jagħti lok għal ħlas [il-fatt taxxabbli]” bħala “okkorrenza li permezz tagħha l-kondizzjonijet legali meħtieġa biex tiġi imposta l-VAT huma sodisfatti” u l-“[eżiġibbiltà tat-taxxa] meta l-awtorità tat-taxxa ssir intitolata bil-liġi, f’mument partikolari, biex tiġbor it-taxxa mill-persuna soġġetta li tħallasha, għalkemm iż-żmien għall-ħlas jista’ jkun pospost”.

4        L-Artikolu 63 ta’ din id-direttiva jispjega li “[g]ħandu jkun hemm avveniment li jagħti lok għal ħlas [fatt taxxabbli] u l-VAT għandha tiġi imposta meta l-merkanzija jew is–servizzi huma pprovduti.”

5        L-Artikolu 167 tal-imsemmija direttiva jipprevedi li “[d]ritt ta’ tnaqqis iseħħ fil-ħin meta t-taxxa mnaqqsa tiġi imposta”.

6        L-Artikolu 168 tal-istess direttiva jiddikjara:

“Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:

(a)      il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra;

[…]”

7        Skont l-Artikolu 169 tad-Direttiva dwar il-VAT:

“Minbarra t-tnaqqis msemmi fl-Artikolu 168, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata li tnaqqas l-VAT imsemmija hemmhekk, safejn il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għal finijiet ta’ dan li ġej:

(a)      transazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-attivitajiet msemmijin fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 9(1), li twettqu barra mill-Istat Membru li fih dik it-taxxa hi dovuta jew imħallsa, li fir-rigward tiegħu il-VAT tista’ titnaqqas jekk dawn twettqu f’dak l-Istat Membru;

[…]”

8        L-Artikolu 170 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Il-persuni taxxabbli kollha li […] mhumiex stabbiliti fl-Istat Membru li fih jixtru merkanzija u servizzi jew jimpurtaw merkanzija soġġetta għall-VAT għandhom ikunu intitolati jirċievu rifużjoni ta’ dik il-VAT safejn il-merkanzija u s-servizzi huma użati għall-finijiet ta’ dan li ġej:

(a)      transazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 169;

[…]”

9        L-Artikolu 171(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[g]ħandha ssir rifużjoni tal-VAT lil persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti fl-Istat Membru li fih jixtru merkanzija u servizzi jew jimpurtaw merkanzija soġġetti għall-VAT, imma li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor, skond ir-regoli dettaljati stabbiliti fid-Direttiva [2008/9]”.

10      L-Artikolu 178(a) tal-istess direttiva jippreċiża:

“Biex teżerċita d-dritt ta’ tnaqqis, persuna taxxabbli għandha tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      għall-finijiet ta’ tnaqqis skont [il-punt (a) tal-Artikolu 168], fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, dan irid ikollu fattura magħmula skont it-Taqsimiet 3 sa 6 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu XI […]”

11      Qabel ma ġie emendat bid-Direttiva 2010/45, l-Artikolu 178(a) tad-Direttiva 2006/112 kien jipprevedi:

“Biex teżerċita d-dritt ta’ tnaqqis, persuna taxxabbli għandha tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      għall-finijiet ta’ tnaqqis skond [il-punt (a) tal-Artikolu 168], fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, hi għandha jkollha fattura imħejjija skond l-Artikoli 220 sa 236 u l-Artikoli 238, 239 u 240 […]”

12      L-Artikolu 179 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Il-persuna taxxabbli għandha teffettwa t-tnaqqis billi tnaqqas mill-ammont totali tal-VAT dovuta għal perijodu partikolari ta’ taxxa l-ammont totali ta’ VAT li fir-rigward tagħha, matul l-istess perijodu, id-dritt li tnaqqas irriżulta u hu eżerċitat skond l-Artikolu 178.”

13      It-Titolu X ta’ din id-direttiva, intitolat “Tnaqqis”, fih Kapitolu 5 dwar l-aġġustament tat-tnaqqis. F’dan l-aħħar kapitolu, l-Artikolu 185 tal-imsemmija direttiva jippreċiża, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-aġġustament għandu, b’mod partikolari, isir fejn, wara li ssir id-denunzja tal-VAT, isir xi tibdil fil-fatturi użati biex jiddeterminaw l-ammont li għandu jitnaqqas, per eżempju fejn ix-xirjiet huma kkanċellati jew hu miksub roħs fil-prezzijiet.”

14      Fl-istess Kapitolu, l-Artikolu 186 tad-Direttiva dwar il-VAT jindika li “[l]-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 184 u 185”.

15      L-Artikolu 218 tad-Direttiva dwar il-VAT, li jinsab fil-Kapitolu 3, intitolat “Fatturazzjoni”, tat-Titolu XI tad-Direttiva dwar il-VAT, dwar l-obbligi tal-persuni taxxabbli u ta’ ċerti persuni mhux taxxabbli, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw dokumenti jew messaġġi fuq karta jew f’forma elettronika bħala fatturi jekk jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu.”

16      Skont l-Artikolu 219 ta’ din id-direttiva:

“Kwalunkwe dokument jew messaġġ li jemenda u jirreferi speċifikament u mingħajr ambigwità għall-fattura inizzjali għandu jitqies bħala fattura.”

 Id-Direttiva 2008/9

17      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/9 jindika li din “tistabbilixxi r-regoli dettaljati għar-rifużjoni [tal-VAT], previsti fl-Artikolu 170 tad-[Direttiva dwar il-VAT], għal persuni taxxabbli, li mhumiex stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni, li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3” tagħha.

18      L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(3)      ‘perijodu ta’ rifużjoni [rimbors]’ tfisser il-perijodu msemmi fl-Artikolu 16 kopert mill-applikazzjoni għal rifużjoni;

[…]

(5)      ‘applikant’ tfisser il-persuna taxxabbli mhux stabbilita fl-Istat Membru ta’ rifużjoni [rimbors] li jagħmel l-applikazzjoni għal rifużjoni.”

19      L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jippreċiża li din hija applikabbli għal kull persuna taxxabbli mhux stabbilita fl-Istat Membru tar-rimbors li jissodisfa l-kundizzjonijiet elenkati minn dan l-artikolu.

20      L-Artikolu 5 tal-istess direttiva jiddikjara:

“Kull Stat Membru għandu jirrimborża lil kwalunkwe persuna taxxabbli mhux stabbilita fl-Istat Membru ta’ rifużjoni [rimbors] kwalunkwe VAT imposta fir-rigward ta’ oġġetti jew servizzi fornuti lilha minn persuni oħra taxxabbli […] sakemm tali oġġetti u servizzi jintużaw għall-finijiet tat-transazzjonijiet li ġejjin:

(a)      it-transazzjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 169(a) u (b) tad-[Direttiva dwar il-VAT];

[…]

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, il-jedd għal rifużjoni ta’ taxxa fuq id-dħul [tal-VAT] għandu jiġi ddeterminat skond id-[Direttiva dwar il-VAT] kif applikat fl-Istat Membru ta’ rifużjoni.”

21      L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/9 jippreċiża, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Flimkien ma’ l-informazzjoni speċifikata fil-paragrafu 1, l-applikazzjoni għal rifużjoni [rimbors] għandha tindika, għal kull Stat Membru ta’ rifużjoni u għal kull fattura jew dokument ta’ importazzjoni, id-dettalji li ġejjin:

[…]

(d)      id-data u n-numru tal-fattura jew tad-dokument ta’ importazzjoni;

[…]”

22      L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għat-talbiet għal informazzjoni skond l-Artikolu 20, l-Istati Membru ta’ rifużjoni [rimbors] jista’ jesiġi li l-applikant jippreżenta b’mezzi elettroniċi kopja tal-fattura jew tad-dokument ta’ importazzjoni ma’ l-applikazzjoni għal rifużjoni fejn l-ammont taxxabbli fuq fattura jew dokument ta’ importazzjoni huwa ta’ EUR 1 000 jew aktar jew l-ekwivalenti f’munita nazzjonali. Fejn il-fattura tikkonċerna karburant, il-limitu huwa EUR 250 jew l-ekwivalenti f’munita nazzjonali.”

23      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva:

“Jekk sussegwenti għall-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal rifużjoni [rimbors] jiġi aġġustat il-proporzjon deduċibbli skond l-Artikolu 175 tad-[Direttiva dwar il-VAT], l-applikant għandu jikkoreġi l-ammont li applika għalih jew li jkun diġà ġie rifuż [rrimborsat].”

24      L-Artikolu 14 tal-istess direttiva jipprevedi fil-paragrafu 1(a) tiegħu:

“L-applikazzjoni għal rifużjoni [rimbors] għandha tirrelata ma’:

(a)      ix-xiri ta’ merkanzija jew servizzi li jkun ġie fatturat waqt il-perijodu ta’ rifużjoni, sakemm il-VAT tkun saret imponibbli qabel jew meta x-xiri jkun ġie fatturat, jew li fir-rigward tiegħu l-VAT tkun saret imponibbli waqt il-perijodu ta’ rifużjoni, sakemm ix-xiri jkun ġie fatturat qabel li t-taxxa tkun saret imponibbli […]”

25      L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/9 jipprovdi:

“L-applikazzjoni għal rifużjoni [rimbors] għandha tiġi ppreżentata lill-Istat Membru ta’ stabbiliment sat-30 ta’ Settembru tas-sena kalendarja ta’ wara l-perijodu ta’ rifużjoni. L-applikazzjoni għandha tiġi kkunsidrata li ġiet ippreżentata biss jekk l-applikant ikun mela l-informazzjoni kollha meħtieġa taħt l-Artikoli 8, 9 u 11.”

26      L-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva 2008/9 jindika:

“1.      Fejn l-Istat Membru ta’ rifużjoni [rimbors] jikkunsidra li huwa m’għandux l-informazzjoni rilevanti kollha sabiex jieħu deċiżjoni fir-rigward ta’ l-applikazzjoni għal rifużjoni sħiħa jew ta’ parti minnha, huwa jista’ jitlob [..] informazzjoni addizzjonali, b’mod partikolari mill-applikant jew mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ stabbiliment […]

Jekk meħtieġ, l-Istat Membru ta’ rifużjoni jista’ jitlob aktar informazzjoni addizzjonali.

[…]

2.      L-Istat Membru ta’ rifużjoni [rimbors] għandu jiġi pprovdut bl-informazzjoni addizzjonali mitluba taħt il-paragrafi 1 fi żmien xahar mid-data li fiha t-talba tasal għand il-persuna li lilha tkun indirizzata.”

27      Skont l-Artikolu 23 tal-imsemmija direttiva:

“1.      Fejn l-applikazzjoni għal rifużjoni [rimbors] tiġi rrifjutata interament jew parzjalment, ir-raġunijiet għar-rifjut għandhom jiġu notifikati mill-Istat Membru ta’ rifużjoni lill-applikant flimkien mad-deċiżjoni.

2.      L-appelli dwar deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ applikazzjoni għal rifużjoni jistgħu jsiru mill-applikant lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ rifużjoni fil-forom u fil-limiti ta’ żmien stabbiliti għall-appelli fil-każ ta’ applikazzjonijiet għal rifużjoni minn persuni li huma stabbiliti f’dak l-Istat Membru.

[…]”

 Id-dritt Rumen

28      Il-Legea nr. 571/2003, privind Codul fiscal (il-Liġi Nru 571/2003 dwar il-Kodiċi tat-Taxxa) (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 927 tat-23 ta’ Diċembru 2003), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tat-Taxxa”), kienet tipprovdi, fl-Artikolu 145(2) tagħha:

“(2)      Kull persuna taxxabbli għandha d-dritt li tnaqqas it-taxxa relatata max-xiri jekk dan tal-aħħar jintuża għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet li ġejjin:

(a)      it-tranżazzjonijiet taxxabbli;

(b)      it-tranżazzjonijiet li jirriżultaw minn attivitajiet ekonomiċi li għalihom il-post ta’ kunsinna/provvista jitqies li huwa barra mill-pajjiż, fil-każ fejn it-taxxa tkun tista’ titnaqqas jekk dawn it-tranżazzjonijiet jitwettqu fir-Rumanija;

[…]”

29      L-Artikolu 146 tal-Kodiċi tat-Taxxa kien jipprevedi, fil-paragrafu 1(a) tiegħu:

“Biex tkun tista’ teżerċita d-dritt għal tnaqqis, il-persuna taxxabbli għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)      għat-taxxa dovuta jew imħallsa, relatata mal-oġġetti li ġew jew li għandhom jiġu kkunsinnati lilha, jew mas-servizzi li ġew jew li għandhom jiġu pprovduti lilha minn persuna taxxabbli, hija għandu jkollha fattura maħruġa konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 155 […]”.

30      L-Artikolu 147b(1)(a) ta’ dan il-kodiċi kien jippreċiża li “persuna taxxabbli li ma hijiex stabbilita fir-Rumanija, iżda fi Stat Membru ieħor, mhux identifikata u li ma hijiex meħtieġa tidentifika ruħha għall-finijiet ta’ VAT fir-Rumanija, tista’ tibbenefika mir-rimbors tal-[VAT] imħallsa għall-importazzjonijiet u għall-akkwisti ta’ oġġetti jew ta’ servizzi mwettqa fir-Rumanija”.

31      Il-Hotărârea Guvernului nr. 44/2004 (id-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 44/2004) (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 112 tas‑6 ta’ Frar 2004) tapprova l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Kodiċi tat-Taxxa li jinsabu fl-anness ta’ din id-deċiżjoni. Fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-kawża prinċipali, dawn il-modalitajiet (iktar ’il quddiem il-“modalitajiet ta’ applikazzjoni”) jirrigwardaw, fil-punt 49 tagħhom, l-Artikolu 147b tal-Kodiċi tat-Taxxa li kien fis-seħħ dak iż-żmien. Dan il-punt 49 jindika, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Bis-saħħa tal-Artikolu 147b(1)(a) tal-Kodiċi tat-Taxxa, kull persuna taxxabbli mhux stabbilita fir-Rumanija iżda fi Stat Membru ieħor, tista’ tibbenefika mir-rimbors tal-[VAT] imħallsa għall-importazzjonijiet u għall-akkwisti ta’ oġġetti jew ta’ servizzi mwettqa fir-Rumanija.”

32      L-imsemmi punt 49 jippreċiża, fil-paragrafu 15(a) tiegħu, li t-talba għal rimbors tirrigwarda “x-xiri ta’ oġġetti jew servizzi li huma ffatturati fil-perijodu tar-rimbors u mħallsa sad-data tat-talba għar-rimbors” u li “[l]-fatturi li ma tħallsux sad-data tat-talba għar-rimbors għandhom jiġu inklużi fit-talbiet għar-rimbors relatati mal-perijodu li fih tħallsu”.

33      Il-paragrafu 16 tal-punt 49 tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni jindika li, “[b]la ħsara għat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 15 it-talba għar-rimbors tista’ tirreferi wkoll għal fatturi jew dokumenti ta’ importazzjoni li ma humiex inklużi fit-talbiet ta’ rimbors preċedenti u li jikkonċernaw tranżazzjonijiet imwettqa fis-sena kalendarja inkwistjoni.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

34      Matul is-sena 2012, Pompes Salmson SAS, li s-sede tal-attività ekonomika tagħha tinsab fi Franza, xtrat tagħmir ta’ produzzjoni mingħand ZES Zollner Electronic SRL (iktar ’il quddiem “Zollner”), stabbilita u identifikata għall-finijiet tal-VAT fir-Rumanija. Peress li Pompes Salmson qiegħdet dan it-tagħmir għad-dispożizzjoni ta’ Zollner biex din tużah sabiex tipproduċi oġġetti li kellhom jiġu kkunsinnati lilha ulterjorment, dawn ma telqux mit-territorju Rumen.

35      Matul din l-istess sena, Zollner ħarġet fatturi li jikkorrispondu għal dan ix-xiri, inkluża l-VAT. Fuq il-bażi ta’ dawn, Pompes Salmson talbet ir-rimbors tal-VAT imħallsa fir-Rumanija għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar sal‑31 ta’ Diċembru 2012, konformement mad-Direttiva 2008/9 kif ukoll mal-Artikolu 147b(1)(a) tal-Kodiċi tat-Taxxa, moqri flimkien mal-punt 49 tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Jannar 2014, “għal raġunijiet marbuta mad-dokumenti annessi mat-talba u man-nuqqas ta’ konformità tal-fatturi annessi” (iktar ’il quddiem id- “deċiżjoni tal‑14 ta’ Jannar 2014”). Zollner għalhekk ipproċediet bil-kanċellazzjoni tal-fatturi inizjalment maħruġa fl-2012. Hija ħarġet fatturi ġodda fl-2015 għall-istess xiri.

36      Matul is-sena 2014, seħħet il-fużjoni ta’ Pompes Salmson ma’ Wilo France SAS. L-entità l-ġdida li tirriżulta minn din il-fużjoni, imsejħa Wilo Salmson France, li ħadet id-drittijiet u l-obbligi kollha ta’ Pompes Salmson, ressqet, matul is-sena 2015 u fuq il-bażi tal-fatturi l-ġodda maħruġa minn Zollner, talba ġdida għar-rimbors tal-VAT li kienet tħallset fir-Rumanija waqt ix-xiri tat-tagħmir ikkonċernat, billi rreferiet għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Awwissu u l‑31 ta’ Ottubru 2015. Din it-talba ġiet miċħuda mill-awtoritajiet Rumeni permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Mejju 2016, minħabba li Wilo Salmson ma kinitx osservat il-punt 49(16) tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni u kienet diġà talbet ir-rimbors tal-VAT indikata f’dawn il-fatturi.

37      Wilo Salmson ressqet oġġezzjoni kontra din id-deċiżjoni quddiem id-Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice București – Administrația Fiscală pentru Contribuabili Nerezidenți (id-Direttorat Ġenerali Reġjonali għall-Finanzi Pubbliċi ta’ Bukarest – l-Amministrazzjoni tat-Taxxa għall-Persuni Taxxabbli Mhux Residenti, ir-Rumanija). Permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Settembru 2016, din l-oġġezzjoni ġiet miċħuda minħabba li l-VAT li għaliha kien intalab ir-rimbors kienet is-suġġett ta’ talba għal rimbors preċedenti u li t-tranżazzjonijiet li għalihom intalab ir-rimbors ma kinux jaqgħu taħt is-sena 2015, iżda taħt is-sena 2012.

38      Din il-kumpannija għalhekk adixxiet lit-Tribunalul Bucuretti (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, ir-Rumanija), il-qorti tar-rinviju, b’rikors intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni tat-2 ta’ Settembru 2016 kif ukoll għall-annullament tad-deċiżjoni tat‑12 ta’ Mejju 2016 li tiċħad it-talba għar-rimbors tas-somma ta’ 449 538.38 lei Rumeni (RON) (madwar EUR 91 310), li tirrappreżenta l-VAT li r-rimbors tagħha ntalab għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Awwissu 2015 u l‑31 ta’ Ottubru 2015 inkluż.

39      Il-qorti tar-rinviju tindika li hija għandha tiddetermina jekk huwiex possibbli li tikseb fl-2015 ir-rimbors tal-VAT imħallsa fuq xiri mwettaq fl-2012, li għalih fatturi fiskali validi nħarġu biss fl-2015. Hija tqis li s-sitwazzjoni ta’ Wilo Salmson hija atipika meta mqabbla mal-ipoteżijiet previsti mid-Direttiva 2008/9 jew diġà eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-fatturi maħruġa minn Zollner fl-2012 ġew annullati permezz tal-kanċellazzjoni tagħhom, fid-dawl tal-irregolarità tagħhom li kienet ġiet ikkonstatata mill-awtoritajiet fiskali Rumeni, li, għall-istess xiri, fatturi validi nħarġu biss matul is-sena 2015, li Wilo Salmson eżerċitat id-dritt tagħha għar-rimbors permezz tat-talba għal rimbors imressqa fl-2015, li kienet tinkludi l-fatturi maħruġa fl-2015, u li sa dak iż-żmien din l-aħħar kumpannija kienet għadha ma kisbitx ir-rimbors mitlub.

40      Hija ssostni li d-Direttiva dwar il-VAT ma tirregolax it-terminu għall-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis u li għalhekk hemm lok li jiġi ċċarat jekk id-data li minnha jibda jiddekorri dan it-terminu tistax tiġi ddeterminata esklużivament fir-rigward tad-data tal-kunsinna tal-oġġetti inkwistjoni, billi tiġi injorata kull ċirkustanza rilevanti oħra. Fid-dawl tal-Artikoli 167 u 178 ta’ din id-direttiva kif ukoll tal-fatt li l-ħruġ ta’ fattura jaħrab mill-kontroll tad-detentur ta’ dan id-dritt, huwa neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk, fir-rigward tal-ewwel ipoteżi tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2008/9, talba għar-rimbors tal-VAT tistax tikkonċerna xiri ta’ oġġetti jew ta’ servizzi li ġew iffatturati matul il-perijodu ta’ rimbors, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-VAT relatata ma’ din il-fatturazzjoni hijiex dovuta matul dan il-perijodu jew qabel.

41      Fir-rigward tal-ewwel żewġ domandi tagħha, hija tirrileva li l-awtoritajiet fiskali Rumeni ma għamlux distinzjoni bejn id-data tal-ħruġ tal-fatturi bħala element proċedurali u d-data tal-eżiġibbiltà tal-VAT bħala element sostantiv, filwaqt li dawn iż-żewġ dati għandhom jipproduċu effetti distinti fuq il-livell fiskali u li d-dritt għal tnaqqis ma jistax jiġi eżerċitat fl-assenza ta’ fattura maħruġa konformement mar-rekwiżiti legali. Filwaqt li huwa minnu li huwa neċessarju li l-VAT tkun saret eżiġibbli qabel il-ħruġ tal-fattura, jew fil-mument tal-fatturazzjoni, huwa madankollu l-mument tal-ħruġ tal-fattura li għandu jkun rilevanti fir-rigward tat-tressiq ta’ talba għal rimbors.

42      Fir-rigward tat-tielet u r-raba’ domandi tagħha, hija tindika li l-awtoritajiet fiskali Rumeni kkunsidraw li l-fatturi maħruġa fl-2015 għax-xiri li sar fl-2012 ma setgħux ikunu s-suġġett ta’ talba għal rimbors relatata mas-sena 2015 minħabba l-eżistenza ta’ fatturi preċedenti. Madankollu, dawn tal-aħħar kienu, b’mod unilaterali, is-suġġett ta’ kanċellazzjoni minn Zollner, li għandu l-effetti ta’ annullament, u d-detentur tad-dritt għal tnaqqis ma għandu ebda mezz legali biex jobbliga lill-fornitur joħroġ fattura ġdida.

43      Barra minn hekk, fid-dawl tal-Artikoli 169 u 178 tad-Direttiva dwar il-VAT, tal-ewwel ipoteżi tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2008/9 kif ukoll tal-ħtieġa ta’ detenzjoni ta’ fattura valida sabiex ikun jista’ jiġi eżerċitat id-dritt għar-rimbors, talba għal rimbors tal-VAT għandha tkun esklużivament ibbażata fuq il-fatturi maħruġa matul il-“perijodu tar-rimbors”, bl-unika kundizzjoni imposta tkun li l-VAT tkun saret eżiġibbli qabel il-fatturazzjoni jew simultanjament magħha.

44      Konsegwentement, peress li l-fatturi maħruġa fl-2012 tneħħew minn Zollner, huma biss il-fatturi l-ġodda maħruġa fl-2015 li setgħu jipprovaw ix-xiri u jsostnu t-talba għal rimbors inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għalhekk, dawn il-fatturi tal-aħħar biss għandhom, skont il-qorti tar-rinviju, jirrappreżentaw il-“parametru proċedurali” li jippermetti li titressaq talba għal rimbors konformement mad-Direttiva 2008/9.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 167, moqri flimkien mal-Artikolu 178 tad-Direttiva 2006/112/KE: hemm distinzjoni bejn il-mument tat-tnissil u l-mument tal-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis fir-rigward tal-mod kif topera s-sistema tal-VAT?

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi ċċarat jekk id-dritt għal tnaqqis tal-VAT jistax jiġi eżerċitat fl-assenza ta’ fattura fiskali (valida) maħruġa għax-xiri tal-oġġetti mwettaq.

2)      Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-istess dispożizzjonijiet, moqrija flimkien mal-ewwel [ipoteżi] tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva [2008/9]: liema huwa l-punt ta’ riferiment proċedurali li permezz tiegħu għandha tiġi evalwata ir-regolarità tal-eżerċizzju tad-dritt għal rimbors tal-VAT?

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi ċċarat jekk tistax issir talba għal rimbors tal-VAT li saret dovuta qabel il-‘perijodu ta’ rimbors’, iżda li l-fatturazzjoni tagħha saret waqt il-perijodu ta’ rimbors.

3)      Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-istess dispożizzjonijiet tal-ewwel [ipoteżi] tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2008/9, moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 167 u tal-Artikolu 178 tad-[Direttiva dwar il-VAT]: liema huma l-effetti tal-annullament ta’ fatturi u tal-ħruġ ta’ fatturi ġodda għax-xiri ta’ oġġetti qabel il-‘perijodu ta’ rimbors’ fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal rimbors tal-VAT relatata ma’ dan ix-xiri?

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi ċċarat jekk, f’każ ta’ annullament mill-fornitur tal-fatturi inizjali maħruġa għax-xiri ta’ oġġetti u tal-ħruġ sussegwenti ta’ fatturi ġodda, l-eżerċizzju tad-dritt tal-benefiċjarju li jitlob rimbors tal-VAT fuq dan ix-xiri għandux jintrabat mad-data tal-fatturi l-ġodda. Dan huwa previst fil-każ li la l-annullament tal-fatturi inizjali u lanqas il-ħruġ tal-fatturi ġodda ma huma fil-kontroll tal-benefiċjarju, iżda huma biss esklużivament fid-diskrezzjoni tal-fornitur.

4)      Leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tissuġġetta r-rimbors tal-VAT mogħti konformement mad-Direttiva [2008/9] għal kundizzjoni ta’ eżiġibbiltà sa fejn il-fattura t-tajba tinħareġ matul il-perijodu li fiha saret l-applikazzjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

46      Il-Gvern Rumen isostni li d-domandi magħmula huma inammissibbli. Minn naħa, dawn huma bbażati fuq preżentazzjoni żbaljata u inkompleta tal-fatti li wasslu għat-tilwima fil-kawża prinċipali, b’tali mod li, kieku dawn kellhom jiġu rrettifikati u meħuda inkunsiderazzjoni fit-totalità tagħhom, id-domandi jsiru mingħajr utilità jew rilevanza għas-soluzzjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, din il-preżentazzjoni sempliċement tirriproduċi l-perspettiva ta’ waħda mill-partijiet fl-imsemmija kawża, b’tali mod li l-qorti tar-rinviju naqset milli tissodisfa l-obbligu tagħha li tikkjarifika l-fatti qabel ma tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll milli tindika r-raġunijiet għalfejn hija tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u tqis li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja hija neċessarja sabiex tiddeċiedi t-tilwima li għandha quddiemha.

47      Għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 267 TFUE jistabbilixxi proċedura ta’ kooperazzjoni diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull konstatazzjoni u evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li r-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa biss li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test tal-Unjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni fattwali u legali hekk kif deskritta mill-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Schweppes, C‑291/16, EU:C:2017:990, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni (sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland, C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49      B’hekk id-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza, fejn ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland, C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50      F’dan il-każ, l-argument imressaq mill-Gvern Rumen sabiex jistabbilixxi n-natura inutli tad-domandi magħmula għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali huwa bbażat fuq kritika tal-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-qorti tar-rinviju, bħala waħda li hija żbaljata u inkompleta. Issa, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tqiegħed inkwistjoni din l-evalwazzjoni, li taqa’, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali. Konsegwentement, dan l-argument ma jistax jitqies li huwa biżżejjed biex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ rilevanza msemmija fil-punt preċedenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51      Fit-tieni lok, sa fejn il-Gvern Rumen josserva li l-fatti ppreżentati mill-qorti tar-rinviju jikkonsistu f’riproduzzjoni tal-allegazzjonijiet ta’ waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li dan is-sempliċi fatt, jekk jitqies li huwa minnu, ma jistabbilixxix li, billi pproċediet b’dan il-mod, din il-qorti naqset mill-obbligu tagħha li tindika fid-deċiżjoni tar-rinviju, konformement mal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-informazzjoni fattwali li fuqha huma bbażati d-domandi u lanqas ir-raġunijiet li wassluha tagħmel domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fid-domandi magħmula u li fir-rigward tagħhom hija tqis li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja hija neċessarja sabiex tiddeċiedi t-tilwima li biha hija adita.

52      Għall-kuntrarju, kif jirriżulta mill-punti 39 sa 44 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjoni tar-rinviju tippermetti li jinftiehmu r-raġunijiet għalfejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-VAT u tad-Direttiva 2008/9 u tinkludi indikazzjonijiet suffiċjenti biex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdilha l-punti ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għaliha sabiex tiddeċiedi t-tilwima li għandha quddiemha.

53      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li la l-Artikolu 267 TFUE u ebda dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni ma jirrikjedu jew jipprojbixxu li qorti tar-rinviju, wara li tkun ingħatat is-sentenza preliminari, tbiddel il-konstatazzjonijiet fattwali u legali li hija tkun għamlet fil-kuntest tat-talba għal deċiżjoni preliminari, sakemm dik il-qorti tagħti effett sħiħ lill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C‑614/14, EU:C:2016:514, punti 28 sa 30).

54      Fid-dawl tal-punti preċedenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-domandi magħmula huma ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 Osservazzjonijiet preliminari

55      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi nazzjonali rilevanti, tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 fil-verżjoni tagħhom li tirriżulta mill-emendi introdotti permezz tad-Direttiva 2010/45, li, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) ta’ din tal-aħħar, kienu applikabbli mill‑1 ta’ Jannar 2013.

56      Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kunsinni ta’ oġġetti li taw lok għat-tilwima fil-kawża prinċipali twettqu matul is-sena 2012, li dokumenti kkunsidrati bħala fatturi relatati ma’ dawn il-kunsinni nħarġu matul is-sena 2012, imbagħad tqiesu li kienu “mhux konformi” permezz tad-deċiżjoni tal‑14 ta’ Jannar 2014 u sussegwentement kienu s-suġġett ta’ kanċellazzjoni matul is-sena 2014 jew 2015 u li, fl-aħħar, dokumenti ġodda kkunsidrati bħala fatturi relatati ma’ dawn l-istess kunsinni nħarġu fl-2015.

57      Barra minn hekk, minn naħa, konformement mal-Artikolu 63 tad-Direttiva dwar il-VAT, ikun hemm fatt taxxabbli u t-taxxa ssir eżiġibbli fil-mument meta sseħħ il-kunsinna ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi. Min-naħa l-oħra, id-dritt għal tnaqqis previst mid-Direttiva dwar il-VAT, li l-kontroparti tiegħu huwa d-dritt għar-rimbors (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2018, Volkswagen, C‑533/16, EU:C:2018:204, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata), huwa, kemm mill-perspettiva ratione materiae kif ukoll minn dik ratione temporis, marbut direttament mal-eżiġibbiltà tal-VAT tal-input dovuta jew imħallsa għall-oġġetti u s-servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2018, Varna Holideis, C‑364/17, EU:C:2018:500, punt 22), fejn l-Artikolu 167 ta’ din id-direttiva jipprevedi li d-dritt għal tnaqqis jiġi fis-seħħ fil-mument meta t-taxxa mnaqqsa ssir eżiġibbli.

58      L-Artikoli 64 u 65 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedu, barra minn hekk, regoli ta’ eżiġibbiltà differenti, applikabbli fiċ-ċirkustanzi ppreċiżati minn dawn l-artikoli, filwaqt li l-Artikolu 66 ta’ din id-direttiva jippermetti lill-Istati Membri, b’deroga minn dawn l-Artikoli 63 sa 65, li jipprevedu li t-taxxa ssir eżiġibbli għal ċerti tranżazzjonijiet jew għal ċerti kategoriji ta’ persuni taxxabbli f’wieħed mill-mumenti indikati minn dan l-Artikolu 66.

59      Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju għandha, fid-dawl tal-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi nazzjonali li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, tivverifika jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 li jirriżultaw mill-emendi introdotti mid-Direttiva 2010/45 humiex effettivament dawk applikabbli biex jiġi riżolt kull wieħed mill-aspetti differenti tat-tilwima li għandha quddiemha.

60      Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li l-unika emenda magħmula mid-Direttiva 2010/45 għal dispożizzjoni tad-Direttiva 2006/112 li hija rilevanti għall-finijiet tal-analiżi ta’ din il-kawża mill-Qorti tal-Ġustizzja tirrigwarda l-Artikolu 178(a) tad-Direttiva 2006/112, dispożizzjoni li, qabel din l-emenda, ma kinitx tirreferi għaż-żamma ta’ fattura “magħmula skont it-Taqsimiet 3 sa 6 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu XI” tad-Direttiva dwar il-VAT, iżda fattura maħruġa “skond l-Artikoli 220 sa 236 u l-Artikoli 238, 239 u 240” tad-Direttiva 2006/112.

61      Għalkemm, ċertament, dawn iż-żewġ każijiet jagħmlu riferiment għad-dispożizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi rispettivi li jipprevedu, essenzjalment, iċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet li fihom għandhom jinħarġu fatturi, il-kontenut tagħhom, il-possibbiltà li jinħarġu jew li jintbagħtu fatturi elettroniċi, kif ukoll il-possibbiltà għall-Istati Membri li, taħt ċerti kundizzjonijiet, jadottaw miżuri ta’ semplifikazzjoni, dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex, madankollu, identiċi. Id-differenzi fil-kontenut tagħhom huma madankollu mingħajr effett fuq l-analiżi li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba twettaq f’din il-kawża, fejn għalhekk ir-risposti li ser jingħataw f’din is-sentenza jkunu applikabbli anki jekk il-qorti tar-rinviju jkollha finalment tikkunsidra li wieħed jew iktar mill-punti kontenzjużi li hija għandha tiddeċiedi jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis mhux tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-VAT iżda taħt il-verżjoni tad-Direttiva 2006/112 preċedenti għall-emendi li sarulha mid-Direttiva 2010/45.

 Fuq l-ewwel domanda

62      Fir-rigward tal-ewwel domanda magħmula, għandu jiġi osservat qabel kollox li fil-kawża prinċipali tinsab inkwistjoni s-sitwazzjoni ta’ persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru differenti minn dak li fih sar ix-xiri tal-oġġetti inkwistjoni. Għalhekk, il-kawża prinċipali ma tirrigwardax id-dritt għal tnaqqis tal-VAT bħala tali, imsemmi fl-Artikolu 168 tad-Direttiva dwar il-VAT, iżda d-dritt għar-rimbors ta’ din it-taxxa, kif previst fl-Artikolu 170 ta’ din id-direttiva, li jirreferi huwa stess għat-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 169 tagħha.

63      Għandu jitfakkar ukoll li l-Artikolu 171 tal-imsemmija direttiva jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li r-rimbors tal-VAT favur persuni taxxabbli li ma humiex stabbiliti fl-Istat Membru li fih huma jwettqu b’mod partikolari xiri ta’ oġġetti u ta’ servizzi suġġetti għat-taxxa, iżda li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor, għandu jsir skont il-modalitajiet previsti mid-Direttiva 2008/9. Madankollu, din ma għandhiex l-għan li tiddetermina l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju u lanqas il-portata tad-dritt għar-rimbors. Fil-fatt, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprevedi, bla ħsara għall-Artikolu 6 tagħha u għall-finijiet ta’ din tal-aħħar, li d-dritt għar-rimbors tal-VAT tal-input imħallsa għandu jiġi ddeterminat bis-saħħa tad-Direttiva dwar il-VAT kif applikata fl-Istat Membru tar-rimbors (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2018, Volkswagen, C‑533/16, EU:C:2018:204, punt 35).

64      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jinftiehem li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 167 sa 171 u 178 tad-Direttiva dwar il-VAT kif ukoll id-Direttiva 2008/9 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li d-dritt għar-rimbors tal-VAT fuq il-kunsinna ta’ oġġetti jista’ jiġi eżerċitat minn persuna taxxabbli stabbilita mhux fl-Istat Membru tar-rimbors, iżda fi Stat Membru ieħor, jekk din il-persuna taxxabbli ma jkollhiex fil-pussess tagħha fattura, fis-sens tad-Direttiva dwar il-VAT, marbuta max-xiri tal-oġġetti kkonċernati.

65      Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2008/9 għandha l-għan, previst fl-Artikolu 170 tad-Direttiva dwar il-VAT, li tiddefinixxi l-modalitajiet tar-rimbors tal-VAT favur persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rimbors u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3 ta’ din l-ewwel direttiva, fejn madankollu l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju u l-portata tad-dritt għar-rimbors huma, konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u kif diġà tfakkar fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, iddeterminati skont id-Direttiva dwar il-VAT kif applikata fl-Istat Membru tar-rimbors.

66      Għalhekk, id-dritt, għal persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru, li tikseb ir-rimbors tal-VAT imħallsa fi Stat Membru ieħor, kif irregolat mid-Direttiva 2008/9, huwa l-korrispettiv tad-dritt, mogħti lilha mid-Direttiva dwar il-VAT, li jitnaqqas il-VAT tal-input imħallsa fl-Istat Membru tagħha stess (sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 2018, Volkswagen, C‑533/16, EU:C:2018:204, punt 36, kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Bundeszentralamt für Steuern, C‑346/19, EU:C:2020:1050, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Barra minn hekk, bħad-dritt għal tnaqqis, id-dritt għar-rimbors jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT stabbilita mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, intiż li jeħles għal kollox lill-imprenditur mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi kollha tiegħu. Is-sistema komuni tal-VAT tiggarantixxi, konsegwentement, in-newtralità fir-rigward tal-piż fiskali tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, irrispettivament mill-għanijiet jew mir-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet, bil-kundizzjoni li l-imsemmija attivitajiet innifishom ikunu, bħala prinċipju, suġġetti għall-VAT (sentenzi tat‑2 ta’ Mejju 2019, Sea Chefs Cruise Services, C‑133/18, EU:C:2019:354, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Bundeszentralamt für Steuern, C‑346/19, EU:C:2020:1050, punt 45).

68      Id-dritt għal tnaqqis u, għaldaqstant, għar-rimbors, jagħmel parti integrali mill-mekkaniżmu tal-VAT u, bħala prinċipju, ma jistax jiġi limitat. B’mod partikolari, dan id-dritt jiġi eżerċitat immedjatament għat-taxxi kollha li jkunu ġew imposti fuq it-tranżazzjonijiet tal-input imwettqa (sentenzi tat‑2 ta’ Mejju 2019, Sea Chefs Cruise Services, C‑133/18, EU:C:2019:354, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Bundeszentralamt für Steuern, C‑346/19, EU:C:2020:1050, punt 46).

69      Id-dritt għar-rimbors tal-VAT, bħad-dritt għal tnaqqis tagħha, huwa madankollu suġġett għall-osservanza ta’ rekwiżiti jew ta’ kundizzjonijiet kemm sostantivi kif ukoll formali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2018, Volkswagen, C‑533/16, EU:C:2018:204, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Fir-rigward tar-rekwiżiti jew tal-kundizzjonijiet sostantivi li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għar-rimbors, mill-Artikolu 169(a) u mill-Artikolu 170 ta’ din id-direttiva jirriżulta li, sabiex tkun tista’ tibbenefika mid-dritt għar-rimbors, hemm bżonn, minn naħa, li l-persuna kkonċernata tkun “persuna taxxabbli” fis-sens ta’ din id-direttiva, li ma hijiex stabbilita fl-Istat Membru li fih twettaq xiri ta’ oġġetti jew ta’ servizzi jew importazzjonijiet ta’ oġġetti suġġetti għall-VAT, u, min-naħa l-oħra, li l-oġġetti jew is-servizzi invokati bħala bażi għad-dritt għar-rimbors tal-VAT jintużaw fi proċess ulterjuri minn din il-persuna taxxabbli għat-tranżazzjonijiet tagħha mwettqa barra mill-Istat Membru li fih din it-taxxa hija dovuta jew imħallsa, li jagħtu lok għad-dritt għal tnaqqis li kieku dawn kellhom iseħħu f’dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2019, Sea Chefs Cruise Services, C‑133/18, EU:C:2019:354, punt 33). Barra minn hekk, din il-persuna taxxabbli għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet kumulattivi ddikjarati fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/9 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, CHEP Equipment Pooling, C‑242/19, EU:C:2020:466, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Fir-rigward tal-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt għar-rimbors, li huma simili għal rekwiżiti jew għal kundizzjonijiet ta’ natura formali, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT, l-Artikolu 178(a) tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi li, għat-tnaqqis imsemmi fl-Artikolu 168(a) tagħha, il-persuna taxxabbli għandu jkollha fattura maħruġa konformement mad-dispożizzjonijiet tat-Taqsimiet 3 u 6 tal-Kapitolu 3 tat‑Titolu XI, ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2018, Volkswagen, C‑533/16, EU:C:2018:204, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li, minkejja li, bis-saħħa tal-Artikolu 167 tad-Direttiva dwar il-VAT, id-dritt għal tnaqqis tal-VAT jiġi fis-seħħ fid-data meta t-taxxa ssir eżiġibbli, l-eżerċizzju tal-imsemmi dritt huwa possibbli, bħala prinċipju, konformement mal-Artikolu 178 ta’ din id-direttiva, biss mill-mument fejn il-persuna taxxabbli tkun fil-pussess ta’ fattura (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2018, Volkswagen, C‑533/16, EU:C:2018:204, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, hija ddeċidiet li l-istess japplika għall-eżerċizzju tad-dritt għal rimbors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2018, Volkswagen, C‑533/16, EU:C:2018:204, punti 49 u 50).

73      Fir-rigward tal-modalitajiet tar-rimbors tal-VAT, għandu jitfakkar, qabel kollox, li, skont l-Artikolu 8(2)(d) tad-Direttiva 2008/9, għal kull Stat Membru tar-rimbors u għal kull fattura jew dokument ta’ importazzjoni, it-talba għal rimbors tal-VAT tinkludi “id-data u n-numru tal-fattura jew tad-dokument ta’ importazzjoni”. Sussegwentement, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva, it-talba għal rimbors titqies li tressqet biss meta r-rikorrent ikun ipprovda l-informazzjoni kollha rikjesta b’mod partikolari f’dan l-Artikolu 8. Fl-aħħar nett, bis-saħħa tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, l-Istat Membru tar-rimbors jista’ jitlob lir-rikorrent, fis-sens tal-istess direttiva, jannetti b’mod elettroniku kopja tal-fattura jew tad-dokument ta’ importazzjoni mat-talba għal rimbors, meta l-bażi ta’ taxxa li tinsab fuq il-fattura jew fuq id-dokument ta’ importazzjoni tkun ugwali jew ogħla minn ammont ta’ EUR 1 000 jew għall-ekwivalenti tiegħu f’munita nazzjonali.

74      Dawn l-elementi juru wkoll li, sabiex tkun tista’ teżerċita d-dritt għar-rimbors tal-VAT, kif previst fl-Artikoli 170 u 171 tad-Direttiva dwar il-VAT u li l-modalitajiet tagħhom huma rregolati mid-Direttiva 2008/9, huwa neċessarju li l-persuna taxxabbli stabbilita mhux fl-Istat Membru tar-rimbors iżda fi Stat Membru ieħor tkun fil-pussess tal-fattura relatata max-xiri tal-oġġetti jew tas-servizzi kkonċernati.

75      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta diġà, essenzjalment, mill-punti 71 u 72 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 178(a) tad-Direttiva dwar il-VAT jindika li, sabiex twettaq it-tnaqqis imsemmi fl-Artikolu 168(a) tagħha, il-persuna taxxabbli għandha, fir-rigward tal-kunsinni ta’ oġġetti u tal-provvisti ta’ servizzi, tkun fil-pussess ta’ fattura stabbilita konformement mad-dispożizzjonijiet tat-Taqsimiet 3 sa 6 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu XI ta’ din id-direttiva, fejn dan ir-rekwiżit japplika wkoll, bis-saħħa tal-aħħar paragrafu tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/9, għad-dritt għar-rimbors previst fl-Artikolu 170 tad-Direttiva dwar il-VAT. Barra minn hekk, l-Artikoli 218 u 219 ta’ din l-aħħar direttiva jippreċiżaw, rispettivament, li l-Istati Membri jaċċettaw bħala fatturi d-dokumenti jew messaġġi kollha fuq il-karta jew f’format elettroniku li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kapitolu 3 tat-Titolu XI tal-imsemmija direttiva u li kull dokument jew messaġġ li jemenda l-fattura inizjali u li jagħmel riferiment għaliha b’mod speċifiku u mhux ekwivoku jiġi assimilat ma’ fattura.

76      Madankollu, għandu jitfakkar li l-prinċipju fundamentali ta’ newtralità tal-VAT jeżiġi li t-tnaqqis jew ir-rimbors tal-VAT tal-input jingħata jekk ir-rekwiżiti sostantivi jiġu ssodisfatti, anki jekk ċerti rekwiżiti formali jkunu tħallew barra mill-persuni taxxabbli [sentenzi tat‑18 ta’ Novembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Rimbors tal-VAT - Fatturi), C‑371/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:936, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Bundeszentralamt für Steuern, C‑346/19, EU:C:2020:1050, punt 47).

77      Madankollu, dan ma jkunx il-każ jekk il-ksur ta’ tali rekwiżiti formali jkollu l-effett li jipprekludi l-produzzjoni tal-prova ċerta li r-rekwiżiti sostantivi ġew issodisfatti (sentenzi tat‑18 ta’ Novembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Rimbors tal-VAT – Fatturi), C‑371/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:936, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Bundeszentralamt für Steuern, C‑346/19, EU:C:2020:1050, punt 48).

78      Meta l-amministrazzjoni fiskali jkollha għad-dispożizzjoni l-informazzjoni neċessarja sabiex tistabbilixxi li l-persuna taxxabbli hija suġġetta għall-VAT, hija ma tistax timponi kundizzjonijiet addizzjonali li jista’ jkollhom l-effett li jġibu fix-xejn l-eżerċizzju tad-dritt għat-tnaqqis jew għar-rimbors tal-VAT (sentenzi tat-18 ta’ Novembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Rimbors tal-VAT – Fatturi), C‑371/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:936, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Bundeszentralamt für Steuern, C‑346/19, EU:C:2020:1050, punt 53).

79      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2008/9 joffri lill-Istat Membru tar-rimbors, meta dan iqis li ma jkunx fil-pussess tal-informazzjoni li tippermettilu jiddeċiedi dwar it-totalità ta’ tali talba jew dwar parti minnha, il-possibbiltà li jitlob, b’mod partikolari mingħand il-persuna taxxabbli jew mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ stabbiliment, informazzjoni addizzjonali li għandha tiġi pprovduta fi żmien xahar mid-data li fiha d-destinatarju jirċievi t-talba għal informazzjoni.

80      Għandu jitfakkar ukoll li l-ġlieda kontra l-frodi, l-evitar tat-taxxa u l-abbużi eventwali hija ċertament għan rikonoxxut u inkoraġġut mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-VAT. Madankollu, il-miżuri adottati mill-Istati Membri ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu tali għanijiet. Għalhekk, dawn ma jistgħux jintużaw b’mod tali li jqiegħdu inkwistjoni b’mod sistematiku d-dritt għal tnaqqis tal-VAT, u, għaldaqstant, in-newtralità tal-VAT (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2018, Volkswagen, C‑533/16, EU:C:2018:204, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll is-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Rimbors tal-VAT – Fatturi), C‑371/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:936, punt 83).

81      Konsegwentement, huwa biss jekk dokument ikun ivvizzjat b’difetti tali li jċaħħdu lill-amministrazzjoni fiskali nazzjonali mill-informazzjoni neċessarja biex issir talba għal rimbors li jkun possibbli li jitqies li tali dokument ma jikkostitwixxix “fattura”, fis-sens tad-Direttiva dwar il-VAT, b’tali mod li id-dritt għar-rimbors ma setax jiġi eżerċitat meta l-persuna taxxabbli daħlet fil-pussess ta’ dan id-dokument.

82      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 167 sa 171 u 178 tad-Direttiva dwar il-VAT kif ukoll id-Direttiva 2008/9 għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt għar-rimbors tal-VAT imposta fuq kunsinna ta’ oġġetti ma jistax jiġi eżerċitat minn persuna taxxabbli stabbilita mhux fl-Istat Membru ta’ rimbors, iżda fi Stat Membru ieħor, jekk din il-persuna taxxabbli ma tkunx fil-pussess ta’ fattura, fis-sens tad-Direttiva dwar il-VAT, relatata max-xiri tal-oġġetti kkonċernati. Huwa biss jekk dokument ikun ivvizzjat b’difetti tali li jċaħħdu lill-amministrazzjoni fiskali nazzjonali mill-informazzjoni neċessarja biex issir talba għal rimbors li huwa possibbli li jitqies li tali dokument ma jikkostitwixxix “fattura” fis-sens tad-Direttiva dwar il-VAT.

 Fuq it-tieni u r-raba’ domanda

83      Permezz tat-tieni u r-raba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 167 sa 171 u 178 tad-Direttiva dwar il-VAT kif ukoll l-ewwel ipoteżi tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2008/9 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li talba għal rimbors tal-VAT relatata ma’ perijodu ta’ rimbors partikolari tiġi miċħuda minħabba li din il-VAT tkun saret eżiġibbli matul perijodu ta’ rimbors preċedenti, meta din tkun ġiet iffatturata biss matul dan il-perijodu speċifiku.

84      Kif tfakkar diġà fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, mill-Artikolu 63 tad-Direttiva dwar il-VAT jirriżulta li l-fatt ġeneratur tat-taxxa jseħħ u t-taxxa ssir eżiġibbli fil-mument meta ssir il-kunsinna ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 167 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 179 ta’ din id-direttiva, id-dritt għal tnaqqis tal-VAT jiġi eżerċitat, bħala prinċipju, matul l-istess perijodu bħal dak li fih inħoloq, jiġifieri fil-mument meta t-taxxa ssir eżiġibbli (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2018, Volkswagen, C‑533/16, EU:C:2018:204, punt 44).

85      Madankollu, minn naħa, kif jirriżulta mill-punt 82 ta’ din is-sentenza, huwa neċessarju, sabiex il-persuna taxxabbli stabbilita mhux fl-Istat Membru tar-rimbors iżda fi Stat Membru ieħor, tista’ teżerċita d-dritt għar-rimbors tal-VAT imposta fuq kunsinna ta’ oġġetti jew provvista ta’ servizzi, kif previst mill-Artikoli 170 u 171 tad-Direttiva dwar il-VAT kif ukoll mid-Direttiva 2008/9, li din il-persuna taxxabbli tkun fil-pussess ta’ fattura, fis-sens tad-Direttiva dwar il-VAT, relatata max-xiri tal-oġġetti jew tas-servizzi kkonċernati.

86      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/9 jipprevedi, fil-paragrafu 1(a) tiegħu, li t-talba għal rimbors tirrigwarda x-xiri ta’ oġġetti jew ta’ servizzi li ġie ffatturat matul il-perijodu tar-rimbors, bil-kundizzjoni li t-taxxa tkun saret eżiġibbli qabel jew fil-mument tal-fatturazzjoni, jew li fir-rigward tagħhom it-taxxa tkun saret eżiġibbli matul il-perijodu tar-rimbors bil-kundizzjoni li x-xiri jkun ġie ffatturat qabel ma t-taxxa tkun saret eżiġibbli.

87      Minn dawn l-elementi jirriżulta li, fir-rigward tal-persuni taxxabbli stabbiliti mhux fl-Istat Membru tar-rimbors iżda fi Stat Membru ieħor, u bil-kundizzjoni li t-taxxa tkun saret eżiġibbli qabel jew fil-mument tal-fatturazzjoni, hija d-data li fiha l-persuna taxxabbli tkun daħlet fil-pussess ta’ fattura, fis-sens tad-Direttiva dwar il-VAT, relatata max-xiri tal-oġġetti jew tas-servizzi inkwistjoni li tiddetermina x-xiri li jista’ jkun ikkonċernat minn talba għal rimbors. Konsegwentement, talba għal rimbors tal-VAT ma tistax tiġi miċħuda għas-sempliċi raġuni li l-VAT imposta fuq kunsinna ta’ oġġetti jew provvista ta’ servizzi u li r-rimbors tiegħu jkun intalab, ikun sar eżiġibbli matul perijodu tar-rimbors speċifiku, filwaqt li dan ix-xiri ġie ffatturat biss matul perijodu tar-rimbors ulterjuri.

88      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikoli 167 sa 171 u 178 tad-Direttiva dwar il-VAT kif ukoll l-ewwel ipoteżi tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2008/9 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li talba għal rimbors tal-VAT relatata ma’ perijodu tar-rimbors speċifiku tiġi miċħuda għas-sempliċi raġuni li din il-VAT tkun saret eżiġibbli matul perijodu tar-rimbors preċedenti, meta din tkun ġiet iffatturata biss matul dan il-perijodu speċifiku.

 Fuq it-tielet domanda

89      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li t-tielet domanda hija bbażata impliċitament fuq il-premessa li d-dokumenti fil-pussess tal-persuna taxxabbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali matul is-sena 2012 u li fuq il-bażi tagħhom tressqet it-talba għal rimbors li ġiet miċħuda permezz tad-deċiżjoni tal‑14 ta’ Jannar 2014 kienu tabilħaqq jikkostitwixxu fatturi fis-sens tad-Direttiva dwar il-VAT. Fil-fatt, li kieku dan ma kienx il-każ, mir-risposti għall-ewwel, għat-tieni u għar-raba’ domandi, esposti fil-punti 82 u 88 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li din il-persuna taxxabbli ma setgħetx, qabel is-sena 2015, teżerċita d-dritt tagħha għal rimbors peress li kien biss matul dik is-sena li hija daħlet fil-pussess ta’ tali fatturi. Issa, f’tali ċirkustanza, din it-tielet domanda hija nieqsa minn kull utilità għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

90      Sussegwentement, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kanċellazzjoni ta’ fattura minn fornitur tipproduċi, fid-dritt nazzjonali, l-istess effetti bħal annullament tagħha. Madankollu, minn din id-deċiżjoni ma jirriżultax li din il-kanċellazzjoni saret b’mod kunsenswali u lanqas ma jirriżulta li t-tranżazzjonijiet infushom li għalihom jirrelataw il-fatturi maħruġa matul is-sena 2015, imwettqa matul is-sena 2012, ġew annullati u lanqas li konsegwentement kien sar rimbors tal-prezz imħallas.

91      Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni tar-rinviju ma turix li d-deċiżjoni tal‑14 ta’ Jannar 2014 kienet ġiet ikkontestata mill-persuna taxxabbli, ħaġa li Wilo Salmson lanqas ma tallega fl-osservazzjonijiet li hija ssottomettiet lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, wieħed għandu jibda wkoll mill-premessa li, fil-mument li Zollner ipproċediet bil-kanċellazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u bil-ħruġ ta’ fatturi ġodda, din id-deċiżjoni kienet saret definittiva, kif isostni barra minn hekk il-Gvern Rumen fl-osservazzjonijiet li huwa ssottometta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

92      F’dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed għandu jifhem li, permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 167 sa 171 u 178 tad-Direttiva dwar il-VAT kif ukoll id-Direttiva 2008/9 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-annullament unilaterali ta’ fattura minn fornitur, wara l-adozzjoni, mill-Istat Membru tar-rimbors, ta’ deċiżjoni li tiċħad it-talba għal rimbors li kienet ibbażata fuqha, u meta din id-deċiżjoni diġà tkun saret definittiva, segwit bil-ħruġ minn dan il-fornitur, matul perijodu ulterjuri ta’ rimbors, ta’ fattura ġdida relatata mal-istess kunsinni, mingħajr ma dawn jitqiegħdu inkwistjoni, għandu effett fuq l-eżistenza tad-dritt għar-rimbors tal-VAT li diġà jkun ġie eżerċitat u fuq il-perijodu li għalih dan għandu jiġi eżerċitat.

93      Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/9 jipprevedi li t-talba għal rimbors titressaq lill-Istat Membru ta’ stabbiliment “sat-30 ta’ Settembru [sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru] tas-sena kalendarja ta’ wara l-perijodu ta’ rifużjoni [rimbors]”. Dan it-terminu huwa terminu ta’ dekadenza, li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu jagħti lok għad-dekadenza tad-dritt għar-rimbors tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Ġunju 2012, Elsacom, C‑294/11, EU:C:2012:382, punti 26 u 33, kif ukoll tat‑2 ta’ Mejju 2019, Sea Chefs Cruise Services, C‑133/18, EU:C:2019:354, punt 39). Fil-fatt, il-possibbiltà li titressaq talba għal rimbors tal-VAT mingħajr ebda limitazzjoni ratione temporis tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jirrikjedi li s-sitwazzjoni fiskali tal-persuna taxxabbli, fid-dawl tad-drittijiet u obbligi tagħha fil-konfront tal-amministrazzjoni fiskali, ma tkunx f’qagħda li titqiegħed inkwistjoni indefinittivament (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2012, Elsacom, C‑294/11, EU:C:2012:382, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/9, meta t-talba għal rimbors tiġi kompletament jew parzjalment miċħuda, ir-raġunijiet għaċ-ċaħda għandhom jiġu nnotifikati lir-rikorrent, fis-sens ta’ din id-direttiva, mill-Istat Membru tar-rimbors flimkien mad-deċiżjoni ta’ ċaħda u, konformement mal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, appelli minn deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ talba għal rimbors jistgħu jiġu ppreżentati mir-rikorrent quddiem l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tar-rimbors, fil-forma u fit-termini previsti għall-ilmenti dwar ir-rimbors mitluba minn persuni stabbiliti f’dan l-Istat Membru.

95      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-iffissar ta’ termini raġonevoli għall-preżentata ta’ rikors taħt piena ta’ dekadenza fl-interess taċ-ċertezza legali li tipproteġi kemm lill-persuna taxxabbli kif ukoll lill-amministrazzjoni kkonċernati. Fil-fatt, tali termini ma humiex ta’ natura li jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, anki jekk, bħala regola, id-dekorriment ta’ dawn it-termini neċessarjament jagħti lok għaċ-ċaħda, totali jew parzjali, tal-azzjoni mressqa (sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2017, Compass Contract Services, C‑38/16, EU:C:2017:454, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑2 ta’ Lulju 2020, Terracult, C‑835/18, EU:C:2020:520, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      Issa, kif irrilevat ukoll l-Avukata Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 100 u 101 tal-konklużjonijiet tagħha, l-ammissjoni li, f’ċirkustanzi bħal dawk deskritti fil-punt 92 ta’ din is-sentenza, l-annullament unilaterali ta’ fattura minn fornitur, wara li deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ewwel talba għal rimbors ibbażata fuqha tkun saret definittiva, segwita mis-sostituzzjoni tagħha bil-ħruġ ta’ fattura ġdida relatata mal-istess xiri, tippermetti lill-persuna taxxabbli, fuq il-bażi ta’ din tal-aħħar, terġa’ tressaq talba għal rimbors tal-VAT relatata mal-istess xiri b’rabta ma’ perijodu ulterjuri tar-rimbors, ikollha bħala effett li jiġi permess evitar kemm tat-terminu ta’ dekadenza previst fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/9 biex titressaq talba għal rimbors kif ukoll tat-terminu ta’ rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda, previst mill-Istat Membru kkonċernat bis-saħħa tal-Artikolu 23(2) ta’ din id-direttiva, liema fatt ineħħi kull effett utli minn dawn id-deċiżjonijiet u jippreġudika ċ-ċertezza legali.

97      Barra minn hekk, ċertament, minn naħa, id-Direttiva dwar il-VAT tipprevedi l-possibbiltà li jiġi rregolarizzat it-tnaqqis imwettaq inizjalment meta dawn ikunu ogħla jew inqas minn dawk li l-persuna taxxabbli kellha dritt twettaq, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 5 tat-Titolu X tagħha. Għalhekk, l-Artikolu 185 ta’ din id-direttiva jirrigwarda b’mod partikolari l-każijiet ta’ xiri annullati, fejn id-determinazzjoni tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu taqa’ taħt l-Istati Membri, konformement mal-Artikolu 186 tal-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-Artikolu 219 tagħha, l-istess direttiva tipprevedi l-possibbiltà li tiġi rrettifikata fattura, b’mod partikolari meta din tkun żbaljata jew meta ċerti indikazzjonijiet obbligatorji jkunu tħallew barra minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Senatex, C‑518/14, EU:C:2016:691, punti 32 u 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/9 jippermetti li tiġi korretta talba għal rimbors meta, wara l-introduzzjoni tagħha, il-proporzjon suġġett għal tnaqqis jiġi kkoreġut bis-saħħa tal-Artikolu 175 tad-Direttiva dwar il-VAT.

98      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li ċirkustanzi bħal dawk deskritti fil-punt 92 ta’ din is-sentenza b’ebda mod ma juru li hemm inkwistjoni regolarizzazzjoni tad-dritt għar-rimbors li b’konsegwenza tagħha tressqet talba ġdida għal rimbors, u lanqas rettifika tal-fatturi maħruġa matul perijodu tar-rimbors preċedenti, fejn barra minn hekk ebda indikazzjoni f’dan is-sens ma hija, hawnhekk, ipprovduta mill-qorti tar-rinviju u mit-tielet domanda magħmula li tistrieħ, għall-kuntrarju, u kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 89 ta’ din is-sentenza, fuq il-premessa li d-dritt għar-rimbors seta’ jiġi eżerċitat utilment fuq il-bażi tal-fatturi inizjali.

99      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-regolarizzazzjoni tat-tnaqqis jew l-eventwali effett retroattiv ta’ fatturi rettifikattivi ma tistax tikkonfuta l-konstatazzjoni magħmula fil-punt 96 ta’ din is-sentenza.

100    Konsegwentement, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikoli 167 sa 171 u 178 tad-Direttiva dwar il-VAT kif ukoll id-Direttiva 2008/9, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-annullament unilaterali ta’ fattura minn fornitur, wara l-adozzjoni, mill-Istat Membru tar-rimbors, ta’ deċiżjoni li tiċħad it-talba għal rimbors tal-VAT li kienet ibbażata fuqha, u meta din id-deċiżjoni diġà tkun saret definittiva, segwit bil-ħruġ minn dan il-fornitur, matul perijodu ulterjuri tar-rimbors, ta’ fattura ġdida relatata mal-istess kunsinni, mingħajr ma dawn jitqiegħdu inkwistjoni, ma għandu ebda effett fuq l-eżistenza tad-dritt għar-rimbors tal-VAT li diġà ġie eżerċitat u lanqas fuq il-perijodu li għalih dan għandu jiġi eżerċitat.

 Fuq l-ispejjeż

101    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 167 sa 171 u 178 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/45/UE tat13 ta’ Lulju 2010, kif ukoll bid-Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE tat12 ta’ Frar 2008 li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista fid-Direttiva 2006/112/EC, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor, għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt għar-rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imposta fuq kunsinna ta’ oġġetti ma jistax jiġi eżerċitat minn persuna taxxabbli stabbilita mhux fl-Istat Membru ta’ rimbors, iżda fi Stat Membru ieħor, jekk din il-persuna taxxabbli ma tkunx fil-pussess ta’ fattura, fis-sens tad-Direttiva 2006/112, kif emendata bid-Direttiva 2010/45, relatata max-xiri tal-oġġetti kkonċernati. Huwa biss jekk dokument ikun ivvizzjat b’difetti tali li jċaħħdu lill-amministrazzjoni fiskali nazzjonali mill-informazzjoni neċessarja biex issir talba għal rimbors li huwa possibbli li jitqies li tali dokument ma jikkostitwixxix “fattura” fis-sens tad-Direttiva 2006/112, kif emendata bid-Direttiva 2010/45.

2)      L-Artikoli 167 sa 171 u 178 tad-Direttiva 2006/112, kif emendata bid-Direttiva 2010/45, kif ukoll l-ewwel ipoteżi tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2008/9, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li talba għal rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) relatata ma’ perijodu tar-rimbors speċifiku tiġi miċħuda għas-sempliċi raġuni li din il-VAT tkun saret eżiġibbli matul perijodu tar-rimbors preċedenti, meta din tkun ġiet iffatturata biss matul dan il-perijodu speċifiku.

3)      L-Artikoli 167 sa 171 u 178 tad-Direttiva 2006/112, kif emendata bid-Direttiva 2010/45, kif ukoll id-Direttiva 2008/9, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-annullament unilaterali ta’ fattura minn fornitur, wara l-adozzjoni, mill-Istat Membru tar-rimbors, ta’ deċiżjoni li tiċħad it-talba għal rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li kienet ibbażata fuqha, u meta din id-deċiżjoni diġà tkun saret definittiva, segwit bil-ħruġ minn dan il-fornitur, matul perijodu ulterjuri tar-rimbors, ta’ fattura ġdida relatata mal-istess kunsinni, mingħajr ma dawn jitqiegħdu inkwistjoni, ma għandu ebda effett fuq l-eżistenza tad-dritt għar-rimbors tal-VAT li diġà ġie eżerċitat u lanqas fuq il-perijodu li għalih dan għandu jiġi eżerċitat.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.