Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta' Ottubru 2009 - Almamet vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-410/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Almamet GmbH Handel mit Spänen und Pulvern aus Metall (Ainring, il-Ġermanja) (rappreżentanti: S. Hautbourg u C. Renner, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Lulju 2009 (Każ COMP/39.396) sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti;

sussidjarjament, tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 5791 finali, tat-22 ta' Lulju 2009, dwar proċedimenti skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.396 - reaġenti abbażi ta' karbur tal-kalċju u ta' manjesju għall-industrija tal-azzar) li permezz tagħha l-Kummissjoni kkunsidrat, fir-rigward ta' akkordju fis-suq tat-trab u tal-granuli tal-karbur tal-kalċju, kif ukoll fuq is-suq tal-granuli tal-manjesju f'parti importanti taż-ŻEE, dwar l-iffissar ta' prezz, it-tqassim tas-swieq u l-iskambju ta' informazzjoni, kif ukoll, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

Ir-rikorrenti tressaq tliet motivi insostenn tat-talba għal annullament tagħha:

Bl-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha billi użat dokumenti kontriha li kienu ġew issekwestrati anki jekk ma kinux jaqgħu taħt id-deċiżjoni ta' spezzjoni tal-Kummissjoni.

Bit-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi skont l-istandard legali ta' prova meħtieġ prova tal-eżistenza tal-ksur misjub fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontesta safejn huwa kkonċernat il-manjeżju. Ir-rikorrenti tikkunsidra li anki jekk id-dokumenti li kienu ġew issekwestrati illegalment iddaħħlu fil-fajl tal-Kummissjoni, dawn huma impreċiżi u mingħajr koerenza. Skont is-sottomissjonijiet tar-rikorrenti, il-bqija tal-provi jikkonsisti f'dikjarazzjoni ta' immunità orali li mhux biss hija impreċiża imma wkoll rappreżentazzjoni żbaljata ta' ċerti fatti u għalhekk hija kkontestata minn partijiet oħrajn. Abbażi ta' dan, ir-rikorrenti tqis li l-oneru tal-prova fir-rigward tal-allegat ksur jibqa' fuq il-Kummissjoni.

Bit-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta' evalwazzjoni fir-rigward tan-natura unika u kontinwa tal-ksur. B'mod partikolari, ma hemmx sostitwibbiltà vera bejn il-granuli tal-karbur tal-kalċju u tal-manjeżju. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li ma kienx hemm pjan ġenerali għaż-żewġ prodotti ippruvat bl-eżistenza ta' laqgħat distinti għal kull prodott.

Sussidjarjament, ir-rikorrenti tressaq erba' motivi oħra insostenn tat-talba tagħha għal tnaqqis tal-multa imposta bl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata.

Bir-raba' motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-punti 23 u 26 tal-Avviż dwar l-immunità1 billi ċaħdet tnaqqis lir-rikorrenti taħt l-imsemmi avviż. Ir-rikorrenti tqis li l-elementi li jinsabu fit-talba tagħha għal immunità jirrappreżentaw informazzjoni ta' valur miżjud kunsiderevoli. B'mod partikolari, ir-rikkorrenti tqis li l-Kummissjoni ma setgħetx tirrifjuta tnaqqis tal-multa minħabba l-fatt biss li t-talba tagħha ma kienx fiha informazzjoni dwar l-allegat ksur tal-manjeżju peress li dan il-ksur mhuwiex parti mill-proċedura.

Bil-ħames motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/20032 kif ukoll l-Artikolu 32 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi3 billi stabbiliet l-ammont finali tal-multa għal livell li jaqbeż l-10 % tal-aħħar dħul mill-bejgħ ivverifikat tagħha. Ir-rikorrenti tikkonstata li l-Kummissjoni bbażat lilha nnifisha fuq il-figuri tad-dħul mill-bejgħ pro forma għall-2008 għall-iskop tal-kalkolu tal-ammont tal-multa minflok l-aħħar qligħ mill-bejgħ ivverifikat tal-2007. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kellha tapplika t-tnaqqis ta' 20 % skont il-punt 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi wara l-kalkolu ta' 10 % ta' massimu legali.

Bis-sitt motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità billi stabbbiliet ammont eċċessiv għall-multa sa fejn jikkonċerna lilha. Ir-rikorrenti ssostni li l-impożizzjoni ta' multa f'ammont li jirriżulta f'valur kontabbli negattiv jew tnaqqas il-valur kontabbli ta' kumpannija għal żero hija manifestament sproporzjonata. Barra minn hekk, il-multa imposta teċċedi l-kapaċità finanzjarja ta' operatur bħar-rikorrenti li topera bi prodotti ta' valur għoli ħafna u marġini ta' profitt żgħir ħafna. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tqis li t-tnaqqis ta' 20 % applikat mill-Kummissjoni ma jieħux inkunsiderazzjoni biżżejjed is-sitwazzjoni speċifika tar-rikorrent li kienet espliċitament irrikonoxxuta mill-Kummissjoni, billi xorta tħalli l-multa f'livell sproprozjonat.

Bis-seba' motiv tagħha, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni meta kkunsidrat li hija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-punt 35 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi. Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kummissjoni stabbiliet l-ammont tal-multa għal livell li jipperikola mingħajr rimedju l-vijabbiltà ekonomika tagħha u twassal sabiex l-assi kollha tagħha jitilfu l-valur tagħhom. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta' evalwazzjoni billi kkunsidrat li ma kienx hemm kuntest soċjali u ekonomiku li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-każ tar-rikorrenti.

____________

1 - Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f'multi f'każijiet ta' kartell (ĠU, Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 08, Volum 02, p. 155).

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap. 8, Vol. 2, p. 205)

3 - Linji Gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2).