Language of document :

Kawża T-655/19

Ferriera Valsabbia SpA
u
Valsabbia Investimenti SpA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) tad-9 ta’ Novembru 2022

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 65 KEFA, wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 – Iffissar tal-prezzijiet – Limitazzjoni u kontroll tal-produzzjoni u tal-bejgħ – Deċiżjoni meħuda wara l-annullament ta’ deċiżjonijiet preċedenti – Żamma ta’ seduta ġdida fil-preżenza tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri – Drittijiet tad-difiża – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Terminu raġonevoli – Obbligu ta’ motivazzjoni”

1.      Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni – Portata – Teħid inkunsiderazzjoni kemm tal-motivazzjoni kif ukoll tad-dispożittiv tas-sentenza – Adozzjoni ta’ att ġdid fuq il-bażi tal-atti preparatorji preċedenti – Ammissibbiltà

(Artikolu 266(1) TFUE)

(ara l-punti 45 sa 49, 103 u 104)

2.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Kumitat konsultattiv fil-qasam tal-prattiċi restrittivi u pożizzjonijiet dominanti – Obbligu ta’ konsultazzjoni – Formalità essenzjali – Portata

(Artikoli 101 u 102 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 14)

(ara l-punti 52 sa 54)

3.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Kumitat konsultattiv fil-qasam tal-prattiċi restrittivi u pożizzjonijiet dominanti – Obbligu ta’ konsultazzjoni – Annullament tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur – Ftuħ mill-ġdid tal-proċedura fl-istadju tal-irregolarità kkonstatata – Konsultazzjoni ġdida mal-kumitat konsultattiv – Imparzjalità tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni li jifformaw parti mill-kumitat konsultattiv

(Artikoli 101 u 102 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(1); Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 14)

(ara l-punti 56 sa 59, u 61 sa 64)

4.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Smigħ tal-impriżi – Dritt għal smigħ kollettiv tal-impriżi li rċevew dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet – Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27; Regolament tal-Kummissjoni Nru 773/2004, Artikolu 14(6))

(ara l-punti 67 sa 70)

5.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Smigħ tal-impriżi – Annullament tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur – Ftuħ mill-ġdid tal-proċedura fl-istadju tal-irregolarità kkonstatata – Seduta ġdida għas-smigħ tal-impriżi – Obbligu li jiġu mistiedna entitajiet oħra li ma jkunux urew l-interess tagħhom li jipparteċipaw f’din is-seduta ta’ smigħ ġdida – Assenza – Obbligu li d-deċiżjoni li tiġi organizzata seduta ta’ smigħ ġdida tiġi ppubblikata – Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(1); Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27; Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 773/2004, Artikolu 12 u Artikolu 13(1), (2) u (3))

(ara l-punti 75 sa 102, 105 sa 121, u 133 sa 139)

6.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Obbligi tal-Kummissjoni – Osservanza ta’ żmien raġonevoli – Annullament tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur – Ftuħ mill-ġdid tal-proċedura fl-istadju tal-irregolarità kkonstatata – Ftuħ mill-ġdid ippreċedut mill-analiżi tal-kompatibbiltà tiegħu mal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli – Ksur ta’ żmien raġonevoli – Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41)

(ara l-punti 143 sa 145, 149 sa 173, 176 u 177)

7.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Obbligi tal-Kummissjoni – Osservanza ta’ żmien raġonevoli – Ksur – Konsegwenzi – Annullament tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur minħabba tul eċċessiv tal-proċedura – Kundizzjoni – Ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati

(Artikoli 101 u 102 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(1))

(ara l-punti 180, 181, 185 sa 201, 204 sa 213, u 216 sa 221)

8.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni li jiġu applikati r-regoli tal-kompetizzjoni – Deċiżjoni li tikkonstata ksur adottata wara annullament ta’ deċiżjoni preċedenti li kellha l-istess suġġett – Deċiżjoni li turi r-raġunament segwit sabiex tiġi ġġustifikata l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida

(Artikoli 101 u 102 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(1); Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

(ara l-punti 225 sa 233, 233 sa 237, u 239 sa 243)

9.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti formali – Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati – Motivi ta’ dritt li ma ġewx ippreżentati fir-rikors – Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 76(d) u (e))

(ara l-punti 269 sa 271)


Sunt

Il-Qorti Ġenerali tikkonferma s-sanzjonijiet ta’ bejn EUR 2.2 miljuni u EUR 5.1 miljuni imposti mill-Kummissjoni fuq erba’ impriżi minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom f’akkordju fis-suq Taljan tal-vireg li jirrinfurzaw il-konkrit

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Diċembru 2002, il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat li tmien impriżi u assoċjazzjoni ta’ impriżi kienu kisru l-Artikolu 65(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (iktar ’il quddiem it-“Trattat KEFA”), billi pparteċipaw, bejn Diċembru 1989 u Lulju 2000, f’akkordju fis-suq Taljan tal-vireg li jirrinfurzaw il-konkrit li kellu bħala għan jew bħala effett l-iffissar tal-prezzijiet u l-limitazzjoni u l-kontroll tal-produzzjoni (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni”) (1).

Il-Qorti Ġenerali annullat din id-deċiżjoni għar-raġuni li l-bażi legali tagħha, jiġifieri l-Artikolu 65(4) u (5) FA, ma kinitx għadha fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tagħha peress li t-Trattat KEFA kien skada fit‑23 ta’ Lulju 2002 (2). Għaldaqstant, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ġdida, fit‑30 ta’ Settembru u fit‑8 ta’ Diċembru 2009, li tikkonstata l-istess ksur iżda abbażi tat-Trattat KE u tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (3) (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni”) (4).

Din it-tieni deċiżjoni, ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali permezz ta’ sentenzi tad‑9 ta’ Diċembru 2014 (iktar ’il quddiem is-“sentenzi tad‑9 ta’ Diċembru 2014”) (5), ġiet annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Skont din tal-aħħar, il-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata torganizza seduta ta’ smigħ ġdida fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni (6), peress li l-ommissjoni ta’ tali seduta tikkostitwixxi ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-ewwel seduta ta’ smigħ organizzata fl-okkażjoni tal-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni ma kinitx konformi mar-rekwiżiti proċedurali marbuta mal-adozzjoni ta’ deċiżjoni abbażi tar-Regolament Nru 1/2003, sa fejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri ma kinux ipparteċipaw fiha. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat kompletament is-sentenzi tad‑9 ta’ Diċembru 2014.

Filwaqt li kompliet il-proċedura mill-punt li fih l-illegalità kienet ġiet ikkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni organizzat seduta ta’ smigħ ġdida u kkonstatat mill-ġdid, permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Lulju 2019 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) (7), il-ksur li kien is-suġġett tat-tieni deċiżjoni. Madankollu, minħabba t-tul tal-proċedura, ingħata tnaqqis ta’ 50 % tal-multi kollha imposti fuq l-impriżi destinatarji.

Erbgħa mit-tmien impriżi kkonċernati, jiġifieri Ferriera Valsabbia SpA u Valsabbia Investimenti SpA, Alfa Acciai SpA, Feralpi Holdings SpA u Ferriere Nord SpA (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”), ippreżentaw rikorsi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, li kienet timponilhom multi ta’ bejn EUR 2.2 miljuni u EUR 5.1 miljuni (8). Dawn ir-rikorsi huma miċħuda kollha mir-Raba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali li, f’dan il-kuntest, tiċċara l-kundizzjonijiet li fihom il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni ta’ sanzjoni kważi tletin sena wara li bdew il-fatti li jikkostitwixxu l-ksur mingħajr ma tippreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet ikkonċernati jew il-prinċipju ta’ żmien raġonevoli. Il-Qorti Ġenerali tagħti deċiżjoni wkoll dwar il-legalità tar-regoli dwar l-interruzzjoni u s-sospensjoni tal-preskrizzjoni fil-qasam tal-impożizzjoni tal-multi kif ukoll dwar il-kundizzjonijiet għat-teħid inkunsiderazzjoni tar-reċidiva fil-kalkolu tal-multi.

Ilkunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fil-Kawżi T‑655/19, T‑656/19, T‑657/19 u T‑667/19, il-Qorti Ġenerali tiċħad il-motiv ibbażat fuq irregolaritajiet fl-organizzazzjoni tas-seduta ta’ smigħ ġdida mill-Kummissjoni.

Filwaqt li tfakkar li l-annullament ta’ att li jtemm proċedura amministrattiva ma jaffettwax l-istadji kollha li jkunu ppreċedew l-adozzjoni tiegħu, iżda biss dawk li huma kkonċernati mir-raġunijiet li ġġustifikaw l-annullament, il-Qorti Ġenerali tikkonferma, f’dan il-każ, li kien possibbli għall-Kummissjoni li tkompli l-proċedura mill-istadju tas-seduta ta’ smigħ.

F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali tiċħad, fl-ewwel lok, l-argument tar-rikorrenti li l-imparzjalità tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri li jpoġġu fil-kumitat konsultattiv ma kinitx iggarantita waqt is-seduta ta’ smigħ ġdida sa fejn dawn ir-rappreżentanti kienu jafu bl-ewwel u bit-tieni deċiżjonijiet tal-Kummissjoni kif ukoll bil-pożizzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi tad‑9 ta’ Diċembru 2014.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, meta jiġi annullat, att jisparixxi mill-ordinament ġuridiku u jitqies li qatt ma eżista. Bl-istess mod, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali jisparixxu b’mod retroattiv mill-ordinament ġuridiku meta jiġu annullati fuq appell. Għaldaqstant, kemm id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni kif ukoll is-sentenzi tad‑9 ta’ Diċembru 2014 kienu sparixxew, b’effett retroattiv, mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-mument meta l-kumitat konsultattiv ta l-opinjoni tiegħu. Barra minn hekk, peress li l-għarfien tas-soluzzjoni ġurisprudenzjali adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha ta’ annullament huwa inerenti għall-obbligu li jinstiltu l-konsegwenzi ta’ din is-sentenza, minn dan ma jistax jiġi dedott nuqqas ta’ imparzjalità tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni kkonċernati.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-ilment li, billi naqset milli tistieden għas-seduta ta’ smigħ diversi entitajiet li kellhom rwol importanti fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-fajl, il-Kummissjoni kienet affettwat id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-assenza tal-entitajiet li kienu rrinunzjaw fi stadju preċedenti tal-proċedura li jikkontestaw l-ewwel jew it-tieni deċiżjoni indirizzata lilhom (9), il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li, peress li l-imsemmija deċiżjoni kienet saret definittiva fir-rigward tagħhom, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta eskludiet lil dawn l-entitajiet mis-seduta ta’ smigħ ġdida. Fir-rigward tal-assenza ta’ entità terza li d-dritt tagħha li tipparteċipa fil-proċedura amministrattiva kien irrikonoxxut fl‑2002, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni kkonstatat korrettament li, peress li din l-entità kienet ipparteċipat fl-ewwel seduta ta’ smigħ iżda ma kinitx ippreżentat ruħha għat-tieni waħda organizzata fl-okkażjoni tal-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni, hija kienet tilfet l-interess tagħha li tintervjeni mill-ġdid.

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-argument li l-bidliet li seħħew, minħabba ż-żmien li għadda, fl-identità tal-atturi u fl-istruttura tas-suq kienu jipprekludu l-organizzazzjoni ta’ seduta ta’ smigħ ġdida f’kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk li kienu jeżistu fl‑2002. Skont il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kienet wettqet evalwazzjoni korretta meta kkonkludiet, fid-dawl taċ-ċirkustanzi eżistenti fil-mument tat-tkomplija tal-proċedura, li t-tkomplija ta’ din tal-aħħar kienet għadha tikkostitwixxi soluzzjoni xierqa.

Il-motivi li jinvokaw ksur tal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli huma, min-naħa tagħhom, miċħuda. Minn naħa, ir-rikorrenti kkritikaw lill-Kummissjoni talli ma eżaminatx jekk l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kinitx għadha kompatibbli mal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli. Min-naħa l-oħra, huma kkontestaw it-tul tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tagħha.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni kienet analizzat it-tul tal-proċedura amministrattiva qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-kawżi li setgħu jispjegaw it-tul tal-proċedura u l-konsegwenzi li jistgħu jinstiltu minn dan. Għalhekk, hija kienet osservat l-obbligu tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ żmien raġonevoli fl-evalwazzjoni tagħha tal-opportunità li tibda proċeduri u li tadotta deċiżjoni skont ir-regoli tal-kompetizzjoni.

Fir-rigward tat-tul tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali tirrileva, fit-tieni lok, li l-qbiż ta’ żmien raġonevoli jista’ jwassal għall-annullament ta’ deċiżjoni biss jekk tkun issodisfatta l-kundizzjoni doppja li t-tul tal-proċedura ma kienx raġonevoli u li dan il-qbiż ta’ żmien raġonevoli ostakola l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża.

Issa, fid-dawl tal-importanza tat-tilwima għall-partijiet ikkonċernati, tal-kumplessità tal-kawża, tal-aġir tar-rikorrenti u ta’ dak tal-awtoritajiet kompetenti, it-tul tal-fażijiet amministrattivi tal-proċedura ma kienx irraġonevoli f’dan il-każ. Barra minn hekk, it-tul globali tal-proċedura kien parzjalment imputabbli għall-interruzzjonijiet dovuti għall-istħarriġ ġudizzjarju marbuta man-numru ta’ rikorsi ppreżentati quddiem il-qorti tal-Unjoni dwar id-diversi aspetti tal-kawża. Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti kellhom, minn tal-inqas seba’ darbiet, l-opportunità li jesprimu l-perspettiva tagħhom u li jressqu l-argumenti tagħhom matul il-proċedura kollha, id-drittijiet tad-difiża tagħhom ma kinux ġew ostakolati.

Skont il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kienet issodisfat ukoll l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tat-tul tal-proċedura. Hija kienet preċiżament iġġustifikat l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida li tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur u li timponi multa fuq l-impriżi kkonċernati sabiex tissodisfa l-għan li ma tħallix impuniti lil dawn tal-aħħar u li tiskoraġġixxihom milli jwettqu ksur simili fil-futur.

Fil-Kawżi T‑657/19 u T‑667/19, il-Qorti Ġenerali tiċħad ukoll il-motivi bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem kif ukoll dawk li jikkontestaw il-legalità tas-sistema ta’ interruzzjoni u ta’ sospensjoni tal-preskrizzjoni stabbilita fl-Artikolu 25(3) sa (6) tar-Regolament Nru 1/2003.

Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprekludi li impriża terġa’ tiġi kkundannata jew suġġetta għal proċedura ġdida minħabba aġir antikompetittiv li fir-rigward tiegħu ġiet issanzjonata jew li fir-rigward tiegħu ġiet iddikjarata li ma hijiex responsabbli b’deċiżjoni preċedenti li ma tistax tkun is-suġġett ta’ rikors. Għall-kuntrarju, meta l-ewwel deċiżjoni tkun ġiet annullata għal raġunijiet formali mingħajr ma tkun ingħatat deċiżjoni fil-mertu fuq il-fatti kkritikati, dan il-prinċipju ma jipprekludix it-tkomplija tal-proċeduri li jkollhom bħala suġġett l-istess aġir antikompetittiv peress li s-sanzjonijiet imposti mid-deċiżjoni l-ġdida ma jiżdidux ma’ dawk stabbiliti bid-deċiżjoni annullata, iżda jissostitwixxuhom.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tinnota li kemm l-ewwel kif ukoll it-tieni deċiżjoni kienu ġew annullati mingħajr l-adozzjoni ta’ pożizzjoni definittiva fuq il-mertu. Barra minn hekk, anki jekk, fis-sentenzi tagħha tad‑9 ta’ Diċembru 2014, il-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet fuq il-motivi fuq il-mertu mqajma mir-rikorrenti, dawn is-sentenzi kienu ġew annullati kompletament mill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, is-sanzjonijiet imposti mid-deċiżjoni kkontestata kienu ssostitwixxew dawk imposti permezz tat-tieni deċiżjoni li, min-naħa tagħhom, kienu ssostitwixxew is-sanzjonijiet imposti bl-ewwel deċiżjoni. Minn dan il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kinitx kisret il-prinċipju ta’ ne bis in idem.

Billi qajmu eċċezzjoni ta’ illegalità tas-sistema ta’ interruzzjoni u ta’ sospensjoni tal-preskrizzjoni applikabbli, ir-rikorrenti kkontestaw, barra minn hekk, l-assenza ta’ terminu massimu assolut, iddeterminat mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li lil hinn minnu kull proċedura mill-Kummissjoni tkun eskluża, minkejja l-eventwali sospensjonijiet jew interruzzjonijiet tat-terminu ta’ preskrizzjoni inizjali.

Skont l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità huwa sospiż matul il-proċeduri ta’ rikors ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, f’liema każ dan it-terminu jiġi estiż bil-perijodu li matulu kien sospiż. Skont il-Qorti Ġenerali, din is-sistema tirriżulta minn konċiljazzjoni mwettqa mil-leġiżlatur tal-Unjoni bejn żewġ għanijiet distinti, jiġifieri, in-neċessità li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u r-rekwiżit li jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt billi jiġi investigat, stabbilit u ssanzjonat il-ksur tad-dritt tal-Unjoni. Issa, meta wettaq dan l-ibbilanċjar, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma qabiżx il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu jiġi rrikonoxxut lilu f’dan il-kuntest.

Skont il-Qorti Ġenerali, għalkemm it-terminu ta’ preskrizzjoni huwa sospiż fil-każ ta’ rikors ippreżentat quddiem il-qorti tal-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt li din il-possibbiltà teħtieġ, fid-dawl tal-implimentazzjoni tagħha, pass li għandu jiġi żgurat mill-impriżi stess. Għaldaqstant, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jiġi kkritikat talli, wara l-preżentata ta’ diversi rikorsi mill-impriżi kkonċernati, id-deċiżjoni li tingħata fi tmiem il-proċedura tiġi adottata wara ċertu żmien. Barra minn hekk, l-individwi li jilmentaw dwar proċedura li t-tul tagħha ma jkunx raġonevoli jistgħu jikkontestaw dan it-tul billi jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni adottata fi tmiem din il-proċedura bil-kundizzjoni li l-qbiż ta’ żmien raġonevoli jkun ostakola l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża. Meta dan il-qbiż ma jwassalx għal ksur ta’ tali drittijiet, l-individwi jkunu jistgħu jippreżentaw rikors għad-danni quddiem il-qorti tal-Unjoni.

Fil-kuntest tal-Kawżi T‑657/19 u T‑667/19, il-Qorti Ġenerali, b’eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tqis li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti, it-tnaqqis tal-effett dissważiv tagħhom minħabba l-perijodu ta’ kważi għoxrin sena li għadda bejn it-tmiem tal-ksur u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u b’hekk tikkonferma, b’sostituzzjoni tal-motivi, in-neċessità li tiġi imposta multa kontra l-imsemmija rikorrenti. Hija tikkunsidra f’dan ir-rigward li t-tnaqqis ta’ 50 % tal-imsemmi ammont, kif mogħti mill-Kummissjoni, kien xieraq għal dan il-għan.

Fl-aħħar nett, fil-Kawża T‑667/19, il-Qorti Ġenerali tiċħad il-motiv ta’ Ferriere Nord SpA bbażat fuq l-illegalità taż-żieda tal-ammont tal-multa imposta minħabba r-reċidiva.

Fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ta’ Ferriere Nord SpA, il-Qorti Ġenerali tosserva li, meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li timputa lil persuna ġuridika ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u tipprevedi, f’dan il-kuntest, li tikkunsidra kontra tagħha r-reċidiva bħala ċirkustanza aggravanti, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata lil din il-persuna għandha tinkludi l-elementi kollha li jippermettulha tiżgura d-difiża tagħha, b’mod partikolari dawk li jistgħu jiġġustifikaw li l-kundizzjonijiet tar-reċidiva huma ssodisfatti.

Issa, fid-dawl ta’ eżami dwar iċ-ċirkustanzi kollha tal-proċess, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, minħabba r-reċidiva, id-deċiżjoni ta’ sanzjoni preċedentement indirizzata lil Ferriere Nord SpA kienet suffiċjentement prevedibbli. Barra minn hekk, din tal-aħħar kellha l-okkażjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq dan il-punt matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

Fir-rigward tal-ilmenti bbażati fuq iż-żmien li għadda bejn iż-żewġ ksur meħuda inkunsiderazzjoni minħabba r-reċidiva, il-Qorti Ġenerali tippreċiża li anki jekk ebda terminu ta’ preskrizzjoni ma jipprekludi l-konstatazzjoni ta’ stat ta’ reċidiva, xorta jibqa’ l-fatt li, sabiex tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Kummissjoni ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni deċiżjonijiet preċedenti li jissanzjonaw impriża mingħajr limitazzjoni ratione temporis. B’dan premess, fid-dawl taż-żmien qasir li għadda bejn iż-żewġ ksur inkwistjoni, jiġifieri tliet snin u tmien xhur, il-Kummissjoni kienet qieset ġustament li żieda fl-ammont bażiku tal-multa minħabba r-reċidiva hija ġġustifikata fid-dawl tat-tendenza ta’ Ferriere Nord SpA li tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, u dan minkejja l-fatt li l-investigazzjoni damet ċertu żmien.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorsi tar-rikorrenti huma miċħuda fl-intier tagħhom.


1      Deċiżjoni C(2002) 5087 final tas 17 ta’ Diċembru 2002 dwar proċediment skont l-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA (COMP/37.956 – Vireg li jirrinfurzaw il-konkrit).


2      Sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2007, SP et vs Il-Kummissjoni (T‑27/03, T‑46/03, T‑58/03, T‑79/03, T‑80/03, T‑97/03 u T‑98/03, EU:T:2007:317); tal‑25 ta’ Ottubru 2007, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni (T‑94/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:320); tal‑25 ta’ Ottubru 2007, Feralpi Siderurgica vs Il-Kummissjoni (T‑77/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:319); u tal‑25 ta’ Ottubru 2007, Riva Acciaio vs Il‑Kummissjoni (T‑45/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:318).


3      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas 16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


4      Deċiżjoni C(2009) 7492 final tat‑30 ta’ Settembru 2009 dwar proċediment skont l-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA (Każ COMP/37.956 – Vireg għar-rinfurzar tal-konkrit, adozzjoni mill-ġdid), kif emendata b’deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑8 ta’ Diċembru 2009.


5      Sentenzi tad‑9 ta’ Diċembru 2014, Ferriera Valsabbia u Valsabbia Investimenti vs Il‑Kummissjoni (T‑92/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1032); tad‑9 ta’ Diċembru 2014, Alfa Acciai vs Il‑Kummissjoni (T‑85/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1037); tad‑9 ta’ Diċembru 2014, Feralpi vs Il‑Kummissjoni (T‑70/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1031); tad‑9 ta’ Diċembru 2014, Ferriere Nord vs Il‑Kummissjoni (T‑90/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1035); tad‑9 ta’ Diċembru 2014, Riva Fire vs Il‑Kummissjoni (T‑83/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1034); tad‑9 ta’ Diċembru 2014, Lucchini vs Il‑Kummissjoni (T‑91/10, EU:T:2014:1033); tad‑9 ta’ Diċembru 2014, SP vs Il‑Kummissjoni (T‑472/09 u T‑55/10, EU:T:2014:1040); tad‑9 ta’ Diċembru 2014, IRO vs Il‑Kummissjoni (T‑69/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1030); u tad‑9 ta’ Diċembru 2014, Leali u Acciaierie e Ferriere Leali Luigi vs Il‑Kummissjoni (T‑489/09, T‑490/09 u T‑56/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1039).


6      Sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2017, Ferriera Valsabbia et vs Il‑Kummissjoni (C‑86/15 P u C‑87/15 P, EU:C:2017:717); tal‑21 ta’ Settembru 2017, Feralpi vs Il‑Kummissjoni (C‑85/15 P, EU:C:2017:709); tal‑21 ta’ Settembru 2017, Ferriere Nord vs Il‑Kummissjoni (C‑88/15 P, EU:C:2017:716); u tal‑21 ta’ Settembru 2017, Riva Fire vs Il‑Kummissjoni (C‑89/15 P, EU:C:2017:713).


7      Deċiżjoni C(2009) 4969 final tal‑4 ta’ Lulju 2019 dwar proċediment skont l-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA (Każ AT.37956 – Vireg li jirrinforzaw il-konkrit).


8      Il-multa imposta fuq Ferriera Valsabbia SpA u Valsabbia Investimenti SpA hija ta’ EUR 5.125 miljuni, dik imposta fuq Alfa Acciai SpA hija ta’ EUR 3.587 miljuni, dik imposta fuq Feralpi Holdings SpA hija ta’ EUR 5.125 miljuni u dik imposta fuq Ferriere Nord SpA hija ta’ EUR 2.237 miljuni.


9      Waħda minn dawn l-entitajiet ma kinitx ippreżentat rikors għal annullament kontra l-ewwel deċiżjoni. Tliet entitajiet oħra, wara li kienu kkontestaw din l-ewwel deċiżjoni, kienu d-destinatarji tat-tieni waħda, li kienu kkontestaw quddiem il-Qorti Ġenerali. Għall-kuntrarju, huma ma kinux appellaw mis-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2014 li jikkonċernawhom.