Language of document : ECLI:EU:T:2021:608

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

22 ta’ Settembru 2021 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Reklutaġġ – Kompetizzjoni interna COM/03/AD/18 (AD 6) – Deċiżjoni li isem ir-rikorrent ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Sigriet tal-ħidma tal-Bord tal-Għażla – Piż mogħti lill-elementi li jifformaw eżami previsti fl-avviż tal-kompetizzjoni”

Fil-Kawża T‑435/20,

JR, irrappreżentata minn L. Levi u A. Champetier, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Milanowska u I. Melo Sampaio, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni interna COM/03/AD/18 (AD 6) – Amministraturi, tal-15 ta’ April 2020, li tiċħad it-talba tar-rikorrenti għall-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni ta’ dan il-bord tal-għażla tas-16 ta’ Diċembru 2019 li isem ir-rikorrenti ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva tal-imsemmija kompetizzjoni u, sa fejn ikun meħtieġ, għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża),

komposta minn R. da Silva Passos, President, V. Valančius, I. Reine, L. Truchot (Relatur) u M. Sampol Pucurull, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-16 ta’ Diċembru 2018, ir-rikorrenti, JR, applikat għall-kompetizzjoni interna COM/03/AD/18 (AD 6) – Amministraturi (iktar ’il quddiem il-“kompetizzjoni kontenzjuża”).

2        L-avviż tal-kompetizzjoni kontenzjuża kien jispeċifika li din il-kompetizzjoni kienet intiża sabiex tiġi stabbilita lista ta’ riżerva bil-kandidati li jgħaddu minn din il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ kull wieħed mit-tliet oqsma segwenti: l-ewwel, l-amministrazzjoni pubblika Ewropea, it-tieni, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-politika tal-viċinat u, it-tielet, ir-riċerka.

3        Ir-rikorrenti għażlet il-qasam tal-amministrazzjoni pubblika Ewropea, li fih in-numru mixtieq ta’ kandidati li għaddew kien ta’ 30.

4        Skont it-Titolu III tal-avviż tal-kompetizzjoni kontenzjuża, il-kandidati kienu meħtieġa, fl-ewwel stadju, jippreżentaw att ta’ kandidatura u jikkonfermaw, waqt il-preżentazzjoni tiegħu, li huma kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-ammissjoni previsti. Fit-tieni stadju, il-kandidati ammissibbli kellhom jiġu mistiedna jissottomettu ruħhom għal sensiela ta’ testijiet fil-forma ta’ kwestjonarji b’għażla multipla. Fit-tielet stadju, il-kandidati li jkunu għaddew minn dawn it-testijiet kellhom jissejħu għall-eżami orali.

5        It-Taqsima 4 tat-Titolu III tal-avviż tal-kompetizzjoni kontenzjuża tindika li l-eżami orali għall-grupp ta’ funzjonijiet AD huwa kompost minn żewġ partijiet, deskritti fit-termini li ġejjin:

“1.      Intervista [...] sabiex jiġu evalwati:

–        il-kompiti prinċipali eżerċitati u l-kompetenzi miksuba matul il-karriera professjonali [tal-kandidat] u

–        il-kapaċità u l-motivazzjoni [tal-kandidat] li jwettaq il-funzjonijiet mogħtija lill-pożizzjonijiet li għalihom tagħti aċċess il-kompetizzjoni;

2.       preżentazzjoni strutturata [li] ser tikkonsisti fi briefing fuq suġġett marbut ma’ politika tal-Unjoni Ewropea [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        It-Taqsima 4 tat-Titolu III tal-avviż tal-kompetizzjoni kontenzjuża żżid li l-evalwazzjoni globali għaż-żewġ partijiet imsemmija iktar ’il fuq tikkonsisti f’marka ta’ bejn żero u 20 punt, filwaqt li l-minimu meħtieġ kien ta’ għaxar punti.

7        It-Taqsima 5 ta’ dan l-istess titolu tispeċifika li l-Bord tal-Għażla għandu jniżżel fil-lista ta’ riżerva l-ismijiet tal-kandidati li kisbu l-aħjar marki fl-eżami orali kif ukoll il-minimu meħtieġ għal dan l-eżami, fil-limitu tan-numru mixtieq ta’ kandidati magħżula.

8        Wara li, fit-23 ta’ Settembru 2019, għaddiet mill-fażi bil-miktub tal-kompetizzjoni kontenzjuża, ir-rikorrenti għamlet l-eżami orali.

9        Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Diċembru 2019, il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni kontenzjuża informa lir-rikorrenti bid-deċiżjoni tiegħu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2019”) li ma jinkludix l-isem tagħha fil-lista ta’ riżerva ta’ din il-kompetizzjoni. Il-Bord tal-Għażla indika li, għall-eżami orali, ir-rikorrenti kienet irċeviet marka ta’ 13/20, li, filwaqt li kienet ogħla mill-minimu ta’ 10/20 stabbilit mill-avviż tal-kompetizzjoni kontenzjuża, kienet madankollu inferjuri għall-marka ta’ 14/20 li kellha tintlaħaq sabiex ir-rikorrenti tkun tinsab fost l-aħjar kandidati li isimhom kien ser jiġi inkluż fil-lista ta’ riżerva. Huwa speċifika wkoll li l-prestazzjoni globali tar-rikorrenti waqt l-eżami orali kienet irċeviet l-evalwazzjoni verbali “tajba”. B’mod iktar preċiż, il-Bord tal-Għażla espona li r-rikorrenti kienet kisbet l-evalwazzjoni verbali “b’saħħitha” fir-rigward kemm tar-“rabta bejn l-esperjenza tagħha fil-passat u l-kompetenzi meħtieġa” kif ukoll fir-rigward tal-“prova tal-kompetenzi ġenerali tagħha u tal-motivazzjoni tagħha sabiex teżerċita l-funzjonijiet li għandhom jimtlew”, filwaqt li hija kienet kisbet l-evalwazzjoni verbali “tajba” għall-kapaċità tagħha li twettaq preżentazzjoni fuq suġġett relatat mal-qasam tal-kompetizzjoni kontenzjuża.

10      Permezz ta’ ittra elettronika tal-20 ta’ Diċembru 2019 (iktar ’il quddiem it-“talba għal eżami mill-ġdid”), ir-rikorrenti ressqet quddiem l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) talba għall-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2019, konformement mal-punt 6.3 tal-Anness III tal-avviż tal-kompetizzjoni kontenzjuża. Hija invokat l-eżistenza ta’ “inkoerenza manifesta” bejn, minn naħa, l-evalwazzjoni verbali li kienet saret fir-rigward tal-prestazzjoni globali tagħha waqt l-eżami orali u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjonijiet verbali li hija kienet kisbet għat-tliet komponenti tal-istess eżami evalwati mill-Bord tal-Għażla. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Għażla kien b’mod arbitrarju ta evalwazzjoni iktar baxxa tal-prestazzjoni globali tagħha, sa fejn kien ikklassifikaha bħala “tajba”, filwaqt li tnejn minn dawn il-komponenti kienu rċevew l-evalwazzjoni verbali “b’saħħitha”. Hija żiedet li d-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2019 ma kinitx tippermettilha tifhem kif l-evalwazzjoni globali “tajba” kienet ġiet espressa f’marka bħala ċifra ta’ 13/20. Din l-istess ittra elettronika kienet tinkludi “talba għal informazzjoni u għal aċċess għad-dokumenti”, li permezz tagħha r-rikorrenti talbet li jiġu kkomunikati lilha l-elementi segwenti:

–        spjegazzjonijiet iddettaljati dwar il-mod kif l-evalwazzjonijiet verbali kienu ġew ikkonvertiti f’marki bħala ċifra, flimkien mat-tabelli ta’ evalwazzjoni li jippermettu li kull evalwazzjoni verbali tintrabat ma’ marka espressa f’ċifri;

–        l-evalwazzjonijiet iddettaljati magħmula fir-rigward tagħha fuq kull wieħed mit-tliet elementi evalwati u mogħtija marka kif ukoll it-tabella ta’ evalwazzjoni korrispondenti;

–        kull informazzjoni utli dwar il-marki li kienu ġew attribwiti lilha;

–        il-metodu ta’ għoti ta’ piż eventwalment użat;

–        il-metodu ta’ arrotondament eventwalment użat;

–        ir-rendikont u t-tabelli ta’ evalwazzjoni relatati mal-eżami orali tagħha, il-flip chart li hija kienet użat matul dan l-eżami (iktar ’il quddiem il-“flip chart”) kif ukoll kull dokument ieħor rilevanti dwar il-prestazzjoni tagħha waqt dan l-eżami.

11      Fit-28 ta’ Frar 2020, wara li skambjat diversi ittri elettroniċi mad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea, ir-rikorrenti ngħatat minn dan tal-aħħar tabella li tindika l-korrispondenza bejn, minn naħa, il-marki bħala ċifra ta’ bejn wieħed u għaxra, u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjonijiet verbali “insuffiċjenti”, “sodisfaċenti”, “tajba”, “b’saħħitha”, “b’saħħitha ħafna”, “eċċellenti” u “eżemplari” (iktar ’il quddiem l-“ewwel tabella ta’ konverżjoni”), filwaqt li ġie ppreċiżat li l-erba’ marki bħala ċifra ta’ bejn wieħed u erbgħa kienu jikkorrispondu kollha għall-evalwazzjoni “insuffiċjenti”. Hija ġiet mistiedna wkoll sabiex tikkonsulta l-flip chart fl-uffiċċji tal-Kummissjoni u sabiex tiltaqa’ mal-Presidenta tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni kontenzjuża sabiex tikseb rendikont orali tal-prestazzjoni tagħha. L-ittra elettronika tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Frar 2020 ma kinitx tirreferi għall-metodi ta’ għoti ta’ piż u ta’ arrotondament imsemmija fit-talba għal eżami mill-ġdid.

12      Permezz ta’ ittra elettronika tad-9 ta’ April 2020, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li l-metodi msemmija iktar ’il fuq kienu koperti mis-sigriet tal-ħidma tal-Bordijiet tal-Għażla previst fl-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”).

13      Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ April 2020 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-15 ta’ April 2020”), il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni kontenzjuża ċaħad it-talba għal eżami mill-ġdid.

14      Għal dan il-għan, fl-ewwel lok, il-Bord tal-Għażla fakkar li, qabel ma eżamina l-kandidati ammessi għall-eżami orali, huwa kien iddefinixxa l-kontenut tiegħu, il-mistoqsijiet previsti, il-kriterji ta’ evalwazzjoni, il-proċedura ta’ evalwazzjoni u l-piż mogħti lil kull element imsemmi fl-avviż ta’ din il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ dan l-eżami.

15      Fit-tieni lok, il-Bord tal-Għażla speċifika li huwa kien stabbilixxa, fir-rigward ta’ kull kandidat, kummentarji dwar l-elementi speċifiċi indikati fl-imsemmi avviż (ara l-punt 5 iktar ’il fuq) u li l-kummentarji tiegħu kienu jinkludu wkoll evalwazzjoni globali tal-prestazzjoni tal-kandidati, “li kienet tagħti sunt tal-evalwazzjoni ta’ kull element”.

16      Fit-tielet lok, il-Bord tal-Għażla osserva li l-evalwazzjonijiet tiegħu tal-esperjenza u tal-kapaċitajiet tal-kandidati kienu ta’ natura komparattiva.

17      Fir-raba’ lok, huwa kkonstata li l-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2019 ma kienx indika żball li jaffettwa l-ipproċessar tad-data dwar l-eżami orali tar-rikorrenti, b’tali mod li d-deċiżjoni li isimha ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni kontenzjuża kellha tiġi kkonfermata.

18      Permezz ta’ att ippreżentat fl-4 ta’ Mejju 2020 fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, li jinsabu fl-ittri elettroniċi tat-28 ta’ Frar u tad-9 ta’ April 2020 (ara l-punti 11 u 12 iktar ’il fuq), u li jirrifjutaw li jagħtuha aċċess għal ċerta data ta’ natura allegatament personali. Dan ir-rikors ġie rreġistrat bin-numru T‑265/20.

 Fatti li seħħew wara l-preżentata tar-rikors

19      Fis-16 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti kopja tal-flip chart, flimkien man-noti redatti minn din tal-aħħar għall-finijiet tal-preżentazzjoni li hija kienet għamlet matul l-eżami orali.

20      Fit-22 ta’ Lulju 2020, waqt konverżazzjoni telefonika mal-Presidenta tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni kontenzjuża, ir-rikorrenti kisbet informazzjoni dwar il-prestazzjoni tagħha waqt l-eżami orali kif ukoll il-preċiżazzjoni li l-marki bħala ċifra kienu ġew arrotondati għal 0.25.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Lulju 2020, ir-rikorrenti fetħet din il-kawża.

22      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, skont l-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti talbet il-benefiċċju tal-anonimat. Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Settembru 2020, il-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) laqgħat din it-talba.

23      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Lulju 2020, fil-Kawża T‑265/20, JR vs Il-Kummissjoni, ir-rikorrenti talbet li din tal-aħħar tingħaqad mal-kawża ineżami, abbażi tal-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura. Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar din it-talba, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Awwissu 2020, il-Kummissjoni talbet li din it-talba tiġi miċħuda. Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2020, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal tgħaqqid.

24      Il-fażi bil-miktub tal-proċedura ngħalqet fit-13 ta’ Jannar 2021.

25      Fl-20 ta’ April 2021, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) iddeċidiet li tistieden lill-Kummissjoni tindika liema strument kien ippermetta lill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni kontenzjuża jorbot, fid-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2019, l-evalwazzjoni verbali “tajba” mal-marka globali bħala ċifra ta’ 13/20 attribwita lir-rikorrenti, peress li l-ewwel tabella ta’ konverżjoni kien fiha marki bħala ċifra ta’ bejn wieħed u għaxra.

26      Fit-28 ta’ April 2021, fuq proposta tas-Seba’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

27      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni wieġbet għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali msemmija fil-punt 25 iktar ’il fuq billi pproduċiet tabella li tindika l-korrispondenza bejn, minn naħa, il-marki bħala ċifra jew il-meded ta’ marki bħala ċifra “sa 9.5”, “10 sa 11.5”, “12 sa 13”, “13.5”, “14 sa 15.5”, “16 sa 17”, “17.5 sa 19” u “19.5 sa 20”, u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjonijiet verbali “insuffiċjenti”, “sodisfaċenti”, “tajba”, “tajba sa b’saħħitha”, “b’saħħitha”, “b’saħħitha ħafna”, “eċċellenti” u “eżemplari” (iktar ’il quddiem it-“tieni tabella ta’ konverżjoni”).

28      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Mejju 2021, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet dwar it-tweġiba tal-Kummissjoni għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali msemmija iktar ’il fuq.

29      Skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura, fl-assenza ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet prinċipali fi żmien tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tagħżel li tiddeċiedi dwar ir-rikors mingħajr fażi orali tal-proċedura. Fil-kawża ineżami, peress li tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-atti fil-proċess tal-kawża, il-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) iddeċidiet li, fl-assenza ta’ tali talba, taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura.

30      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tal-15 ta’ April 2020 u, sa fejn ikun meħtieġ, dik tas-16 ta’ Diċembru 2019;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

31      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq is-suġġett tat-tilwima

32      Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-15 ta’ April 2020 u, sa fejn ikun meħtieġ, dik tas-16 ta’ Diċembru 2019.

33      Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà diretta kontra t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2019, li ġiet issostitwita b’dik tal-15 ta’ April 2020.

34      Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita, meta kandidat għal kompetizzjoni jitlob l-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni meħuda minn Bord tal-Għażla, hija d-deċiżjoni meħuda minn dan tal-aħħar wara l-eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tal-kandidat li tikkostitwixxi l-att li jikkawżalu preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2) jew, jekk ikun il-każ, tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. B’hekk, id-deċiżjoni meħuda wara l-eżami mill-ġdid tieħu post id-deċiżjoni inizjali tal-Bord tal-Għażla (ara s-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2018, Villeneuve vs Il‑Kummissjoni, T‑671/16, EU:T:2018:519, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 1986, Sorani et vs Il-Kummissjoni, 293/84, EU:C:1986:111, punt 12).

35      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, f’dan il-każ, l-uniku att li jikkawża preġudizzju huwa d-deċiżjoni tal-15 ta’ April 2020.

36      Għaldaqstant, u sa fejn ir-rikorrenti talbet l-annullament tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2019 biss “sa fejn ikun meħtieġ”, għandha l-ewwel nett tiġi eżaminata t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-15 ta’ April 2020.

 Fuq il-mertu

37      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tar-regoli applikabbli għall-ħidma tal-Bord tal-Għażla u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba msemmi fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

38      Għandu jiġi eżaminat qabel kollox it-tieni motiv, peress li dan jirrigwarda l-kwistjoni, ta’ natura preliminari, tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-15 ta’ April 2020.

39      Ir-rikorrenti ssostni li, anki wara li kienet irċeviet l-ewwel tabella ta’ konverżjoni (ara l-punt 11 iktar ’il fuq) kif ukoll l-ispjegazzjonijiet dwar il-metodu ta’ arrotondament użat mill-Bord tal-Għażla (ara l-punt 20 iktar ’il fuq), il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-15 ta’ April 2020 ma hijiex suffiċjenti sabiex tippermettilha tifhem il-mod kif it-tliet evalwazzjonijiet verbali “b’saħħitha”, “b’saħħitha” u “tajba” miksuba fir-rigward t-tliet komponenti differenti tal-eżami orali ppermettew lill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni kontenzjuża jattribwixxi lill-prestazzjoni globali tagħha matul l-imsemmi eżami l-evalwazzjoni verbali “tajba” u jikkonverti din l-evalwazzjoni fin-nota bħala ċifra ta’ 13/20.

40      Ir-rikorrenti żżid li l-Bord tal-Għażla neċessarjament applika metodu ta’ għoti ta’ piż u ssostni li d-definizzjoni ta’ dan il-metodu ma tagħmilx parti mill-ħidma tal-Bordijiet tal-Għażla ta’ kompetizzjoni, ħidma li, peress li għandha natura komparattiva, għandha tibqa’ sigrieta, konformement mal-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fehma tagħha, elementi oġġettivi bħall-għoti ta’ piż lill-marki, li huma ffissati mill-Bord tal-Għażla qabel il-bidu tal-eżamijiet sabiex jiggwidaw il-ħidma tiegħu u sabiex jiġi żgurat, bħala prinċipju, żvolġiment regolari u oġġettiv ta’ din il-ħidma, ma jirrigwardawx l-evalwazzjoni tal-merti tal-kandidati jew il-paragun tal-merti rispettivi tagħhom.

41      Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar it-tweġiba tal-Kummissjoni għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali (ara l-punti 27 u 28 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti ssostni li, anki wara li saret taf bit-tieni tabella ta’ konverżjoni, hija ma hijiex f’pożizzjoni li tifhem ir-raġuni għalfejn ingħatat il-marka bħala ċifra ta’ 13/20. Fil-fehma tagħha, din it-tabella sempliċement tenfasizza l-importanza li jkun magħruf preċiżament f’liema mument il-Bord tal-Għażla arrotonda l-marki u liema kien il-metodu użat għall-għoti ta’ piż.

42      Il-Kummissjoni twieġeb li, fid-dawl tas-sigriet tal-ħidma tal-Bordijiet tal-Għażla dwar l-espressjoni ta’ ġudizzju ta’ valur u tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom dawn il-bordijiet, il-komunikazzjoni tal-marki miksuba fid-diversi eżamijiet tikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjonijiet tagħhom. Peress li r-rikorrenti ġiet informata li, għall-eżami orali tagħha, hija kienet irċeviet il-marka ta’ 13/20 u li kienu biss il-kandidati li kisbu marka li tammonta għal mill-inqas 14/20 li kellhom l-ismijiet tagħhom inklużi fil-lista ta’ riżerva, id-deċiżjoni tal-15 ta’ April 2020 kienet suffiċjentement motivata. Skont il-Kummissjoni, kien biss għal finijiet ta’ kompletezza li, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, il-Bord tal-Għażla kkomunika lir-rikorrenti l-evalwazzjonijiet verbali li kien taha għal kull wieħed mill-komponenti tal-eżami orali kif ukoll l-evalwazzjoni verbali globali riċevuta f’dan ir-rigward u, sussegwentement, bagħtilha l-iskeda ta’ konverżjoni u l-flip chart, qabel ma ppermettielha konverżazzjoni telefonika mal-Presidenta tagħha, li b’mod partikolari indikatilha liema metodu ta’ arrotondament kien intuża.

43      Barra minn hekk, għalkemm il-Kummissjoni tammetti li l-marka globali bħala ċifra mogħtija lir-rikorrenti mill-Bord tal-Għażla fl-eżami orali tirriżulta minn għoti ta’ piż lit-tliet komponenti ta’ dan l-eżami, hija ssostni li d-definizzjoni tal-metodu ta’ għoti ta’ piż kienet fil-qalba tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-avviż ta’ din il-kompetizzjoni, fin-nuqqas ta’ dettalji f’dan ir-rigward, kien ħalla lill-Bord tal-Għażla, konformement mal-ġurisprudenza. L-iżvelar ta’ dan il-metodu jippreġudika serjament is-sigriet tal-ħidma tal-Bord tal-Għażla u l-indipendenza tiegħu peress li l-kandidati li ma jkunux kuntenti jistgħu jsostnu li l-metodu magħżul jiffavorixxi ċerta kategorija ta’ kandidati.

44      Għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, skont it-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, kull deċiżjoni li tikkawża preġudizzju għandha tkun motivata. Dan l-obbligu jikkorrispondi għal dak previst, b’mod iktar ġenerali, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 41 tal-Karta, li jirrigwarda l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, b’mod partikolari fil-punt (ċ) tal-paragrafu 2 tiegħu.

45      Fit-tieni lok, l-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li “[i]l-proċeduri tal-Bord ta’ l-Għażla għandhom ikunu sigrieti”.

46      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-għan tal-obbligu ta’ motivazzjoni huwa, minn naħa, li l-persuna kkonċernata tingħata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tevalwa l-fondatezza tal-att li jikkawżalha preġudizzju u l-opportunità tal-preżentata ta’ rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, li tippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità tal-att (ara s-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2016, Pohjanmäki vs Il‑Kunsill, T‑410/15 P, mhux ippubblikat, EU:T:2016:465, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs Di Bernardo, C‑114/19 P, EU:C:2020:457, punt 51).

47      Għandu jiġi rrilevat ukoll li d-dritt għal amministrazzjoni tajba previst fl-Artikolu 41 tal-Karta jimplika l-obbligu għall-amministrazzjoni li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha u li din il-motivazzjoni ma tikkostitwixxix biss, b’mod ġenerali, l-espressjoni tat-trasparenza tal-azzjoni tal-amministrazzjoni, iżda għandha wkoll tippermetti lill-individwu jiddeċiedi, b’għarfien sħiħ tal-fatti, jekk huwiex utli għalih li jressaq kawża quddiem qorti. Għalhekk, teżisti rabta mill-qrib bejn l-obbligu ta’ motivazzjoni u d-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta (sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2012, Sviluppo Globale vs Il-Kummissjoni, T‑183/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:534, punt 40; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren, T‑404/06 P, EU:T:2009:313, punt 148 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Bħala prinċipju, il-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess żmien tad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju. In-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi rregolarizzat bil-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf il-motivi tad-deċiżjoni matul il-proċeduri quddiem il-qorti tal-Unjoni. Madankollu, fil-każ li l-motivazzjoni ma tkunx nieqsa iżda tkun insuffiċjenti, spjegazzjonijiet mogħtija matul il-proċedura jistgħu, f’każijiet eċċezzjonali, jirrimedjaw għal din l-insuffiċjenza, b’tali mod li l-motiv ibbażat fuq din tal-aħħar ma jibqax jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni (ara s-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs Di Bernardo, C‑114/19 P, EU:C:2020:457, punti 51 u 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, la jeżisti dritt għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jirregolarizzaw quddiem il-qorti tal-Unjoni d-deċiżjonijiet tagħhom motivati insuffiċjentement, u lanqas ma hemm obbligu għal din tal-aħħar li tieħu inkunsiderazzjoni l-ispjegazzjonijiet komplementari pprovduti biss fil-mori tal-kawża mill-awtur tal-att inkwistjoni sabiex tevalwa l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, stat simili tad-dritt jirriskja li jdgħajjef it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-amministrazzjoni u l-qorti tal-Unjoni, li jdgħajjef l-istħarriġ tal-legalità u li jiġi kompromess l-eżerċizzju tad-dritt għal azzjoni legali. Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali, fejn jirriżulta li għall-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata kien impossibbli fil-prattika li timmotiva b’mod suffiċjenti skont il-liġi d-deċiżjoni kkontestata, li l-motivazzjoni tista’ tiġi kkompletata bi spjegazzjonijiet ipprovduti mill-awtur tal-att fil-mori tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs Di Bernardo, C‑114/19 P, EU:C:2020:457, punti 58 u 59).

50      Fir-rigward tad-deċiżjonijiet meħuda minn Bord tal-Għażla, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-4 ta’ Lulju 1996, Il‑Parlament vs Innamorati (C‑254/95 P, EU:C:1996:276), l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi kkonċiljat mal-osservanza tas-sigriet tal-ħidma tal-Bord tal-Għażla skont l-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal. Dan is-sigriet ġie stabbilit bil-għan li jiggarantixxi l-indipendenza tal-Bordijiet tal-Għażla u l-oġġettività tal-ħidma tagħhom, billi jiġu protetti minn kull interferenza u pressjoni esterni, sew jekk dawn joriġinaw mill-amministrazzjoni tal-Unjoni stess, mill-kandidati kkonċernati jew minn terzi. L-osservanza ta’ dan is-sigriet tipprekludi għalhekk kemm l-iżvelar tal-pożizzjonijiet adottati mill-membri individwali tal-Bordijiet tal-Għażla kif ukoll l-iżvelar tal-elementi kollha li jikkonċernaw evalwazzjonijiet ta’ natura personali jew komparattiva dwar il-kandidati (sentenza tal-4 ta’ Lulju 1996, Il‑Parlament vs Innamorati, C‑254/95 P, EU:C:1996:276, punt 24).

51      Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ Bord tal-Għażla għandu, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-ħidma inkwistjoni (sentenza tal-4 ta’ Lulju 1996, Il‑Parlament vs Innamorati, C‑254/95 P, EU:C:1996:276, punt 25).

52      Il-ħidma ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni tinkludi, b’mod ġenerali, minn tal-inqas żewġ stadji distinti, jiġifieri, fl-ewwel lok, l-eżami tal-kandidaturi sabiex jintgħażlu l-kandidati ammessi għall-kompetizzjoni u, fit-tieni lok, l-eżami tal-kapaċitajiet tal-kandidati fid-dawl tal-pożizzjoni li għandha timtela, sabiex titħejja lista ta’ riżerva (sentenza tal-4 ta’ Lulju 1996, Il-Parlament vs Innamorati, C‑254/95 P, EU:C:1996:276, punt 26).

53      L-ewwel stadju jikkonsisti, b’mod partikolari waqt kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki, f’paragun tal-kwalifiki prodotti mill-kandidati mal-kwalifiki meħtieġa mill-avviż ta’ kompetizzjoni. Peress li dan il-paragun isir abbażi ta’ data oġġettiva u barra minn hekk magħrufa minn kull wieħed mill-kandidati f’dak li jikkonċernahom, l-osservanza tas-sigriet marbut mal-ħidma tal-Bord tal-Għażla ma tipprekludix li tiġi kkomunikata din id-data oġġettiva u, b’mod partikolari, il-kriterji ta’ evalwazzjoni li jservu bħala bażi għas-selezzjoni magħmula, fl-istadju tal-operazzjonijiet preliminari tal-kompetizzjoni, b’tali mod li l-persuni li l-kandidaturi tagħhom ikunu twarrbu qabel kull eżami personali jkunu f’pożizzjoni li jirrikonoxxu l-motivi possibbli għall-eliminazzjoni tagħhom (sentenza tal-4 ta’ Lulju 1996, Il-Parlament vs Innamorati, C‑254/95 P, EU:C:1996:276, punt 27).

54      Għall-kuntrarju, it-tieni stadju tal-ħidma tal-Bord tal-Għażla huwa qabel kollox ta’ natura komparattiva u, għalhekk, huwa kopert mis-sigriet inerenti għal din il-ħidma (sentenza tal-4 ta’ Lulju 1996, Il-Parlament vs Innamorati, C‑254/95 P, EU:C:1996:276, punt 28).

55      Il-kriterji ta’ korrezzjoni adottati mill-Bord tal-Għażla qabel l-eżamijiet jifformaw parti integrali mill-evalwazzjonijiet ta’ natura komparattiva mwettqa mill-Bord tal-Għażla fir-rigward tal-merti rispettivi tal-kandidati. Fil-fatt, dawn il-kriterji huma intiżi sabiex tiġi żgurata, fl-interess ta’ dawn il-kandidati, ċerta omoġeneità fl-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Għażla, b’mod partikolari meta jkun hemm numru kbir ta’ kandidati. Dawn il-kriterji huma għalhekk koperti mis-sigriet tad-deliberazzjonijiet bl-istess mod bħall-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Għażla (sentenza tal-4 ta’ Lulju 1996, Il-Parlament vs Innamorati, C‑254/95 P, EU:C:1996:276, punt 29).

56      L-evalwazzjonijiet ta’ natura komparattiva mwettqa mill-Bord tal-Għażla huma riflessi fil-marki li dan tal-aħħar jagħti lill-kandidati. Dawn il-marki huma l-espressjoni ta’ ġudizzji ta’ valur magħmula fir-rigward ta’ kull wieħed minnhom (sentenza tal-4 ta’ Lulju 1996, Il‑Parlament vs Innamorati, C‑254/95 P, EU:C:1996:276, punt 30).

57      Fuq il-bażi ta’ dawn il-prinċipji, fil-punti 31 u 32 tas-sentenza tal-4 ta’ Lulju 1996, Il-Parlament vs Innamorati (C‑254/95 P, EU:C:1996:276), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fid-dawl tas-sigriet tal-ħidma tal-Bord tal-Għażla, il-komunikazzjoni tal-marki miksuba fid-diversi eżamijiet kienet tikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla u li tali motivazzjoni ma kinitx tippreġudika d-drittijiet tal-kandidati peress li kienet tippermettilhom jifhmu l-ġudizzju ta’ valur li kien sar fir-rigward tal-prestazzjonijiet tagħhom u li jivverifikaw, jekk ikun il-każ, li huma ma kinux effettivament kisbu n-numru ta’ marki meħtieġ fl-avviż ta’ kompetizzjoni.

58      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi evalwat jekk id‑deċiżjoni tal-15 ta’ April 2020 għandhiex motivazzjoni suffiċjenti.

59      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tal-15 ta’ April 2020 ma taqax taħt l-ewwel stadju previst fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dwar l-ammissjoni tal-kandidati fil-kompetizzjoni, wara verifika tal-osservanza mill-kandidati tal-kundizzjonijiet previsti għal dan il-għan fl-avviż ta’ kompetizzjoni. Hija taqa’ taħt it-tieni stadju peress li l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni kontenzjuża kellu jwettaq evalwazzjoni tal-prestazzjoni tar-rikorrenti fl-eżami orali bil-għan mhux biss li jiġi eżaminat jekk din setgħetx tingħata l-marka minima ta’ 10/20 stabbilita fl-avviż ta’ kompetizzjoni, iżda wkoll li din il-prestazzjoni tiġi evalwata fil-konfront tal-prestazzjonijiet tal-kandidati l-oħra. Fil-fatt, l-avviż ta’ kompetizzjoni kien jipprevedi li, fil-qasam magħżul mir-rikorrenti, kienu biss it-30 kandidat li kisbu l-aħjar marki fl-eżami orali li setgħu jitniżżlu fil-lista ta’ riżerva (ara l-punti 3, 6 u 7 iktar ’il fuq).

60      Fit-tieni lok, għandha titfakkar l-informazzjoni diġà mogħtija lir-rikorrenti fid-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2019, ikkonfermata bid-deċiżjoni tal-15 ta’ April 2020. F’din id-deċiżjoni, kif ġie espost fil-punt 9 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Għażla qabel kollox indika li l-prestazzjoni tar-rikorrenti fl-eżami orali tal-kompetizzjoni kontenzjuża kienet serviet għall-għoti tal-marka globali ta’ 13/20, filwaqt li l-paragun bejn il-prestazzjonijiet tal-kandidati ammessi għal dan l-eżami kien wassal lill-Bord tal-Għażla sabiex jinkludi fil-lista ta’ riżerva l-ismijiet biss ta’ dawk li kienu kisbu marka globali minima ta’ 14/20.

61      Sussegwentement, il-Bord tal-Għażla speċifika li l-prestazzjoni globali tar-rikorrenti waqt l-eżami orali setgħet tiġi kklassifikata bħala “tajba”.

62      Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Għażla kkomunika l-evalwazzjonijiet verbali li kien ta lir-rikorrenti fir-rigward ta’ kull wieħed mit-tliet komponenti tal-eżami orali li jirriżultaw mit-Taqsima 4 tat-Titolu III tal-avviż tal-kompetizzjoni kontenzjuża (ara l-punt 5 iktar ’il fuq), li tipprovdi li dan l-eżami kien jinkludi żewġ partijiet, bl-ewwel waħda maqsuma f’żewġ partijiet sekondarji.

63      Fit-tielet lok, kif tfakkar fil-punt 11 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni sussegwentement ikkomunikat lir-rikorrenti l-ewwel tabella ta’ konverżjoni, li fiha kienet indikata l-korrispondenza bejn l-evalwazzjonijiet verbali użati mill-Bord tal-Għażla u l-marki bħala ċifra ta’ bejn wieħed u għaxra. Minn din it-tabella jirriżulta li l-evalwazzjonijiet verbali “tajba” u “b’saħħitha” huma ekwivalenti rispettivament għall-marki bħala ċifra ta’ 6/10 u ta’ 7/10.

64      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni pproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali t-tieni tabella ta’ konverżjoni, imsemmija fil-punt 27 iktar ’il fuq, li fiha tinsab il-korrispondenza bejn, minn naħa, marki bħala ċifra ta’ bejn wieħed u għoxrin u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjonijiet verbali kkomunikati lill-kandidati wara l-eżami orali.

65      Fil-ħames lok, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tal-15 ta’ April 2020, il-Bord tal-Għażla adotta metodu ta’ għoti ta’ piż applikabbli għat-tliet komponenti tal-eżami orali previsti fl-avviż tal-kompetizzjoni kontenzjuża. Fir-risposta, il-Kummissjoni tikkonferma li l-marka globali ta’ 13/20 miksuba mir-rikorrenti ma hijiex il-medja matematika tal-evalwazzjonijiet dwar dawn it-tliet komponenti, iżda tirriżulta minn medja mwieżna tagħhom.

66      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni kontenzjuża adotta koeffiċjent li jagħti piż lil kull komponent tal-eżami orali li jirriżulta mill-avviż ta’ din il-kompetizzjoni (iktar ’il quddiem il-“koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż inkwistjoni”). Il-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż inkwistjoni ġew applikati għall-evalwazzjonijiet magħmula mill-Bord tal-Għażla fir-rigward tal-prestazzjonijiet tal-kandidati f’dawn il-komponenti, sabiex tinkiseb medja mwieżna ta’ dawn it-tliet evalwazzjonijiet. Għaldaqstant, dawn il-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-komprensjoni li jista’ jkollha r-rikorrenti tal-mod kif il-prestazzjoni tagħha, wara li ġiet evalwata f’dawn it-tliet komponenti, ġiet ikkonvertita f’marka globali bħala ċifra b’partijiet minn għoxrin, konformement mal-avviż tal-kompetizzjoni kontenzjuża (ara l-punt 6 iktar ’il fuq). Ir-rikorrenti issa għandha l-ewwel u t-tieni tabella ta’ konverżjoni. Madankollu, mingħajr ma taf il-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż inkwistjoni, ir-rikorrenti ma hijiex f’pożizzjoni li tifhem kif l-evalwazzjonijiet verbali “b’saħħitha”, “b’saħħitha”, “tajba”, li ġew attribwiti lilha għat-tliet komponenti tal-eżami orali u li, skont l-ewwel tabella ta’ konverżjoni, jikkorrispondu għall-marki bħala ċifra ta’ 7, 7 u 6, setgħu jagħtu lok għal marka globali bħala ċifra ta’ 13/20 li tikkorrispondi, skont it-tieni tabella ta’ konverżjoni, għall-evalwazzjoni verbali “tajba”. Għandu jiġi rrilevat li, skont l-importanza ta’ kull wieħed minn dawn il-koeffiċjenti, ma huwiex eskluż li l-medja mwieżna tal-imsemmija marki bħala ċifra twassal għal marka globali bħala ċifra, arrotondata u kkonvertita f’għoxrin parti, li tilħaq il-limitu ta’ 14/20 meħtieġ sabiex kandidat ikun fost il-kandidati magħżula tal-kompetizzjoni kontenzjuża (ara l-punt 9 iktar ’il fuq).

67      Madankollu, għandu jiġi ddeterminat jekk il-komunikazzjoni tal-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż inkwistjoni hijiex kompatibbli mas-sigriet tal-ħidma tal-Bord tal-Għażla previst fl-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

68      Huwa minnu li, kif tfakkar fil-punt 57 iktar ’il fuq, fis-sentenza tal-4 ta’ Lulju 1996, Il-Parlament vs Innamorati (C‑254/95 P, EU:C:1996:276, punti 31 u 32), il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li bbilanċjat ir-rekwiżiti li jirriżultaw, minn naħa, mill-obbligu ta’ motivazzjoni, u, min-naħa l-oħra, mis-sigriet tal-ħidma tal-Bord tal-Għażla, iddeċidiet li l-komunikazzjoni tal-marki miksuba fid-diversi eżamijiet kienet tikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla u li tali motivazzjoni ma kinitx tippreġudika d-drittijiet tal-kandidati.

69      Madankollu, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-4 ta’ Lulju 1996, Il‑Parlament vs Innamorati (C‑254/95 P, EU:C:1996:276), ir-rikorrent ma kienx ġie ammess għall-eżamijiet ta’ kompetizzjoni li kienu jsegwu l-eżami bil-miktub li fih kien kiseb marka inqas mill-minimu meħtieġ mill-avviż ta’ kompetizzjoni. Dan tal-aħħar ma kienx jipprevedi li dan l-eżami bil-miktub kien kompost minn diversi elementi. Għaldaqstant, ir-riferiment magħmul mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-“marki miksuba fid-diversi eżamijiet” ma jistax jiġi interpretat bħala li jirreferi biss għall-marki individwali eliminatorji, b’kuntrast mal-evalwazzjonijiet intermedji relatati mad-diversi komponenti ta’ eżami previsti fl-avviż ta’ kompetizzjoni. Għaldaqstant, minn din il-ġurisprudenza ma jirriżultax li l-komunikazzjoni lil kandidat ta’ marka eliminatorja individwali waħda tikkostitwixxi, f’kull ċirkustanza, motivazzjoni suffiċjenti, indipendentement mill-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull kompetizzjoni.

70      Barra minn hekk, mis-sentenza tal-4 ta’ Lulju 1996, Il-Parlament vs Innamorati (C‑254/95 P, EU:C:1996:276), ma jistax jiġi dedott li l-kunċett ta’ “kriterji ta’ korrezzjoni”, li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kienu protetti mis-sigriet tal-ħidma tal-Bord tal-Għażla, jinkludi elementi bħalma huma l-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż inkwistjoni.

71      Għandu jiġi rrilevat li l-“kriterji ta’ korrezzjoni” imsemmija fis-sentenza tal-4 ta’ Lulju 1996, Il-Parlament vs Innamorati (C‑254/95 P, EU:C:1996:276), jiggwidaw lill-Bord tal-Għażla fl-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-kandidati fl-eżamijiet ta’ kompetizzjoni u fl-eventwali komponenti ta’ kull eżami. Dawn il-kriterji jikkostitwixxu strument li juża l-Bord tal-Għażla meta jagħmel ġudizzju ta’ valur fir-rigward ta’ dawn il-prestazzjonijiet, sabiex jiżgura l-omoġeneità tal-evalwazzjonijiet tiegħu. F’dan is-sens, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza, dawn il-kriterji jifformaw parti integrali mill-evalwazzjonijiet ta’ natura komparattiva mwettqa mill-Bord tal-Għażla fir-rigward tal-merti rispettivi tal-kandidati u għandhom, għaldaqstant, jibqgħu sigrieti (ara l-punt 55 iktar ’il fuq). Fil-fatt, sabiex jevalwa b’mod kompletament oġġettiv u liberu l-kandidati, Bord tal-Għażla għandu jkun jista’ jorganizza l-ħidma tiegħu, billi jagħti lilu nnifsu, jekk ikun meħtieġ, kriterji u kriterji sekondarji li, jekk ikun il-każ, ikunu mwieżna bejniethom.

72      Għall-kuntrarju, il-koeffiċjenti stabbiliti minn Bord tal-Għażla sabiex jingħataw piż l-elementi li jikkomponu eżami previsti fl-avviż ta’ kompetizzjoni ma jissodisfawx l-istess funzjoni bħal dik tal-kriterji ta’ korrezzjoni msemmija fis-sentenza tal-4 ta’ Lulju 1996, Il-Parlament vs Innamorati (C‑254/95 P, EU:C:1996:276). Fil-fatt, dawn il-koeffiċjenti ma humiex intiżi li jikkontribwixxu għall-evalwazzjoni komparattiva tal-prestazzjonijiet tal-kandidati fl-eżami inkwistjoni. Dawn huma stabbiliti mill-Bord tal-Għażla, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, sabiex jesprimi l-importanza relattiva li dan jagħti lid-diversi komponenti tal-eżami, imsemmija fl-avviż ta’ kompetizzjoni, fi ħdan il-marka globali mogħtija lil kandidat għal dan l-eżami kollu. Għaldaqstant, l-iffissar minn qabel tal-valur relattiv tad-diversi komponenti ta’ eżami previsti fl-avviż ta’ kompetizzjoni għandu jiġi distint mill-evalwazzjoni tal-prestazzjonijiet tal-kandidati f’kull wieħed minn dawn il-komponenti.

73      Għaldaqstant, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 1996, Il-Parlament vs Innamorati (C‑254/95 P, EU:C:1996:276), ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-ibbilanċjar bejn ir-rekwiżiti msemmija fil-punt 68 iktar ’il fuq jeżiġi li, meta avviż ta’ kompetizzjoni jipprevedi li eżami huwa kkostitwit minn diversi komponenti, il-koeffiċjenti attribwiti minn qabel mill-Bord tal-Għażla lil kull wieħed minn dawn il-komponenti sabiex jingħataw piż huma koperti mis-sigriet tal-ħidma tal-Bord tal-Għażla. Għaldaqstant, mill-imsemmija sentenza ma jirriżultax li dawn il-koeffiċjenti huma esklużi mill-elementi li, b’applikazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandhom jiġu kkomunikati lill-kandidati eliminati mill-kompetizzjoni.

74      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet, fir-rigward ta’ eżami orali intiż sabiex jiġu evalwati l-konoxxenzi lingwistiċi tal-kandidati f’kompetizzjoni bil-Franċiż u bl-Ingliż kif ukoll fil-lingwi l-oħra kollha tal-Unjoni li dawn il-kandidati kienu ddikjaraw li kienu jafu fl-atti tal-kandidatura tagħhom, li, meta Bord tal-Għażla jkun wettaq evalwazzjoni intermedja tal-għarfien tal-kandidati għal kull waħda minn dawn il-lingwi, l-obbligu ta’ motivazzjoni kien jimplika l-komunikazzjoni, fuq talba tal-kandidat, tal-marki intermedji li kienu ġew attribwiti lilu fir-rigward tad-diversi lingwi li kienu s-suġġett tal-eżami u tal-metodu segwit mill-Bord tal-Għażla sabiex wasal għall-marka finali. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali osservat li l-komunikazzjoni ta’ dawn l-elementi la kienet timplika l-iżvelar tal-pożizzjonijiet meħuda mill-membri individwali tal-Bord tal-Għażla u lanqas ma kienet timplika l-iżvelar ta’ elementi li kienu jirrigwardaw evalwazzjonijiet ta’ natura personali jew komparattiva dwar il-kandidati. Għaldaqstant, din il-komunikazzjoni ma kinitx inkompatibbli mal-osservanza tas-sigriet tal-ħidma tal-Bord tal-Għażla (sentenza tat-28 ta’ April 2004, Pascall vs Il‑Kunsill, T‑277/02, EU:T:2004:117, punti 2 u 28).

75      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirriżulta li, fid-dawl tas-sigriet li għandha tgawdi minnu l-ħidma ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni u tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu dan il-bord fir-rigward tal-evalwazzjoni tar-riżultati tal-eżamijiet ta’ kompetizzjoni, dan l-istess bord ma jistax jiġi obbligat, meta jimmotiva l-fatt li kandidat ma jkunx għadda minn eżami, li jispeċifika t-tweġibiet tal-kandidat li tqiesu li huma insuffiċjenti jew li jispjega għaliex dawn it-tweġibiet tqiesu li huma insuffiċjenti. Madankollu, dan is-sigriet u din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa ma jimplikawx li l-kandidati f’kompetizzjoni li jagħmlu talba f’dan is-sens ma jistgħux, jekk ikun il-każ, jiksbu l-komunikazzjoni tal-marki miksuba f’kull wieħed mill-komponenti tal-eżami orali msemmija fl-avviż ta’ kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Wybranwoski vs Il-Kummissjoni, F‑17/08, EU:F:2010:83, punti 98 u 99 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Skont it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, sabiex jiġi ssodisfatt l-obbligu ta’ motivazzjoni, din il-komunikazzjoni, meta tkun intalbet minn kandidat, għandha, bħala prinċipju, issir qabel l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Wybranwoski vs Il-Kummissjoni, F‑17/08, EU:F:2010:83, punt 100). Għandu jingħad ukoll li, sabiex jiġi miċħud ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata li r-rikorrent seta’ jikseb il-komunikazzjoni b’mod partikolari tal-piż mogħti lill-erba’ “kriterji ta’ evalwazzjoni” imsemmija fl-avviż ta’ kompetizzjoni dwar l-eżami orali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Wybranwoski vs Il-Kummissjoni, F‑17/08, EU:F:2010:83, punti 8, 50, 104 u 106).

76      Din il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali u tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku hija konformi mar-rabta mill-qrib li teżisti, kif tfakkar fil-punt 47 iktar ’il fuq, bejn l-obbligu ta’ motivazzjoni u l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif ukoll mal-limitazzjoni għal każijiet eċċezzjonali, kif din il-limitazzjoni tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 49 iktar ’il fuq, tad-dritt li motivazzjoni insuffiċjenti tiġi kkompletata permezz ta’ elementi pprovduti fil-mori tal-kawża. Fil-fatt, jekk ma jkunx jaf fi żmien xieraq il-metodu segwit mill-Bord tal-Għażla sabiex jistabbilixxi l-marka globali eliminatorja mogħtija lil kandidat f’eżami, abbażi tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Bord tal-Għażla fir-rigward tal-prestazzjonijiet tal-imsemmi kandidat fid-diversi komponenti ta’ dan l-eżami previsti fl-avviż ta’ kompetizzjoni, dan il-kandidat ma jkunx f’pożizzjoni li jifhem jekk il-Bord tal-Għażla wettaqx żball mhux fit-tfassil ta’ dawn l-evalwazzjonijiet, li huwa protett mis-sigriet tal-ħidma tal-Bord tal-Għażla, iżda fit-tfassil tal-marka globali eliminatorja. Għaldaqstant, dan il-kandidat ma jkunx jista’ jevalwa jekk huwiex opportun li jippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

77      Barra minn hekk, l-obbligu ta’ motivazzjoni u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva huma prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li issa huma stabbiliti fil-Karta, filwaqt li s-sigriet tal-ħidma tal-Bord tal-Għażla huwa stabbilit f’att tad-dritt sekondarju. Għaldaqstant, l-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Karta.

78      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li, peress li l-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż inkwistjoni ma humiex strumenti użati mill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni kontenzjuża sabiex jagħmel ġudizzju ta’ valur dwar il-prestazzjonijiet tal-kandidati fit-tliet komponenti tal-eżami orali msemmija fl-avviż ta’ kompetizzjoni, dawn il-koeffiċjenti ma humiex koperti mis-sigriet previst fl-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal.

79      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni (ara l-punt 43 iktar ’il fuq).

80      Skont il-ġurisprudenza, il-Bord tal-Għażla għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex imexxi l-ħidma tiegħu. Għaldaqstant, meta l-avviż ta’ kompetizzjoni ma jipprevedix kriterji ta’ evalwazzjoni, huwa jista’ jiffissa tali kriterji jew, meta l-avviż ta’ kompetizzjoni jipprevedi dawn il-kriterji mingħajr ma jistabbilixxi l-piż rispettiv li għandhom jingħataw, huwa jista’ jiddetermina dan il-piż (ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Mata Blanco vs Il-Kummissjoni, F‑65/10, EU:F:2012:178, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1988, Goossens et vs Il‑Kummissjoni, 228/86, EU:C:1988:172, punti 11, 13 u 14, u tad-19 ta’ April 1988, Santarelli vs Il‑Kummissjoni, 149/86, EU:C:1988:179, punt 10).

81      Minn dan jirriżulta li, meta avviż ta’ kompetizzjoni ma jispeċifikax il-piż ta’ kull kriterju ta’ evalwazzjoni msemmi fl-avviż ta’ kompetizzjoni għal eżami partikolari, il-Bord tal-Għażla jista’ jiddetermina l-mod kif in-numru totali ta’ marki li dan l-avviż jipprevedi għal dan l-eżami għandu jitqassam bejn id-diversi elementi li jikkomponi dan l-eżami, skont l-importanza li huwa jagħti lil dawn l-elementi fid-dawl tal-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Mata Blanco vs Il‑Kummissjoni, F‑65/10, EU:F:2012:178, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      F’dan il-każ, l-avviż tal-kompetizzjoni kontenzjuża kien jiddeskrivi l-elementi li kienu jikkomponu l-eżami orali (ara l-punt 5 iktar ’il fuq), mingħajr madankollu ma kien jispeċifika l-piż li kellu jingħata lil kull wieħed minn dawn l-elementi fid-determinazzjoni tal-marka globali.

83      Għaldaqstant, il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni kontenzjuża kellu d-dritt jiffissa t-tliet koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż inkwistjoni.

84      Madankollu, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma jirriżultax li l-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż inkwistjoni huma esklużi mill-elementi li għandhom jiġu kkomunikati lill-kandidati eliminati, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

85      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, fil-każijiet fejn istituzzjoni jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-istħarriġ tal-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi huwa ta’ importanza fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni u l-obbligu li tagħti motivazzjoni suffiċjenti għad-deċiżjoni tagħha (sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14, u tat-8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren, T‑404/06 P, EU:T:2009:313, punt 163).

86      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 46 u 47 iktar ’il fuq, l-għan tal-obbligu ta’ motivazzjoni huwa preċiżament li jippermetti l-eżerċizzju, mill-persuni kkonċernati, tad-dritt tagħhom għal rimedju effettiv u l-eżerċizzju, mill-qorti tal-Unjoni, tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-amministrazzjoni.

87      Għandu jiġi rrilevat li, peress li l-Bordijiet tal-Għażla għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tagħhom jikkonsisti, għall-qorti, fil-verifika ta’ jekk din is-setgħa diskrezzjonali ġietx eżerċitata fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u jekk dan l-eżerċizzju huwiex ivvizzjat bi żball manifest jew b’użu ħażin ta’ poter jew jekk il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali jkunux manifestament inqabżu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Frar 1999, Jiménez vs UASI, T‑200/97 EU:T:1999:26, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, f’dan il-każ, għalkemm il-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Għażla b’dik tagħha, hija għandha madankollu tkun f’pożizzjoni li tistħarreġ, fid-dawl tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li dan tal-aħħar evalwa l-prestazzjoni orali tar-rikorrenti abbażi tat-tliet komponenti tagħha previsti fl-avviż tal-kompetizzjoni kontenzjuża u li ma sar ebda żball fil-kalkolu tal-marka globali mwettaq abbażi tal-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Għażla fir-rigward ta’ kull wieħed minn dawn it-tliet komponenti.

88      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li, sa fejn ir-rikorrenti ma kinitx taf bil-koeffiċjenti għall-għoti ta’ piż inkwistjoni, id-deċiżjoni tal-15 ta’ April 2020 ma hijiex suffiċjentement motivata, u dan minkejja l-elementi pprovduti lir-rikorrenti mill-Kummissjoni wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, jekk jitqies li dawn jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 48 u 49 iktar ’il fuq.

89      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jintlaqa’ u d-deċiżjoni tal-15 ta’ April 2020 għandha tiġi annullata mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi eżaminat l-ewwel motiv (ara l-punt 38 iktar ’il fuq) u mingħajr ma huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fir-rigward tat-talba, imressqa fil-każ li jkun meħtieġ, għall-annullament tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2019 (ara l-punti 30 u 33 iktar ’il fuq).

 Fuq l-ispejjeż

90      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni interna COM/03/AD/18 (AD 6) – Amministraturi, tal-15 ta’ April 2020, li isem JR ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ amministraturi fil-grad AD 6 fil-qasam tal-amministrazzjoni pubblika Ewropea hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

da Silva Passos

Valančius

Reine

Truchot

 

      Sampol Pucurull

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Settembru 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.