Language of document : ECLI:EU:T:2017:907

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

14 ta’ Diċembru 2017 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Proċedura ta’ promozzjoni 2015 – Deċiżjoni li r-rikorrent ma jiġix promoss għall-grad AD 10, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2015 – Trasferiment interistituzzjonali – Sistema prorata temporis – Eżami komparattiv tal-merti – Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal – Responsabbiltà”

Fil-Kawża T‑21/17,

RL, uffiċjal tal-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn C. Bernard-Glanz u A. Tymen, avukati,

rikorrent,

vs

IlQorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Inghelram u V. Hanley-Emilsson, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-11 ta’ Mejju 2016 li tirrifjuta li tippromwovi r-rikorrent fl-1 ta’ Lulju 2015 u, min-naħa l-oħra, li tikseb kumpens għad-dannu li r-rikorrent kien allegatament issubbixxa,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

komposta minn S. Gervasoni (Relatur), President, K. Kowalik–Bańczyk u C. Mac Eochaidh, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) jipprovdi:

“Il-promozzjoni għandha tkun b’deċiżjoni mill-awtorità tal-ħatra fuq il-bażi tal-Artikolu 6(2). Sakemm ma tkunx tapplika l-proċedura stipulata fl-Artikoli 4 u 29(1), l-uffiċjali jistgħu jiġu promossi biss jekk ikunu jokkupaw pożizzjoni li tikkorrispondi ma’ waħda mit-tipi ta’ pożizzjonijiet li huma stabbiliti fl-Anness I, Taqsima A, għall-grad ogħla li jkun imiss. Il-promozzjoni għandha tkun effettwata bil-ħatra tal-uffiċjal għall-grad aktar għoli li jmiss fil-grupp tal-funzjoni li miegħu jappartjeni. Il-promozzjoni għandha tkun esklussivament bl-għażla fost l-uffiċjali li għamlu perjodu minimu ta’ sentejn fil-grad tagħhom, wara konsiderazzjoni tal-meriti komparabbli tal-uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni. Meta tikkunsidra l-merti għall-paragun, l-awtorità tal-ħatra għandha tikkunsidra partikolarment ir-rapporti dwar l-uffiċjali, l-użu tal-lingwi fl-eżekuzzjoni tad-dmirijiet tagħhom, għajr il-lingwa li għaliha pproduċew evidenza ta’ għarfien sew, skont il-punt (f) tal-Artikolu 28 u l-livell tar-responsabbiltajiet eżerċitat minnhom.

[…]”

2        Bis-saħħa tal-istruzzjonijiet dwar il-promozzjoni, annessi mad-Deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ Ottubru 2005 dwar il-promozzjonijiet (iktar ’il quddiem l-“istruzzjonijiet dwar il-promozzjoni”), sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni għal promozzjoni, l-uffiċjali għandhom normalment ikollhom numru ta’ punti ta’ promozzjoni għall-inqas daqs il-limitu ta’ riferiment (punt 3).

3        Il-punt 4 tal-istruzzjonijiet dwar il-promozzjoni jispeċifika li l-uffiċjali jakkwistaw, matul kull sena li għaddiet fil-grad ikkunsidrat, punti ta’ promozzjoni f’parametru li jmur minn 0 sa 3. Il-fatt li ma jiksbu ebda punt jikkorrispondi ma’ karriera imblukkata għall-mument, li jiksbu punt 1 jikkorrispondi ma’ karriera bil-mod, billi jiksbu 2 jikkorrispondi ma’ karriera normali u billi jiksbu 3 għall-karriera mgħaġġla.

4        Ukoll skont l-istruzzjonijiet dwar il-promozzjoni, il-punti ta’ promozzjoni huma attribwiti kull sena mid-direttur tad-direttorat li għalih jappartjeni l-uffiċjal, fuq il-bażi tal-meriti ta’ dan tal-aħħar u prinċipalment tar-Rapport ta’ evalwazzjoni (punt 5), u d-direttur jistabbilixxi kull sena, għal kull grad, il-lista tal-uffiċjali tad-direttorat tiegħu li laħqu l-limitu ta’ riferiment (punt 7).

5        Finalment, il-punt 8 tal-istruzzjonijiet dwar il-promozzjoni jipprovdi li l-listi huma ppubblikati u trażmessi lill-Kumitat konġunt tal-promozzjoni, li jipproċedi, għal kull grad, għall-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali kollha intitolati għal promozzjoni, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-punti ta’ promozzjoni miksuba u billi jiġi vverifikat il-koerenza tagħhom mar-Rapporti ta’ evalwazzjoni. Fl-aħħar ta’ xogħlu, il-kumitat jelenka, għal kull grad, il-lista ta’ uffiċjali proposti għall-promozzjoni, billi jindika l-ordni ta’ prijorità. Din il-lista hija trażmessa għal deċiżjoni lill-Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”).

6        Bħala regola ġenerali, fis-sistema ta’ promozzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-eżaminazzjoni tan-numru ta’ punti miksuba kienet issir fuq il-bażi tas-sitwazzjoni tal-persuni kkonċernati fl-1 ta’ Jannar tas-sena. Madankollu, ġiet implementata miżura speċjali matul il-proċeduri ta’ promozzjoni 2006, 2007 u 2008 għall-benefiċċju tal-uffiċjali reklutati mill-1 ta’ Mejju 2004 għal ċerti gradi, li bis-saħħa tagħha l-akkumulazzjoni tal-punti kienet eżaminata mhux biss fl-1 ta’ Jannar tas-sena, iżda wkoll l-ewwel jum ta’ kull xahar matul is-sena (iktar ’il quddiem il-“miżura prorata temporis”).

7        Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura prorata temporis ġiet estiża għall-gradi oħra fl-2009. Iktar preċiżament, skont il-punt 6 tal-konklużjonijiet tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni bejn l-amministrazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-European Public Service Union (l-Unjoni għas-Servizz Pubbliku Ewropew) dwar is-sistema tal-promozzjoni fis-seħħ fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropew tas-27 ta’ Ottubru 2009, in-numru ta’ punti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-promozzjoni bis-saħħa tal-miżura prorata temporis inkiseb “billi ngħoddu […] l-akkumulazzjoni tal-punti fil-31 ta’ Diċembru tas-sena N-1 [u,] fl-1 ta’ kull xahar tas-sena N, wieħed minn tnax ta’ żewġ punti jew, fil-każ fejn l-uffiċjal kiseb inqas minn żewġ punti abbażi tas-sena N-1, wieħed minn tnax tan-numru ta’ punti effettivament mogħtija” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

8        B’effett mill-proċedura ta’ promozzjoni 2015, il-benefiċċju tal-miżura prorata temporis ġiet estiża għall-promozzjonijiet kollha sal-gradi AST 8 u AD 11 inklużi u irrispettivament mid-data ta’ reklutaġġ tal-uffiċjali kkonċernati (punt 1 tal-konklużjonijiet tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni bejn l-amministrazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-European Public Service Union – il-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-funzjonament tas-sistema ta’ promozzjoni tat-22 ta’ Lulju 2015).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

9        Ir-rikorrent, RL, daħal fis-servizz tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Ottubru 2004 bħala membru tal-persunal temporanju. Ġie maħtur uffiċjal fl-1 ta’ Marzu 2006.

10      Fis-16 ta’ Marzu 2015, ir-rikorrent ġie ttrasferit fil-Parlament Ewropew. Kien ikklassifikat fil-Grad AD 9, skala 2, fil-mument ta’ dan it-trasferiment.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Lulju 2015, l-Awtorità tal-Ħatra stabbilixxiet għal 8 punti l-limitu ta’ riferiment applikabbli għall-uffiċjali tal-Grad AD 9 għal promozzjoni għall-Grad AD 10 abbażi tal-proċedura ta’ promozzjoni 2015.

12      Wara t-talba tiegħu, ir-rikorrent ġie informat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fis-7 ta’ Diċembru 2015, li ma kien kiseb ebda punt ta’ promozzjoni abbażi tas-sena 2014.

13      Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Diċembru 2015, ir-rikorrent ikkontesta d-deċiżjoni li ma jingħatalu ebda punt ta’ promozzjoni abbażi tas-sena 2014 u talab l-għoti ta’ 2.5 sa 3 punti għal din l-istess sena. Fl-10 ta’ Frar 2016, barra minn hekk, huwa ressaq ilment kontra d-deċiżjoni li ma jingħatawlux punti ta’ promozzjoni għas-sena 2014 kif ukoll kontra dik li ma jiġix promoss abbażi tal-proċedura 2015.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Marzu 2016, ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-kapaċità tiegħu bħala Awtorità tal-Ħatra, konformement mal-opinjoni tal-Kumitat ta’ promozzjoni, ta 2.5 punti ta’ promozzjoni lir-rikorrent għas-sena 2014.

15      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal-15 ta’ Marzu 2016, ir-rikorrent talab l-eżaminazzjoni mill-ġdid tad-deċiżjoni li tirrifjuta li tippromwovih fid-dawl tal-għoti ta’ dawn il-punti ta’ promozzjoni.

16      Permezz ta’ opinjoni tas-7 ta’ April 2016, il-Kumitat ta’ promozzjoni rrakkomanda lill-Awtorità tal-Ħatra biex tikkonferma d-deċiżjoni tagħha li r-rikorrent jiġi promoss biss, minħabba li l-persuna kkonċernata, fid-dawl ta’ dawn il-punti ġodda ta’ promozzjoni u ta’ dawk li jirriżultaw mill-miżura prorata temporis, ma kienx jilħaq il-limitu ta’ riferiment biex jidher fil-lista tal-uffiċjali intitolati għall-promozzjoni, limitu stabbilit għal 8 punti, fl-1 ta’ Lulju 2015, f’data wara dik tat-trasferiment tiegħu għall-Parlament, fis-16 ta’ Marzu 2015.

17      Permezz tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Mejju 2016, ikkomunikata lir-rikorrent fl-20 ta’ Mejju 2016, l-Awtorità tal-Ħatra ddeċidiet li ma tippromwovihx abbażi tal-proċedura tal-2015 għall-motivi espressi fl-opinjoni tal-Kumitat ta’ promozzjoni annessa mad-deċiżjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

18      Fit-13 ta’ Lulju 2016, il-kumitat responsabbli tal-ilmenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, barra minn hekk, iddeċieda li ma kienx hemm iżjed lok li tingħata deċiżjoni fuq l-ilment tar-rikorrent fl-10 ta’ Frar 2016, minħabba li din kienet saret mingħajr għan wara l-għoti ta’ punti ta’ promozzjoni lir-rikorrent għas-sena 2014 u tad-deċiżjoni kkontestata, li għal darba oħra rrifjutat li tippromwovih minkejja l-għoti ta’ dawn il-punti.

19      Fit-22 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrent ressaq ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata, li ġie miċħud fis-6 ta’ Ottubru 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment”). Id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment ġiet ikkomunikata l-istess jum lill-persuna kkonċernata.

20      Permezz ta’ deċiżjoni tal-Parlament tal-25 ta’ Ottubru 2016, ir-rikorrent ġie promoss retroattivament għall-grad AD 10, skala 1, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2016.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Jannar 2017, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

22      Adita b’talba mressqa mir-rikorrent fuq il-bażi tal-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar ħalliet barra l-isem ta’ din il-parti kif ukoll data oħra li tikkonċernaha fil-verżjoni għall-pubbliku ta’ din is-sentenza.

23      Peress li l-partijiet ma talbux iż-żamma ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali abbażi tal-Artikolu 106(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla), li qieset li kellha informazzjoni biżżejjed mid-dokumenti fil-proċess tal-kawża, iddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li tiddeċiedi mingħajr il-fażi orali tal-proċedura.

24      Ir-rikorrent titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata u, sa fejn meħtieġ, id-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment tiegħu;

–        tikkundanna lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li tikkumpensa għad-dannu materjali subit;

–        tikkundanna lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

25      Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq it-talbiet għal annullament

26      Skont ġurisprudenza stabbilita, talbiet għal annullament imressqa formalment kontra deċiżjoni li tiċħad ilment għandhom l-effett, meta d-deċiżjoni ma jkollhiex kontenut awtonomu, li jressqu quddiem il-Qorti Ġenerali l-att li kontrih tressaq l-ilment (sentenzi tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il‑Parlament, 293/87, EU:C:1989:8, punt 8; u tas-6 ta’ April 2006, Camós Grau vs Il‑Kummissjoni, T‑309/03, EU:T:2006:110, punt 43). Peress li d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, f’dan il-każ, ma jkollhiex kontenut awtonomu, peress li hija tikkonferma biss, essenzjalment, id-deċiżjoni kkontestata, ir-rikors għandu jitqies bħala dirett kontra d-deċiżjoni kkontestata.

27      Ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi insostenn tat-talba għal annullament tiegħu. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal u t-tieni fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll fuq il-prinċipju tal-uniċità tas-servizz pubbliku Ewropea.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal

28      Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet bi ksur tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif interpretat mill-ġurisprudenza u implementat mir-regoli interni ta’ promozzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

29      Ir-rikorrent jargumenta li minn din il-ġurisprudenza u minn dawn ir-regoli interni jirriżulta li, meta uffiċjal jista’ jiġi promoss matul is-sena li matulha jkun ittrasferit minn istituzzjoni għall-oħra, l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti hija dik tal-istituzzjoni tal-oriġini u s-sistema ta’ promozzjoni li għandha tiġi applikata hija dik stabbilita minn din l-istituzzjoni, u dan ukoll jekk dan l-uffiċjal ġie ttrasferit f’istituzzjoni oħra qabel id-data ta’ dħul fis-seħħ tal-promozzjoni eventwali tiegħu. Minn dan isegwi, f’dan il-każ, li r-rikorrent kien laħaq il-limitu ta’ promozzjoni fl-1 ta’ Lulju 2015 u li kien imissu ġie promoss minn din id-data mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, minkejja t-trasferiment tiegħu lill-Parlament fis-16 ta’ Marzu 2015.

30      Ir-rikorrent iżid jgħid li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-punti ta’ promozzjoni akkumulati b’mod fittizju lil hinn mis-16 ta’ Marzu 2015 ma jwassalx li jqabbel il-merti tiegħu ma’ dawk tal-kollegi l-ġodda tiegħu tal-Parlament, li huwa għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex ġurisdizzjoni. Fil-fatt, is-sistema ta’ promozzjoni stabbilita fi ħdan il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ibbażata fuq il-miżura prorata temporis, tippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni tal-punti ta’ promozzjoni akkumulati matul is-sena ta’ promozzjoni, li huma mogħtija fuq il-bażi esklużiva tal-punti ta’ promozzjoni diġà mogħtija matul is-sena ta’ qabel is-sena ta’ promozzjoni, li matulha r-rikorrent kien uffiċjali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’mod li l-merti tiegħu kienu ġew imqabbla ma’ dawk ta’ uffiċjali oħra ta’ din l-istess istituzzjoni.

31      Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tenfasizza, preliminarjament, li r-rikorrent ma jikkontestax il-legalità tas-sistema ta’ promozzjoni applikata f’dan il-każ fid-dawl tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal. Hija tfakkar ukoll li r-Regolamenti tal-Persunal ma jagħtux id-dritt għal promozzjoni, anki lill-uffiċjali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha biex ikunu jistgħu jiġu promossi. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea żżid tgħid li wieħed jeħtieġ mill-Awtorità tal-Ħatra li tagħti punti ta’ promozzjoni lill-uffiċjal ittrasferit wara d-data tat-trasferiment tiegħu huwa ekwivalenti li wieħed jeħtieġ minn din l-Awtorità tal-Ħatra li hija tkompli twettaq eżami komparattiv tal-merti lil hinn mid-data tat-trasferiment, liema fatt ma huwiex konformi la mar-regoli interni tagħha ta’ promozzjoni, u lanqas mal-ġurisprudenza. Hija tippreċiża, fil-kontroreplika, li l-miżura prorata temporis tikkostitwixxi fizzjoni legali li għaliha l-merti akkumulati matul il-proċedura biss ta’ promozzjoni huma tradotti f’punti ta’ promozzjoni li ttieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżaminazzjoni komparattiva li twettqet matul din l-istess proċedura. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tqis, finalment, li huwa inammissibbli l-argument imqajjem għall-ewwel darba fir-replika, li jgħid li ebda punt ta’ mertu ma kien ingħata lir-rikorrent għall-perijodu li jmur mill-1 ta’ Jannar sas-16 ta’ Marzu 2015.

32      Għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li l-partijiet jaqblu fuq l-istituzzjoni kompetenti biex tiddeċiedi dwar il-promozzjoni tar-rikorrent abbażi tal-proċedura ta’ promozzjoni 2015, jiġifieri, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, istituzzjoni tal-oriġini tar-rikorrent.

33      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, meta uffiċjal jista’ jiġi promoss matul is-sena li matulha jkun ittrasferit minn istituzzjoni għal oħra, l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti biex tiddeċiedi l-promozzjoni tiegħu hija dik tal-istituzzjoni tal-oriġini (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2011, Mora Carrasco et vs Il‑Parlament, F‑128/10, EU:F:2011:96, punt 39; digrieti tal-5 ta’ Lulju 2011, Alari vs Il‑Parlament, F‑38/11, EU:F:2011:103, punt 31, u tat-12 ta’ Diċembru 2013, Debaty vs Il‑Kunsill, F‑47/13, EU:F:2013:215, punt 22).

34      Il-partijiet jaqblu wkoll fuq il-fatt li s-sistema ta’ promozzjoni li għandha tiġi applikata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija s-sistema proprja tagħha ta’ promozzjoni, kif inhi stabbilita minn diversi dispożizzjonijiet interni mfakkra fil-punti 2 sa 8 iktar ’il fuq u li l-legalità tagħha ma hijiex, tabilħaqq, ikkontestata mir-rikorrent.

35      Fil-fatt, għandu jiġi kkunsidrat li jirriżulta neċessarjament mill-kompetenza tal-Awtorità tal-Ħatra tal-istituzzjoni tal-oriġini biex tiddeċiedi fuq il-promozzjoni ta’ uffiċjal matul is-sena li matulha huwa ġie ttrasferit u fuq il-bażi ta’ din il-kompetenza li huwa l-paragun neċessarju tal-merti bejn l-uffiċjali kollegi tal-istess istituzzjoni fil-mument ta’ dan il-paragun (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2011, Mora Carrasco et vs Il‑Parlament, F‑128/10, EU:F:2011:96, punt 35, u d-digriet tal-5 ta’ Lulju 2011, Alari vs Il‑Parlament, F‑38/11, EU:F:2011:103, punt 27) li l-istituzzjoni tal-oriġini kkonċernata tapplika s-sistema tagħha proprja ta’ promozzjoni. Barra minn hekk, jista’ jiġi rrilevat li l-applikazzjoni tas-sistema ta’ promozzjoni tal-istituzzjoni tal-oriġini ġiet ukoll miftiehma mill-kulleġġ ta’ kapi ta’ amministrazzjoni fil-konklużjonijiet tiegħu tat-30 ta’ Novembru 2011. Fil-fatt, mill-imsemmija konklużjonijiet jirriżulta, mingħajr ma jkun hemm lok li tingħata deċiżjoni f’dan il-każ fuq is-saħħa vinkolanti tagħhom li hija diskussa bejn il-partijiet, li “d-data ta’ dħul fis-seħħ tal-promozzjoni hija dik li tirriżulta mis-sistema ta’ promozzjoni tal-istituzzjoni tal-oriġini” [traduzzjoni mhux uffiċjali], liema fatt jindika li din id-data għandha tiġi ddeterminata skont l-imsemmija sistema.

36      Il-partijiet huma diverġenti, min-naħa l-oħra, fuq l-applikazzjoni fil-każ f’dan il-każ tas-sistema ta’ promozzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, fuq dik tal-miżura prorata temporis.

37      Għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, li mill-ġurisprudenza dwar il-promozzjoni f’każ ta’ trasferiment interistituzzjonali jirriżulta li huwa neċessarju li jiġu pparagunati l-merti tal-uffiċjali ttrasferiti ma’ dawk tal-uffiċjali li kienu għadhom il-kollegi tagħhom matul is-sena ta’ qabel it-trasferiment tagħhom. Fil-fatt, sabiex jiġi deċiż jekk uffiċjal għandu jiġi promoss b’mod retroattiv fl-1 ta’ Jannar tas-sena N, l-Awtorità tal-Ħatra tista’, fil-prattika, twettaq eżami komparattiv tal-merti tal-passat tal-uffiċjali, b’mod partikolari matul is-sena N-1 u fid-dawl tar-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjoni ta’ dawn l-uffiċjali matul is-snin N-1 u preċedenti (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2011, Mora Carrasco et vs Il‑Parlament, F‑128/10, EU:F:2011:96, punt 35; digrieti tal-5 ta’ Lulju 2011, Alari vs Il‑Parlament, F‑38/11, EU:F:2011:103, punt 27, u tat-12 ta’ Diċembru 2013, Debaty vs Il‑Kunsill, F‑47/13, EU:F:2013:215, punt 23).

38      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-promozzjoni hija deċiża b’mod retroattiv, li tieħu effett f’data li fiha l-uffiċjal ikkonċernat li kien jaqa’ taħt l-istituzzjoni kompetenti biex tiddeċiedi dwar il-promozzjoni tiegħu. Fil-fatt, peress li l-għotja ta’ promozzjoni tippreżumi d-disponibbiltà ta’ finanzi għal pożizzjoni vakanti li tikkorrispondi għall-grad inkwistjoni u li kull istituzzjoni tistabbilixxi b’mod awtonomu n-numru ta’ impjiegi fi ħdanha, bis-saħħa tal-Artikolu 6 tar-Regolamenti tal-Persunal, u b’rabta ma’ dan il-lista ta’ impjiegi vakanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2011, Mora Carrasco et vs Il‑Parlament, F‑128/10, EU:F:2011:96, punt 37), l-istituzzjoni kompetenti biex tiddeċiedi l-promozzjoni tista’ biss tippromwovi l-uffiċjal ikkonċernat f’data li fiha hija f’pożizzjoni li tittrasferih f’pożizzjoni vakanti fi ħdanha, jiġifieri matul il-perijodu li fih dan l-uffiċjal jaqa’ taħt l-imsemmija istituzzjoni.

39      Għandu jiġi enfasizzat, fit-tieni lok, li, kuntrarjament għas-sistemi ta’ promozzjoni inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għal din il-ġurisprudenza, is-sistema ta’ promozzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tipprevedi, bis-saħħa tal-miżura prorata temporis, li promozzjoni hija possibbli mhux biss fl-1 ta’ Jannar, iżda wkoll fl-ewwel jum ta’ kull xahar li huwa fost ix-xhur segwenti tas-sena N u li, għall-finijiet tal-promozzjoni matul is-sena N, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-punti mogħtija abbażi tas-sena N-1 bħal dawk miksuba abbażi tas-sena N.

40      Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li l-punti mogħtija matul is-sena N, li jaqgħu taħt eżami komparattiv tal-merti abbażi tas-sena N, kif issostni l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jew li jirriżultaw minn sempliċi estrapolazzjoni fittizja tal-paragun tal-merti li twettqu abbażi tas-sena N-1, kif jallega r-rikorrent, jistgħu jingħataw biss sakemm l-uffiċjal ikkonċernat jaqa’ taħt l-istituzzjoni kompetenti għall-evalwazzjoni komparattiva tal-merti u, b’hekk, biex tiddeċiedi dwar il-promozzjoni. Fil-fatt, sa fejn l-għoti ta’ dawn il-punti jiddaħħlu, bħall-interventi sussegwenti tal-Kumitat konġunt tal-promozzjoni u tal-Awtorità tal-Ħatra, fil-proċedura ta’ promozzjoni tas-sena N (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2016, Kotula vs Il‑Kummissjoni, F‑118/15, EU:F:2016:138, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata), għall-finijiet li tiġi ddeterminata d-data tal-promozzjoni tal-uffiċjal ikkonċernat, dawn il-punti jistgħu jingħataw biss sad-data li fiha l-istituzzjoni hija kompetenti biex tagħmel paragun tal-merti tar-rikorrent ma’ dawk tal-kollegi tiegħu fl-imsemmija istituzzjoni u tista’ tippromwovih, jiġifieri, f’dan il-każ, fid-data tat-trasferiment tar-rikorrent lill-Parlament.

41      F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għaldaqstant, ġustament, irrifjutat li tagħti punti lir-rikorrent abbażi tal-proċedura ta’ promozzjoni 2015 wara d-data tat-trasferiment tiegħu lill-Parlament fis-16 ta’ Marzu 2015.

42      B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma kisritx wieħed mill-għanijiet segwiti mill-miżura prorata temporis, enfasizzat mir-rikorrent, li jikkonsisti f’li tiġi żgurata ugwaljanza aħjar fit-trattament bejn uffiċjali billi jitnaqqas l-effett każwali tad-data tal-ilħuq tal-limitu ta’ promozzjoni. Fil-fatt, it-trattament ugwali inkwistjoni jikkonċerna l-uffiċjali li jilħqu l-limitu ta’ promozzjoni fl-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ promozzjoni u dawk tal-istess istituzzjoni li jilħquh sussegwentement, u mhux l-uffiċjali li jibqgħu fl-istituzzjoni tagħhom u dawk ittrasferiti.

43      Madankollu, l-applikazzjoni f’dan il-każ tal-miżura prorata temporis mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija sostnuta mid-digriet tat-12 ta’ Diċembru 2013, Debaty vs Il‑Kunsill (F‑47/13, EU:F:2013:215). Ċertament, kif jenfasizzah b’mod rilevanti r-rikorrent, l-intervent tat-trasferiment tiegħu matul il-proċedura ta’ promozzjoni jiddistingwi s-sitwazzjoni tiegħu minn dik tar-rikorrent fil-kawża li tat lok għad-digriet tat-12 ta’ Diċembru 2013, Debaty vs Il‑Kunsill (F‑47/13, EU:F:2013:215). Fil-fatt, f’din il-kawża, ir-rikorrent kien ġie ttrasferit f’istituzzjoni oħra fl-2011, qabel il-bidu tas-sena 2012, li abbażi tagħha seta’ jippretendi promozzjoni. Madankollu, kuntrarjament għal dak li jargumenta r-rikorrent, il-kunsiderazzjonijiet li jidhru f’dan id-digriet ma humiex mingħajr rilevanza f’dan il-każ, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea kkunsidra essenzjalment, bħall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fid-deċiżjoni kkontestata, li d-data tat-trasferiment li kienet tiddetermina l-istituzzjoni kompetenti biex tiddeċiedi dwar il-promozzjoni, iżda wkoll u b’rabta ma’ dan l-uffiċjali li magħhom l-uffiċjal ikkonċernat minn promozzjoni kellu jitqabbel kif ukoll id-data li fiha setgħet tintervjeni promozzjoni, jiġifieri data li fiha l-uffiċjal kien jaqa’ taħt l-istituzzjoni kompetenti (digriet tat-12 ta’ Diċembru 2013, Debaty vs Il‑Kunsill (F‑47/13, EU:F:2013:215, punti 23 u 24).

44      Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud, mingħajr ma jkun hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq il-kritika mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fuq l-ammissibbiltà tal-argument imqajjem għall-ewwel darba fir-replika, li jgħid li ebda punt ma kellu jingħata lir-rikorrent għall-perijodu li jmur mill-1 ta’ Jannar sas-16 ta’ Marzu 2015. Fil-fatt, peress li jirriżulta mill-eżaminazzjoni tal-ewwel motiv li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma kinitx obbligata tagħti punti lir-rikorrent wara s-16 ta’ Marzu 2015, il-punti mogħtija għall-perijodu li jmur mill-1 ta’ Jannar sas-16 ta’ Marzu 2015 ma kinux jippermettulu li jilħaq il-limitu ta’ promozzjoni, b’mod li dan l-argument għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud bħala ineffettiv.

 Fuq it-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-uniċità tas-servizz pubbliku Ewropew.

45      L-ewwel nett, ir-rikorrent jargumenta li, billi rrifjutat li tippromwovih, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fir-realtà, issospendiet il-parteċipazzjoni tiegħu fil-proċedura ta’ promozzjoni 2015 minħabba t-trasferiment tiegħu lill-Parlament, b’hekk tikkawża preġudizzju għall-prinċipju tal-uniċità tas-servizz pubbliku Ewropew u għall-vokazzjoni tiegħu li jagħmel karriera. It-tieni nett, huwa jallega li dan ir-rifjut ta’ promozzjoni kien jikser ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li kellu, minħabba l-fatt biss ta’ dan it-trasferiment, jiġi ttrattat b’mod differenti mill-kollegi tiegħu għaldaqstant imqiegħda f’sitwazzjoni identika tiegħu matul is-sena ta’ qabel it-trasferiment tiegħu.

46      Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-ewwel nett, twieġeb li l-prinċipju tal-uniċità tas-servizz pubbliku Ewropew ma jimplikax li l-istituzzjonijiet għandhom jużaw b’mod identiku s-setgħa diskrezzjonali u li ma jistax ikollhom bħala konsegwenza li jobbligaw istituzzjoni li tieħu deċiżjonijiet fil-qasam tal-promozzjoni li tikser l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal. It-tieni nett, hija tenfasizza li l-obbligu li wieħed jagħmel eżami komparattiv tal-merti previst mill-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal li huwa espressjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, iċ-ċaħda tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal għandha twassal li tiċħad l-ilment li jikkritika n-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Hija żżid tgħid li, anki jekk is-sitwazzjoni tar-rikorrent, fl-2014, kienet l-istess bħal dik tal-kollegi tiegħu tal-istituzzjoni, hija tippreżenta differenza essenzjali fl-2015 minħabba l-fatt tat-trasferiment tiegħu lill-Parlament.

47      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod sakemm dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2008, Chetcuti vs Il‑Kummissjoni, C‑16/07 P, EU:C:2008:549, punt 40, u tad-9 ta’ Frar 1994, Lacruz Bassols vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑109/92, EU:T:1994:16, punt 87).

48      Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-eżami komparattiv tal-merti previst mill-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa l-espressjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara d-digriet tat-8 ta’ Ottubru 2015, Nieminen vs Il‑Kunsill, T‑464/14 P, EU:T:2015:787, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      F’dan il-każ, għandu jitqies li dan il-prinċipju ma ġiex miksur, fid-dawl tad-differenza, fl-2015, bejn is-sitwazzjoni tar-rikorrent u dik tal-uffiċjali l-oħra tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li kien is-suġġett ta’ eżami komparattiv qabel il-promozzjoni. Fil-fatt, għad-differenza ta’ dawn l-uffiċjali l-oħra, ir-rikorrent ġie ttrasferit f’istituzzjoni oħra matul il-proċedura tal-promozzjoni kkonċernata. B’hekk, il-perijodu meqjus mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għall-finijiet tal-eżami komparattiv tal-merti tar-rikorrent u tal-kollegi tiegħu tal-istess istituzzjoni u għall-finijiet tal-għoti ta’ punti ta’ promozzjoni jista’ jiġi biss limitat, fl-2015, mill-1 ta’ Jannar sal-15 ta’ Marzu 2015. Huwa, għaldaqstant, indifferenti li, kif isostni r-rikorrent, dan tal-aħħar ġie f’sitwazzjoni identika għal dik tal-kollegi tiegħu wkoll uffiċjali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-2014, u dan iktar u iktar li r-rikorrent ma jallega b’ebda mod li kien issubixxa diskriminazzjoni matul l-għoti tal-punti ta’ promozzjoni abbażi tas-sena 2014. Wieħed jista’ jżid jgħid, b’risposta għall-allegazzjoni ta’ riskju ta’ arbitrarjetà fid-determinazzjoni tad-data tat-trasferiment mill-istituzzjonijiet u ta’ użu ħażin ta’ poter, li dan ir-riskju bl-ebda mod ma huwa sostnut u li huwa, fi kwalunkwe każ, limitat b’mod wiesa’ kemm permezz tal-miżura prorata temporis kif ukoll mill-fatt li l-inizjattiva tat-trasferiment hija dover tal-uffiċjal u li ftehim komun taż-żewġ istituzzjonijiet ikkonċernati huwa meħtieġ biex tiġi ddeterminata d-data tat-trasferiment.

50      Lanqas ma jirriżulta minn din id-differenza fit-trattament ibbażata fuq it-trasferiment interistituzzjonali, dannu għall-prinċipju ta’ uniċità tas-servizz pubbliku Ewropew.

51      Fil-fatt, għandu jitfakkar, fit-tieni lok, li huwa, ċertament, mill-ġurisprudenza stabbilita li, skont il-prinċipju ta’ uniċità tas-servizz pubbliku, li ġiet stabbilita mill-Artikolu 9(3) tat-Trattat ta’ Amsterdam, l-uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet kollha huma suġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal uniċi u għaldaqstant għall-istess dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-11 ta’ Ottubru 2012, Cervelli vs Il‑Kummissjoni, T‑622/11 P, EU:T:2012:538, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, billi jinvoka, f’dan il-każ, li t-trasferiment interistituzzjonali kellu jwassal għas-sospensjoni tal-parteċipazzjoni tiegħu għall-proċedura ta’ promozzjoni 2015 bi ksur ta’ dan il-prinċipju ta’ uniċità, ir-rikorrent ma kkritikax il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li tapplika regoli differenti għal dawk tal-Parlament, lanqas a fortiori l-adozzjoni minn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet ta’ regoli interni ta’ promozzjoni differenti. Jikkritikaha, bil-kontra, li ma applikatx bis-sħiħ ir-regoli proprji tagħha u, b’mod partikolari, il-miżura prorata temporis bħalma kien baqa’ uffiċjal ta’ din l-istituzzjoni. Bl-argumentazzjoni tiegħu, ir-rikorrent ma jikkritikax, għaldaqstant, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea n-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ uniċità tas-servizz pubbliku Ewropew, b’mod li l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan il-prinċipju ma jistax jiġi milqugħ.

52      Wieħed jista’ jżid jgħid li dan jgħodd ukoll jekk din l-argumentazzjoni għandha tiġi interpretata bħala li tikkritika lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li ppenalizzatu minħabba t-trasferiment tiegħu lill-Parlament.

53      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta ċar li huwa obbligu tal-istituzzjonijiet li jiżguraw, minn naħa, li l-mobbiltà ma tikkawżawx dannu għall-iżvolġiment tal-karriera tal-uffiċjali li huma s-suġġett tiegħu u, min-naħa l-oħra, li l-uffiċjali ttrasferiti ma jkunux ġew ippenalizzati taħt il-proċedura ta’ promozzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2000, Cubero Vermurie vs Il‑Kummissjoni, T‑187/98, EU:T:2000:225, punti 68 u 69, u tat-18 ta’ Settembru 2013, Scheidemann vs Il‑Kummissjoni, F‑76/12, EU:F:2013:132, punt 29). Jista’ wkoll jiġi kkonstatat li r-rikorrent kien laħaq il-limitu ta’ promozzjoni fl-1 ta’ Lulju 2015, li jippermettielu li jidher fil-lista ta’ uffiċjali intitolati għall-promozzjoni, jekk kien baqa’ uffiċjali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u li ġie promoss għall-grad A10 mill-Parlament biss mill-1 ta’ Jannar 2016.

54      Madankollu, minn naħa, il-qorti tal-Unjoni enfasizzat f’diversi sentenzi tagħha l-importanza tal-awtonomija ta’ kull istituzzjoni bħala persuna li timpjega, billi eskludiet argumenti bbażati fuq l-uniċità tas-servizz pubbliku Ewropew. Minn dan jirriżulta li uffiċjal ittrasferit f’istituzzjoni ma jistax jippretendi l-applikazzjoni tal-istess regoli ta’ promozzjoni minn dawk, iktar favorevoli, applikati mill-istituzzjoni tiegħu tal-oriġini għall-finijiet li jsostni li huwa ġie ppenalizzat fil-promozzjoni tiegħu minħabba l-mobbiltà tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, V vs Il‑Parlament, F‑46/09, EU:F:2011:101, punt 135 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, minn ġurisprudenza ugwalment stabbilita jirriżulta li r-Regolamenti tal-Persunal ma jagħtu ebda dritt għal promozzjoni, anki lill-uffiċjali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha biex ikunu jistgħu jiġu promossi, li fosthom dik li jilħaq limitu ta’ promozzjoni (ara s-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2005, Dionyssopoulou vs Il‑Kunsill, T‑284/02, EU:T:2005:188, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2011, Praskevicius vs Il‑Parlament, F‑81/10, EU:F:2011:120, punt 51). Fil-fatt, l-għoti ta’ punti ta’ promozzjoni ma jistabbilixxix definittivament il-pożizzjoni tal-istituzzjoni fl-aħħar ta’ proċedura ta’ promozzjoni, l-Awtorità tal-Ħatra li tippreżerva s-setgħa diskrezzjonali tagħha u peress li ma hijiex marbuta mill-punti ta’ promozzjoni mogħtija mid-diretturi jew mill-kapijiet tas-servizz, la mil-limitu ta’ riferiment, u lanqas mill-Kumitat konġunt tal-promozzjoni (ara, fir-rigward tal-proċedura ta’ promozzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003, Breton vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑323/02, EU:T:2003:340, punti 48 u 50). Ma jistax, għaldaqstant, jiġi dedott mill-fatt li r-rikorrent kien laħaq il-limitu tal-promozzjoni fl-1 ta’ Lulju 2015 billi baqa’ uffiċjal tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li dan kellu neċessarjament id-dritt għal promozzjoni f’dik id-data. Lanqas ma jista’ b’hekk jiġi dedott dewmien fil-promozzjoni u, għaldaqstant, penalizzazzjoni tar-rikorrent minħabba l-mobbiltà tiegħu. Għaldaqsant it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

56      Minn dan isegwi li għandhom jiġu miċħuda t-talbiet għal annullament.

 Fuq it-talbiet għal kumpens

57      Ir-rikorrent jitlob li jiġi kkumpensat tad-dannu materjali li kien sofra minħabba illegalitajiet invokati abbażi taż-żewġ motivi mqajma insostenn għat-talbiet tiegħu għal annullament. Huwa jippreċiża li d-dannu materjali li sofra huwa ekwivalenti prinċipalment għad-differenza bejn, minn naħa, ir-remunerazzjoni li kien irċieva bejn l-1 ta’ Lulju u l-31 ta’ Diċembru 2015 jekk kien ġie maħtur fil-grad AD 10 fl-1 ta’ Lulju 2015 u, min-naħa l-oħra, dak li effettivament irċieva bejn l-1 ta’ Lulju 2015 u l-1 ta’ Jannar 2016, data tal-ħatra effettiva tiegħu fil-grad AD 10. Huwa jallega, barra minn hekk, li ma għandu ebda dubju li huwa l-aġir illegali msemmi hawn fuq tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li kkawżatlu dan id-dannu. Ir-rikorrent iżid jgħid, fir-replika, li r-retroattività tal-promozzjoni tiegħu fl-1 ta’ Lulju 2015 ser ikollha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet li tiġi stabbilita d-data tal-passaġġ tiegħu għall-iskala 2 tal-grad AD 10.

58      Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tqis li t-talba għall-kumpens tar-rikorrent għandha tiġi miċħuda. L-ewwel nett, ir-rikorrent ma jippreċiżax il-portata tat-talba tiegħu, iżda, jillimita ruħu għal deskrizzjoni tal-allegati konsegwenzi li jissiltu minn eventwali sentenza ta’ annullament. It-tieni nett, it-talbiet li għandhom bħala għan il-kumpens għad-danni għandhom jiġu miċħuda sa fejn huma jippreżentaw, bħal f’dan il-każ, rabta mill-qrib mat-talbiet għal annullament li huma stess ġew miċħuda bħala infondati. It-tielet nett, id-dannu allegat ma jistax ikun ċert, peress li l-għoti tar-remunerazzjonijiet imsemmija fit-talbiet għall-kumpens tar-rikorrent jirrileva fir-realtà konsegwenzi li jissiltu mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea minn eventwali sentenza ta’ annullament.

59      Għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ talba għad-danni mressqa minn uffiċjal jew minn aġent, l-involviment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali għall-aġir illegali tal-istituzzjoni jippreżumi li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha dwar l-illegalità tal-aġir li bih hija qiegħda tiġi kkritikata, il-fatt tal-ħsara allegata u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat. Peress li waħda mill-kundizzjonijiet ma hijiex sodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali (sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C‑136/92 P, EU:C:1994:211, punt 42, u tas-17 ta’ Mejju 2017, PG vs Frontex, T‑583/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:344, punt 97).

60      Issa, għandu jiġi rrilevat, wara l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li t-talbiet għall-kumpens huma bbażati fuq l-uniċi illegalitajiet li jirriżultaw min-natura fondata taż-żewġ motivi li ġejjin insostenn tat-talbiet għal annullament. Peress li dawn il-motivi ġew miċħuda, il-kundizzjoni dwar l-illegalità tal-aġir ikkritikat ma hijiex sodisfatta, b’mod li t-talbiet għall-kumpens għandhom jiġu miċħuda. Jeħtieġ li huma jkunu, fi kwalunkwe każ, bħala prematuri, u dan minkejja li l-kundizzjoni dwar l-illegalità tkun sodisfatta f’dan il-każ, peress li annullament tad-deċiżjoni kkontestata b’konsegwenza ta’ din l-illegalità ma timplikax li r-rikorrent għandu d-dritt li jiġi promoss (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-3 ta’ Mejju 2017, De Nicola vs BEI, T‑71/16 P, mhux ippubblikat, EU:T:2017:307, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara, ukoll, punt 55 iktar ’il fuq).

61      Minn dan isegwi li dan ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

62      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      RL huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Gervasoni

Kowalik-Bańczyk

Mac Eochaidh

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Diċembru 2017.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.