Language of document : ECLI:EU:T:2017:907

Kawża T21/17

RL

vs

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Proċedura ta’ promozzjoni 2015 – Deċiżjoni li r-rikorrent ma jiġix promoss għall-grad AD 10, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2015 – Trasferiment interistituzzjonali – Sistema prorata temporis – Eżami komparattiv tal-merti – Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal – Responsabbiltà”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tal-14 ta’ Diċembru 2017

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta' ċaħda tal-ilment – Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti – Trasferiment interistituzzjonali matul il-proċedura ta’ promozzjoni – Kompetenza tal-istituzzjoni ta’ oriġini sabiex tiddeċiedi dwar il-promozzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

3.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti – Trasferiment interistituzzjonali matul il-proċedura ta’ promozzjoni – Għoti ta’ punti ta’ promozzjoni – Modalitajiet – Sistema ta’ promozzjoni “pro rata temporis” tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 6 u 45)

4.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti – Ugwaljanza fit-trattament

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

5.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Portata – Awtonomija tal-istituzzjonijiet – Uffiċjal li eżerċita l-mobbiltà interistituzzjonali – Nuqqas ta’ promozzjoni minkejja li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijjiet ta’ promozzjoni fl-istituzzjoni ta’ oriġini tiegħu – Penalizzazzjoni tal-uffiċjal ikkonċernat minħabba l-mobbiltà tiegħu – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

6.      Uffiċjali – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Kundizzjonijiet kumulattivi

(Artikolu 340 TFUE)

7.      Uffiċjali – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet – Kundizzjonijiet – Dannu – Dannu materjali allegatament ikkawżat minn ċaħda ta’ promozzjoni – Dannu mhux ċert minħabba l-assenza ta’ dritt għal promozzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 26)

2.      Konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, meta uffiċjal jista’ jiġi promoss matul is-sena li matulha jkun ittrasferit minn istituzzjoni għal oħra, l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti biex tiddeċiedi l-promozzjoni tiegħu hija dik tal-istituzzjoni tal-oriġini.

Barra minn hekk, jirriżulta neċessarjament mill-kompetenza tal-imsemmija Awtorità tal-istituzzjoni tal-oriġini biex tiddeċiedi fuq il-promozzjoni ta’ uffiċjal matul is-sena li matulha huwa ġie ttrasferit u fuq il-bażi ta’ din il-kompetenza li huwa l-paragun neċessarju tal-merti bejn l-uffiċjali kollegi tal-istess istituzzjoni fil-mument ta’ dan il-paragun li l-istituzzjoni tal-oriġini kkonċernata tapplika s-sistema tagħha proprja ta’ promozzjoni.

(ara l-punti 33, 35)

3.      Fir-rigward tal-promozzjoni f’każ ta’ trasferiment interistituzzjonali, huwa neċessarju li jiġu pparagunati l-merti tal-uffiċjali ttrasferiti ma’ dawk tal-uffiċjali li kienu għadhom il-kollegi tagħhom matul is-sena ta’ qabel it-trasferiment tagħhom. Fil-fatt, sabiex jiġi deċiż jekk uffiċjal għandu jiġi promoss b’mod retroattiv fl-1 ta’ Jannar tas-sena N, l-Awtorità tal-Ħatra tista’, fil-prattika, twettaq eżami komparattiv tal-merti tal-passat tal-uffiċjali, b’mod partikolari matul is-sena N-1 u fid-dawl tar-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjoni ta’ dawn l-uffiċjali matul is-snin N-1 u preċedenti.

Il-promozzjoni hija deċiża b’mod retroattiv, li tieħu effett f’data li fiha l-uffiċjal ikkonċernat li kien jaqa’ taħt l-istituzzjoni kompetenti biex tiddeċiedi dwar il-promozzjoni tiegħu. Fil-fatt, peress li l-għotja ta’ promozzjoni tippreżumi d-disponibbiltà ta’ finanzi għal pożizzjoni vakanti li tikkorrispondi għall-grad inkwistjoni u li kull istituzzjoni tistabbilixxi b’mod awtonomu n-numru ta’ impjiegi fi ħdanha, bis-saħħa tal-Artikolu 6 tar-Regolamenti tal-Persunal, u b’rabta ma’ dan il-lista ta’ impjiegi vakanti, l-istituzzjoni kompetenti biex tiddeċiedi l-promozzjoni tista’ biss tippromwovi l-uffiċjal ikkonċernat f’data li fiha hija f’pożizzjoni li tittrasferih f’pożizzjoni vakanti fi ħdanha, jiġifieri matul il-perijodu li fih dan l-uffiċjal jaqa’ taħt l-imsemmija istituzzjoni.

B’hekk għandu jiġi kkunsidrat li l-punti mogħtija matul is-sena N bis-saħħa tas-sistema “prorata temporis”, li jaqgħu taħt eżami komparattiv tal-merti abbażi tas-sena N, jew li jirriżultaw minn sempliċi estrapolazzjoni fittizja tal-paragun tal-merti li twettqu abbażi tas-sena N-1, jistgħu jingħataw biss sakemm l-uffiċjal ikkonċernat jaqa’ taħt l-istituzzjoni kompetenti għall-evalwazzjoni komparattiva tal-merti u, b’hekk, biex tiddeċiedi dwar il-promozzjoni. Fil-fatt, sa fejn l-għoti ta’ dawn il-punti jiddaħħlu, bħall-interventi sussegwenti tal-Kumitat konġunt tal-promozzjoni u tal-Awtorità tal-Ħatra, fil-proċedura ta’ promozzjoni tas-sena N, għall-finijiet li tiġi ddeterminata d-data tal-promozzjoni tal-uffiċjal ikkonċernat, dawn il-punti jistgħu jingħataw biss sad-data li fiha l-istituzzjoni hija kompetenti biex tagħmel paragun tal-merti tal-uffiċjal ikkonċernat ma’ dawk tal-kollegi tiegħu fl-imsemmija istituzzjoni u tista’ tippromwovih, jiġifieri fid-data tat-trasferiment tal-imsemmi uffiċjal.

(ara l-punti 37, 38, 40)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 47, 48)

5.      Huwa obbligu tal-istituzzjonijiet li jiżguraw, minn naħa, li l-mobbiltà ma tikkawżawx dannu għall-iżvolġiment tal-karriera tal-uffiċjali li huma s-suġġett tiegħu u, min-naħa l-oħra, li l-uffiċjali ttrasferiti ma jkunux ġew ippenalizzati taħt il-proċedura ta’ promozzjoni.

Madankollu, minn naħa, jirriżulta mill-importanza tal-awtonomija ta’ kull istituzzjoni bħala persuna li timpjega li uffiċjal ittrasferit f’istituzzjoni ma jistax jippretendi l-applikazzjoni tal-istess regoli ta’ promozzjoni minn dawk, iktar favorevoli, applikati mill-istituzzjoni tiegħu tal-oriġini għall-finijiet li jsostni li huwa ġie ppenalizzat fil-promozzjoni tiegħu minħabba l-mobbiltà tiegħu.

Min-naħa l-oħra, ir-Regolamenti tal-Persunal ma jagħtu ebda dritt għal promozzjoni, anki lill-uffiċjali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha biex ikunu jistgħu jiġu promossi, li fosthom dik li jilħaq limitu ta’ promozzjoni. Fil-fatt, l-għoti ta’ punti ta’ promozzjoni ma jistabbilixxix definittivament il-pożizzjoni tal-istituzzjoni fl-aħħar ta’ proċedura ta’ promozzjoni, l-Awtorità tal-Ħatra li tippreżerva s-setgħa diskrezzjonali tagħha u peress li ma hijiex marbuta mill-punti ta’ promozzjoni mogħtija mid-diretturi jew mill-kapijiet tas-servizz, la mil-limitu ta’ riferiment, u lanqas mill-Kumitat konġunt tal-promozzjoni.

(ara l-punti 53-55)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 59)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 60)