Language of document : ECLI:EU:T:2011:744

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

14 ta’ Diċembru 2011

Kawża T‑433/10 P

John Allen et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Persunal impjegat fl-impriża komuni JET — Applikazzjoni ta’ status ġuridiku differenti minn dak ta’ membru tal-persunal temporanju — Kumpens għad-dannu materjali mġarrab — Termini ta’ rikors — Dewmien — Terminu raġonevoli”

Suġġett:      Appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tat-13 ta’ Lulju 2010, Allen et vs Il‑Kummissjoni (F‑103/09), u intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. J. Allen u l-109 rikorrent ieħor li isimhom jinsab fl-anness għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Appelli — Termini — Talba għal kumpens indirizzata lil istituzzjoni — Osservanza ta’ terminu raġonevoli — Iffissar tat-tul tat-terminu raġonevoli — Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni — Limiti

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 46; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90)

2.      Uffiċjali — Appelli — Termini — Talba għal kumpens indirizzata lil istituzzjoni — Osservanza ta’ terminu raġonevoli — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 46; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90)

1.      Fil-każijiet kollha minbarra dawk li għalihom il-leġiżlatur iddefinixxa terminu jew eskludih espliċitament, hija meħtieġa l-osservanza ta’ terminu raġonevoli. Fil-fatt, il-bażi legali tal-iffissar ta’ terminu raġonevoli fil-każ li t-testi ma jesprimux ruħhom f’dan is-sens hija l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li tipprekludi li l-istituzzjonijiet u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jaġixxu mingħajr limitu ratione temporis, peress li jistgħu jipperikolaw l-istabbiltà tas-sitwazzjonijiet legali miksuba. B’hekk, fil-każ li t-testi ma jesprimux ruħhom, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tiffissa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, it-tul tat-terminu raġonevoli għat-tressiq ta’ talba għal kumpens.

Għalhekk, l-assenza ta’ terminu ffissat mir-Regolamenti tal-Persunal ma jistax jiġi kkunsidrat fih innifsu bħala li jimplika l-possibbiltà li titressaq talba għal kumpens mingħajr limitu ratione temporis, fejn il-prinċipju ġenerali tat-terminu raġonevoli japplika fil-każijiet kollha, ħlief f’dawk fejn il-leġiżlatur eskludih espressament jew espressament iffissa terminu speċifiku.

F’dan ir-rigward, l-assenza ta’ terminu impost fuq il-Kummissjoni biex tagħti bidu għal proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija konsegwenza tal-ispeċifiċità ta’ din il-proċedura u għaldaqstant ma tistax tiġi trasposta għal proċeduri għal kumpens.

(ara l-punti 26, 31 u 35)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 6 ta’ Marzu 2001, Dunnett et vs BEI, T‑192/99, Ġabra p. II‑813, punti 51 sa 54; 6 ta’ Lulju 2004, Huygens vs Il‑Kummissjoni, T‑281/01, ĠabraSP p. I‑A‑203 u II‑903, punti 46, 47 u 49; 5 ta’ Ottubru 2004, Eagle et vs Il‑Kummissjoni, T‑144/02, Ġabra p. II‑3381, punti 57 u 58

2.      Meta l-qorti tal-Unjoni tasal biex tiffissa t-tul tat-terminu raġonevoli li għandu jiġi osservat biex titressaq talba għal kumpens, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ. It-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst mill-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikat b’analoġija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, jippermetti, permezz tal-ibbilanċjar tal-interessi preżenti, minn naħa, lill-persuna kkonċernata jkollha perijodu twil biżżejjed, minn meta jkun seħħ il-fatt li jikkawża preġudizzju, biex tevalwa l-opportunità li titlob kumpens għal dannu u biex tinvoka l-pretensjonijiet tagħha fi ħdan l-istituzzjoni involuta u, min-naħa l-oħra, lill-Unjoni tipproteġi l-interessi tagħha, b’mod partikolari dawk finanzjarji, meta quddiemha jitressqu talbiet li fir-rigward tagħhom l-awturi jkunu wrew aġir mhux wisq diliġenti.

B’hekk, l-applikazzjoni b’analoġija, fil-kawża inkwistjoni, tat-terminu previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja hija ġġustifikata bix-xebh tas-sitwazzjonijiet fattwali fl-imsemmija kawża u f’kawżi oħra fejn ġie applikat dan l-istess terminu.

(ara l-punti 45 u 46)