Language of document : ECLI:EU:C:2012:243

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

26 ta’ April 2012 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 2003/109/KE — Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għal żmien twil — Applikazzjoni għall-kisba tal-istatus ta’ resident għal żmien twil — Applikazzjoni għal permess ta’ residenza fi Stat Membru ieħor ippreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz li diġà kiseb l-istatus ta’ resident għal żmien twil fi Stat Membru jew minn membru tal-familja tiegħu — Ammonti tad-drittijiet mitluba mill-awtoritajiet kompetenti — Natura sproporzjonata — Ostakolu għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza”

Fil-Kawża C‑508/10,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fil-25 ta’ Ottubru 2010,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Condou-Durande u R. Troosters, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. Wissels u J. Langer, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn T. Papadopoulou, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, U. Lõhmus, A. Rosas, A. Ó Caoimh (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Jannar 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi jirrikjedi l-ħlas ta’ drittijiet għolja u inġusti minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi u mill-membri tal-familja tagħhom li jitolbu l-istatus ta’ residenti għal żmien twil, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma osservax l-obbligi ffissati mid-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE, tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272), u, għaldaqstant, naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 258 TFUE.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2003/109

2        Il-Premessi 2, 3, 6, 9, 10 u 18 tad-Direttiva 2003/109, li ġiet adottata abbażi tal-punti 3 u 4 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 63 huma abbozzati kif ġej:

“(2)      Il-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa speċjali tiegħu f’Tampere fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, iddikjara li l-istatus legali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandu ikun approssimat għal dak ta’ ċittadini ta’ l-Istati Membri u li persuni li tkun irresjediet legalment fi Stat membru għal perjodu ta’ żmien li għandu jiġi stabbilit u li jkollha permess ta’ residenza għat-tul għandha tingħata f’dak l-Istat Membru sett ta’ drittijiet uniformi li jkunu kemm jista’ ikun viċin dawk li jgawdu iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea.

(3)      Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.

[…]

(6)      Il-kriterju prinċipali għall-kisba ta’ l-istatus ta’ residenti għat-tul għandu ikun it-tul ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru. […]

[…]

(9)       Il-konsiderazzjonijiet ekonomiċi ma għandhomx ikunu bażi għar-rifjut ta’ l-għoti ta’ status ta’ residenti għal perjodu fit-tul u ma għandhomx ikunu kunsidrati bħala li jfixxklu l-kondizzjonijiet relevanti.

(10)      Għandu jiġi preskritt sett ta’ regoli li jirregolaw il-proċeduri għall-eżami ta’ l-applikazzjoni għall-istatus ta’ residenti ta’ perjodu twil ta’ żmien. Dawk il-proċeduri għandhom ikunu effettivi u maniġġabbli, u jagħtu kont ta’ l-ammont normali tax-xogħol ta’ l-amministrazzjonijiet ta’ l-Istati Membri, kif ukoll ikunu trasparenti u ġusti, sabiex joffru ċ-ċertezza legali adattata lil dawk konċernati. Dawn ma għandhomx jikkostitwixxu mezz biex ifixklu l-eżerċizzju tad-dritt tar-residenza.

[…]

(18)       L-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet li skond dawn id-dritt tar-residenza fi Stat Membru ieħor jista’ jiġi akkwistat minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ikunu residenti għat-tul għandu jikkontribwixxi għal ksib effettiv tas-suq intern bħala żona li fiha il-moviment ħieles ta’ persuni jiġi assigurat. Dan jista’ ukoll jikkostitwixxi fattur prinċipali ta’ mobilità, notevolment fis-suq ta’ l-impiegi ta’ l-Unjoni.”

3        Mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/109 jirriżulta li din jistabbilixxi:

“[…]

a)      it-termini għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ residenti għat-tul mogħti minn Stat membru f’relazzjoni ma’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li legalment jirrisjedu fit-territorju tiegħu, u d-drittijiet marbuta miegħu; u

b)      it-termini ta’ residenza fi Stati Membri oħra minbarra dak li kien ikkonferixxa l-istatus għat-tul fuqhom għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgawdu dak l-istatus.”

4        Il-Kapitolu II tad-Direttiva 2003/109 jikkonċerna l-kisba tal-istatus ta’ resident għal żmien twil fi Stat Membru.

5        Skont l-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva, li jaqa’ taħt l-imsemmi Kapitolu II, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-istatus ta’ residenti għal żmien twil liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu rrisjedew legalment u kontinwament fit-territorju tagħhom matul il-ħames snin li jkunu immedjatament ippreċedew it-tressiq tal-applikazzjoni inkwistjoni.

6        L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jipprovdi l-kundizzjonijiet għall-kisba tal-istatus ta’ residenti għal żmien twil. Skont l-Artikolu 5(1)(a) u (b) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li ċ-ċittadin ta’ pajjiżi terzi jipprovdi l-prova li huwa għandu, għalih u għall-membri dipendenti tal-familja tiegħu, minn naħa, riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti sabiex imantni l-bżonnijiet tiegħu nnifsu u dawk tal-membri tal-familja tiegħu mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru kkonċernat kif ukoll, min-naħa l-oħra, assigurazzjoni tal-mard fir-rigward tar-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini tiegħu stess fl-Istat Membru konċernat.

7        L-Artikolu 5(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu wkoll jirrikjedu li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jissodisfaw kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni skont id-dritt nazzjonali tagħhom.

8        Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/109, sabiex jinkiseb l-istatus ta’ resident għal żmien twil, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għandu jippreżenta applikazzjoni quddiem l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih jirrisjedi, akkumpanjata b’evidenza ddokumentata, skont kif mitlub mid-dritt nazzjonali, li tipprova li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikoli 4 u 5 ta’ din l-istess direttiva.

9        L-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Permess KE ta’ residenza għal residenti għat-tul — KE”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom joħorġu Permess KE ta’ residenza għal residenza għat-tul lir-residenti għat-tul. Il-permess għandu ikun validu għal ta’ l-anqas ħames snin; dan għandu ma’ l-applikazzjoni jekk meħtieġa, jiġġedded awtomatikament malli jiskadi.”

10      Il-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/109 jittratta d-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li jibbenefika minn status ta’ resident għal żmien twil, fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex dak li tah dan l-istatus kif ukoll fuq id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja tiegħu f’dan l-Istat Membru ieħor.

11      L-Artikolu 14(2) tal-istess direttiva, li jaqa’ taħt l-imsemmi Kapitolu III jipprovdi:

“Residenti għat-tul jista’ jirrisjedi fit-tieni Stat Membru għar-raġunijiet li ġejjin:

a)      l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika f’kapaċità ta’ impieg jew impieg għal rasu;

b)      […] studju jew taħriġ vokazzjonali;

ċ)      għanijiet oħra.”

12      L-Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva, li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ residenza fi Stat Membru ieħor, jipprovdi li, mill-iktar fis u sa mhux iktar tard minn tliet xhur wara d-dħul tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, ir-residenti għal żmien twil jista’ jippreżenta applikazzjoni għal permess ta’ residenza lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru.

13      L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2003/109 jipprovdi l-kundizzjonijiet dwar ir-residenza tal-membri tal-familja tar-resident għal żmien twil li għandhom il-permess jakkumpanjawh jew li jingħaqdu miegħu fi Stat Membru ieħor. Huwa jagħmel distinzjoni bejn il-familji diġà kkostitwiti fl-ewwel Stat Membru li ta l-istatus ta’ resident għal żmien twil, li jaqgħu taħt l-Artikolu 16(1) u (2) ta’ din id-direttiva, u l-familji li ma humiex ikkostitwiti fl-ewwel Stat Membru. F’dan l-aħħar każ, skont l-Artikolu 16(5) ta’ din l-istess direttiva, għandha tapplika d-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224).

14      L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/109, intitolat, “Eżami ta’ l-applikazzjonijiet u l-ħruġ tal-permess ta’ residenza”, jipprovdi fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.      Jekk il-kondizzjonijiet li hemm provvidiment dwarhom fl-Artikoli 14, 15 u 16 jiġu sodisfatti, allura, bla ħsara għad-disposizzjonijiet li jirrelataw mal-politika pubblika, is-sigurtà pubblika u s-saħħa pubblika [imsemmija fl-Artikoli 17 u 18], it-tieni Stat Membru għandu joħroġ lir-resident għat-tul permess ta’ residenza li jiġġedded. […]

3.      It-tieni Stat Membru għandu joħroġ lill-membri tal-familja ta’ residenti għat-tul permessi ta’ residenza li ikunu validi għall-istess perjodu bħal dak tal-permess maħruġ lir-residenti għat-tul.”

 Id-Direttiva 2004/38/KE

15      Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46) — li ġiet adottata abbażi tal-Artikoli 12 KE, 18 KE, 40 KE, 44 KE u 52 KE — tipprovdi, fl-Artikolu 25(2) tagħha, li kull dokument imsemmi fil-paragrafu 1 tal-istess artikolu, jiġifieri ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, dokument li jiċċertifika l-permanenza tar-residenza, ċertifikat li juri l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-karta ta’ residenza għall-membru tal-familja, ta’ karta ta’ residenza jew ta’ karta ta’ residenza permanenti, għandu jinħareġ “b’xejn jew kontra piż [bi ħlas] li ma jaqbiżx dak impost fuq ċittadini għall-ħruġ ta’ dokumenti simili”.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

16      L-Artikolu 24(2) tal-Liġi li tagħmel reviżjoni ġenerali tal-Liġi dwar il-barranin (Wet tot algehele herziening van de Vreemdelingenwet), tat-23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, nru 495, iktar ’il quddiem il-“VW”), jipprovdi:

“Fil-każijiet deċiżi [mill-ministru kompetenti] u skont ir-regoli stabbiliti minnu, il-barrani huwa marbut għal ħlas ta’ drittijiet fiskali għall-ipproċessar tal-applikazzjoni. Għal dan il-għan, [il-ministru kompetenti] jista’, barra minn hekk, jipprovdi li l-barrani huwa marbut għal ħlas ta’ drittijiet fiskali marbuta mal-ħruġ ta’ dokument li jiċċertifika r-residenza regolari tiegħu. Fin-nuqqas ta’ ħlas, l-applikazzjoni ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni jew id-dokument ma għandux jinħareġ.”

17      L-Artikolu 24(2) tal-VW ġie implementat permezz tal-Artikoli 3.34 sa 3.34 i, tar-Regolament tal-2000 dwar il-barranin (Voorschrift Vreemdelingen 2000, iktar ’il quddiem il-“VV”).

18      L-imsemmija Artikoli 3.34 sa 3.34i jistabbilixxu d-drittijiet fiskali li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, bl-eċċezzjoni taċ-ċittadini Torok, għandhom iħallsu meta dawn jitolbu permess ta’ residenza, skont l-ammonti li ġejjin:

Tip ta’ applikazzjoni

EUR

Dispożizzjoni leġiżlattiva

Status ta’ residenti għal żmien twil

201

Artikolu 3.34 g(1) tal-VV

Permess ta’ residenza, b’mod partikolari, għax-xogħol jew għall-istudju

433

Artikolu 3.34(2)(a) tal-VV

Permess ta’ residenza għal raġunijiet oħra

331

Artikolu 3.34(2) tal-VV

Permess ta’ residenza għall-membri tal-familja li jakkumpanjaw l-applikant

188

Artikolu 3.34(1) tal-VV

Riunifikazzjoni tal-familja/ħolqien ta’ familja — membri ta’ familja li ma jakkumpanjawx l-applikant

830

Artikolu 3.34(2)(b) tal-VV


19      L-Artikolu 3.34 f tal-VV jipprovdi deroga possibbli mill-ħlas tad-drittijiet fiskali sa fejn dan ikun ġustifikat abbażi tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tal-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950. Il-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni tal-VV jipprovdi li ġej:

“B’deroga mill-Artikolu 3.34 c (b), il-barrani mhux residenti Komunitarju ma huwiex suġġett iħallas drittijiet fiskali minħabba l-ipproċessar ta’ talba għal emenda tal-permess ta’ residenza, fil-kuntest ta’ permess ta’ residenza hekk kif imsemmi fl-Artikolu 14 tal-[VW], minħabba raġuni ta’ residenza msemmija fl-Artikolu 3.4(1)(a) tal-[VV], jekk dan il-barrani ikun għamel it-talba, jekk din tkun iġġustifikata fir-rigward tal-Artikolu 8 ta[l-imsemmija konvenzjoni] u jekk jiġi pprovat li huwa ma għandux biżżejjed riżorsi sabiex iħallas id-drittijiet fiskali.”

 Il-proċedura prekontenzjuża

20      Peress li quddiemha tressqu lmenti minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi fir-rigward tal-ġbir tad-drittijiet previsti mil-leġiżlazzjoni Olandiża fil-qasam tal-għoti tat-titoli ta’ residenza lil tali ċittadini, permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni talbet kjarifiki lill-awtoritajiet Olandiżi.

21      Huma esponew l-interpretazzjoni tagħhom tal-leġiżlazzjoni applikabbli f’ittra tas-7 ta’ Frar 2008. Huma ma kkontestawx l-ammonti tad-drittijiet li kellhom jitħallsu mill-imsemmija ċittadini, iżda sostnew li, peress li d-Direttiva 2003/109 ma indirizzatx il-kwistjoni tal-ammont ta’ tali drittijiet, il-kompetenza f’dan ir-rigward taqa’ f’idejn l-Istati Membri.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fis-27 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li fiha hija enfasizzat li d-drittijiet fiskali imposti fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi benefiċjarji tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 2003/109 kellhom ikunu ġusti. Dawn id-drittijiet ma għandhom fl-ebda każ jiskoraġġixxu lil dawn iċ-ċittadini, meta jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti b’din id-direttiva, milli jinvokaw id-drittijiet tagħhom li huma jisiltu minn din id-direttiva. Anki jekk jitqies li l-ispiża reali tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet tal-imsemmija ċittadini teċċedi dik tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni, l-ammont tad-drittijiet mitluba mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jkun sproporzjonat.

23      Peress li qieset li t-tweġiba tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-imsemmija ittra ta’ intimazzjoni ma kinitx sodisfaċenti, fit-23 ta’ Marzu 2009 il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru, fejn stednitu jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni f’terminu ta’ xahrejn mir-riċeviment tagħha.

24      Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Mejju 2009, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi wieġeb lill-imsemmija opinjoni motivata billi enfasizza mill-ġdid il-kompetenza tal-Istati Membri li jiġbru drittijiet fiskali fil-kuntest tal-implementazzjoni tad-Direttiva 2003/109, madankollu bil-kundizzjoni li tali ġbir ma jrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija minn din id-direttiva. Skont dan l-Istat Membru, l-ammonti tad-drittijiet imposti mil-leġiżlazzjoni Olandiża, ikkalkolati skont l-ispiża reali tal-formalitajiet, ma jipprekludux l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati.

25      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

26      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ April 2011, ir-Repubblika Ellenika ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

27      Ir-Renju tal-Olanda jsostni li r-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

28      Fil-fatt, minn naħa, ir-rikors tal-Kummissjoni ma jidentifika l-ksur ta’ ebda dispożizzjoni speċifika tad-Direttiva 2003/109. Il-premessa 10 tagħha, li fuqha b’mod prinċipali l-Kummissjoni tibbaża r-rikors tagħha, ma għandhiex valur ġuridiku vinkolanti u ma tistabbilixxix obbligi awtonomi. Għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni tirreferi wkoll għall-obbligu ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 10 KE, li sar l-Artikolu 4(3) TFUE, madankollu hija ma spjegatx sa fejn l-ilmenti tagħha kontra d-drittijiet fiskali inkwistjoni huma bbażati fuq din id-dispożizzjoni.

29      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi barra minn hekk isostni li, fl-ebda mument waqt il-fażi prekontenzjuża, il-Kummissjoni ma invokat ilment li jgħid li l-leġiżlazzjoni Olandiża tmur kontra s-sistema, l-istruttura jew l-ispirtu tal-imsemmija direttiva. F’dan ir-rigward, anki li kieku kellu jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha d-dritt li tippreżenta tali lment fi stadju avvanzat tal-proċedura ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, dan l-Istat Membru jsostni li, b’differenza mis-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2001, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-202/99, Ġabra p. I‑9319), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet tali lment, ebda dispożizzjoni vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni ma jissemma f’dan ir-rikors.

30      Min-naħa l-oħra, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkontesta l-portata tar-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni sa fejn din tal-aħħar, fl-opinjoni tiegħu, illimitat id-dispożittiv tar-rikors tagħha għad-drittijiet fiskali mitluba miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-ksib tal-istatus ta’ resident għal żmien twil previst mill-Kapitolu II tad-Direttiva 2003/109. Għaldaqstant dan ir-rikors ma jistax jirrigwarda d-drittijiet mitluba minħabba applikazzjonijiet imressqa abbażi tal-Kapitolu III ta’ din id-direttiva.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmi Stat Membru jqis li r-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

32      Il-Kummissjoni tikkontesta l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Minn naħa, rikors li jfittex li jistabbilixxi li l-leġiżlazzjoni Olandiża hija kuntrarja għas-sistema, l-istruttura jew l-ispirtu tad-direttiva huwa ċertament ammissibbli hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li, minkejja l-preżentazzjoni sommarja, fit-talbiet tar-rikors, tal-oġġezzjonijiet tagħha fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Olandiża, dan l-Istat Membru seta’ jiddetermina bi preċiżjoni l-portata tar-rikors ta’ din l-istituzzjoni. Il-fatt li dan tal-aħħar seta’ jipprovdi spjegazzjonijiet dettaljati u jinvoka d-dritt tiegħu għal difiża fir-rigward tal-elementi kollha ppreżentati mill-Kummissjoni waqt il-proċedura prekontenzjuża barra minn hekk jikkostitwixxi l-prova tal-fondatezza ta’ din l-allegazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

33      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-proċedura prekontenzjuża għandha l-għan li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat il-possibbiltà, minn naħa, li jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jinvoka utilment id-drittijiet tad-difiża tiegħu kontra l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑340/02, Ġabra p. I-9845, punt 25).

34      Is-suġġett ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE huwa, għaldaqstant, limitat bil-proċedura prekontenzjuża prevista f’din id-dispożizzjoni. L-iżvolġiment xieraq ta’ din il-proċedura jikkostitwixxi garanzija essenzjali meħtieġa mit-Trattat FUE mhux biss għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-Istat Membru inkwistjoni, iżda wkoll sabiex jiġi żgurat li l-proċedura kontenzjuża eventwali tkun tirrigwarda kwistjoni ddefinita b’mod ċar (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C-1/00, Ġabra p. I-9989, punt 53, u tad-29 ta’ April 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑160/08, Ġabra p. I‑3713, punt 42).

35      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 38(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li, fir-rikorsi ppreżentati taħt l-Artikolu 258 TFUE, tindika l-ilmenti preċiżi li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tagħti deċiżjoni kif ukoll, minn tal-inqas fil-qosor, il-punti ta’ liġi u ta’ fatt li fuqhom huma bbażati dawn l-ilmenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-347/88, Ġabra p. I-4747, punt 28, u tas-16 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-456/03, Ġabra p. I-5335, punt 23).

36      Għalhekk ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jinkludi espożizzjoni koerenti u ddettaljata tal-motivi li wassluha għall-konvinzjoni li l-Istat Membru kkonċernat naqas minn wieħed mill-obbligi li ġew imposti fuqu bis-saħħa tat-Trattati.

37      Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, għandu jiġi kkonstatat li dan jinkludi espożizzjoni ċara tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat. Fil-fatt, kemm mill-proċedura prekontenzjuża, u b’mod partikolari mill-opinjoni motivata indirizzata mill-Kummissjoni lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll mir-rikors ta’ din tal-aħħar, jirriżulta li din l-istituzzjoni ssostni essenzjalment li l-ammont sproporzjonat tad-drittijiet mitluba miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi minn dan l-Istat Membru bis-saħħa tal-implementazzjoni tad-Direttiva 2003/109 jippreġudika l-għan imfittex minnha u jostakola l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija liċ-ċittadini minn din id-direttiva.

38      Ċertament, huwa paċifiku li, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ma pprovatx tipprova l-ksur ta’ dispożizzjoni speċifika tad-Direttiva 2003/109 mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, iżda, bil-kontra, sostniet, fid-dawl tal-premessi ta’ din id-direttiva, li dan l-Istat Membru kiser l-istruttura ġenerali, l-ispirtu, l-għan u, għaldaqstant, l-effettività ta’ din id-direttiva.

39      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta l-Kummissjoni ssostni li leġiżlazzjoni nazzjonali tmur kontra s-sistema, l-istruttura jew l-ispirtu ta’ direttiva, mingħajr ma l-ksur tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta minn dan ma jkun jista’ jintrabat ma’ dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ din id-direttiva, ir-rikors tagħha ma jistax jitqies inammissibbli għal din ir-raġuni biss (sentenza tad-29 ta’ Novembru 2001, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

40      Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-riferiment mill-Kummissjoni fir-replika tagħha għas-sentenza ċċitata fil-punt preċedenti kien intiż sabiex hija twieġeb għall-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fir-risposta tagħha u ma jikkostitwixxix bidla fis-suġġett tal-ksur ikkritikat li jmur kontra r-rekwiżiti tal-Artikolu 258 TFUE.

41      Għandu jiġi osservat ikoll li, f’dan il-każ, l-imsemmi Stat Membru seta’ jinvoka utilment l-eċċezzjonijiet tiegħu kontra l-ilmenti fformulati mill-Kummissjoni, u dan minkejja l-formulazzjoni konċiża tat-talbiet tar-rikors ta’ din tal-aħħar.

42      Fil-fatt, fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha, fl-opinjoni motivata kif ukoll fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat espressament mhux biss is-sitwazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jitolbu l-għoti tal-istatus ta’ residenti għal żmien twil, li taqa’ taħt il-Kapitolu II tad-Direttiva 2003 iżda wkoll dik tar-residenti ta’ pajjiż terz li diġà kisbu dan l-istatus fi Stat Membru ieħor u li jitolbu, għalihom jew għall-membri tal-familja tagħhom, id-dritt li jirresjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi, liema sitwazzjoni taqa’ taħt il-Kapitolu III ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, il-portata tar-rikors tirriżulta b’mod ċar ħafna mill-konklużjonijiet tal-opinjoni motivata, fejn jirriżulta li, billi ċċitat l-Artikoli 7, 8, 15 u 16 ta’ din id-direttiva, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tirreferi għad-drittijiet fiskali mitluba għall-applikazzjonijiet ta’ titoli ta’ residenza li jaqgħu taħt il-Kapitolu II jew taħt il-Kapitolu III tal-istess direttiva.

43      Il-fatt li t-talbiet tar-rikors jirreferu biss għall-“ħlas ta’ drittijiet għolja u inġusti miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u mill-membri tal-familja tagħhom li jitolbu l-istatus ta’ resident għal żmien twil” ma jistax jiġi kkunsidrat li jillimita l-portata tar-rikors għas-sempliċi applikazzjonijiet ta’ residenti ta’ pajjiżi terzi li jaqgħu taħt il-Kapitolu II tad-Direttiva 2003/109, li għalihom qed jintalab ammont ta’ EUR 201 mill-awtoritajiet Olandiżi kompetenti, filwaqt li mit-talbiet tar-rikors, moqrija fid-dawl tal-motivazzjoni tiegħu, jirriżulta li dan jinkludi wkoll l-ammont tad-drittijiet mitluba miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kif ukoll mill-membri tal-familja tagħhom skont il-Kapitolu III tal-istess direttiva.

44      Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mill-Kummissjoni għandu jiġi ddikjarat ammissibbli u, sa fejn, fir-rigward tal-kumplament, l-argumenti tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huma intiżi sabiex jikkontestaw l-eżistenza tal-ksur allegat, jeħtieġ li tiġi eżaminata l-fondatezza tagħhom waqt l-eżami fuq il-mertu ta’ din il-kwistjoni.

 Fuq il-mertu

 L-argumenti tal-partijiet

45      Għandu jiġi osservat li l-argumenti tal-partijiet jiffokaw fuq tliet elementi, jiġifieri l-eżistenza jew le ta’ ostakolu għall-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 2003/109, in-natura sproporzjonata tad-drittijiet fiskali mitluba miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-paragun bejn dawn tal-aħħar u ċ-ċittadini tal-Unjoni u, għaldaqstant, bejn id-Direttivi 2003/109 u 2004/38 fir-rigward tal-ammont ta’ dawn id-drittijiet.

46      Il-Kummissjoni ma tikkontesta la l-prinċipju tal-ġbir ta’ drittijiet fiskali għall-għoti tal-permessi u tat-titoli ta’ residenza previsti mid-Direttiva 2003/109 u lanqas il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċifika f’din id-direttiva li tirregola tali drittijiet. Madankollu, hija tqis li, b’mod partikolari fid-dawl tal-premessa 10 tal-istess direttiva, dawn id-drittijiet għandhom ikunu ta’ ammont raġonevoli u ġust u ma għandhomx jiddiswadu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-imsemmija direttiva milli jeżerċitaw id-dritt ta’ residenza li din tal-aħħar tagħtihom.

47      Fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-ammonti mħallsa miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jitolbu l-istatus ta’ resident għal żmien twil jew li jressqu applikazzjoni għal residenza f’dan l-Istat Membru wara li jkunu kisbu dan l-istatus fi Stat Membru ieħor huma minn 7 sa 27 darba ogħla minn dawk previsti għaċ-ċittadini tal-Unjoni meta jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet tagħhom għall-kisba ta’ titolu ta’ residenza. Skont il-Kummissjoni, dawn l-ammonti għoljin, li jostakolaw l-eżerċizzju tad-drittijiet stabbiliti mid-Direttiva 2003/109, jippreġudikaw l-effettività tagħha.

48      Filwaqt li tibbaża ruħha fuq il-premessa 2 tad-Direttiva 2003/109, il-Kummissjoni ssostni li d-drittijiet fiskali rikjesti skont din id-direttiva għandhom ikunu ta’ ammont “komparabbli” għal dak tad-drittijiet imħallsa miċ-ċittadini tal-Unjoni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu sabiex jiksbu dokumenti simili. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li s-sitwazzjoni ġuridika taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma hijiex identika għal dik taċ-ċittadini tal-Unjoni u li huma ma jgawdux mill-istess drittijiet. Madankollu peress li l-għan ta’ din id-direttiva huwa analogu għal dak tad-Direttiva 2004/38, hija tqis li huwa sproporzjonat li, għal investigazzjonijiet paragunabbli b’għanijiet simili, l-ammont tad-drittijiet fiskali rikjesti mill-imsemmija ċittadini huma bosta drabi ogħla minn dak meqjus raġonevoli għaċ-ċittadini tal-Unjoni fil-kuntest tad-Direttiva 2004/38. L-ammont massimu ffissat minn din l-aħħar direttiva għandu għaldaqstant jiġi kkunsidrat bħala indikatur importanti għad-determinazzjoni ta’ ammont ġust fis-sens tad-Direttiva 2003/109 u li ma huwiex tali li jiskoraġġixxi lill-partijiet ikkonċernati milli jressqu applikazzjoni sabiex jiksbu l-istatus ta’ resident għal żmien twil.

49      Sabiex tiġi enfasizzata n-natura sproporzjonata tad-drittijiet inkwistjoni f’dan il-każ, il-Kummissjoni tirreferi għall-punti 74 u 75 tas-sentenza tad-29 ta’ April 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C-92/07, Ġabra p. I‑3683), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li peress li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi introduċa u żamm fis-seħħ, għall-għoti ta’ permessi ta’ residenza liċ-ċittadini Torok, drittijiet sproporzjonati meta mqabbla ma’ dawk rikjesti miċ-ċittadini tal-Istati Membri, dan l-Istat Membru kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. F’din il-kawża, l-ammont tad-drittijiet fiskali rikjesti mill-awtoritajiet Olandiżi għall-ħruġ tad-dokumenti previsti mid-Direttiva 2003/109 għandu, a fortiori, jitqies ukoll bħala sproporzjonat.

50      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkontesta r-rilevanza tad-Direttiva 2004/38 sabiex tiġi ddefinita l-portata tal-kunċett ta’ proċedura “ġusta” li jinsab fil-premessa 10 tad-Direttiva 2003/109. Fl-opinjoni tiegħu, id-Direttiva 2004/38 hija iktar reċenti mid-Direttiva 2003/109 u tikkonċerna kuntest ġuridiku separat. Fil-fatt, filwaqt li l-permess ta’ residenza mogħti skont id-Direttiva 2004/38 għandu biss effett deklaratorju, billi d-dritt fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu u li jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istat Membri jirriżulta mit-Trattat FUE innifsu, dak mogħti skont id-Direttiva 2003/109 għandu effett kostituttiv.

51      Bl-istess mod, l-imsemmi Stat Membru jsostni li r-rikors tal-Kummissjoni ma jiħux inkunsiderazzjoni l-oriġini tad-Direttiva 2003/109. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda espressament li ma jipprovdix dispożizzjoni dwar il-ġbir tad-drittijiet fiskali, fejn proposta tal-Kummissjoni f’dan is-sens ġiet miċħuda. Għaldaqstant huwa għażel li jħalli lill-Istati Membri s-setgħa li jiddeterminaw l-ammont tad-drittijiet fiskali dovuti skont din id-direttiva.

52      Skont ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, ma tistax tiġi trasposta għal din il-kawża. Fl-ewwel lok, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-drittijiet inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienu ta’ natura sproporzjonata, hija għamlet dan fid-dawl tal-klawżola ta’ “stanstill” prevista fid-Deċiżjoni Nru 1/80 adottata fid-19 ta’ Settembru 1980 mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, stabbilit permezz tal-Ftehim dwar il-ħolqien ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, iffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u mill-Komunità, min-naħa l-oħra, u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10), li tipprekludi l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet ġodda fl-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru kkonċernat. Fit-tieni lok, għalkemm l-Artikolu 59 tal-Protokoll addizzjonali, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell, u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 41), jimponi paragun bejn l-ammont tad-drittijiet fiskali mitluba miċ-ċittadini Torok u dawk mitluba miċ-ċittadini tal-Unjoni, tali rekwiżit ta’ paragun bejn dawn tal-aħħar u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil ma jinsabux fid-Direttiva 2003/109.

53      L-imsemmi Stat Membru jsostni wkoll li l-Kummissjoni ma wrietx li minħabba l-ammont tad-drittijiet fiskali mitluba, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi huma preklużi milli jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 2003/109. L-applikazzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ resident għal żmien twil ippreżentati minn dawn iċ-ċittadini żdiedu malajr bejn is-snin 2006 u 2009, li ma jagħtix l-impressjoni ta’ effett restrittiv tal-ammont ta’ tali drittijiet fiskali. Bl-istess mod, is-sempliċi ċirkustanza li d-drittijiet fis-seħħ fil-każ ta’ applikazzjoni għal status ta’ resident għal żmien twil huma ogħla mill-ammont previst għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jitolbu dokumenti analogi fiha nnifisha ma tistax tiġi ekwiparata għal ostakolu. Barra minn hekk, l-investigazzjoni li għandha ssir fil-każ ta’ applikazzjonijiet li jirriżultaw minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi hija kunsiderevolment iktar fid-dettall minn dik li għandha ssir fil-każ taċ-ċittadini tal-Unjoni.

54      Fin-nota ta’ intervent tagħha insostenn tat-talbiet tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika Ellenika ssostni li d-Direttivi 2003/109 u 2004/38 għandhom għanijiet differenti u hija tenfasizza wkoll li teżisti differenza fir-rigward tal-kundizzjonijiet u l-proċeduri previsti minn dawn id-direttivi.

55      Skont l-imsemmi Stat Membru, sabiex jiġu ffissati d-drittijiet fiskali rikjesti għall-għoti ta’ permess jew ta’ titolu ta’ residenza liċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi għal żmien twil, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, minn naħa, l-ammont tal-korrispettiv li jikkorrispondi għall-ispiża tas-servizzi amministrattivi pprovduti għall-verifika mhux biss tad-dritt ta’ residenza, iżda wkoll tal-integrazzjoni tal-persuni inkwistjoni, bħala kundizzjoni neċessarja għall-kisba tal-istatus ta’ resident għal żmien twil, u, min-naħa l-oħra, l-ekwilibriju finanzjarju tas-sistema nazzjonali ta’ ġestjoni tal-immigrazzjoni, kollha kemm hi, bħala raġuni li taqa’ taħt l-interess ġenerali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

56      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-ammont tad-drittijiet fiskali mitluba miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi mir-Renju tal-Pajjiżi Baxxi li huma s-suġġett ta’ dan ir-rikors ivajra bejn EUR 188 u EUR 830.

57      Bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi spjega għal xiex kienu jikkorrispondu l-ammonti mitluba.

58      Għalhekk, ammont ta’ EUR 201 jintalab għall-permess ta’ residenza ta’ resident għal żmien twil — KE maħruġ mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi lil ċittadin ta’ pajjiż terz skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2003/109, liema dispożizzjoni taqa’ taħt il-Kapitolu II tagħha. Dan il-permess jinħareġ lir-residenti ta’ pajjiżi terzi li kisbu l-istatus ta’ resident għal żmien twil skont l-Artikoli 4, 5 u 7(2) ta’ din id-direttiva.

59      L-ammont ta’ EUR 433 jikkorrispondi għad-drittijiet fiskali mitluba minn ċittadin ta’ pajjiż terz li, wara li kiseb l-istatus ta’ resident għal żmien twil fi Stat Membru ieħor, jitlob, skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/109, id-dritt li jirrisjedi fit-territorju Olandiż. Tali applikazzjoni għal permess ta’ residenza tkopri l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika bħala impjegat jew bħala persuna li taħdem għal rasha jew studju jew taħriġ professjonali, skont l-Artikolu 14(2)(a) u (b) tal-imsemmija direttiva.

60      Għall-applikazzjonijiet ta’ permess ta’ residenza għal “għanijiet oħra”, li jaqgħu taħt l-Artikolu 14(2)(ċ) tad-Direttiva 2003/109, jintalab ammont ta’ EUR 331 miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

61      Fir-rigward tal-ammonti dovuti mill-membri tal-familja taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jitolbu permess ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2003/109, kemm din tal-aħħar kif ukoll il-leġiżlazzjoni nazzjonali jagħmlu distinzjoni bejn l-applikazzjonijiet imressqa mill-membri tal-familja tar-resident għal żmien twil meta l-familja tkun diġà kkostitwita fl-ewwel Stat Membru li fih dan ir-resident kiseb l-istatus tiegħu u l-applikazzjonijiet imressqa mill-membri tal-familja meta din il-familja ma tkunx ġiet ikkostitwita fl-ewwel Stat Membru. Filwaqt li, għall-ewwel kategorija ta’ residenti, jintalab ammont ta’ EUR 188 lill-membri tal-familja kollha, għat-tieni kategorija huwa rikjest ammont ta’ EUR 830 mill-ewwel membru tagħha li jressaq applikazzjoni skont l-imsemmi Artikolu 16 u ammont ta’ EUR 188 li jintalab minn kull wieħed mill-membri l-oħra tal-familja.

62      Fir-rigward tal-obbligi li jaqgħu fuq l-Istati Membri skont id-Direttiva 2003/109 fir-rigward tad-drittijiet mitluba miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u mill-membri tal-familja tagħhom għall-ħruġ tat-titoli u permess ta’ residenza, jeħtieġ, fl-ewwel lok, li jitfakkar li ebda dispożizzjoni ta’ din id-direttiva ma tiffissa l-ammont tad-drittijiet li l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu għall-ħruġ ta’ tali dokumenti.

63      Hekk kif isostni r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, għalkemm l-abbozz ta’ direttiva ppreżentata mill-Kummissjoni kien jipprovdi għall-għoti tal-permessi ta’ residenza mingħajr ħlas jew bil-ħlas ta’ somma mhux ogħla mid-drittijiet u taxxi rikjesti miċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat għall-ħruġ tal-karti ta’ identità, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta d-Direttiva 2003/109, huwa ddeċieda li ma jinkludix tali dispożizzjoni fit-test tagħha.

64      Għaldaqstant ma huwiex ikkontestat, inkluż mill-Kummissjoni, li l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw il-ħruġ ta’ permessi u ta’ titoli ta’ residenza skont id-Direttiva 2003/109 għall-ħlas ta’ drittijiet u lanqas li, meta jiffissaw l-ammont ta’ dawn id-drittijiet, huma jgawdu minn marġni diskrezzjonali.

65      Madankollu, is-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Istati Membri mid-Direttiva 2003/109 f’dan ir-rigward ma hijiex illimitata. Fil-fatt, dawn ta’ l-aħħar ma jistgħux japplikaw leġiżlazzjoni nazzjonali li tista’ tipperikola t-twettiq tal-għanijiet intiżi minn direttiva u, b’hekk, iċaħħduha mill-effettività tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ April 2011, El Dridi, C-61/11 PPU, Ġabra p. I-3015, punt 55).

66      Kif jirriżulta mill-premessi 4, 6 u 12 tad-Direttiva 2003/109, l-għan prinċipali tagħha huwa l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ilhom joqogħdu għal żmien twil fl-Istati Membri. Id-dritt ta’ residenza tar-residenti għal żmien twil u tal-membri tal-familja tagħhom fi Stat Membru ieħor, previst mill-Kapitolu III tal-istess direttiva, huwa wkoll intiż sabiex jikkontribwixxi għat-twettiq effettiv tas-suq intern bħala żona fejn il-moviment liberu tal-persuni kollha huwa żgurat, hekk kif jirriżulta mill-premessa 18 tal-imsemmija direttiva.

67      Kemm għall-ewwel kategorija ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqgħu taħt il-Kapitolu II tad-Direttiva 2003/109 kif ukoll għat-tieni kategorija, li l-applikazzjonijiet għal residenza tagħhom jaqgħu taħt il-Kapitolu III tal-istess direttiva, din tistabbilixxi, b’mod partikolari fl-Artikoli 4, 5, 7 u 14 sa 16 tagħha, kundizzjonijiet preċiżi sostantivi u proċedurali li għandhom jiġu osservati qabel ma l-Istati Membri kkonċernati joħorġu l-permessi ta’ residenza li għalihom saret applikazzjoni. Essenzjalment, l-applikanti għandhom jipprovaw li għandhom biżżejjed riżorsi u assigurazzjoni tal-mard, sabiex jevitaw li jsiru oneru għall-Istat Membru kkonċernat, u għandhom jippreżentaw applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti li tinkludi l-evidenza ddokumentata neċessarja.

68      Fid-dawl tal-għan segwit mid-Direttiva 2003/109 u tas-sistema li hija tistabbilixxi, għandu jiġi osservat li, meta ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jissodisfaw il-kundizzjonijiet u josservaw il-proċeduri previsti minn din id-direttiva, huma għandhom id-dritt li jiksbu l-istatus ta’ resident għal żmien twil kif ukoll id-drittijiet l-oħra li jirriżultaw mill-għoti ta’ dan l-istatus.

69      Għalhekk, għalkemm huwa possibbli għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li l-ħruġ tal-permessi ta’ residenza skont id-Direttiva 2003/109 jiġi ssuġġettat għall-ġbir ta’ drittijiet, il-livell li bih dawn jiġu ffissati ma għandu jkollu la bħala għan u lanqas bħala effett li joħloq ostakolu għall-kisba tal-istatus ta’ resident għal żmien twil mogħti minn din id-direttiva, inkella dan jippreġudika l-għan segwit minnha kif ukoll l-ispirtu tagħha.

70      Drittijiet fiskali li għandhom effett finanzjarju kunsiderevoli għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2003/109 għall-għoti ta’ dawn il-permess ta’ residenza jistgħu jċaħħdu lil dawn iċ-ċittadini mill-possibbiltà li jinvokaw id-drittijiet mogħtija minn din id-direttiva b’mod kuntrarju għall-premessa 10 tagħha.

71      Issa, kif jirriżulta mill-imsemmija premessa, is-sistema ta’ regoli proċedurali li tirregola l-eżami tal-applikazzjonijiet ta’ kisba tal-istatus ta’ resident għal żmien twil ma għandhiex tikkostitwixxi mezz sabiex jiġi prekluż l-eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza.

72      Fid-dawl tar-relazzjoni mill-qrib bejn id-drittijiet mogħtija liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi permezz tal-Kapitolu II tad-Direttiva 2003/109 u dawk li jaqgħu taħt il-Kapitolu III tagħha, l-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw fir-rigward tal-applikazzjonijiet ta’ permessi ta’ residenza mressqa, skont l-Artikoli 14 sa 16 ta’ din id-direttiva, miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u mill-membri tal-familja tagħhom fi Stat Membru li ma huwiex dak li ta l-istatus ta’ resident għal żmien twil.

73      B’hekk, sa fejn l-ammont għoli tad-drittijiet mitluba miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jista’ joħloq ostakolu għall-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 2003/109, il-leġiżlazzjoni Olandiża tqiegħed inkwistjoni l-għan segwit minn din id-direttiva u ċċaħħadha mill-effettività tagħha.

74      Barra minn hekk għandu jiġi osservat li, hekk kif inhu mfakkar fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, is-setgħa diskrezzjonali li għandu r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sabiex jiffissa l-ammont tad-drittijiet li jistgħu jiġu rikjesti miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza skont il-Kapitoli II u III tad-Direttiva 2003/109 ma hijiex illimitata u għaldaqstant ma tippermettix li jiġi previst il-ħlas ta’ drittijiet li jkunu eċċessivi fir-rigward tal-effett finanzjarju kunsiderevoli tagħhom fuq dawn iċ-ċittadini.

75      Fil-fatt, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, il-mezzi implementati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2003/109 għandhom ikunu kapaċi jwettqu l-għanijiet intiżi minn din il-leġiżlazzjoni u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu.

76      Ċertament, ma jistax jiġi eskluż li l-ammont tad-drittijiet fiskali applikabbli għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqgħu taħt id-Direttiva 2003/109 jista’ jvarja skont it-tip ta’ permess ta’ residenza li għaliha saret l-applikazzjoni u skont il-verifiki li l-Istat Membru għandu jagħmel f’dan ir-rigward. Kif jirriżulta mill-punt 61 ta’ din is-sentenza, din id-direttiva stess tagħmel distinzjoni, fl-Artikolu 16 tagħha, fir-rigward tal-ħruġ ta’ permess ta’ residenza lill-membri tal-familja taċ-ċittadin tal-pajjiż terz skont jekk din ġietx ikkostitwita jew le fl-Istat Membru li ta lil dan iċ-ċittadin l-istatus tiegħu ta’ resident għal żmien twil.

77      Madankollu, għandu jiġi osservat li, f’dan il-każ, l-ammonti tad-drittijiet mitluba mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jvarjaw fi skala fejn l-iktar valur żgħir huwa madwar seba’ darbiet ogħla mill-ammont li għandu jitħallas sabiex tinkiseb karta tal-identità nazzjonali. Anki jekk iċ-ċittadini Olandiżi u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom imsemmija mid-Direttiva 2003/109 ma jkunux jinsabu f’sitwazzjoni identika, tali differenza turi n-natura sproporzjonata tad-drittijiet mitluba bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni f’dan il-każ.

78      Peress li d-drittijiet fiskali mitluba mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplementa d-Direttiva 2003/109 huma, minnhom stess, sproporzjonati u jistgħu joħolqu ostakolu għall-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija minn din id-direttiva, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat l-argument supplimentari tal-Kummissjoni, li jgħid li jeħtieġ li jiġu pparagunati d-drittijiet rikjesti miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-membri tal-familja tagħhom skont l-imsemmija direttiva u dawk mitluba mingħand ċittadini tal-Unjoni għall-ħruġ ta’ dokumenti simili skont id-Direttiva 2004/38.

79      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, peress li applikat għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jitolbu l-kisba tal-istatus ta’ resident għal żmien twil fil-Pajjiżi l-Baxxi u għal dawk li, filwaqt li jkunu kisbu dan l-istatus fi Stat Membru li ma huwiex ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, jitolbu li jeżerċitaw id-dritt li jirrisjedu f’dan l-Istat Membru kif ukoll għall-membri tal-familja tagħhom li jitolbu li jiġu awtorizzati jakkompanjawhom jew jingħaqdu magħhom, drittijiet fiskali eċċessivi u sproporzjonati, li jistgħu joħolqu ostakolu għall-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 2003/109, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

80      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4), l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

81      Peress li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi tilef, huwa għandu jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. Ir-Repubblika Ellenika, intervenjenti fil-kawża, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Peress li applika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jitolbu l-kisba tal-istatus ta’ resident għal żmien twil fil-Pajjiżi l-Baxxi u għal dawk li, filwaqt li jkunu kisbu dan l-istatus fi Stat Membru li ma huwiex ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, jitolbu li jeżerċitaw id-dritt li jirrisjedu f’dan l-Istat Membru kif ukoll għall-membri tal-familja tagħhom li jitolbu li jiġu awtorizzati jakkompanjawhom jew jingħaqdu magħhom, drittijiet fiskali eċċessivi u sproporzjonati, li jistgħu joħolqu ostakolu għall-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE, tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-direttiva.

2)      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa kkundannat għall-ispejjeż.

3)      Ir-Repubblika Ellenika għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.