Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta’ April 2024 – Novis vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-185/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Novis Insurance Company, Novis Versicherungsgesellschaft, Novis Compagnia di Assicurazioni, Novis Poisťovňa a.s. (Bratislava, ls-Slovakkja) (rappreżentanti: A. Börner u S. Henrich, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2024)810 final bid-data tat-2 ta’ Frar 2024 li tikkonferma r-rifjut li tagħti aċċess għal ċerti dokumenti, u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq allegat ksur tad-drittijiet tar-rikorrenti għal aċċess għal informazzjoni u dokumenti skont l-Artikolu 15(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), l-Artikolu 42 TFUE u tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 1 , peress li l-konvenuta kienet irrifjutat b’mod żbaljat li tagħti aċċess għad-dokumenti rilevanti abbażi tal-eċċezzjoni stabbilita fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. L-eċċezzjoni, relatata mal-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, ma hijiex applikabbli. Għalhekk, il-konvenuta ma setgħetx tistrieħ fuq din l-eċċezzjoni sabiex tiċħad aċċess għad-dokumenti rilevanti.

Il-konvenuta interpretat b’mod żbaljat u applikat il-prerekwiżiti tal-eċċezzjoni kif ikkonfermata mill-ġurisprudenza għall-aċċess għal dokumenti mhux mfassla fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji. B’mod partikolari, il-konvenuta naqset milli tipprovdi spjegazzjoni suffiċjenti fir-rigward tal-eżistenza ta’ proċeduri ġudizzjarji rilevanti f’sitwazzjoni fejn rinviju preliminari għandu jkun partikolarment probabbli, fir-rigward ta’ rabta rilevanti bejn id-dokumenti mitluba u l-proċeduri ġudizzjarji nazzjonali, u billi naqset milli tistabbilixxi u tispjega għalfejn żvelar ta’ kull dokument kien ser verament, u mhux b’mod ipotetiku jippreġudika l-opportunitajiet ugwali għall-partijiet fi proċeduri ġudizzjarji.

Barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-konvenuta tikkostitwixxi ksur tal-liġijiet rilevanti u tad-drittijiet tar-rikorrenti peress li l-konvenuta kienet naqset milli tirrikonoxxi li aċċess għad-dokumenti mitluba kellu jkun permess minħabba n-natura prijoritarja tal-interess pubbliku għall-iżvelar.

It-tieni motiv ibbażat fuq allegat ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal aċċess għal informazzjoni u dokumenti peress li l-konvenuta kienet b’mod żbaljat irrifjutat aċċess għad-dokumenti rilevanti abbażi tal-eċċezzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

Il-konvenuta ma tistax tinvoka b’suċċess l-eċċezzjoni li tirrigwarda l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni peress li l-ebda investigazzjoni ma kienet għaddejja fil-waqt li l-konvenuta adottat id-deċiżjoni tagħha li tirrifjuta aċċess għad-dokumenti mitluba. Il-konvenuta ma tistax tiġġustifika ir-rifjut għal aċċess b’referenza għal investigazzjonijiet futuri potenzjali biss. Ukoll, il-konvenuta ma tistax targumenta li kull investigazzjoni (kurrenti jew futura potenzjali) tkun ippreġudikata b’mod serju fil-każ ta’ żvelar. L-ebda spjegazzjoni suffiċjenti ma ġiet offruta mill-konvenuta li ssostni tali inkwiet remot u l-ebda riskju attwali li tiġi ppreġudikata kwalunkwe investigazzjoni ma jeżisti.

Anki kieku l-eċċezzjoni kienet applikabbli (li hija miċħuda), aċċess għad-dokumenti rilevanti ma setax jiġi rrifjutat minħabba n-natura prijoritarja tal-interess pubbliku għall-iżvelar.

It-tielet motiv ibbażat fuq allegat ksur tad-dritt tal-applikant għal aċċess għal informazzjoni peress li l-konvenuta rrifjutat b’mod illegali aċċess għad-dokumenti rilevanti abbażi tal-eċċezzjoni fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

Il-konvenuta ma tistax tinvoka l-esklużjoni relatata mal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni peress li kwalunkwe deċiżjoni rilevanti kienet diġà ttieħdet, peress li d-dokumenti inkwistjoni ma kinux imfassla jew riċevuti għal użu intern, u peress li l-konvenuta ma pprovdietx kwalunkwe spjegazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta’ għaliex l-iżvelar kien jippreġudika b’mod serju l-proċess deċiżjonali tal-konvenuta.

Anki kieku l-eċċezzjoni kienet applikabbli (li hija miċħuda), aċċess għad-dokumenti rilevanti ma setax jiġi rrifjutat minħabba n-natura prijoritarja tal-interess pubbliku għall-iżvelar.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari tad-dritt tar-rikorrenti għal aċċess għal informazzjoni u dokumenti, peress li l-konvenuta injorat l-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità ikkonfermat mill-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 u l-obbligu li jiġu speċifikati raġunijiet.

Il-ħames motiv ibbażat fuq allegat ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal aċċess għal fajls tal-konvenuta li kienu jikkonċernaw b’mod sinjifattiv lir-rikorrenti skont l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta.

Id-deċiżjoni tal-konvenuta tikser il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea peress li r-rikorrenti għandhom dritt għal aċċess għal dokumenti rilevanti anki bħala parti minn fajl li jikkonċerna b’mod partikolari lir-rikorrenti, peress li d-dokumenti inkwistjoni huma relatati mal-investigazzjonijiet konklużi abbażi tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1049/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE 1 li wassal għal konsegwenzi diretti u fundamentali għar-rikorrenti.

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331.

1 ĠU 2010, L 331, p. 48.