Language of document : ECLI:EU:T:2008:155

Kawża T-144/04

Télévision française 1 SA (TF1)

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Rikors għal annullament — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkwalifika ċerti miżuri adottati mir-Repubblika Franċiża favur France 2 u France 3 bħala għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq komuni — Terminu għall-preżentata ta’ rikors — Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura — Inammissibbiltà”

Sommarju tad-digriet

1.      Rikors għal annullament — Termini — Punt ta’ tluq — Data ta’ pubblikazzjoni — Data meta r-rikorrent isir jaf bl-att — Natura sussidjarja

(Il-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 26(3))

2.      Proċedura — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 44(1))

1.      Mill-formulazzjoni tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE jirriżulta li l-kriterju tad-data meta r-rikorrent isir jaf bl-att bħala d-data li minnha jibda jiddekorri t-terminu sabiex jitressaq rikors huwa ta’ natura sussidjarja fil-konfront tal-kriterji tad-data tal-pubblikazzjoni jew tan-notifika tal-att.

Fir-rigward tal-atti li, skont prassi stabbilita tal-istituzzjoni kkonċernata, huma ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, minkejja li din il-pubblikazzjoni mhijiex kundizzjoni meħtieġa għall-applikabbiltà tagħhom, il-kriterju tad-data ta’ meta r-rikorrent isir jaf bl-att mhuwiex applikabbli u t-terminu sabiex jitressaq rikors jibda jiddekorri mid-data tal-pubblikazzjoni. F’tali ċirkustanzi, fil-fatt, it-terzi persuni kkonċernati jistgħu leġittimament jistennew li l-att in kwistjoni ser jiġi ppubblikat.

Għal att li, skont l-Artikolu 26(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE], għandu jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali, it-terminu sabiex jitressaq rikors jibda jiddekorri, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, mit-tmiem tal-erbatax-il jum wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

(ara l-punti 18-22)

2.      Skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u għandu jinkludi sunt tal-motivi invokati.

Din l-indikazzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-parti konvenuta tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra insostenn tiegħu.

Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa meħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li r-rikors ikun ibbażat fuqhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors stess. Għalkemm dan it-test jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, b’riferimenti għal siltiet speċifiċi minn dokumenti li jkunu annessi miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra, anki jekk annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għan-nuqqas tal-elementi essenzjali fir-rikors. M’huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors, peress li dawn l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali.

Għaldaqstant, fl-eżami tal-konformità tar-rikors mar-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-kontenut tar-replika mhuwiex, bħala ipoteżi, rilevanti. B’mod partikolari, l-ammissibbiltà, ammessa mill-ġurisprudenza, tal-motivi u tal-argumenti mressqa fir-replika bħala amplifikazzjoni tal-motivi li jinsabu fir-rikors ma tistax tiġi invokata, mingħajr ma l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura jiġi mċaħħad minn kull portata, sabiex tagħmel tajjeb għan-nuqqas, imwettaq meta ġie ppreżentat ir-rikors, li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ dan l-artikolu

Barra minn hekk, jekk, fil-każ ta’ att adottat minn istituzzjoni, l-obbligu li tingħata motivazzjoni fl-att jista’ effettivament jiġi mmitigat meta d-destinatarju tiegħu jkollu konoxxenza tajba tal-kuntest li fih ġie adottat, din il-possibbiltà ta’ mitigazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi applikata b’analoġija għar-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni suffiċjenti ta’ rikors imressaq quddiem il-qorti Komunitarja. Fil-fatt, dawn ir-rekwiżiti huma meħtieġa, b’mod partikolari, fl-interess tal-qorti Komunitarja, li ma jkollha ebda konoxxenza minn qabel tal-kawża mressqa quddiemha. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali fid-definizzjoni tat-termini tad-dibattitu ġudizzjarju kif ukoll li tiġi żgurata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jeskludu li l-preżunta konoxxenza tajba tal-proċess mill-istituzzjoni awtriċi tal-att tiġi kkunsidrata bħala motiv li jippermetti li jiġu evitati r-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

(ara l-punti 28-31)