Language of document : ECLI:EU:C:2023:699

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fil‑21 ta’ Settembru 2023 (1)

Kawża C473/22

Mylan AB

vs

Gilead Sciences Finland Oy,

Gilead Biopharmaceutics Ireland UC,

Gilead Sciences Inc.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi, il-Finlandja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari (ĊPS) – Direttiva 2004/48/KE – Artikolu 9(7) – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti bi ksur tad-drittijiet mogħtija miċ-ĊPS– Miżuri provviżorji ordnati abbażi ta’ ĊPS – Annullament sussegwenti taċ-ĊPS u revoka ta’ miżuri – Konsegwenzi – Dritt għal kumpens xieraq għad-danni kkawżati mill-miżuri provviżorji – Responsabbiltà tal-applikant għal dawn il-miżuri għad-dannu kkawżat minnhom – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi responsabbiltà mingħajr nuqqas”






 Introduzzjoni

1.        Meta l-protezzjoni mogħtija lil detentur minn dritt tal-proprjetà intellettwali, bħal privattiva jew dritt sekondarju tiegħu, tiskadi jew meta dan id-dritt jitqies li huwa ġuridikament vulnerabbli u jista’ jiġi kkanċellat, il-kompetituri tal-proprjetarju jistgħu jitħajru jqiegħdu fis-suq prodotti li jippreġudikaw dak id-dritt mingħajr ma jistennew it-tmiem tal-validità tiegħu. Tali tqegħid fis-suq bikri jagħtihom vantaġġ kompetittiv, billi jippermettilhom li jiksbu partijiet mis-suq qabel ma jaslu kompetituri oħra iktar skruplużi. Il-proċess huwa frekwenti, b’mod partikolari fis-suq tal-prodotti farmaċewtiċi, fejn il-produtturi tal-prodotti mediċinali ġeneriċi kultant ma jistennewx it-tmiem tal-effettività tal-protezzjoni tal-prodott mediċinali oriġinatur sabiex iqiegħdu fis-suq il-prodott tagħhom stess, bit-tama li din il-protezzjoni tiskadi malajr.

2.        Tali proċess jissejjaħ “launch at risk”. Fil-fatt, l-awtur tiegħu jesponi ruħu għar-riskju li jiġi kkontestat mid-detentur tal-miżuri ta’ protezzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali inkwistjoni, li jistgħu jieħdu l-forma, b’mod partikolari, ta’ miżuri provviżorji ordnati minn qorti, intiżi sabiex jitwaqqaf immedjatament il-ksur. F’sitwazzjoni bħal din, il-kompetitur tad-detentur ibati r-riskju ta’ telf finanzjarju minħabba l-investimenti li jkun għamel u li ma jkunx jista’ jagħmel profitt minnhom.

3.        Madankollu, fil-każ fejn, wara l-adozzjoni ta’ tali miżura provviżorja, id-dritt tal-proprjetà intellettwali li din il-miżura kellha tiżgura l-protezzjoni tiegħu jiġi annullat jew anki jekk jiġi kkonstatat li ma kienx hemm ksur ta’ dan id-dritt, tqum il-kwistjoni tad-dritt tal-persuna li l-attività ekonomika tagħha kienet ġiet indebitament ostakolata li titlob kumpens għad-danni subiti mingħand id-detentur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali li jkun talab l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji.

4.        Għalkemm id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li hija stess hija dderivata mid-dritt internazzjonali, li tobbliga lill-Istati Membri jipprevedu fl-ordinamenti ġuridiċi interni tagħhom tali dritt ta’ kumpens hija fformulata b’mod lakoniku u ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Bayer Pharma (2), tatha tifsira iktar preċiża, u b’hekk inkwadrat iktar il-marġni ta’ manuvra tal-Istati Membri.

5.        F’din il-kawża, hemm il-kwistjoni li tiġi analizzata, fid-dawl tat-tagħlim li jirriżulta minn din is-sentenza, is-sistema ta’ responsabbiltà adottata fid-dritt Finlandiż, peress li din tixbah is-sistemi fis-seħħ fid-dritt intern ta’ diversi Stati Membri oħra, jiġifieri sistema ta’ responsabbiltà mingħajr nuqqas.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt internazzjonali

6.        L-Artikolu 1(1) tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (iktar ’il quddiem il- “Ftehim TRIPS”), li huwa s-suġġett tal-Anness 1C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech fil‑15 ta’ April 1994 u approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (3) jistabbilixxi:

“Il-Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. Il-Membri jistgħu, iżda mhux bil-fors, jimplimentaw protezzjoni iżjed ħarxa minn dik meħtieġa f’dan il-Ftehim, iżda [bil-kundizzjoni li] din il‑protezzjoni ma tmurx kontra d‑dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. Il‑Membri għandhom ikunu ħielsa li jistabbilixxu l-metodu xieraq għat-twettiq tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim fis-sistema u l-prattika legali tagħhom”.

7.        Bis-saħħa tal-Artikolu 50(7) ta’ dan il-ftehim:

“Meta l-miżuri proviżorji huma revokati jew meta jaqgħu minħabba kwalunkwe att jew ommissjoni mill-applikant, jew meta misjub sussegwentement li ma kien hemm l-ebda ksur jew trattar ta’ ksur ta’ xi dritt ta’ proprjetà intelletwali, l-awtoritajiet ġudizzjarji għandu jkollhom l-awtorità li jordnaw lill-applikant, dwar it-talba tal-konvenut, sabiex jipprovdu kumpens xieraq lill-konvenut għal kull ħsara mwettqa b’dawn il-miżuri.”

 Iddritt talUnjoni

8.        L-Artikoli 2, 3, 5, 13 u 15 tar-Regolament (KE) Nru 469/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Mejju 2009 dwar iċ-ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari għal prodotti mediċinali (Verżjoni kodifikata) (4), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdu:

“Artikolu 2

Kull prodott protett minn privattiva fit-territorju ta’ Stat Membru u suġġett, qabel ma jkun jista’ jitqiegħed fis-suq bħala prodott mediċinali, għal proċedura amministrattiva ta’ awtorizzazzjoni […] jista’, taħt it-termini u kondizzjonijiet stipulati minn dan ir-Regolament, ikun is-suġġett ta’ ċertifikat [ta’ protezzjoni supplimentari, iktar ’il quddiem iċ-‘ċertifikat’ jew iċ-‘ĊPS’].

Artikolu 3

Ċertifikat għandu jingħata jekk, fl-Istat Membru fejn tkun ġiet preżentata l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 7 u fid-data ta’ dik l-applikazzjoni:

a)      l-prodott ikun protett minn privattiva bażika fis-seħħ;

[…]

Artikolu 5

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4, iċ-ċertifikat għandu jagħti l-istess drittijiet bħal dawk mogħtija minn privattiva bażika u għandu jkun suġġett għall-istess limitazzjonijiet u l-istess obbligazzjonijiet.

[…]

Artikolu 13

1.      Iċ-ċertifikat jidħol fis-seħħ fit-tmiem tat-terminu leġittimu tal-privattiva bażika għal perjodu li jkun twil daqs il-perjodu li jkun għadda mid-data ta’ meta l-applikazzjoni għal privattiva bażika tkun ġiet ippreżentata sad-data tal-ewwel awtorizzazzjoni biex il-prodott jitqiegħed fis-suq [tal-Unjoni], imnaqqas b’perjodu ta’ ħames snin.

[…]

Artikolu 15

1.      Iċ-ċertifikat għandu jkun invalidu jekk:

a)      ikun inħareġ kontra d-disposizzjonijiet tal-Artikolu 3;

[…]”

9.        Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (5):

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti b’din id-Direttiva. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu ġusti u m’għandhomx ikunu mhux neċessarjament kumplikati jew għaljin, jew li jwasslu għal-limiti ta’ ħin mhux raġjonevoli jew dewmien mhux ordnat.

2.      Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun wkoll effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom.”

10.      L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu, fuq talba ta’ l-applikant:

a)      joħorġu kontra l-kontravventur mandat interlokutorju intiż biex jipprevjeni kontravvenzjoni imminenti tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, jew biex jipprojbixxi, fuq bażi proviżorja u bla ħsara, li jsir pagament rikorrenti tal-penalità fejn hemm provdut fil-liġi nazzjonali, il-kontinwazzjoni tal-kontravvenzjonijiet allegati ta’ dak id-dritt, jew biex jagħmel dik il-kontinwazzjoni bla ħsara għal depożitu tal-garanziji intiżi biex jassiguraw il-kumpens tad-detentur tad-dritt; […]

[…]

3.      L-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom, b’rispett għall-miżuri li saret riferenza għalihom fil-paragrafi 1 u 2, l-awtorità li jitolbu l-applikant li jipprovdi evidenza raġjonevoli u li hi disponibbli biex jissodisfaw lilhom nfushom bi grad suffiċenti ta’ ċertezza li l- applikant huwa d-detentur tad-dritt u li d-dritt ta’ l-applikant li kien kontravvenut jew li din il-kontravvenzjoni hija imminenti.

4.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-miżuri proviżorji li għalihom saret riferenza fil-paragrafi 1 u 2 jistgħu, f’każijiet li jixirqlhom, jinħarġu mingħajr ma tkun nstemgħet id-difiża, b’mod partikolari fejn xi dewmien jista’ jagħmel ħsara irreparabbli lid-detentur tad-dritt. F’dan il-każ, il-partijiet għandhom ikunu infurmati mingħajr dewmien, l-aktar tard wara l-esekuzzjoni tal-miżuri.

Reviżjoni, li tista’ tinkludi d-dritt tas-smigħ, għandha ssir fuq talba tad-difiża bl-għan li ssir deċiżjoni, fi żmien raġjonevoli wara n-notifikazzjoni tal-miżuri, liema miżuri jkunux modifikati, revokati jew konfermati jew le.

[…]

7.      Fejn il-miżuri proviżorji huma revokati jew jiġu preskritti minħabba xi azzjoni jew ommissjoni mill-applikant, jew fejn sussegwentement jinstab li ma kienx kontravvenzjoni jew theddida ta’ kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom l-awtorità li jordnaw l-applikant, fuq talba tad-difiża, li jipprovdi lid-difiża kumpens xieraq għal xi ħsara ikkawżata b’dawk il-miżuri.”

 Iddritt Finlandiż

11.      Mill-Artikolu 11 tal-Kapitolu 7 tal-oikeudenkäymiskaari (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ġudizzjarja), li jittrasponi fid-dritt Finlandiż l-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48, jirriżulta li, fil-każ fejn miżura provviżorja tkun inkisbet inutilment wara talba ta’ parti, din il-parti għandha tikkumpensa lill-parti avversarja għad-dannu kkawżat minn din il-miżura u l-implimentazzjoni tagħha, inklużi l-ispejjeż imġarrba. Skont il-qorti tar-rinviju, din id-dispożizzjoni hija interpretata, fil-ġurisprudenza tal-qrati Finlandiżi, bħala li tipprevedi responsabbiltà mingħajr nuqqas.

 Ilfatti filkawża prinċipali, ilproċedura u ddomandi preliminari

12.      Fit‑3 ta’ Diċembru 2009, il-Patentti- ja rekisterihallitus (l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Privattivi u tar-Reġistrazzjoni, il-Finlandja) ħareġ, abbażi tal-privattiva Ewropea Nru FI/EP 0 915 894 ivvalidata fil-Finlandja (iktar ’il quddiem il-“privattiva bażika inkwistjoni”), iċ-ĊPS Nru 266 “Tenofovir disoproxil (TD) u l-melħ tiegħu, idrati, tawtomeriċi u solvati, flimkien mal-emtriċitabina” (iktar ’il quddiem iċ-“ĊPS inkwistjoni”) li jkopri prodott mediċinali antiretrovirali indikat għat-trattament ta’ persuni li jbatu mill-virus tal-immunodefiċjenza umana (HIV).

13.      Fir-rebbiegħa tas-sena 2017, il-kumpannija Mylan AB ipproponiet il-prodott mediċinali tagħha “EMTRICITABINE/TÉNOFOVIR DISOPROXIL MYLAN 200 mg/245 mg, pillola miksija b’rita” (prodott mediċinali ġeneriku bbażat fuq it-tenofovir disoproxil u l-emtriċitabina, iktar ’il quddiem il-“prodott mediċinali ġeneriku inkwistjoni”) fil-kuntest ta’ kuntratti pubbliċi organizzati minn żewġ distretti sanitarji Finlandiżi. Hija rebħet dawn iż-żewġ kuntratti.

14.      Il-privattiva bażika inkwistjoni skadiet fil‑25 ta’ Lulju 2017. Fl-istess data, iċ-ĊPS inkwistjoni daħal fis-seħħ.

15.      Fil‑15 ta’ Settembru 2017, il-kumpanniji Gilead Sciences Finland Oy, Gilead Biopharmaceutics Ireland UC u Gilead Sciences, Inc. (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien “Gilead et”) adixxew il-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi, il-Finlandja) b’azzjoni għal kontrafazzjonit aċ-ĊPS inkwistjoni kontra Mylan, kif ukoll b’talba għal miżuri provviżorji, li Mylan opponiet. Fit‑30 ta’ Novembru 2017, Mylan ippreżentat azzjoni għal nullità taċ-ĊPS inkwistjoni.

16.      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2017, il-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi) laqgħet it-talba għal miżuri provviżorji u pprojbixxiet lil Mylan, taħt piena ta’ multa, milli toffri, li tqiegħed fis-suq u li tuża l-prodott mediċinali ġeneriku inkwistjoni matul il-perijodu ta’ validità taċ-ĊPS inkwistjoni, kif ukoll milli timporta, timmanifattura u żżomm dan il-prodott għal dawn il-finijiet.

17.      Fil‑25 ta’ Lulju 2018, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza Teva UK et (6) dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 469/2009. Minn din is-sentenza jirriżulta li ĊPS, analogu għaċ-ĊPS inkwistjoni, maħruġ fir-Renju Unit għall-istess prodott mediċinali oriġinatur, kellu jiġi annullat, minħabba li kien inħareġ bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni.

18.      Il-miżuri provviżorji miksuba minn Gilead et kontra Mylan ġew annullati, fuq talba ta’ Mylan, permezz ta’ deċiżjoni tal-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja) tal‑11 ta’ April 2019.

19.      Permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2019, il-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi) annullat iċ-ĊPS inkwistjoni. Din is-sentenza kienet is-suġġett ta’ appell quddiem il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) li, permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Novembru 2020, ċaħdet it-talba għall-ammissjoni tal-appell ta’ Gilead et, u b’hekk għamlet definittiva s-sentenza tal-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi).

20.      Abbażi tal-Artikolu 11 tal-Kapitolu 7 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ġudizzjarja, Mylan għalhekk talbet lil din il-qorti, il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, tikkundanna lil Gilead et tħallasha danni fl-ammont ta’ EUR 2 367 854.99, flimkien mal-interessi moratorji, bħala kumpens għad-danni kkawżati minn dawn il-miżuri provviżorji miksuba inutilment abbażi ta’ ĊPS li sussegwentement ġie annullat.

21.      Il-qorti tar-rinviju tfakkar li, skont il-ġurisprudenza Finlandiża, l-Artikolu 11 tal-Kapitolu 7 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ġudizzjarja jipprevedi responsabbiltà mingħajr nuqqas, jiġifieri responsabbiltà oġġettiva. Għalhekk, kull persuna li tikseb miżura provviżorja hija obbligata tħallas danni jekk it-titolu ta’ proprjetà intellettwali li abbażi tiegħu tkun ingħatat din il-miżura provviżorja jiġi sussegwentement annullat. Madankollu, fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bayer Pharma, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk sistema ta’ responsabbiltà mingħajr nuqqas tistax titqies bħala li hija kompatibbli mal-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48.

22.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Sistema ta’ kumpens ibbażata fuq ir-responsabbiltà mingħajr nuqqas, bħas-sistema applikabbli fil-Finlandja […] għandha titqies bħala kompatibbli mal-Artikolu 9(7) tad-[Direttiva 2004/48]?

2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv, fuq liema tip ta’ responsabbiltà huwa bbażat l-obbligu ta’ kumpens previst fl-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48? Għandu jitqies li hija forma ta’ responsabbiltà għal nuqqas, forma ta’ responsabbiltà għal abbuż ta’ dritt jew xi tip ta’ responsabbiltà oħra?

3)      F’dak li jirrigwarda t-tieni domanda, liema huma ċ-ċirkustanzi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk teżistix responsabbiltà?

4)      L-evalwazzjoni għandha ssir, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda t-tielet domanda, abbażi biss taċ-ċirkustanzi magħrufa fiż-żmien tal-kisba tal-miżura provviżorja, jew għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, per eżempju, il-fatt li d-dritt tal-proprjetà intellettwali li l-ksur allegat tiegħu mmotiva l-għoti ta’ din il-miżura provviżorja, sussegwentement, wara l-kisba ta’ din il-miżura, ġie ddikjarat null ab initio u, fl-affermattiv, x’importanza għandha tingħata lil din iċ-ċirkustanza tal-aħħar?”

23.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Lulju 2022. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Finlandiż u dak Olandiż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li taqta’ l-kawża mingħajr ma żżomm seduta.

 Analiżi

24.      Il-qorti tar-rinviju tagħmel erba’ domandi preliminari. Hija l-ewwel domanda preliminari li għandha l-ikbar importanza, peress li tikkonċerna l-kompatibbiltà mal-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48, moqri fid-dawl tas-sentenza Bayer Pharma, ta’ sistema ta’ responsabbiltà mingħajr nuqqas għal danni kkawżati minn miżuri provviżorji miksuba inutilment. It-tliet domandi preliminari l-oħra jikkonċernaw il-punt dwar, fil-każ ta’ inkompatibbiltà ta’ tali sistema, fuq liema bażi għandha tkun ibbażata r-responsabbiltà prevista f’din id-dispożizzjoni. Ser nanalizza d-domandi preliminari fl-ordni li saru fih.

 Fuq lewwel domanda preliminari

25.      Infakkar li, fil-kawża prinċipali, il-miżura provviżorja kontra Mylan ġiet adottata favur Gilead et sabiex jiġi protett id-dritt tal-proprjetà intellettwali li dawn il-kumpanniji jisiltu miċ-ĊPS inkwistjoni. Peress li dan iċ-ĊPS ġie sussegwentement annullat, id-dritt tal-proprjetà intellettwali rriżulta li kien ineżistenti, b’tali mod li ma kienx hemm ksur ta’ dan id-dritt. Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fis-sitwazzjonijiet imsemmija minn din id-dispożizzjoni, sistema ta’ responsabbiltà mingħajr nuqqas tal-applikant għal miżuri provviżorji.

26.      Ir-risposta għal din id-domanda teħtieġ interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni fid-dawl tas-sentenza Bayer Pharma. Għalhekk ser nibda l-analiżi tiegħi b’rikapitulazzjoni tat-tagħlimiet meħuda minn din is-sentenza.

 Is-sentenza Bayer Pharma

27.      Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Bayer Pharma, il-kwistjoni kienet dwar jekk l-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 kienx jipprekludi sistema ta’ responsabbiltà prevista fid-dritt intern ta’ Stat Membru, li permezz tagħha l-kumpens lill-konvenut minħabba miżura provviżorja infondata ma kienx ingħata, meta d-dannu kien seħħ minħabba l-aġir tal-konvenut, sa fejn l-applikant (għall-miżura provviżorja) ikun aġixxa konformement ma’ dak li jista’ jkun mistenni minn persuna fis-sitwazzjoni tiegħu.

28.      Fil-konklużjonijiet tiegħu f’din il-kawża, l-Avukat Ġenerali Pitruzzella rrileva, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 għandu l-għan li jimplimenta, fil-livell tad-dritt tal-Unjoni, l-Artikolu 50(7) tal-Ftehim TRIPS, li jħalli marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ lill-Istati firmatarji u ma jippreġudikax is-sistema ta’ responsabbiltà fid-dritt intern ta’ dawn l-Istati. Fil-fehma tiegħu, l-istess għandu japplika fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(7) ta’ din id-direttiva, bil-kundizzjoni li din is-sistema ta’ responsabbiltà, minn naħa, tippermetti lill-konvenut jikseb il-kumpens għal kull dannu mġarrab u, min-naħa l-oħra, ma tiskoraġġixxix indebitament lid-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali milli jitolbu miżuri provviżorji skont l-Artikolu 9(1) u (2) tal-imsemmija direttiva (7).

29.      Imbagħad, f’dak li jirrigwarda, b’mod iktar preċiż, is-sistema ta’ responsabbiltà inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Bayer Pharma, l-Avukat Ġenerali Pitruzzella wasal għall-konklużjoni li għalkemm l-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 ma jipprekludix li l-aġir tal-konvenut jittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tad-dritt għall-kumpens għad-danni u tal-livell tiegħu, dan jipprekludi, min-naħa l-oħra, li s-sempliċi fatt li dan il-konvenut qiegħed fis-suq prodott li jikser dritt tal-proprjetà intellettwali mingħajr ma stenna l-annullament ta’ dan id-dritt ikun suffiċjenti sabiex jiġi rrifjutat lilu d-dritt għall-kumpens għad-danni (8).

30.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat, fis-sentenza tagħha, soluzzjoni iktar protettiva tad-detenturi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (9).

31.      Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-Ftehim TRIPS jaċċetta espressament li l-firmatarji tiegħu jipprevedu protezzjoni iktar wiesgħa tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali minn dik stabbilita minn dan il-ftehim u li dan kien preċiżament l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea fl-adozzjoni tad-Direttiva 2004/48. Hija għalhekk qieset li l-kunċett ta’ “kumpens xieraq”, imsemmi fl-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48, li l-interpretazzjoni tiegħu ntalbet mill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, kien jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi f’diversi Stati Membri (10).

32.      Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huma l-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw “jekk [kienx] hemmx lok li l-applikant jiġi kkundannat iħallas lill-konvenut kumpens” (11), peress li dan il-kumpens seta’ jitqies bħala “xieraq” biss jekk kien iġġustifikat fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża. Għalhekk, is-sempliċi fatt li kienu ssodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ tali kumpens previsti fl-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48, jiġifieri r-revoka jew in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-miżuri provviżorji minħabba l-azzjoni jew l-ommissjoni tal-applikant jew inkella l-konstatazzjoni sussegwenti ta’ assenza ta’ ksur jew ta’ theddida ta’ ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali, ma jimplikax li l-qrati nazzjonali huma awtomatikament u fi kwalunkwe każ obbligati jikkundannaw lill-applikant jikkumpensa kull dannu mġarrab mill-konvenut minħabba dawn il-miżuri provviżorji (12).

33.      Billi segwiet ir-raġunament tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, billi rreferiet għall-kuntest tal-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48, u b’mod partikolari għall-premessa 22 tagħha, li l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li jiġi ggarantit lill-konvenut il-kumpens għal dannu mġarrab minħabba talba mhux iġġustifikata għal miżuri provviżorji. Issa, il-konstatazzjoni tan-natura mhux iġġustifikata ta’ tali talba tippreżumi, qabel kollox, l-assenza ta’ riskju li dannu irreparabbli jiġi kkawżat lil detentur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali f’każ ta’ dewmien fl-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri (13).

34.      Fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali fil-kawża li tat lok għas-sentenza Bayer Pharma, u li huma simili għal dawk tal-kawża prinċipali f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott mediċinali li jikkostitwixxi ksur ta’ privattiva kienet tikkostitwixxi prima facie riskju ta’ dannu irreparabbli, b’tali mod li t-talba għal miżuri provviżorji mressqa b’reazzjoni għal tali aġir ma kellhiex titqies a priori bħala mhux iġġustifikata (14).

35.      Fir-rigward ta’ revoka sussegwenti tal-miżuri provviżorji (15), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, għalkemm dan il-fatt kien jikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet neċessarji għall-eżerċizzju mill-qrati nazzjonali tas-setgħa li jordnaw kumpens għad-danni, dan ma jistax, min-naħa l-oħra, jitqies fih innifsu bħala element determinanti ta’ prova tan-natura mhux iġġustifikata tat-talba għal dawn il-miżuri provviżorji. Hija żiedet tgħid li interpretazzjoni differenti jista’ jkollha l-effett li tiddisswadi lid-detenturi milli jirrikorru għall-miżuri previsti fl-Artikolu 9(1) et seq tad-Direttiva 2004/48, b’mod li jmur kontra l-għanijiet ta’ din id-direttiva (16).

36.      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja imponiet fuq il-qrati nazzjonali, fid-dawl tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/48, l-obbligu li jiżguraw li l-miżuri provviżorji ma jintużawx mid-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali b’mod abbużiv. Għal dan il-għan, il-qrati nazzjonali għandhom, għal darba oħra, jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża li huma msejħa jiddeċiedu (17).

37.      Huwa fid-dawl tas-sentenza Bayer Pharma li għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari.

 Applikazzjoni tas-soluzzjoni adottata fis-sentenza Bayer Pharma f’din il-kawża

38.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu issa jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bayer Pharma, jipprekludix li r-responsabbiltà tal-applikant għall-miżuri provviżorji prevista fih tkun, fl-ordinament ġuridiku intern ta’ Stat Membru, responsabbiltà mingħajr nuqqas.

39.      Għandi nindika mill-bidu li dan jidhirli li huwa l-każ.

40.      Huwa ċertament ċar li, kif jenfasizzaw il-partijiet ikkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-kawża, l-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 ma jiddeterminax b’mod pożittiv is-sistema ta’ responsabbiltà li għandha tiġi adottata fl-Istati Membri fil-kuntest tat-traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u li s-sentenza Bayer Pharma ma tbiddilx din is-sitwazzjoni.

41.      Madankollu, huwa stabbilit li sistema ta’ responsabbiltà mingħajr nuqqas, imsejħa wkoll “responsabbiltà għal riskju”, “responsabbiltà oġġettiva” jew, bl-Ingliż, “strict liability”, hija kkaratterizzata mill-fatt li l-persuna kkonċernata hija responsabbli sempliċement minħabba l-kwalità ta’ din il-persuna (18), mingħajr ma l-parti leża jkollha tipprova xi nuqqas fl-aġir ta’ din il-persuna. Fi kliem ieħor, ir-responsabbiltà mingħajr nuqqas hija awtomatika u indipendenti miċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni. B’mod partikolari, l-assenza ta’ ħtija tal-persuna li tkun responsabbli ma jeżentahiex minn din ir-responsabbiltà. Huwa biss f’ċerti ordinamenti ġuridiċi li dan il-prinċipju ta’ responsabbiltà oġġettiva huwa mmitigat minn ċirkustanzi eċċezzjonali, bħall-forza maġġuri jew il-kontribuzzjoni deċiżiva tal-persuna leża jew ta’ terz għall-okkorrenza tad-dannu (19).

42.      Issa, dan huwa preċiżament dak li jipprekludi l-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bayer Pharma. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni teżiġi li l-qorti nazzjonali li tkun awtorizzata tordna lill-applikant għal miżuri provviżorji li jagħti kumpens għal kull dannu kkawżat minn dawn il-miżuri lill-konvenut, jekk dawn ikunu nkisbu inutilment, tkun tista’ teżamina ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni sabiex tevalwa jekk hemmx lok li jiġi ordnat tali kumpens għad-dannu. Dan ikun il-każ jekk it-talba għal miżuri provviżorji ma kinitx iġġustifikata, filwaqt li kien magħruf li s-sempliċi revoka ta’ dawn il-miżuri jew il-konstatazzjoni tal-assenza ta’ ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali ma humiex suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita n-natura mhux iġġustifikata ta’ din it-talba.

43.      Huwa ovvjament possibbli li wieħed jipprova, kif jagħmlu ċerti partijiet ikkonċernati li kienu ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-kawża, li jsir tfettiq u li titfittex din jew dik il-karatteristika ta’ sistema ta’ responsabbiltà mingħajr nuqqas partikolari, sabiex jintwera li din tkun konformi mal-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 u mas-sentenza Bayer Pharma.

44.      Madankollu, fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, kif imqassra fil-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet, sempliċement teskludi li r-responsabbiltà skont din id-dispożizzjoni taqa’ taħt sistema ta’ responsabbiltà mingħajr nuqqas. Il-karatteristiċi speċifiċi ta’ sistema ta’ responsabbiltà partikolari ma jistgħux ibiddlu din il-konstatazzjoni.

45.      Dan huwa b’mod partikolari l-każ tal-fatt, enfasizzat mill-qorti tar-rinviju, li fis-sistema Finlandiża l-aġir tal-konvenut jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-kumpens għad-danni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ħtieġet espressament, fis-sentenza Bayer Pharma, li l-qrati nazzjonali jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ sabiex jevalwaw jekk hemmx lok li jingħata kumpens għad-danni. Tnaqqis tal-ammont tal-kumpens, meta l-prinċipju stess ta’ responsabbiltà jibqa’ fis-seħħ mhux biżżejjed sabiex dan ir-rekwiżit jiġi ssodisfatt.

 Kunsiderazzjonijiet supplimentari

46.      Nixtieq inżid ngħid li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 li tirriżulta mis-sentenza Bayer Pharma jidhirli li hija perfettament konformi mal-ispirtu u mal-istruttura ta’ din id-direttiva. Fil-fatt huwa importanti li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi differenti tal-kuntest tagħha.

47.      Fl-ewwel lok, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet kollha li jinsabu fl-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48.

48.      Fis-sentenza Bayer Pharma, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-fatt li r-revoka tal-miżuri provviżorji, fih innifsu, jitqies bħala prova determinanti tan-natura mhux iġġustifikata tat-talba li wasslet għal dawn il-miżuri jista’ jkollu l-effett li jiddisswadi lill-proprjetarju tal-privattiva inkwistjoni f’din il-kawża milli jirrikorri għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/48 u għalhekk imur kontra l-għan ta’ din id-direttiva li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali (20). Fil-fehma tiegħi, din il-kunsiderazzjoni jistħoqqilha li tiġi żviluppata iktar.

49.      L-artikolu inkwistjoni jistabbilixxi d-dritt tad-detenturi, għall-finijiet tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħhom, li jitolbu miżuri provviżorji kontra kull min wettaq il-ksur, inkluż dak potenzjali, sabiex jipprevjenu ksur imminenti ta’ dawn id-drittijiet. Dan huwa l-għan prinċipali ta’ dan l-artikolu.

50.      Huwa biss bl-għan li jiġu bbilanċjati l-interessi tal-partijiet kollha inkwistjoni li l-Artikolu 9(5) sa (7) tad-Direttiva 2004/48 jipprevedi miżuri ta’ protezzjoni tal-interessi tal-konvenuti, billi jistabbilixxi li l-miżuri provviżorji għandhom jiġu rrevokati fil-każ ta’ nuqqas ta’ azzjoni fil-mertu tal-applikant u li d-danni eventwali mġarrba mill-konvenut minħabba miżuri provviżorji miksuba inutilment għandhom jiġu kkumpensati mill-applikant. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jipprevjenu l-użu abbużiv tal-miżuri provviżorji.

51.      Madankollu, l-imsemmija dispożizzjonijiet imorru kontra l-effett utli tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/48 fl-intier tiegħu kieku kellhom jiġu interpretati u trasposti fid-dritt nazzjonali b’mod li jiġi impost riskju sproporzjonat għall-applikant li jkollu jikkumpensa lill-parti l-oħra minħabba l-miżuri li jkun ingħata sabiex jiġu protetti d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tiegħu. Fil-loġika ta’ dan l-artikolu, ir-riskju ma jinqasamx b’mod ugwali bejn id-detentur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u min wettaq il-ksur – jew min wettaq il-ksur potenzjali – ta’ dawn id-drittijiet. Huwa dan tal-aħħar li jinsab f’riskju meta jikser, anki potenzjalment, dritt tal-proprjetà intellettwali. Huwa jista’ jagħmel dan b’mod deliberat jekk iqis li l-pożizzjoni tad-detentur hija dgħajfa, pereżempju minħabba l-vulnerabbiltà tad-dritt tiegħu. Madankollu, huwa b’għarfien sħiħ tal-fatti li jiddeċiedi li jbati jew le dan ir-riskju.

52.      Min-naħa l-oħra, ikun kontra l-ispirtu u l-għan tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/48 li d-difiża mid-detentur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tiegħu tiġi ttrasformata f’attività riskjuża. Sakemm ma jkunx jista’ jiġi akkużat bl-ebda nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, id-detentur għandu jkun liberu li juża b’mod sħiħ il-miżuri previsti minn din id-direttiva, inklużi dawk previsti fl-Artikolu 9 tagħha mingħajr ma jkun dissważ milli jagħmel dan mill-perspettiva tal-konsegwenzi negattivi ta’ użu ta’ dawn il-miżuri. Dan huwa l-każ b’mod partikolari meta d-dritt tal-proprjetà intellettwali inkwistjoni jirriżulta minn deċiżjoni tal-awtorità pubblika, bħal privattiva jew ĊPS, bħal f’din il-kawża, u li d-dekadenza tal-miżuri provviżorji hija r-riżultat tal-annullament ta’ dan id-dritt. Id-detentur għandu jkun jista’ jafda f’tali deċiżjoni u ma għandux iġorr ir-riskju tal-irregolarità eventwali tagħha.

53.      Barra minn hekk, il-miżuri provviżorji previsti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/48, mid-definizzjoni tagħhom stess, ma jippreġudikawx l-eżitu tat-tilwima fuq il-mertu. Issa, il-fatt li tiġi prevista responsabbiltà awtomatika tal-parti li tkun talbet tali miżuri provviżorji kull darba li hija ma tkunx, għal kwalunkwe raġuni li tkun, rebħet fuq il-mertu jkollu l-effett li tiġi żnaturata n-natura provviżorja ta’ dawn il-miżuri, kuntrarjament, għal darba oħra, għall-għan ta’ din id-dispożizzjoni.

54.      Fit-tieni lok, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-direttiva u, b’mod partikolari, ir-regoli tagħha ta’ natura ġenerali.

55.      Il-Gvern Finlandiż jispjega fl-osservazzjonijiet tiegħu li r-responsabbiltà mingħajr nuqqas tal-applikant għall-miżuri provviżorji tikkostitwixxi fid-dritt Finlandiż il-korrispettiv ta’ faċilità kbira li jinkisbu dawn il-miżuri li jingħataw b’mod kważi awtomatiku. Skont dan il-gvern, jekk il-prinċipju ta’ responsabbiltà mingħajr nuqqas jiġi abbandunat, il-qrati jkunu obbligati jivverifikaw b’iktar attenzjoni l-fondatezza tat-talbiet tal-applikant, ħaġa li ma hijiex żvilupp mixtieq.

56.      Jiena ma naqbilx ma’ din l-aħħar opinjoni. Il-pożizzjoni tal-Gvern Finlandiż tixhed approċċ, biex ngħidu hekk, xi ftit “Far West” tar-relazzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/48: minn naħa, hemm ix-xerif (id-detentur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali), min-naħa l-oħra, il-pistolero (il-persuna li wettqet il-ksur jew il-persuna li twettaq il-ksur potenzjali) u li l-iktar wieħed li jispara malajr (jiġifieri, essenzjalment, min għandu l-aħjar avukati) jirbaħ. Madankollu, din il-viżjoni tad-difiża tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali bħala O.K. Corral ġuridiku (21) ma jidhirlix li kienet dik tal-leġiżlatur tal-Unjoni meta adotta d-Direttiva 2004/48 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 9 tagħha.

57.      Fil-fatt, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/48 jeżiġi li l-miżuri li hija tipprevedi għandhom ikunu effettivi u dissważivi, iżda wkoll proporzjonati u applikati b’mod li jiġi evitat il-ħolqien ta’ ostakoli għall-kummerċ leġittimu u li jiġu pprovduti protezzjonijiet kontra l-użu abbużiv tagħhom. Issa, l-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri taqa’, prinċipalment, taħt ir-responsabbiltà tal-qrati nazzjonali. Huma għalhekk il-qrati nazzjonali li għandhom jiżguraw ruħhom min-natura prima facie ġġustifikata tal-miżuri mitluba mid-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u b’mod partikolari tal-miżuri provviżorji. Hija biss evalwazzjoni mill-qorti tan-natura proporzjonata tat-talba li tippermetti li jiġi żgurat li l-miżuri provviżorji adottati jkunu proporzjonati, ma joħolqux ostakoli għall-kummerċ leġittimu u ma humiex ta’ natura abbużiva (22). Barra minn hekk, dan huwa espressament previst fl-Artikolu 9(3) ta’ din id-direttiva, li jawtorizza lill-awtoritajiet ġudizzjarji jeżiġu mill-applikant għal miżuri provviżorji kull prova tan-natura ġġustifikata tat-talba tiegħu. Din id-dispożizzjoni tkun mingħajr skop jekk dawn il-miżuri kellhom jiġu adottati awtomatikament.

58.      It-teħid inkunsiderazzjoni tal-fondatezza tat-talba u, b’mod iktar ġenerali, tal-ibbilanċjar tal-interessi ta’ żewġ partijiet waqt l-għoti tal-miżuri provviżorji jidhirli għalhekk li huwa neċessarju mill-perspettiva tal-għanijiet tad-Direttiva 2004/48. Il-viġilanza tal-qrati msejħa sabiex jordnaw il-miżuri provviżorji għandha għalhekk tikkostitwixxi l-ewwel ilqugħ kontra l-użu abbużiv ta’ dawn il-miżuri mid-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (23).

59.      Għal dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, it-tħassib dwar il-ħeffa ta’ din il-proċedura, infakkar li l-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 2004/48 jippermetti, fil-każijiet ta’ urġenza estrema, l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji mingħajr ma jinstema’ l-konvenut, bla ħsara għal reviżjoni fuq talba tal-konvenut li tista’ twassal għall-emenda, għar-revoka jew għall-konferma ta’ dawn il-miżuri. Huwa ovvju li, sabiex jiġi żgurat l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni, l-emenda jew ir-revoka eventwali tal-imsemmija miżuri wara reviżjoni ma tistax tippermetti li jiġi konkluż li l-applikant huwa responsabbli awtomatikament.

60.      Huwa għalhekk, b’ċerta prudenza li l-qrati nazzjonali għandhom, konformement mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/48, jordnaw il-miżuri previsti minn din id-direttiva, fosthom il-miżuri provviżorji msemmija fl-Artikolu 9(1) u (2) tal-imsemmija direttiva. Din il-prudenza għandha sussegwentement tiġi riflessa fis-sistema ta’ responsabbiltà implimentata skont l-Artikolu 9(7) ta’ din l-istess direttiva.

61.      Bħala regola ġenerali, ir-responsabbiltà mingħajr nuqqas isseħħ fi tliet tipi ta’ sitwazzjonijiet: minħabba attività ta’ riskju marbuta, b’mod partikolari, mal-użu fil-kuntest ta’ attività ta’ “forzi tan-natura” li ma humiex kompletament ikkontrollati mill-utent tagħhom; minħabba l-aġir ta’ terzi persuni li jkunu taħt ir-responsabbiltà tal-persuna kkonċernata, bħall-impjegati jew it-tfal minuri u, fl-aħħar nett, minħabba “problemi tal-viċinat”, jiġifieri danni marbuta mal-użu ta’ bini. Min-naħa l-oħra, ma jidhirlix li huwa konformi mal-ispirtu u mal-loġika tad-Direttiva 2004/48 li l-applikanti għall-miżuri provviżorji previsti fl-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva jinżammu awtomatikament responsabbli minħabba d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw dawn il-miżuri mogħtija, wara eżami fid-dettall tat-talba, mill-qrati nazzjonali. Ir-responsabbiltà ta’ dawn l-applikanti għandha tkun pjuttost limitata, kif jirriżulta mis-sentenza Bayer Pharma, għan-nuqqasijiet relatati mal-aġir tagħhom stess, b’mod partikolari meta titressaq it-talba għal miżuri provviżorji.

62.      Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-proprjetà intellettwali.

63.      Fil-fatt, għalkemm id-Direttiva 2004/48 hija ispirata ħafna mill-Parti III tal-Ftehim TRIPS (24) u tikkostitwixxi l-implimentazzjoni tagħha fil-livell tad-dritt tal-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt li hija tagħmel parti mill-ħidma ferm iktar wiesgħa ta’ armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet sostantivi li jikkonċernaw id-diversi kategoriji ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali, b’mod partikolari l-privattivi, it-trademarks, id-disinni, kif ukoll id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati. Ir-rwol tagħha huwa li tiżgura l-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet f’livell għoli, ekwivalenti u omoġenju (25).

64.      L-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 għandu għalhekk jiġi interpretat b’mod omoġenju mhux biss fil-kuntest tas-suq farmaċewtiku jew f’dak tad-dritt tal-privattivi, iżda wkoll f’oqsma differenti tad-dritt tal-proprjetà intellettwali u f’sistemi ġuridiċi differenti tal-Istati Membri. Issa, ir-relazzjonijiet ta’ forza bejn il-partijiet fil-kawża li jikkonċernaw dawn id-diversi drittijiet tal-proprjetà intellettwali jvarjaw ħafna. B’hekk, huwa biss it-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha ta’ kawża partikolari mill-qorti msejħa sabiex tordna kumpens eventwali li jippermetti, fil-fehma tiegħi, li tinstab soluzzjoni adattata għal kull sitwazzjoni. Huwa għalhekk indispensabbli li d-dritt intern ta’ kull Stat Membru jippermetti tali teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn iċ-ċirkustanzi.

 Proposta ta’ risposta għall-ewwel domanda preliminari

65.      Jidhirli li kemm is-soluzzjonijiet mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bayer Pharma kif ukoll l-istruttura u l-għanijiet tad-Direttiva 2004/48 jeskludu li r-responsabbiltà prevista fl-Artikolu 9(7) ta’ din id-direttiva taqa’ taħt sistema ta’ responsabbiltà mingħajr nuqqas bħal dik adottata fid-dritt Finlandiż. Madankollu, sa fejn huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu din is-sistema ta’ responsabbiltà, ir-risposta għal din id-domanda għandha tiġi fformulata b’mod iktar astratt, sabiex ma tillimitax indebitament il-marġni ta’ manuvra tagħhom.

66.      Għalhekk nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fis-sitwazzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni, sistema ta’ responsabbiltà tal-applikant għal miżuri provviżorji li ma tippermettix lill-qorti adita b’rikors għal kumpens għad-danni kkawżati minħabba dawn il-miżuri li tieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-premessi ta’ din ir-responsabbiltà elenkati fl-imsemmija dispożizzjoni, ċirkustanzi rilevanti oħra tal-każ inkwistjoni sabiex jiġi evalwat jekk hemmx lok li jiġi ordnat dan il-kumpens.

 Fuq ittieni sarraba’ domanda preliminari

67.      It-tieni sar-raba’ domanda preliminari saru fl-ipoteżi fejn mir-risposta għall-ewwel domanda preliminari jirriżulta li l-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 jipprekludi sistema ta’ responsabbiltà mingħajr nuqqas għad-danni kkawżati minħabba miżuri provviżorji miksuba inutilment. Fid-dawl tar-risposta li nipproponi li tingħata għal din l-ewwel domanda, hemm lok li jiġu analizzati t-tieni, it-tielet u r-raba’ domanda preliminari.

 Fuq it-tieni domanda preliminari

68.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, liema tip ta’ sistema ta’ responsabbiltà hija konformi mal-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48.

69.      Kif diġà semmejt, din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix sistema ta’ responsabbiltà konkreta, b’tali mod li huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu u jorganizzaw din is-sistema.

70.      Madankollu, mir-risposta li nipproponi li tingħata għall-ewwel domanda preliminari jirriżulta direttament li s-sistema ta’ responsabbiltà skont l-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 għandha tippermetti lill-qorti adita b’talba għal kumpens għal danni kkawżati minħabba miżuri provviżorji miksuba inutilment li tieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-premessi ta’ din ir-responsabbiltà elenkati f’din id-dispożizzjoni, ċirkustanzi rilevanti oħra tal-każ inkwistjoni sabiex tevalwa jekk hemmx lok li jiġi ordnat dan il-kumpens. Għalhekk, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha ssegwi din il-proposta ta’ risposta, fil-fehma tiegħi, ma jkunx neċessarju li tingħata risposta separata għat-tieni domanda preliminari.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domanda preliminari

71.      Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda tagħha, li nipproponi li jiġu analizzati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, liema ċirkustanzi l-qorti adita b’talba għal kumpens għad-danni skont l-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tevalwa jekk hemmx lok li jiġi ordnat dan il-kumpens.

72.      Kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, huwa diffiċli li jiġu elenkati b’mod eżawrjenti ċ-ċirkustanzi kollha li l-qorti jista’ jkollha tieħu inkunsiderazzjoni f’tali sitwazzjoni. Madankollu, is-sentenza Bayer Pharma tagħti f’dan ir-rigward xi indizji ta’ natura ġenerali.

73.      Minn din is-sentenza jirriżulta li r-responsabbiltà tal-applikant għal miżuri provviżorji tirriżulta min-natura mhux iġġustifikata tal-miżuri li jkun talab. In-natura ġġustifikata tagħhom għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-eżistenza ta’ riskju ta’ dannu irreparabbli li jista’ jiġi kkawżat lilu fl-assenza ta’ tali miżuri provviżorji. Il-fatt li l-miżuri provviżorji kienu ġew irrevokati – jew, b’mod iktar ġenerali, li l-ipoteżijiet li fihom ir-responsabbiltà tal-applikant hija prevista konformement mal-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 jitwettqu – ma jikkostitwixxix fih innifsu prova tan-natura mhux iġġustifikata ta’ din it-talba (26).

74.      Minn dan jirriżulta, l-ewwel, li ċ-ċirkustanzi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti adita b’rikors għad-danni skont l-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 huma dawk li jippermettulha tevalwa jekk it-talba għal miżuri provviżorji kinitx iġġustifikata. Sabiex tkun kompleta, tali evalwazzjoni għandha, fil-fehma tiegħi, tirrigwarda mhux biss it-talba oriġinali għal miżuri provviżorji, iżda wkoll l-aġir ulterjuri tal-applikant fir-rigward taż-żamma, tal-estensjoni jew tat-tiġdid eventwali ta’ dawn il-miżuri. In-natura ġġustifikata ta’ tali talba tista’ fil-fatt tevolvi skont ċirkustanzi bħall-iżvilupp tat-tilwima bejn l-applikant u l-avversarju tiegħu.

75.      It-tieni, il-qorti għandha evidentement tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi sussegwenti għat-talba, għall-għoti u għall-eżekuzzjoni tal-miżuri provviżorji. Dawn huma b’mod partikolari ċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48, jiġifieri r-revoka ta’ miżuri provviżorji (u r-raġunijiet għal din ir-revoka) u l-konstatazzjoni ta’ assenza ta’ ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali. Madankollu, dawn iċ-ċirkustanzi ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala konferma post factum tan-natura mhux iġġustifikata tat-talba għal miżuri provviżorji, iżda għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura ġġustifikata tat-talba fil-mument tat-tressiq tagħha (jew fil-mument tat-tressiq ta’ talbiet sussegwenti).

76.      Pereżempju, l-annullament tad-dritt tal-proprjetà intellettwali inkwistjoni wara l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji jista’ jikkostitwixxi indizju tal-iżball tal-applikant fl-evalwazzjoni tal-fondatezza tat-talbiet tiegħu. Madankollu, jekk dan l-iżball kellu jitqies, f’każ partikolari, bħala skużabbli, dan ma jistax iwassal għar-responsabbiltà tal-applikant, bil-konsegwenza li jiġi kkontestat l-effett utli tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/48 kollu kemm hu (27).

77.      It-tielet, in-natura ġġustifikata ta’ talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ riskju ta’ dannu irreparabbli kkawżat lill-applikant, jiġifieri, mid-definizzjoni tiegħu stess, tal-probabbiltà ta’ tali dannu. Din il-probabbiltà tikkonċerna mhux biss li jkun seħħ avveniment li jippreġudika l-interessi tal-applikant, iżda wkoll il-leġittimità stess ta’ dawn l-interessi, b’mod partikolari l-validità tad-dritt tal-proprjetà intellettwali inkwistjoni. L-annullament eventwali sussegwenti ta’ dan id-dritt ma jfissirx għalhekk li, fil-mument tat-talba għal miżuri provviżorji, ir-riskju ta’ dannu irreparabbli ma kienx jeżisti.

78.      Fl-aħħar u, ir-raba’, ir-revoka tal-miżuri provviżorji jew il-konstatazzjoni ta’ assenza ta’ ksur jew ta’ theddida ta’ ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali jistgħu jikkostitwixxu indizju tal-abbuż mill-applikant ta’ dawn il-miżuri. Tali abbuż għandu, fil-fehma tiegħi, jitqies bħala ekwivalenti għal talba mhux iġġustifikata għal miżuri provviżorji u jwassal għal obbligu ta’ kumpens għad-danni kkawżati minn din it-talba, kif barra minn hekk iddeċidiet, essenzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bayer Pharma (28).

79.      Għalhekk, għalkemm l-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 ma jispeċifikax il-kawżi konkreti tar-responsabbiltà li huwa jipprevedi, xorta waħda huwa possibbli li l-qrati kompetenti jingħataw indikazzjonijiet dwar iċ-ċirkustanzi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħhom. Għalhekk nipproponi li r-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda preliminari tkun li l-qorti adita b’rikors għal kumpens għad-danni skont l-Artikolu 9(7) ta’ din id-direttiva għandha tieħu inkunsiderazzjoni, sabiex tevalwa jekk hemmx lok li jiġi ordnat dan il-kumpens, minbarra l-premessi ta’ din ir-responsabbiltà elenkati f’din id-dispożizzjoni, ċirkustanzi rilevanti oħra tal-każ inkwistjoni, kemm preċedenti kif ukoll sussegwenti għat-talba tal-miżuri provviżorji inkwistjoni, li jippermettulha tevalwa n-natura ġġustifikata ta’ din it-talba fid-dawl tar-riskju ta’ dannu irreparabbli kkawżat lill-applikant fl-assenza ta’ dawn il-miżuri.

 Konklużjoni

80.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi, il-Finlandja):

1)      L-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fis-sitwazzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni, sistema ta’ responsabbiltà tal-applikant għal miżuri provviżorji li ma tippermettix lill-qorti adita b’rikors għal kumpens għad-danni kkawżati minħabba dawn il-miżuri li tieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-premessi ta’ din ir-responsabbiltà elenkati fl-imsemmija dispożizzjoni, ċirkustanzi rilevanti oħra tal-każ inkwistjoni sabiex tevalwa jekk hemmx lok li jiġi ordnat dan il-kumpens.

2)      Il-qorti adita b’rikors għal kumpens għad-danni skont l-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 għandha tieħu inkunsiderazzjoni, sabiex tevalwa jekk hemmx lok li jiġi ordnat dan il-kumpens, minbarra l-premessi ta’ din ir-responsabbiltà elenkati f’din id-dispożizzjoni, ċirkustanzi rilevanti oħra tal-każ inkwistjoni, kemm preċedenti kif ukoll sussegwenti għat-talba tal-miżuri provviżorji inkwistjoni, li jippermettulha tevalwa n-natura ġġustifikata ta’ din it-talba fid-dawl tar-riskju ta’ dannu irreparabbli kkawżat lill-applikant fl-assenza ta’ dawn il-miżuri.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019 (C‑688/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza Bayer Pharma”, EU:C:2019:722).


3      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80.


4      ĠU 2009, L 152, p. 1.


5      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32.


6      C‑121/17, EU:C:2018:585.


7      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża Bayer Pharma (C‑688/17, EU:C:2019:324, punti 26 sa 48).


8      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża Bayer Pharma (C‑688/17, EU:C:2019:324, punti 49 sa 60).


9      Tali interpretazzjoni tas-sentenza Bayer Pharma tinsab ukoll fil-letteratura. Ara, b’mod partikolari, Dijkman, L., “CJEU rules that Repeal of provisional measure does not automatically create liability for wrongful enforcement”, Journal of Intellectual Property Law Practice, Nru 12, 2019, p. 917; de Haan, T., “The CJEU sides with IP right holders: the Bayer Pharma judgment (C‑688/17) and the consequences of the Europeisation of provisional and precautionary measures relating to IP rights”, European Intellectual Property Review, 2020, Nru 11, 2020, p. 767; Tilmann, W., “Consequences of the CJEU’s Bayer v Richter decision”, Journal of Intellectual Property Law Practice, Nru 6, 2022, p. 526; kif ukoll, b’mod kritiku, Felthun, R., et, “Compensating wrongly restrained defendant in pharmaceutical patent cases: recent developments in the EU, England and Australia”, Bio-Science Law Review, Nru 6, 2020, p. 234, u Sztoldman A., “Compensation for a wrongful enforcement of a preliminary injunction under the Enforcement Directive (2004/48/EC)”, European Intellectual Property Review, Nru 11, 2020, p. 721.


10      Sentenza Bayer Pharma, punti 47 sa 49.


11      Sentenza Bayer Pharma, punt 51 (korsiv miżjud minni).


12      Sentenza Bayer Pharma, punti 51 u 52.


13      Sentenza Bayer Pharma, punti 60 sa 62.


14      Sentenza Bayer Pharma, punt 63.


15      Fil-kawża prinċipali f’din il-kawża, dawn il-miżuri provviżorji ġew annullati minħabba difett proċedurali, iżda ma ġewx imġedda sussegwentement minħabba l-progress tal-proċedura ta’ invalidità tal-privattiva li kienet tikkostitwixxi l-bażi tagħha, filwaqt li din il-privattiva ġiet finalment annullata (ara s-sentenza Bayer Pharma, punti 23 sa 26).


16      Sentenza Bayer Pharma, punti 64 u 65.


17      Sentenza Bayer Pharma, punti 68 sa 70.


18      U, naturalment, mill-okkorrenza ta’ dannu.


19      Dwar ir-responsabbiltà mingħajr nuqqas, ara, b’mod indikattiv, Knetsch, J., “The Role of Liability without Fault”, f’Borghetti, J.-S., Whittaker, S., (ed.), French Civil Liability in Comparative Perspective, Hart Publishing, Oxford, 2019, p. 123 sa 142, u Szpunar, A., “La responsabilité sans faute dans le droit civil polonais”, Revue internationale de droit comparé, Nru 1, 1959, p. 19 sa 33.


20      Sentenza Bayer Pharma, punti 64 u 65. Osservazzjoni simili kienet diġà tinsab fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża Bayer Pharma (C‑688/17, EU:C:2019:324, punt 47).


21      Naturalment, qiegħed nirreferi għall-western famuż ta’ John Sturges tal‑1957 Gunfight at the O.K. Corral.


22      Ara, f’dan is-sens, Sikorski, R. “Patent Injunctions in the European Union Law”, fi Sikorski, R. (ed.), Patent Law Injunctions, Kluwer Law International, 2018, p. 22.


23      Dan huwa barra minn hekk dak li diġà fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bayer Pharma, punti 66 sa 70.


24      Din il-parti hija intitolata “Infurzar tad-Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali”.


25      Ara, b’mod partikolari, il-premessi 3 u 10 tad-Direttiva 2004/48.


26      Sentenza Bayer Pharma, punti 60, 62 u 64.


27      Ara l-punti 48 sa 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet u s-sentenza Bayer Pharma, punt 65.


28      Punti 66 sa 70.