Language of document : ECLI:EU:T:2024:113

Kawża T762/20

Sinopec Chongqing SVW Chemical Co. Ltd et

vs

IlKummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) tal21 ta’ Frar 2024

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ ċerti alkoħols tal-polivinil li joriġinaw miċ-Ċina – Dazju antidumping definittiv – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1336 – Kalkolu tal-valur normali – Distorsjonijiet sinjifikattivi fil-pajjiż esportatur – Artikolu 2(6a) tar-Regolament (UE) 2016/1036 – Dritt tal-WTO – Prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi – Aġġustamenti – VAT mhux rimborsabbli – Funzjonijiet li jistgħu jiġu assimilati ma’ dawk ta’ aġent li jaħdem abbażi ta’ kummissjonijiet – Paragun ġust tal-prezz tal-esportazzjoni u tal-valur normali – Oneru tal-prova – Artikolu 2(10)(b) u (i) tar-Regolament 2016/1036 – Nuqqas ta’ kooperazzjoni – Informazzjoni disponibbli – Artikolu 18 tar-Regolament 2016/1036 – Applikazzjoni doppja – Applikazzjoni penalizzanti – Proċessi ta’ produzzjoni differenti – Twaqqigħ tal-prezzijiet – Segmenti tas-suq – Metodu tan-numri ta’ kontroll tal-prodott – Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament 2016/1036 – Drittijiet tad-difiża – Trattament kunfidenzjali – Artikoli 19 u 20 tar-Regolament 2016/1036”

1.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Metodi – Interpretazzjoni fid-dawl tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni – Interpretazzjoni tar-Regolament 2016/1036 fid-dawl tal-Ftehim antidumping tal-GATT tal1994 – Teħid inkunsiderazzjoni tal-interpretazzjoni adottata mill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim – Interpretazzjoni contra legem tad-dritt sekondarju tal-Unjoni – Inammissibbiltà

(Artikolu 216(2) TFUE; Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (Ftehim antidumping tal1994); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 2(6a) u (7))

(ara l-punti 20 sa 22, 28 sa 33, 39 sa 49)

2.      Ftehimiet internazzjonali – Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ – GATT tal1994 – Impossibbiltà li jiġu invokati l-ftehimiet tal-WTO sabiex tiġi kkontestata l-legalità ta’ att tal-Unjoni – Eċċezzjonijiet – Att tal-Unjoni intiż li jiżgura l-eżekuzzjoni tiegħu jew li jirreferi espressament u preċiżament għalih – Assenza

(Artikolu 216(2) TFUE; Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (Ftehim antidumping tal1994); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 2(6a))

(ara l-punti 23, 24, 38)

3.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Marġni ta’ dumping – Paragun bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni – Aġġustamenti – Teħid inkunsiderazzjoni tal-kummissjonijiet imħallsa għall-bejgħ – Funzjonijiet eżerċitati mill-operatur kummerċjali li jistgħu jiġu assimilati ma’ dawk ta’ aġent li jaħdem abbażi ta’ kummissjonijiet – Distributur li jifforma entità ekonomika mal-produttur – Esklużjoni – Determinazzjoni tal-eżistenza tal-entità ekonomika – Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 2(10)(i))

(ara l-punti 60 sa 64)

4.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Marġni ta’ dumping – Paragun bejn il-valur normali u l-prezz ta’ esportazzjoni – Aġġustamenti – Kundizzjonijiet – Oneru tal-prova

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 2(10)(i))

(ara l-punti 65 sa 112, 126 sa 138, 147, 279 sa 281)

5.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Marġni ta’ dumping – Paragun bejn il-valur normali u l-prezz ta’ esportazzjoni – Aġġustamenti – Teħid inkunsiderazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud mhux rimborsabbli li jaffettwa l-prezz tal-esportazzjoni – Stabbiliment mill-ġdid tas-simetrija bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali billi dan tal-aħħar jiġi aġġustat

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikoli 2(6a) u 10(k))

(ara l-punti 145, 153 sa 158)

6.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Żvolġiment tal-investigazzjoni – Użu tal-informazzjoni disponibbli fil-każ ta’ rifjut ta’ kooperazzjoni tal-impriża – Obbligu tal-istituzzjonijiet li juru l-użu tal-aħjar informazzjoni possibbli – Assenza – Setgħa ta’ evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (Ftehim Antidumping tal1994), Artikolu 6.8 u Anness II; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikoli 3 u 18(5) u (6))

(ara l-punti 181 sa 207)

7.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Żvolġiment tal-investigazzjoni – Użu tal-informazzjoni disponibbli fil-każ ta’ rifjut ta’ kooperazzjoni tal-impriża – Determinazzjoni tal-valur normali – Valur normali preżunt li ma jkunx inqas mill-ogħla valur normali tal-produtturi-esportaturi l-oħra – Preżunzjoni bbażata fuq l-assenza ta’ kooperazzjoni tal-impriża – Inammissibbiltà

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 18)

(ara l-punti 211 sa 220)

8.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Dannu – Fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni – Effett tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet ta’ prodotti simili fis-suq tal-Unjoni – Kalkolu tal-marġni tat-twaqqigħ tal-prezzijiet – Metodu ta’ kalkolu – Setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni – Obbligu għall-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni s-segmenti tas-suq tal-prodott inkwistjoni – Assenza ħlief għal ċirkustanzi eċċezzjonali

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikoli 1(4) u 3(2) u (3))

(ara l-punti 249 sa 258, 261, 262, 267 sa 269, 273)

9.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Dannu – Fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni – Effett tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet ta’ prodotti simili fis-suq tal-Unjoni – Kalkolu tal-marġni tat-twaqqigħ tal-prezzijiet – Metodu ta’ kalkolu – Obbligu għall-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni t-totalità tal-bejgħ ta’ prodotti simili tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun – Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 3(2) u (3))

(ara l-punti 288, 292 sa 297)

10.    Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Investigazzjoni – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Obbligu tal-istituzzjonijiet li jiżguraw l-informazzjoni tal-impriżi kkonċernati u li josservaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni billi jirrikonċiljaw dawn l-obbligi – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad talba għal aċċess tal-impriża kkonċernata għal informazzjoni kunfidenzjali – Assenza ta’ żball ta’ liġi tal-Kummissjoni – Impriża li ma rreferietx din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem l-uffiċjal tas-seduta – Ċirkustanza li tikkorrobora l-konklużjoni dwar l-assenza ta’ żball ta’ liġi tal-Kummissjoni

(Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (Ftehim Antidumping tal1994), Artikolu 6.5; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikoli 6(7), 19 u 20)

(ara l-punti 308 sa 315, 321 sa 330)

11.    Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Żvolġiment tal-investigazzjoni – Obbligu tal-Kummissjoni li tiżgura l-informazzjoni tal-partijiet ikkonċernati – Portata – Drittijiet tad-difiża – Ksur – Kundizzjonijiet – Possibbiltà għall-impriża kkonċernata li tiżgura aħjar id-difiża tagħha fl-assenza ta’ irregolarità proċedurali

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikoli 19 u 20)

(ara l-punti 331 sa 335)

Sunt

Abbażi ta’ rikors ippreżentat minn entitajiet tal-grupp Ċiniż Sinopec, il-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2020/1336 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti alkoħols tal-polivinil (iktar ’il quddiem il-“PVAL”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (1). F’din l-okkażjoni, fil-kuntest tal-paragun xieraq bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali, il-qorti ppreċiżat il-portata tal-oneru tal-prova li għandha l-Kummissjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ aġġustament għat-tnaqqis tal-prezz tal-esportazzjoni, minħabba li kumpannija ta’ bejgħ relatata ma’ produttur teżerċita funzjonijiet li jistgħu jiġu assimilati ma’ dawk ta’ aġent li jaħdem abbażi ta’ kummissjonijiet. Hija ddeċidiet ukoll dwar il-kwistjoni jekk, fil-każ fejn il-Kummissjoni tibbaża l-konklużjonijiet tagħha abbażi tal-informazzjoni disponibbli wara l-konstatazzjoni tal-assenza ta’ kooperazzjoni ta’ kumpannija, hija tistax tapplika preżunzjoni li l-valur normali tal-prodotti mibjugħa minn din il-kumpannija jikkorrispondi għall-ogħla valur normali fost dawk tal-produtturi-esportaturi l-oħra.

F’dan il-każ, il-Kummissjoni, adita b’ilment ippreżentat minn Kuraray Europe GmbH, produttur prinċipali ta’ PVAL tal-Unjoni Ewropea, fetħet investigazzjoni antidumping li fi tmiemha hija adottat ir-Regolament ikkontestat.

Huwa f’dan il-kuntest li l-entitajiet tal-grupp Sinopec, jiġifieri Sinopec Chongqing SVW Chemical Co. Ltd (iktar ’il quddiem “Sinopec Chongqing”) u Sinopec Great Wall Energy & Chemical (Ningxia) Co. Ltd (iktar ’il quddiem “Sinopec Ningxia”), impriżi Ċiniżi li jipproduċu l-PVAL, kif ukoll Central-China Company, Sinopec Chemical Commercial Holding Co. Ltd (iktar ’il quddiem “Sinopec Central-China”), impriża Ċiniża relatata ma’ dawk preċedenti, li tesporta b’mod partikolari lejn l-Unjoni Ewropea prodotti mmanifatturati minn dawn tal-aħħar, li qieset li kienu leżi mid-dazji antidumping stabbiliti mill-Kummissjoni, adixxew lill-Qorti Ġenerali b’rikors għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336 sa fejn jikkonċernahom (2).

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu, qabel kollox, li l-applikazzjoni magħmula mill-Kummissjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament 2016/1036 (3), bl-għan li jiġi ddeterminat il-valur normali tal-prodotti mmanifatturati minnhom, tmur kontra l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi sistema speċjali li tiffissa r-regoli għad-determinazzjoni tal-valur normali fil-każ ta’ esportazzjonijiet minn pajjiżi fejn huwa stabbilit li s-suq intern tagħhom għandu distorsjonijiet sinjifikattivi, kif iddefiniti minn din l-istess dispożizzjoni.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata twettaq interpretazzjoni konformi ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl tar-regoli tal-WTO. Fil-fatt, anki jekk it-testi tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari meta huma intiżi li jimplimentaw ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku ma jistax jitqies li huwa dispożizzjoni intiża sabiex timplimenta l-obbligi speċifiċi tal-ftehimiet konklużi fil-kuntest tal-WTO, peress li d-dritt tal-WTO ma jinkludix regoli speċifiċi intiżi għall-kalkolu tal-valur normali fis-sitwazzjonijiet koperti mid-dispożizzjoni inkwistjoni.

Sussegwentement, fir-rigward tal-paragun bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali tal-prodotti kkonċernati, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat aġġustament għat-tnaqqis tal-prezzijiet tal-esportazzjoni, skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, hija wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta qieset li, minkejja l-eżistenza ta’ kontroll komuni, ir-rikorrenti ma kinux jikkostitwixxu entità ekonomika komuni, peress li, skont il-Kummissjoni, Sinopec Central-China, kumpannija ta’ bejgħ relatata maż-żewġ rikorrenti l-oħra, ma kinitx taġixxi bħala dipartiment ta’ bejgħ intern, iżda kienet teżerċita pjuttost funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem abbażi ta’ kummissjonijiet.

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jqisu li għandu jiġi applikat aġġustament għat-tnaqqis tal-prezz tal-esportazzjoni għaliex kumpannija ta’ bejgħ relatata ma’ produttur teżerċita funzjonijiet li jistgħu jiġu assimilati ma’ dawk ta’ aġent li jaħdem abbażi ta’ kummissjonijiet, huma dawn l-istituzzjonijiet li għandhom mill-inqas jipprovdu indizji konverġenti li juru li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta.

Għalhekk, kienet il-Kummissjoni li kellha tipprovdi biżżejjed indizji konverġenti li jippermettu li jintwera li, minkejja l-eżistenza ta’ kontroll komuni, Sinopec Central-China kienet teżerċita funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem abbażi ta’ kummissjoni u ma kinitx taġixxi bħala dipartiment ta’ bejgħ intern. Issa, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tissodisfa l-oneru tal-prova li kellha, peress li l-indizji prodotti kienu jew irrilevanti, jew mingħajr valur probatorju fir-rigward tal-funzjonijiet eżerċitati minn Sinopec Central-China.

Fir-rigward tal-kalkolu tal-valur normali tal-prodotti mibjugħa minn Sinopec Ningxia, il-Qorti Ġenerali nnotat, barra minn hekk, li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta applikat preżunzjoni li skontha dan il-valur kien jikkorrispondi għall-ogħla valur normali fost dawk tal-produtturi-esportaturi l-oħra.

F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti ma setgħux jipprovdu l-informazzjoni neċessarja dwar Sinopec Ningxia lill-Kummissjoni, il-Kummissjoni kkalkolat il-valur normali tal-prodotti mibjugħa minnha billi bbażat ruħha fuq l-informazzjoni disponibbli, fis-sens tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. L-informazzjoni li kienet tinsab fil-pussess tagħha ġiet b’hekk ipparagunata. Issa, għalkemm hija ma kinitx obbligata tispjega kif l-informazzjoni disponibbli użata kienet l-aħjar possibbli, peress li tali obbligu la jirriżulta mill-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku u lanqas mill-ġurisprudenza, hija kellha madankollu tispjega kif l-informazzjoni użata hija rilevanti.

Għalhekk, jekk, minħabba d-differenzi bejn il-proċessi ta’ produzzjoni segwiti minn Sinopec Ningxia u minn Sinopec Chongqing, il-Kummissjoni kellha d-dritt li twarrab, bħala informazzjoni rilevanti, l-informazzjoni dwar din tal-aħħar u tuża dik relatata mal-produtturi-esportaturi l-oħra, hija kellha tiġġustifika l-għażla tagħha li tuża, għal kull tip ta’ prodott mibjugħ minn Sinopec Ningxia, l-ogħla valur normali fost dawk tal-produtturi-esportaturi l-oħra. Fil-fatt, din l-għażla ma setgħetx tkun ibbażata fuq preżunzjoni bbażata fuq is-sempliċi konstatazzjoni tal-assenza ta’ kooperazzjoni tar-rikorrenti, peress li l-Kummissjoni ma kellhiex id-dritt li tissanzjona produttur-esportatur minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tiegħu.

Barra minn hekk, l-użu ta’ preżunzjoni, anki jekk ikun diffiċli li tiġi kkonfutata, jibqa’ aċċettabbli sakemm teżisti b’mod partikolari l-possibbiltà li tiġi prodotta l-prova kuntrarja. Issa, f’dan il-każ, il-konfutazzjoni tal-preżunzjoni inkwistjoni kienet possibbli biss li kieku r-rikorrenti kienu pprovdew lill-Kummissjoni l-informazzjoni li l-assenza ta’ produzzjoni tagħha kienet tikkostitwixxi preċiżament il-fattur li wassal għall-użu mill-Kummissjoni tal-informazzjoni disponibbli fis-sens tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni ma kisritx id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti meta rrifjutat li tiżvelahom informazzjoni dwar il-kwantitajiet mibjugħa u l-prezzijiet ta’ bejgħ tal-industrija tal-Unjoni, kif ukoll il-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet u tal-prezzijiet indikattivi, peress li din l-informazzjoni kienet ta’ natura kunfidenzjali.

Din l-assenza ta’ żball kienet ikkorroborata mill-fatt li r-rikorrenti, meta rċevew il-messaġġ elettroniku tal-Kummissjoni li kien jiċħad it-talba tagħhom għal aċċess għall-informazzjoni msemmija iktar ’il fuq, ma ressqux din il-kwistjoni quddiem l-uffiċjal tas-seduta, minkejja li huma setgħu jagħmlu dan (4). B’dan il-mod, huma qablu mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li kienet tirriżulta minn ibbilanċjar tal-għanijiet li kellhom jintlaħqu mir-Regolament bażiku, jiġifieri li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jiddefendu l-interessi tagħhom b’mod utli u li tiġi ppreżervata l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miġbura matul l-investigazzjoni (5).


1      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1336 tal‑25 ta’ Settembru 2020 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti alkoħols tal-polivinil li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”) (ĠU 2020, L 315, p. 1).


2      Għandhom jissemmew żewġ sentenzi oħra mogħtija fl-istess jum li jiddeċiedu dwar żewġ rikorsi għal annullament kontra r-Regolament ikkontestat: is-sentenza Inner Mongolia Shuangxin Environment-Friendly Material vs Il‑Kummissjoni (T‑763/20) u s-sentenza Anhui Wanwei Updated High-Tech Material Industry u Inner Mongolia Mengwei Technology vs Il‑Kummissjoni (T‑764/20).


3      Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”).


4      L-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/339 tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tal‑21 ta’ Frar 2019 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti kummerċjali (ĠU 2019, L 60, p. 20).


5      Ara, f’dan is-sens, l-Artikoli 6(7), 19 u 20 tar-Regolament bażiku.