Language of document :

Rikors ippreżentat fl-1 ta' Awwissu 2012 - Virgin Atlantic Airways vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-344/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Virgin Atlantic Airways Ltd (Crawley, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: N. Green, QC u K. Dietzel, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

Tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-30 ta' Marzu 2012, fil-Każ COMP/M.6447 (IAG vs bmi); u

Tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq żball ta' liġi mwettaq mill-konvenuta billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni informazzjoni rilevanti dwar il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni li kienu jkunu jeżistu fin-nuqqas tal-ksib, li wassal sabiex il-Kummissjoni tevalwa l-ksib fuq il-bażi ta' sitwazzjoni inqas kompetittiva milli altrimenti kien ikun il-każ. B'mod partikolari, il-Kummissjoni wettqet żball fl-evalwazzjoni: (i) tal-pakkett ta' slotts mibjugħa minn bmi lil IAG/British Airways f'Settembru 2011; u (ii) tal-islotts ta' bmi li IAG/British Airways kisbu bħala garanzija għall-pagament bil-quddiem ta' GBP 60 miljun mill-prezz tal-bejgħ mogħti lill-bmi.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet serje ta' żbalji materjali u li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-informazzjoni rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-impatt tal-ksib fuq iż-żieda gradwali tal-islotts (u s-saħħa fis-suq) tal-IAG f'London-Heathrow wara l-ksib.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet serje ta' żbalji u naqset milli tiħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni relevanti sabiex tidentifika jew twarrab swieq orizzontali oħra affettwati.

Ir-raba' motiv ibbażat fuq żball ta' liġi mwettaq mill-konvenuta billi: (i) naqset milli tipproċedi għall-Fażi II tal-investigazzjoni; u (ii) aċċettat impenji li ma jippermettux li jittwarbu d-dubji serji kkonstatati mill-Kummissjoni.

Il-ħames motiv ibbażat fuq żball ta' liġi mwettaq mill-konvenuta meta ssostni, b'mod żbaljat, li r-relazzjonijiet ġuridiċi bejn IAG u Iberia u British Airways rispettivament, jaqgħu taħt l-Artikolu 5(4) tar-regolament dwar il-konċentrazzjonijiet fl-UE , li wassal sabiex il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ksib kien konċentrazzjoni ta' "dimensjoni Komunitarja" għall-finijiet tal-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament u li hija kellha ġurisdizzjoni li tevalwa l-ksib. Għaldaqstant, id-deċiżjoni hija ultra vires.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40)