Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta' Awwissu 2012 - Akzo Nobel et. vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-345/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Akzo Nobel NV (Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), Akzo Nobel Chemicals Holding AB (Nacka, l-Isvezja) u Eka Chemicals AB (Bohus, l-Isvezja) (rappreżententi: C. Swaak u R. Wesseling, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannula, b'mod totali jew parzjali, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 3533 finali, tal-24 ta' Mejju 2012, li tiċħad talba għal trattament kunfidenzjali mressqa fir-rigward tal-Każ COMP/38.620 - Idroġenu perossidu u perborat;

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi prinċipali u żewġ motivi sussidjarji.

L-ewwel motiv jallega li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta' motivazzjoni u d-dritt tar-rikorrenti għal amministrazzjoni tajba skont l-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

It-tieni motiv jallega li l-pubblikazzjoni tal-verżjoni estiża mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni tal-Idroġenu perossidu tikser l-obbligu tal-kunfidenzjalità tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 339 TFUE kif implementat sussegwentement mir-Regolament Nru 1/2003 2, mir-Regolament Nru 773/2004 4 u mill-Komunikazzjonijiet dwar il-kooperazzjoni tal-Kummissjoni tal-2002 u tal-2006 .

It-tielet motiv jallega li l-pubblikazzjoni ta' verżjoni estiża mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni tal-Idroġenu perossidu li tinkludi fiha informazzjoni derivanti mit-talba għall-klemenza tar-rikorrenti tikser il-prinċipju ta' ċertezza legali, l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti u d-dritt għal amministrazzjoni tajba skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Ir-raba' motiv, applikabbli sa fejn id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista' tiqies li timplika deċiżjoni għall-għoti ta' aċċess għal ċerta informazzjoni abbażi tar-Regolament dwar it-Trasparenza , jallega li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta' motivazzjoni u d-dritt għal amministrazzjoni tajba skont l-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Il-ħames motiv, applikabbli sa fejn id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista' tiqies li timplika deċiżjoni għall-għoti ta' aċċess għal ċerta informazzjoni abbażi tar-Regolament dwar it-Trasparenza, jallega li l-pubblikazzjoni tal-verżjoni estiża mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni tal-Idroġenu perossidu tikser ir-Regolament imsemmi.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

2 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta' April 2004, dwar it-tmexxija ta' proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81).

3 - Avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta' impożizzjoni jew it-tnaqqis ta' multi f'każijiet ta' kartell (ĠU 2002 C 45, p. 3) u Avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta' impożizzjoni jew it-tnaqqis ta' multi f'każijiet ta' kartell (ĠU 2006 C 298, p. 17).

4 - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).