Language of document : ECLI:EU:T:2012:605

Kawża T-345/12 R

Akzo Nobel NV et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Proċeduri għal miżuri provviżorji — Kompetizzjoni — Pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-ksur tal-Artikolu 81 KE — Ċaħda tat-talba intiża għat-trattament kunfidenzjali ta’ informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni abbażi tal-komunikazzjoni tagħha dwar il-kooperazzjoni — Talba għal miżuri provviżorji — Urġenza — Fumus boni juris — Ibbilanċjar tal-interessi”

Sommarju — Digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Novembru 2012

1.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Ġurisdizzjoni tal-imħallef għal miżuri provviżorji — Limiti — Talba intiża sabiex tipprojbixxi lill-Kummissjoni minn qabel milli tadotta deċiżjoni li tagħti l-aċċess għal dokument — Talba li ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Imħallef għal miżuri provviżorji — Inammissibbiltà

(Artikolu 278 TFUE u 279 TFUE; (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001)

2.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Fumus boni juris — Urġenza — Dannu gravi u irreparabbli — Natura kumulattiva — Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni — Ordni ta’ eżami u metodu ta’ verifika — Setgħa diskrezzjonali tal-Imħallef għal miżuri provviżorji

(Artikoli 256(1) TFUE, 278 TFUE u 279 TFUE; (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 104(2))

3.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti — Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar it-trattament kunfidenzjali ta’ informazzjoni li tinsab f’waħda mid-deċiżjonijiet tagħha — Neċessità li tinżamm l-effettività tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rikors promotur

(Artikolu 278 TFUE)

4.      Drittijiet fundamentali — Rispett tal-ħajja privata — Kunċett ta’ ħajja privata — Applikazzjoni għall-impriżi — Portata

Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; Artikolu 7)

5.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Urġenza — Dannu gravi u irreparabbli — Riskju ta’ dannu gravi u irreparabbli għad-drittijiet fundamentali

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE)

6.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti — Fumus boni juris — Eżami prima facie tal-motivi invokati insostenn tar-rikors promotur — Rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta t-trattament kunfidenzjali ta’ informazzjoni li tinsab f’waħda mid-deċiżjonijiet tagħha li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Raġunijiet abbażi tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kkomunikata abbażi tal-Avviż dwar il-Kooperazzjoni — Raġunijiet li prima facie jidhru fondati

(Artikoli 278 TFUE u 339 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; Artikolu 7)

1.      Il-ġurisdizzjoni tal-imħallef għal miżuri provviżorji hija limitata għal stħarriġ ġudizzjarju fuq atti amministrattivi li l-Kummissjoni tkun diġà wettqet, iżda ma testendix għall-evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet li din l-istituzzjoni tkun għadha ma ppronunzjatx ruħha fuqhom. Fil-fatt, tali setgħa, tkun qed tantiċipa argumenti fil-mertu u toħloq konfużjoni fil-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji, inkompatibbli mas-sistema ta’ tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-qorti tal-Unjoni Ewropea. L-imħallef għal miżuri provviżorji jista’ jipprevjeni lill-Kummissjoni milli teżerċita s-setgħat amministrattivi tagħha, qabel ma’ din tkun adottat id-deċiżjoni definittiva, li r-rikorrenti jixtiequ jevitaw l-implementazzjoni tagħha, f’ċirkustanzi eċċezzjonali biss.

Għalhekk, hija inammissibbli talba għal miżuri provviżorji intiża, minn naħa, li tissospendi l-implementazzjoni ta’ deċiżjoni futura tal-Kummissjoni li tiċħad talba intiża għaż-żamma tat-trattament kunfidenzjali ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE, sa fejn din tawtorizza, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, l-aċċess għat-test sħiħ tal-imsemmija deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, li tordna lill-Kummissjoni sabiex tastjeni milli tawtorizza tali aċċess.

(ara l-punti 17, 18)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 19-22)

3.      L-ibbilanċjar tad-diversi interessi preżenti jfisser għall-imħallef għal miżuri provviżorji li dan għandu jiddetermina jekk l-interess li għandha l-parti li titlob il-miżuri provviżorji jipprevalix jew le fuq l-interess li għandha l-applikazzjoni immedjata tad-deċiżjoni inkwistjoni billi jeżamina, b’mod iktar partikolari, jekk l-annullament eventwali ta’ din id-deċiżjoni mill-qorti tal-ewwel grad tippermettix t-treġġigħ lura tas-sitwazzjoni li tkun ġiet ipprovokata mill-eżekuzzjoni immedjata tagħha u, kuntrarjament, jekk is-sospensjoni tal-implementazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni tkunx ta’ natura li toħloq ostakolu għall-effett sħiħ tagħha, fil-każ fejn ir-rikors promotur jiġi miċħud.

Fil-fatt, l-iskop aħħari tal-miżuri provviżorji huwa limitat sabiex jiggarantixxi l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni futura fuq il-mertu, b’mod li d-deċiżjoni tiegħu jkollha natura provviżorja fis-sens li ma tkun tista’ la tippreġudika d-deċiżjoni futura fuq il-mertu u lanqas ma trendiha illużorja billi tneħħilha l-effettività tagħha.

Minn dan isegwi neċessarjament li l-interess difiż minn parti fi proċeduri għal miżuri provviżorji ma huwiex denju għal protezzjoni sa fejn din il-parti titlob lill-imħallef għal miżuri provviżorji jadotta deċiżjoni li, lil hinn milli jkollha natura purament provviżorja, ikollha bħala effett, preġudizzju fir-rigward tad-deċiżjoni futura fuq il-mertu u li trendiha illużorja billi ċċaħħadha mill-effettività tagħha.

Fir-rigward ta’ kawża fejn il-Qorti Ġenerali tkun mitluba tiddeċiedi, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, dwar jekk id-deċiżjoni kkontestata — li permezz tagħha, il-Kummissjoni tkun ċaħdet it-talba tar-rikorrenti li teżiġi li hija għandha tastjeni milli tippubblika l-informazzjoni kkontestata — għandha tkun annullata, huwa evidenti li, sabiex tiġi kkonservata l-effettività ta’ sentenza li tannulla d-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti għandha tkun f’pożizzjoni li tevita li l-Kummissjoni tipproċedi għall-pubblikazzjoni illeċita tal-informazzjoni inkwistjoni.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex ikkontestati miċ-ċirkustanza li anki pubblikazzjoni effettiva tal-informazzjoni inkwistjoni probabbilment ma għandhiex l-effett li ċċaħħad lir-rikorrenti mill-interess ġuridiku fir-rigward tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

Konsegwentement, l-interess tal-Kummissjoni li tinċaħad it-talba għal miżuri provviżorji għandu jċedi quddiem l-interess difiż mir-rikorrenti, speċjalment peress li l-għoti ta’ miżuri provviżorji mitluba jammonta biss għaż-żamma, għal perijodu limitat, tal-istatus quo li ilu jeżisti għal diversi snin.

(ara l-punti 24-29)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 32)

5.      Fir-rigward tal-kundizzjoni tal-urġenza, suġġetta għal evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris, il-miżuri provviżorji mitluba għandhom jintlaqgħu meta d-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti jistgħu jkunu suxxettibbli għal dannu gravi u irreparabbli minħabba ċ-ċaħda tat-talba għal miżuri provviżorji.

(ara l-punt 33)

6.      Fi proċeduri għal miżuri provviżorji, il-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris hija sodisfatta meta tal-inqas wieħed mill-motivi invokati mill-parti li titlob il-miżuri provviżorji insostenn tar-rikors promotur, jidher, prima facie, rilevanti u, f’kull każ, mhux nieqes minn bażi serja, sa fejn juri l-eżistenza ta’ kwistjonijiet ġuridiċi kumplessi li għalihom, is-soluzzjoni ma tkunx immedjata u għalhekk timmerita evalwazzjoni fil-fond, li ma tistax issir mill-imħallef għal miżuri provviżorji, iżda għandha tkun is-suġġett tal-kawża prinċipali, jew meta l-argument bejn il-partijiet juri l-eżistenza ta’ disputa legali importanti li s-soluzzjoni tagħha ma hijiex immedjata.

Fil-kuntest ta’ talba ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad it-talba tar-rikorrenti intiża sabiex ma tippubblikax informazzjoni kunfidenzjali li tinsab f’waħda mid-deċiżjonijiet tagħha, jeżisti, prima facie, fumus boni juris fir-rigward ta’ kawża li tqajjem kwistjonijiet ta’ liġi kumplessi li ma jistgħux, prima facie, jiġu kkunsidrati bħala irrilevanti, iżda li s-soluzzjoni tagħhom timmerita evalwazzjoni fil-fond fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

Fil-fatt, l-argument tar-rikorrenti iqajjem il-kwistjoni legali, li għadha ma ġietx deċiża mill-ġurisprudenza, li hija dwar il-punt jekk id-deċiżjoni kkontestata tiksirx id-dritt għas-sigriet professjonali tar-rikorrenti, iggarantit mill-Artikolu 339 TFUE, l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 7 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, peress illi l-pubblikazzjoni prevista mill-Kummissjoni tinkludi informazzjoni li r-rikorrenti għaddewlha abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni u li, konsegwentement, minħabba l-oriġini u n-natura tagħha, tikkostitwixxi informazzjoni kunfidenzjali li għandha tiġi protetta mill-pubblikazzjoni.

(ara l-punti 34, 46, 56)