Language of document : ECLI:EU:T:2014:858

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

8 ta’ Ottubru 2014 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja figurattiva li tirrappreżenta stilla f’ċirku — Trade marks Komunitarja u nazzjonali figurattivi preċedenti li jirrappreżentaw stilla f’ċirku — Raġuni relattiva għal rifjut — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Karattru distintiv tat-trade mark preċedenti — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Revoka tat-trade mark Komunitarja preċedenti — Żamma tal-interess ġuridiku — Assenza tal-fatt li parzjalment ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

Fil-Kawża T‑342/12,

Max Fuchs, residenti fi Freyung (il-Ġermanja), irrappreżentat minn C. Onken, avukat,

rikorrent,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn J. Crespo Carrillo, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI kienet

Les Complices SA, stabbilita fi Montreuil-sous-Bois (Franza),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-UASI tat-8 ta’ Mejju 2012 (Każ R 2040/2011‑5), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Les Complices SA u Max Fuchs,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Gervasoni (Relatur) u L. Madise, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Awwissu 2012,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Novembru 2012,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Marzu 2013,

wara s-seduta tal-4 ta’ Ġunju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-28 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrent, Max Fuchs, ippreżenta applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv segwenti:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 18, 24 u 26 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 18: “Oġġetti għall-isport u għar-rikreazzjoni, jiġifieri basktijiet, basktijiet li jiddendlu, barżakki”;

–        klassi 24: “Drappijiet u oġġetti tat-tessuti, jiġifieri tikketti magħmula mill-prodotti msemmija iktar ’il fuq”;

–        klassi 25: “Ilbies, b’mod partikolari lbies għal barra, qliezet, ġkieket, qomos, T-shirts, sdieri, anoraks, pullovers, sweatshirts, kowtijiet, kalzetti, ħwejjeġ ta’ taħt, xalpi, kullari protettivi u ingwanti, oġġetti ta’ xedd ir-ras, żraben, stvali, ċinturini”;

–        klassi 26: “Buttuni, żippijiet, beġġijiet, żigarelli, bokkli taċ-ċinturini”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 36/2007, tat-23 ta’ Lulju 2007.

5        Fit-22 ta’ Ottubru 2007, Les Complices SA ressqet oppożizzjoni skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti kollha msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata, fl-ewwel lok, fuq it-trade mark Komunitarja figurattiva preċedenti riprodotta iktar ’il quddiem, li tindika b’mod partikolari l-prodotti fil-klassijiet 18 u 24 li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti:

–        Klassi 18: “Ġilda u imitazzjoni tal-ġilda, basktijiet tal-idejn, basktijiet għal filgħaxija, basktijiet tal-isport, basktijiet tal-ivvjaġġar, valiġetti għad-dokumenti, boroż, portmonijiet, kartieri tal-kards, kontenituri għall-kotba taċ-ċekkijiet, portafolji, basktijiet tal-iskola, bagolli u basktijiet tal-ivvjaġġar; umbrelel, parasoli, ċineġ tal-ġilda”;

–        Klassi 24: “Drappijiet u oġġetti tat-tessuti; purtieri u tapezzerija tal-ħajt tat-tessuti; bjankerija tal-banju, xugamani, ingwanti tal-ħasil u srievet tessili għat-tneħħija tal-mejkapp; bjankerija tas-sodda, kutri, lożor, investi għall-imħaded, kwilts, kutri tal-ivvjaġġar, kutri tar-rix; bjankerija tal-mejda mhux tal-karti, tvalji mhux tal-karti, mattijiet ta’ fuq il-mejda mhux tal-karti u srievet tat-tessuti”.

Image not found

7        Fit-tieni lok, l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark Franċiża figurattiva preċedenti riprodotta iktar ’il quddiem, li tindika b’mod partikolari l-prodotti fil-klassi 25 li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Ilbies, żraben u xedd ir-ras”.

Image not found

8        Ir-raġunijiet invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk previsti fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009] u fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009].

9        Fis-27 ta’ Frar 2011, ir-rikorrent illimita l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tiegħu għall-prodotti segwenti:

–        klassi 18: “Oġġetti għar-rikreazzjoni, jiġifieri basktijiet, basktijiet li jiddendlu, barżakki, bl-eċċezzjoni tal-basktijiet tal-isport”;

–        klassi 24: “Drappijiet u oġġetti tat-tessuti, jiġifieri tikketti magħmula mill-prodotti msemmija iktar ’il fuq”;

–        klassi 25: “Ilbies militari u lbies għal barra, magħmula mit-tessuti tekniċi u komponenti tekniċi oħra, inklużi qliezet, ġkieket, qomos, T-shirts, sdieri, anoraks, pullovers, sweatshirts, kowtijiet, kalzetti, ħwejjeġ ta’ taħt, xalpi, kullari protettivi u ingwanti; oġġetti ta’ xedd ir-ras, ċinturini”.

10      Fit-30 ta’ Ġunju 2011, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni għall-prodotti fil-klassi 24 u laqgħet l-oppożizzjoni għall-prodotti l-oħra kollha.

11      Fid-9 ta’ Awwissu 2011, ir-rikorrent appella quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009), mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, sa fejn kienet sfavorevoli għalih.

12      B’deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2012 (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Ħames Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell. B’mod partikolari, wara li qies li l-pubbliku rilevanti kien magħmul mill-konsumatur medju fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni għall-prodotti fil-klassi 18, u mill-konsumatur medju Franċiż għall-prodotti fil-klassi 25, huwa kkunsidra li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti, fir-rigward tal-prodotti fil-klassijiet 18 u 25, għar-raġuni li l-prodotti kienu identiċi jew jixxiebhu, u s-sinjali kienu jixxiebhu fuq livell viżiv, kienu identiċi fuq livell kunċettwali u li, fuq livell fonetiku, minkejja li, bħala prinċipju, ebda paragun ma kien possibbli, il-konsumaturi setgħu jirreferu għas-sinjali kunfliġġenti billi jindikawhom bit-terminu “stilla”. Fir-rigward tal-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti, huwa qies li stilla b’ħames friegħi kienet tabilħaqq tikkostitwixxi l-iktar sinjal li s-soltu jintuża sabiex tiġi rrappreżentata stilla. Madankollu, huwa qies li d-differenzi viżivi minuri bejn is-sinjali u l-identiċità kunċettwali tagħhom baqgħu joħolqu probabbiltà ta’ konfużjoni għal pubbliku li l-livell ta’ attenzjoni tiegħu kien medju.

 It-talbiet tal-partijiet

13      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tiċħad l-oppożizzjoni kollha kemm hi;

–        tikkundanna lill-UASI u lill-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell għall-ispejjeż.

14      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

15      B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Novembru 2013, ir-rikorrent, minn naħa, informa lill-Qorti Ġenerali bid-deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2013 li permezz tagħha d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI ddikjarat it-trade mark Komunitarja preċedenti rrevokat mill-24 ta’ Ġunju 2013 u, min-naħa l-oħra, spjega li l-oppożizzjoni kellha titqies li ma għadx għandha skop sa fejn kienet ibbażata fuq it-trade mark Komunitarja preċedenti. Il-Qorti Ġenerali talbet lill-UASI tippreżenta osservazzjonijiet fuq din it-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni.

16      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Novembru 2013, l-UASI spjega li kien għad jista’ jiġi ppreżentat appell mid-deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2013 tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni quddiem il-Bord tal-Appell u din id-deċiżjoni kienet għadha ma saritx definittiva. L-UASI enfasizza li fi kwalunkwe każ il-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi fuq id-deċiżjoni kkontestata sa fejn l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark Franċiża preċedenti.

17      Bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, l-UASI barra minn hekk spjega, b’att ippreżentat fir-Reġistru fit-13 ta’ Jannar 2014, li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI tal-24 ta’ Ottubru 2013 kienet saret definittiva, billi l-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI ma ppreżenta ebda appell mill-imsemmija deċiżjoni fit-terminu previst mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009. L-UASI ma speċifikax x’konsegwenzi proċedurali kellha tislet il-Qorti Ġenerali min-natura definittiva tal-imsemmija deċiżjoni.

18      B’digriet tad-9 ta’ Jannar 2014, il-Qorti Ġenerali għaqqad l-eċċezzjoni mal-mertu.

 Id-dritt

 Fuq l-iskop tal-kawża

19      B’deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2013, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI ddikjarat it-trade mark Komunitarja preċedenti rrevokata mill-24 ta’ Ġunju 2013, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009. Din id-deċiżjoni saret definittiva billi l-kumpannija Les Complices, il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, ma ppreżentat ebda appell mill-imsemmija deċiżjoni fit-terminu previst mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li din it-trade mark Komunitarja preċedenti kienet tikkostitwixxi l-unika bażi għall-oppożizzjoni mressqa mill-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell għall-prodotti fil-klassi 18.

20      B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Novembru 2013, ir-rikorrent spjega li l-oppożizzjoni kellha titqies li ma għadx għandha skop sa fejn kienet ibbażata fuq it-trade mark Komunitarja preċedenti. Waqt is-seduta, huwa speċifika li madankollu kien qiegħed iżomm it-talbiet kollha tiegħu dwar l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, inkluż sa fejn din tal-aħħar kienet ibbażata fuq it-trade mark Komunitarja preċedenti.

21      Waqt is-seduta, l-UASI spjega wkoll li r-revoka tat-trade mark Komunitarja preċedenti seħħet wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li, għaldaqstant, kien għad hemm lok li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors kollu kemm hu.

22      Madankollu, il-Qorti Ġenerali għandha tieħu konjizzjoni ex officio tal-kwistjoni jekk kienx għadu jeżisti l-interess ġuridiku tar-rikorrent sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tiddeċiedi fuq l-oppożizzjoni bbażata fuq it-trade mark Komunitarja preċedenti, għall-prodotti fil-klassi 18. Fil-fatt, billi l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ interess ġuridiku, jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku (digrieti tas-7 ta’ Ottubru 1987, d. M. Vs Il‑Kunsill u Il‑Kumitat Ekonomiku u Soċjali, 108/86, Ġabra, EU:C:1987:426, punt 10, u tal-10 ta’ Marzu 2005, Gruppo ormeggiatori del porto di Venezia et vs Il‑Kummissjoni, T‑228/00, T‑229/00, T‑242/00, T‑243/00, T‑245/00 sa T‑248/00, T‑250/00, T‑252/00, T‑256/00 sa T‑259/00, T‑265/00, T‑267/00, T‑268/00, T‑271/00, T‑274/00 sa T‑276/00, T‑281/00, T‑287/00 u T‑296/00, Ġabra, EU:T:2005:90, punt 22), hija l-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika ex officio jekk ir-rikorrent għadx għandu interess li jikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

23      Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk, wara r-revoka tat-trade mark Komunitarja preċedenti, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn hija bbażata fuq din it-trade mark, għadx jista’ jkun ta’ benefiċċju għar-rikorrent. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandu, fid-dawl tal-iskop tar-rikors, ikun jeżisti fil-mument li fih jiġi ppreżentat ir-rikors, u fin-nuqqas ta’ dan, ir-rikors ikun inammissibbli. Dan l-iskop tal-kawża, bħall-interess ġuridiku, għandu jissussisti sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja, u fin-nuqqas ta’ dan, ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, u dan jippresupponi li r-rikors jista’, jekk jirnexxi, ikun ta’ benefiċċju għall-parti li tkun ippreżentatu (digriet tad-9 ta’ Frar 2007, Wilfer vs UASI, C‑301/05 P, EU:C:2007:91, punt 19, u s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, C‑362/05 P, Ġabra, EU:C:2007:322, punt 42). Issa jekk l-interess ġuridiku tar-rikorrent ma jibqax jeżisti matul il-proċedura, deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fuq il-mertu ma tista’ tkun ta’ ebda benefiċċju għar-rikorrent (sentenza Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2007:322, punt 43). Madankollu, id-dekadenza tad-deċiżjoni kkontestata, li tkun seħħet wara l-preżentata ta’ rikors, ma ġġibx magħha, fiha nfisha, l-obbligu għall-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni minħabba nuqqas ta’ skop jew minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku fid-data li tingħata s-sentenza (sentenza Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2007:322, punt 47).

24      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li r-revoka tat-trade mark li fuqha tkun ibbażata oppożizzjoni, meta din isseħħ wara deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li tilqa’ oppożizzjoni bbażata fuq l-imsemmija trade mark, la tikkostitwixxi rtirar u lanqas abrogazzjoni ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar. Fil-fatt, kif barra minn hekk fakkar l-UASI waqt is-seduta, fil-każ ta’ revoka, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 207/2009, it-trade mark Komunitarja għandha titqies li ma kellhiex, sa mid-data tal-applikazzjoni għal revoka, l-effetti previsti minn dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, sa din id-data, it-trade mark Komunitarja tkun ibbenefikat mill-effetti kollha marbuta ma din il-protezzjoni, previsti mit-Taqsima 2 ta’ dan ir-regolament. Konsegwentement, fid-data li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, it-trade mark Komunitarja preċedenti kienet tabilħaqq tibbenefika mill-effetti kollha previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet. Għaldaqstant, li jiġi kkunsidrat li l-iskop tal-kawża ma jibqax jeżisti meta tittieħed deċiżjoni ta’ revoka fil-mori tal-kawża jkun jammonta, għall-Qorti Ġenerali għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ motivi li jkunu feġġu wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u li la għandhom rilevanza għall-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni, u lanqas effetti fuq il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni li din l-istanza hija l-aħħar stadju tagħhom.

25      Il-Qorti Ġenerali diġà kkunsidrat li, fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni tal-Bord tal-Appell dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni, hija ma kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni deċiżjoni ta’ revoka sussegwenti li tikkonċerna t-trade mark li fuqha kienet ibbażata l-oppożizzjoni, billi d-deċiżjoni ta’ revoka ma setgħetx ikollha effett għall-perijodu preċedenti [sentenza tal-4 ta’ Novembru 2008, Group Lottuss vs UASI – Ugly (COYOTE UGLY), T‑161/07, EU:T:2008:473, punti 47 sa 50]. F’sentenza oħra, fejn ir-reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti kienet skadiet wara d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell [sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Cadila Healthcare vs UASI – Novartis (ZYDUS), T‑288/08, EU:T:2012:124, punti 21 sa 23], li ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja (digriet tat-8 ta’ Mejju 2013, Cadila Healthcare vs UASI, C‑268/12 P, EU:C:2013:296, punt 33), il-Qorti Ġenerali wkoll ikkunsidrat li t-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni kellha tiġi miċħuda.

26      Fit-tieni lok, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata mill-Qorti Ġenerali, il-fatt li din tal-aħħar ma tibqax teżisti ex tunc jista’ jagħti benefiċċju lir-rikorrent li ma tagħtihx il-konstatazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni. Fil-fatt, kieku l-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi li parzjalment ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni għall-prodotti fil-klassi 18, ir-rikorrent ikun jista’ biss jissottometti, quddiem l-UASI, applikazzjoni ġdida għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tiegħu, mingħajr ma tkun tista’ mbagħad titressaq oppożizzjoni għal din l-applikazzjoni abbażi tat-trade mark Komunitarja preċedenti milquta b’revoka. Min-naħa l-oħra, kieku l-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi fuq il-mertu u tilqa’ r-rikors sa fejn jikkonċerna dawn il-prodotti, bil-fatt li tikkunsidra li ma kinitx teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, xejn għalhekk ma jimpedixxi r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

27      Fit-tielet lok, għandha ssir distinzjoni bejn il-każ tal-irtirar tal-oppożizzjoni, li jseħħ fuq inizjattiva tal-parti li topponi, u li jippermetti li jitneħħa kull ostakolu għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, u l-każ tar-revoka ta’ trade mark, mitluba minn terz, u li l-effetti tagħha huma limitati mill-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 207/2009. Għalhekk, is-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fil-każ ta’ rtirar tal-oppożizzjoni fil-mori tal-proċeduri quddiemha, li tikkonsisti fid-dikjarazzjoni li t-talba għall-annullament ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell li jkun iddeċieda fuq l-oppożizzjoni ma għadx għandha skop [digriet tat-3 ta’ Lulju 2003, Lichtwer Pharma vs UASI – Biofarma (Sedonium), T‑10/01, Ġabra, EU:T:2003:182, punti 14 sa 17], ma tistax tiġi trasposta għal din il-kawża.

28      Fl-aħħar lok, is-sempliċi fatt li l-appelli mid-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u r-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell għandhom effett sospensiv skont id-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 58(1) u l-Artikolu 64(3) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jitqiegħed fid-dubju l-interess ġuridiku tar-rikorrent f’dan il-każ. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 207/2009, huwa biss meta oppożizzjoni tiġi miċħuda b’deċiżjoni definittiva li t-trade mark għandha tiġi rreġistrata bħala trade mark Komunitarja. Għaldaqstant, meta d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni jew il-Bord tal-Appell jilqgħu oppożizzjoni, tali deċiżjoni twassal sabiex it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tiġix irreġistrata, sakemm jiġi deċiż l-appell jew ir-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni.

29      Konsegwentement, minkejja li ttieħdet deċiżjoni definittiva ta’ revoka tat-trade mark Komunitarja preċedenti li fuqha kienet ibbażata l-oppożizzjoni, ir-rikorrent għad għandu interess li jikkontesta d-deċiżjoni kkontestata, inkluż sa fejn din tiddeċiedi fuq l-oppożizzjoni bbażata fuq din it-trade mark, għall-prodotti fil-klassi 18.

 Fuq il-mertu

30      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka raġuni waħda, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009].

31      Ir-rikorrent iqis li, minkejja l-identiċità tal-prodotti kkonċernati, ma hemmx probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti. Qabel xejn, huwa jsostni billi l-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti huwa żgħir ħafna, saħansitra differenza minima bejn it-trade marks preċedenti u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija suffiċjenti sabiex tiġi eskluża kull probabbiltà ta’ konfużjoni. Fuq livell viżiv, huwa jsostni li bejn is-sinjali kunfliġġenti hemm differenzi tant kbar li ma jaffettwawx l-element li ma huwiex ta’ karattru distintiv tat-trade marks preċedenti. Huwa jqis li ebda paragun fonetiku tas-sinjali ma huwa possibbli, billi t-trade marks huma purament figurattivi. Fl-aħħar nett, fuq livell kunċettwali, is-sinjali kunfliġġenti ma humiex identiċi billi l-uniċi elementi komuni tagħhom ma humiex ta’ karattru distintiv.

32      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

33      Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009], jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma għandhiex tintlaqa’ jekk, minħabba identiċità jew xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

34      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni. Skont l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ, b’mod partikolari l-interdipendenza tax-xebh tas-sinjali u ta’ dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti [ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, Ġabra, EU:T:2003:199, punti 30 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

35      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi eżaminata l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti magħmula mill-Bord tal-Appell.

 Fuq il-pubbliku rilevanti

36      Skont il-ġurisprudenza, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsumatur medju tal-kategorija ta’ prodotti kkonċernata, li jkun normalment informat u raġonevolment attent u avżat. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi inkwistjoni [ara s-sentenza tat-13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Atlana Pharma (RESPICUR), T‑256/04, Ġabra, EU:T:2007:46, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata].

37      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ikkonstata ġustament, fil-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata, u mingħajr ma ġie kkontradett fuq dan il-punt mir-rikorrent, li, billi l-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti kienu prodotti li jintużaw ta’ kuljum, il-pubbliku destinatarju kien magħmul mill-konsumatur medju, li kien meqjus li huwa normalment informat u raġonevolment attent u avżat. Barra minn hekk, kif irrileva ġustament il-Bord tal-Appell fl-imsemmi punt, fir-rigward tal-prodotti fil-klassi 18, billi t-trade mark preċedenti kienet trade mark Komunitarja, il-probabbiltà ta’ konfużjoni kellha tiġi evalwata b’riferiment għall-pubbliku fl-Istati Membri kollha. Fir-rigward tal-prodotti fil-klassi 25, il-Bord tal-Appell ikkonstata ġustament ukoll li, billi t-trade mark preċedenti kienet trade mark nazzjonali Franċiża, il-probabbiltà ta’ konfużjoni kellha tiġi evalwata b’riferiment għall-pubbliku fit-territorju Franċiż.

 Fuq il-paragun tal-prodotti

38      Fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkunsidra ġustament ukoll, u mingħajr ma ġie kkontradett mir-rikorrent, li l-prodotti kkontestati fil-klassijiet 18 u 25 kienu identiċi jew jixxiebhu.

 Fuq il-paragun tas-sinjali

39      Qabel xejn, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tkun ibbażata, f’dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti, fuq l-impressjoni kumplessiva prodotta minnhom, filwaqt li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks li jkollu l-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-imsemmija probabbiltà. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark fl-intier tagħha u ma joqgħodx jeżamina d-diversi dettalji tagħha (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C‑334/05 P, Ġabra, EU:C:2007:333, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Fil-punti 17 sa 19 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li s-sinjali inkwistjoni kienu jixxiebhu fuq livell viżiv, kienu identiċi fuq livell kunċettwali u li, fuq livell fonetiku, minkejja li, bħala prinċipju, ebda paragun ma kien possibbli, il-konsumaturi setgħu jirreferu għas-sinjali kunfliġġenti billi jindikawhom bit-terminu “stilla”.

–       Fuq ix-xebh viżiv

41      Fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell spjega li s-sinjali kunfliġġenti kienu jikkonsistu fir-rappreżentazzjoni figurattiva ta’ stilla b’ħames friegħi, ta’ forma identika, imqiegħda f’ċirku, u li l-proporzjonijiet bejn id-daqs tal-istilla u taċ-ċirku kienu identiċi. L-uniċi differenzi bejn l-imsemmija sinjali huma l-kulur tal-istilla, li huwa abjad fit-trade marks preċedenti u iswed fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-fatt li l-isfond taċ-ċirku huwa skurat fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u li ċ-ċirku tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni huwa magħmul minn linja sewda intermittenti u mhux minn linja kontinwa bħal fit-trade marks preċedenti. Dan ix-xebh jikkontrobilanċja d-differenzi bejn is-sinjali, li jixxiebhu kumplessivament.

42      Ir-rikorrent isostni li s-sinjali kunfliġġenti ma jixxibhux fuq livell viżiv. Huwa jibbaża ruħu, b’mod partikolari, fuq deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI, tat-18 ta’ Diċembru 2002, dwar proċedimenti bejn il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell u terz, li fihom id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet ikkunsidrat li ma kienx hemm xebh viżiv bejn is-sinjali kunfliġġenti fil-każ li ta lok għal din id-deċiżjoni.

43      Mingħajr ma hemm bżonn li jiġu rrilevati d-differenzi bejn is-sinjali kunfliġġenti f’din il-kawża u s-sinjali kunfliġġenti fil-każ li ta lok għad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni invokata mir-rikorrent, għandu jitfakkar li d-deċiżjonijiet li l-Bordijiet tal-Appell tal-UASI huma mitluba jieħdu, skont ir-Regolament Nru 207/2009, fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja, jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ kompetenza limitata u mhux ta’ setgħa diskrezzjonali. Għaldaqstant, il-legalità tal-imsemmija deċiżjonijiet għandha tiġi evalwata biss abbażi ta’ dan ir-regolament u mhux abbażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti għal dawn id-deċiżjonijiet [sentenzi tas-26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI, C‑412/05 P, Ġabra, EU:C:2007:252, punt 65, u tal-24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR ET FELICIE), T‑346/04, Ġabra, EU:T:2005:420, punt 71).

44      Fir-rigward tal-paragun viżiv tas-sinjali kunfliġġenti, huwa minnu li l-imsemmija sinjali jixxiebhu kumplessivament fuq livell viżiv, billi jirrappreżentaw stilla b’ħames friegħi mqiegħda f’ċirku u billi hemm xebh fil-proporzjon ta’ kull wieħed minn dawn iż-żewġ elementi. Il-fatt li ċ-ċirku tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huwa rrappreżentat b’linja mhux kontinwa ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li dan ma huwiex ċirku. Barra minn hekk, il-fatt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tirrappreżenta stilla sewda fuq sfond abjad filwaqt li t-trade marks preċedenti huma magħmula minn stilla bajda fuq sfond iswed jikkostitwixxi biss differenza minuri li ma tistax tippermetti li jiġi kkunsidrat li ż-żewġ elementi figurattivi ma jixxibhux.

45      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Bord tal-Appell ikkonkluda ġustament li s-sinjali kunfliġġenti kienu jixxiebhu kumplessivament fuq livell viżiv.

–       Fuq ix-xebh fonetiku

46      Ir-rikorrent jallega li l-Bord tal-Appell wettaq paragun fonetiku tas-sinjali kunfliġġenti, ħaġa li madankollu hija impossibbli, billi dawn huma trade marks figurattivi.

47      Skont il-ġurisprudenza, paragun fonetiku, bħala prinċipju, ma huwiex rilevanti fil-kuntest tal-eżami tax-xebh ta’ trade marks figurattivi li ma jkollhomx elementi verbali [sentenzi tal-25 ta’ Marzu 2010, Nestlé vs UASI – Master Beverage Industries (Golden Eagle u Golden Eagle Deluxe), T‑5/08 sa T‑7/08, Ġabra, EU:T:2010:123, punt 67, u tas-7 ta’ Frar 2012, Dosenbach-Ochsner vs UASI – Sisma (Rappreżentazzjoni ta’ ljunfanti f’rettangolu), T‑424/10, Ġabra, EU:T:2012:58, punti 45 u 46].

48      F’dan il-każ, mill-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell ikkunsidra ġustament li ebda paragun fonetiku ma kien possibbli fir-rigward ta’ trade marks figurattivi. Għalkemm huwa rrileva wkoll, fl-istess punt, li s-sinjali kunfliġġenti kienu jirrappreżentaw stilla u li kien possibbli li l-konsumaturi jirreferu verbalment għalihom bħala tali, din il-kunsiderazzjoni ma ġiet segwita b’ebda konklużjoni li tista’ tagħti x’jifhem li l-Bord tal-Appell ikkonstata xebh fonetiku bejn l-imsemmija sinjali. Barra minn hekk, fl-evalwazzjoni globali tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, il-Bord tal-Appell ma rrefera għal ebda xebh fonetiku bejn dawn is-sinjali.

49      Għalhekk l-argument tar-rikorrent huwa infondat fil-fatt.

–       Fuq ix-xebh kunċettwali

50      Ir-rikorrent isostni li s-sinjali kunfliġġenti ma humiex identiċi fuq livell kunċettwali, billi l-uniċi elementi komuni tagħhom ma humiex ta’ karattru distintiv. F’dan ir-rigward, huwa jinvoka deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-15 ta’ April 2011, li fiha dan tal-aħħar ikkunsidra li kien impossibbli li tiġi dedotta l-eżistenza ta’ oriġini kummerċjali komuni minn figuri ġeometriċi.

51      Fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li jibbaża ruħu fuqha r-rikorrenti, għandu jitfakkar, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk din tal-aħħar hijiex rilevanti għal dan il-każ, li l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell għandha tiġi evalwata biss abbażi tar-Regolament Nru 207/2009 u mhux abbażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti għal dawn id-deċiżjonijiet (ara l-punt 43 iktar ’il fuq).

52      Barra minn hekk, anki jekk jitqies li huwa validu l-argument tar-rikorrent li stilla b’ħames friegħi ma hijiex ta’ karattru distintiv, fi kwalunkwe każ, ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li s-sinjali kunfliġġenti, li kull wieħed minnhom jirrappreżenta stilla f’ċirku, b’differenzi grafiċi żgħar, jittrażmettu kunċetti differenti. Il-Bord tal-Appell għalhekk ikkunsidra ġustament, fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, li kienet teżisti identiċità kunċettwali bejn l-imsemmija sinjali.

53      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tiġi approvata l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li s-sinjali kunfliġġenti jixxiebhu fuq livell viżiv, li s-sinjali huma identiċi fuq livell kunċettwali u li l-paragun fonetiku bejn dawn is-sinjali ma huwiex rilevanti.

 Fuq l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni

54      L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika ċerta interdipendenza tal-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni, u, b’mod partikolari, tax-xebh tat-trade marks u ta’ dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti. Għalhekk, grad żgħir ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat minn grad għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u bil-kontra [sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra, EU:C:1998:442, punt 17, u tal-14 ta’ Diċembru 2006, Mast‑Jägermeister vs UASI – Licorera Zacapaneca (VENADO b’bordura et), T‑81/03, T‑82/03 u T‑103/03, Ġabra, EU:T:2006:397, punt 74].

55      Fir-rigward tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li stilla b’ħames friegħi kienet tabilħaqq tikkostitwixxi l-iktar sinjal li s-soltu jintuża sabiex tiġi rrappreżentata stilla, iżda li d-differenzi viżivi minuri bejn is-sinjali kunfliġġenti u l-identiċità kunċettwali tagħhom baqgħu joħolqu probabbiltà ta’ konfużjoni għal pubbliku li l-livell ta’ attenzjoni tiegħu kien medju.

56      Ir-rikorrent jikkunsidra li t-trade marks preċedenti ma għandhom ebda karattru distintiv, iżda jammetti li, billi dawn tal-aħħar diġà ġew irreġistrati, għandu jiġi kkunsidrat, fil-kuntest tal-proċediment ta’ oppożizzjoni, li huma għandhom karattru distintiv minimu. Sabiex jikkontesta l-argumenti li jinsabu fil-punti 16 u 17 tar-risposta, ir-rikorrent isostni li l-UASI diġà kkunsidra li tali trade marks ma kellhomx karattru distintiv.

57      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel xejn, li l-Qorti Ġenerali għandha tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestat u mhux tiddeċiedi fuq il-fondatezza tar-risposta.

58      Minbarra dan, u kif jammetti r-rikorrent innifsu, għandu jiġi rrilevat li dan tal-aħħar ma jistax, fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, jinvoka raġuni assoluta għal rifjut fil-konfront tar-reġistrazzjoni valida ta’ sinjal minn uffiċċju nazzjonali jew mill-UASI. Fil-fatt, għandu jitfakkar li r-raġunijiet assoluti għal rifjut previsti fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009 ma għandhomx jiġu eżaminati fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni u li dan l-artikolu ma huwiex fost id-dispożizzjonijiet li b’riferiment għalihom għandha tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata [sentenzi tad-9 ta’ April 2003, Durferrit vs UASI – Kolene (NU‑TRIDE), T‑224/01, Ġabra, EU:T:2003:107, punti 72 u 75, u tat-30 ta’ Ġunju 2004, BMI Bertollo vs UASI – Diesel (DIESELIT), T‑186/02, Ġabra, EU:T:2004:197, punt 71]. Jekk ir-rikorrent jikkunsidra li r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja preċedenti kienet tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi artikolu, kien imissu ppreżenta talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità skont l-Artikolu 51 ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, fir-rigward tat-trade mark Franċiża preċedenti, għandu jitfakkar li l-validità ta’ sinjal bħala trade mark nazzjonali ma tistax titqiegħed fid-dubju fil-kuntest ta’ proċedimenti għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2012, Formula One Licensing vs UASI, C‑196/11 P, Ġabra, EU:C:2012:314, punti 40 sa 47), iżda biss fil-kuntest ta’ proċedimenti għal annullament mibdija fl-Istat Membru kkonċernat (sentenza DIESELIT, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2004:197, punt 71).

59      Barra minn hekk, ir-rikorrent jikkunsidra li, billi l-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti huwa żgħir ħafna, kif irrikonoxxa l-UASI stess f’kawżi oħra, differenza saħansitra minima bejn it-trade marks preċedenti u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija suffiċjenti sabiex tiġi eskluża kull probabbiltà ta’ konfużjoni.

60      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rikonoxximent ta’ karattru distintiv żgħir tat-trade mark preċedenti, fih innifsu, ma jipprekludix li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-27 ta’ April 2006, L’Oréal vs UASI, C‑235/05 P, EU:C:2006:271, punti 42 sa 45). Fil-fatt, għalkemm il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-probabbiltà ta’ konfużjoni, dan huwa biss element wieħed fost elementi oħra involuti f’din l-evalwazzjoni. Għalhekk, anki fil-preżenza ta’ trade mark preċedenti b’karattru distintiv żgħir tista’ teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni, b’mod partikolari, minħabba xebh bejn is-sinjali u l-prodotti jew is-servizzi koperti [ara s-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 2005, L’Oréal vs UASI – Revlon (FLEXI AIR), T‑112/03, Ġabra, EU:T:2005:102, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-13 ta’ Diċembru 2007, Xentral vs UASI – Pages jaunes (PAGESJAUNES.COM), T‑134/06, punt 70, u l-ġurisprudenza ċċitata].

61      Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrent li l-Bord tal-Appell ma tax valur suffiċjenti lill-fatt li t-trade marks preċedenti kienu biss ta’ karattru distintiv żgħir ħafna. Fil-fatt, l-argument sostnut mir-rikorrent ikollu l-effett li jinnewtralizza l-fattur ibbażat fuq ix-xebh tat-trade marks favur dak ibbażat fuq il-karattru distintiv tat-trade marks Komunitarji preċedenti li jingħatalu importanza eċċessiva. Ir-riżultat ta’ dan ikun li, meta t-trade marks Komunitarji preċedenti jkollhom biss karattru distintiv żgħir, probabbiltà ta’ konfużjoni teżisti biss fil-każ ta’ riproduzzjoni kompleta tagħhom mit-trade mark li għaliha ssir l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, u dan indipendentement mill-grad ta’ xebh bejn is-sinjali inkwistjoni (digriet L’Oréal vs UASI, punt 60 iktar ’il fuq, EU:C:2006:271, punt 45). Tali riżultat madankollu ma jkunx konformi man-natura stess tal-evalwazzjoni globali li l-awtoritajiet kompetenti huma responsabbli li jwettqu skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2007, T.I.M.E. ART vs UASI, C‑171/06 P, EU:C:2007:171, punt 41).

62      Għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni, fid-dawl tal-identiċità jew tax-xebh tal-prodotti inkwistjoni u tax-xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti. Fil-fatt, kif ikkonstata ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, il-pubbliku rilevanti, li l-livell ta’ attenzjoni tiegħu huwa medju, li ma għandux l-opportunità li jeżamina t-trade marks waħda ħdejn l-oħra u li konsegwentement ikollu tifkira imperfetta tat-trade marks, probabbilment ma huwiex se jiftakar id-differenzi minuri li jeżistu bejn l-imsemmija sinjali.

63      Fid-dawl ta’ dawn il-punti kollha, il-Bord tal-Appell ma kisirx l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009] billi kkunsidra li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti.

64      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà tat-tieni talba tar-rikorrent intiża sabiex titlob lill-Qorti Ġenerali tiċħad l-oppożizzjoni kollha kemm hi [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Mejju 2008, NewSoft Technology vs UASI – Soft (Presto! Bizcard Reader), T‑205/06, EU:T:2008:163, punt 70, u tat-22 ta’ Jannar 2009, Commercy vs UASI – easyGroup IP Licensing (easyHotel), T‑316/07, Ġabra, EU:T:2009:14, punti 35 u 67].

 Fuq l-ispejjeż

65      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Max Fuchs huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Martins Ribeiro

Gervasoni

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Ottubru 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.