Language of document : ECLI:EU:T:2014:268

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

21 ta’ Mejju 2014

Kawża T‑347/12 P

Dana Mocová

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Membri tal-persunal temporanju — Kuntratt għal żmien determinat — Deċiżjoni li ma jiġġeddidx — Ċaħda tal-ilment — Obbligu ta’ motivazzjoni — Raġuni ppreżentata fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla), tat-13 ta’ Ġunju 2012, Mocová vs Il‑Kummissjoni (F‑41/11), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. Dana Mocová għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Rikors tal-uffiċjali — Rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment — Effett — Tressiq tal-att ikkontestat quddiem il-qorti — Eċċezzjoni — Deċiżjoni nieqsa minn natura konfermattiva

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Rikors tal-uffiċjali — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Konkordanza bejn l-ilment u r-rikors — Identiċità tas-suġġett u tal-kawża — Għan — Ftehim bonarju dwar it-tilwima

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali — Promozzjoni — Ilment minn kandidat li ma ġiex promoss — Deċiżjoni ta’ ċaħda — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25, Artikoli 45 u 90(2))

4.      Rikors tal-uffiċjali — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Konkordanza bejn l-ilment u r-rikors — Identiċità tas-suġġett u tal-kawża — Motivi u argumenti li ma jidhrux fl-ilment, iżda li huma intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza tal-motivazzjoni esposta fit-tweġiba għall-ilment — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

5.      Rikorsi tal-uffiċjali — Evalwazzjoni tal-legalità tal-att ikkontestat abbażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fil-mument tal-adozzjoni tiegħu

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

1.     L-ilment amministrattiv u ċ-ċaħda tiegħu, espliċita jew impliċita, huma parti integrali minn proċedura kumplessa u jikkostitwixxu biss kundizzjoni preliminari sabiex issir kawża. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors, anki jekk formalment intiż kontra ċ-ċaħda tal-ilment, għandu bħala effett li jirreferi lill-qorti l-att li jikkawża preġudizzju li kontra tiegħu l-ilment ġie ppreżentat, ħlief fl-ipoteżi fejn iċ-ċaħda tal-ilment ikollha portata differenti minn dik tal-att li kontra tiegħu ġie fformat l-ilment. Fil-fatt, deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda ta’ lment, tista’, fid-dawl tal-kontenut tagħha, ma jkollhiex natura konfermatorja tal-att kkontestat mir-rikorrent. Dan ikun il-każ meta d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment ikun fiha eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent fir-rigward tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt ġodda, jew meta timmodifika jew tissupplimenta d-deċiżjoni inizjali. F’din l-ipoteżi, iċ-ċaħda tal-ilment tikkostitwixxi att suġġett għall-istħarriġ tal-qorti, li teħodhom inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-att ikkontestat, jew tqishom att li jikkawża preġudizzju li jissostitwixxi lil dan tal-aħħar.

(ara l-punt 34)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il‑Kummissjoni, T‑325/09 P, Ġabra p. II‑6515, punt 32, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.     Ir-regola ta’ konkordanza bejn ir-rikors u l-ilment tfittex b’dan il-mod li tevita li l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal jinvoka ċerti lmenti, jew kollha flimkien, biss matul il-fażi kontenzjuża, bil-konsegwenza li kull possibbiltà ta’ ftehim bonarju tkun imnaqqsa ħafna. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-fatt, jekk ma jkollhiex il-possibbiltà li tkun taf bi preċiżjoni suffiċjenti l-ilmenti jew id-desiderata tal-persuna kkonċernata, l-amministrazzjoni ma jkollha l-ebda possibbiltà li tilqa’ l-pretensjonijiet tiegħu, jew li tipproponi soluzzjoni bonarja u, b’hekk, li ma tissuġġettax direttament it-tilwima għad-deċiżjoni tal-qorti.

L-għan intiż li jippermetti lill-persuna kkonċernata u lill-amministrazzjoni jaslu għal ftehim bonarju fil-fażi prekontezjuża madankollu ma jfissirx li l-uffiċjal għandu, f’kull ċirkustanza, id-dritt li jikkontesta, fil-fażi prekontenzjuża, kull raġuni ġdida invokata mill-amministrazzjoni fil-kuntest tal-fażi amministrattiva.

(ara l-punti 39 u 40)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 23 ta’ Ottubru 1986, Schwiering vs Il‑Qorti tal-Awdituri, 142/85, Ġabra p. 3177, punt 11

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 12 ta’ Marzu 1996, Weir vs Il‑Kummissjoni, T‑361/94, ĠabraSP p. I‑A‑121 u II‑381, punt 27

3.     Għalkemm l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ma hija marbuta timmotiva deċiżjoni ta’ promozzjoni la fir-rigward tad-destinatarju tagħha u lanqas fir-rigward tal-kandidati mhux promossi, hija għandha, min-naħa l-oħra, l-obbligu li timmotiva d-deċiżjoni tagħha ta’ ċaħda ta’ lment imressaq bis-saħħa tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal minn kandidat mhux promoss, peress li l-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni ta’ ċaħda titqies li taqbel mal-motivazzjoni tad-deċiżjoni li kontriha jkun indirizzat l-ilment. Il-motivazzjoni għandha tingħata mhux iktar tard miċ-ċaħda tal-ilment.

Reċiprokament, din l-awtorità ma hijiex marbuta li tirrispondi b’mod espliċitu għall-ilment, meta d-deċiżjoni inizjali tkun hija stess motivata.

(ara l-punti 41 u 42)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 30 ta’ Ottubru 1974, Grassi vs Il‑Kunsill, 188/73, Ġabra p. 1099, punt 13; 16 ta’ Diċembru 1987, Delauche vs Il‑Kummissjoni, 111/86, Ġabra p. 5345, punt 13; 7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il‑Kummissjoni, C‑343/87, Ġabra p. I‑225, punt 13; 9 ta’ Diċembru 1993, Il‑Parlament vs Volger, C‑115/92 P, Ġabra p. I‑6549, punt 23

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 12 ta’ Frar 1992, Volger vs Il‑Parlament, T‑52/90, Ġabra p. II‑121, punt 36; 6 ta’ Lulju 1999, Séché vs Il‑Kummissjoni, T‑112/96 u T‑115/96, ĠabraSP p. I‑A‑115 u II‑623, punt 76; 20 ta’ Frar 2002, Roman Parra vs Il‑Kummissjoni, T‑117/01, ĠabraSP p. I‑A‑27 u II‑121, punt 26; 12 ta’ Diċembru 2002, Morello vs Il‑Kummissjoni, T‑338/00 u T‑376/00, ĠabraSP p. I‑A‑301 u II‑1457, punt 48; 15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il‑Kummissjoni, T‑132/03, ĠabraSP p. I‑A‑253 u II‑1169, punt 32

4.     Fil-kuntest tar-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u fl-ipoteżi fejn il-persuna li tagħmel l-ilment issir taf bil-motivazzjoni tal-att li jkun ta’ preġudizzju għaliha permezz tar-risposta għall-ilment tagħha jew fl-ipoteżi fejn l-imsemmija motivazzjoni timmodifika, jew tissupplimenta, sostanzjalment, il-motivazzjoni li tinsab f’dan l-att, kull motiv imressaq għall-ewwel darba fil-fażi tar-rikors u intiż li jikkontesta l-fondatezza tal motivi esposti fir-risposta għandu jitqies li huwa ammissibbli. Fil-fatt, f’dawn l-ipoteżijiet, il-persuna kkonċernata ma tkunx tqiegħdet f’pożizzjoni li ssir taf bi preċiżjoni u b’mod definittiv ir-raġunijiet wara l-att li jikkawżalha preġudizzju.

(ara l-punt 44)

5.     Il-legalità ta’ deċiżjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-fatti u tal-punti ta’ liġi li minnhom tiddisponi l-istituzzjoni fil-mument li tadotta l-imsemmija deċiżjoni. Madankollu, fid-dawl tan-natura evoluttiva tal-fażi prekontenzjuża, ir-redazzjoni tal-att li jiffissa l-pożizzjoni definittiva tal-istituzzjoni tispiċċa mal-adozzjoni tar-risposta magħmula mill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti għall-ilment imressaq mill-membru tal-persunal temporanju. Isegwi li l-legalità tal-att definittiv li jikkawża preġudizzju lil dan il-membru tal-persunal tiġi evalwata fid-dawl tal-fatti u tal-punti ta’ liġi li jkunu għad-dispożizzjoni tal-istituzzjoni fil-mument tal-adozzjoni, espliċita jew impliċita, ta’ din ir-risposta, bla ħsara għall-possibbiltà, għall-istituzzjoni li tagħti informazzjoni supplimentari matul il-fażi kontenzjuża.

(ara l-punt 45)