Language of document : ECLI:EU:T:2015:638

Kawża T‑346/12

L-Ungerija

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Settur tal-frott u l-ħaxix – Assistenza finanzjarja nazzjonali mogħtija lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi – Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rimbors tal-Unjoni tal-assistenza finanzjarja nazzjonali mogħtija mill-Ungerija lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi tagħha – Artikolu 103e tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 – Artikolu 97 tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tal-15 ta’ Settembru 2015

1.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Testi plurilingwi – Diverġenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi – Teħid inkunsiderazzjoni tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 1580/2007, Artikolu 94)

2.      Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Frott u ħxejjex – Organizzazzjonijiet ta’ produtturi – Rimbors tal-assistenza finanzjarja mogħtija minn Stat Membru – Stabbiliment ta’ limitu massimu, mill-Kummissjoni, tal-ammonti rrimborsati – Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 1234/2007, Artikoli 103e u 180, u Nru 72/2009, premessa 20; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1580/2007, Artikoli 94 u 97)

3.      Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Frott u ħxejjex – Organizzazzjonijiet ta’ produtturi – Rimbors tal-assistenza finanzjarja mogħtija minn Stat Membru – Applikazzjoni retroattiva tar-Regolament Nru 543/2011 għal talbiet li nħolqu taħt l-influwenza tar-Regolament Nru 1580/2007 – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 1580/2007, Artikolu 94, u Nru 543/2011, Artikolu 95)

4.      Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Frott u ħxejjex – Organizzazzjonijiet ta’ produtturi – Rimbors tal-assistenza finanzjarja mogħtija minn Stat Membru – Applikabbiltà tal-Artikoli 67 u 94a tar-Regolament Nru 1580/2007 – Esklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1234/2007, Artikolu 103e; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1580/2007, Artikoli 67 u 94a)

5.      Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Frott u ħxejjex – Organizzazzjonijiet ta’ produtturi – Rimbors tal-assistenza finanzjarja mogħtija minn Stat Membru – Interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-assistenza finanzjarja nazzjonali fid-dawl ta’ dawk dwar l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni – Inammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 1234/2007, Artikolu 103d u 103e; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1580/2007, Artikolu 97(1))

6.      Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Frott u ħxejjex – Organizzazzjonijiet ta’ produtturi – Rimbors tal-assistenza finanzjarja mogħtija minn Stat Membru – Obbligu għall-Kummissjoni li, fid-deċiżjoni tagħha li tawtorizza assistenza, issemmi l-ammont tal-assistenza previst – Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 1234/2007, Artikolu 103h; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1580/2007, Artikolu 94(1))

7.      Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Frott u ħxejjex – Organizzazzjonijiet ta’ produtturi – Rimbors tal-assistenza finanzjarja mogħtija minn Stat Membru – Natura ta’ stima tal-ammonti nnotifikati lill-Kummissjoni għal awtorizzazzjoni minn qabel – Użu bħala bażi tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni – Ammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 1234/2007, Artikolu 103e; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1580/2007, Artikolu 94)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 58, 73, 74)

2.      Il-Kummissjoni għandha bażi legali biex tillimita r-rimbors mill-Unjoni għall-ammonti ta’ assistenza nnotifikati fil-kuntest tal-proċedura għall-awtorizzazzjoni tal-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 1580/2007, li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti Nru 2200/96, Nru 2201/96 u Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex, kemm fuq il-bażi tal-Artikolu 103e tar-Regolament Nru 1234/2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli, kif ukoll fuq il-bażi tal-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 1580/2007. Fil-fatt, Fil-fatt, skont l-Artikolu 103e tar-Regolament Nru 1234/2007, l-assistenza ma għandhiex taqbeż 80 % tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-organizzazzjoni ta’ produtturi kkonċernata, liema fatt jimplika li, konformement mal-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 1580/2007, l-ammont tal-assistenza u l-osservanza tal-limitu ta’ 80 % jkunu vverifikati għal kull organizzazzjoni ta’ produtturi u li, għaldaqstant, l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni tindirizza l-ammonti ta’ assistenza nnotifikati kif maqsuma skont kull organizzazzjoni ta’ produtturi.

Barra minn hekk, interpretazzjoni li skontha l-Kummissjoni hija obbligata tirrimborsa kull assistenza inferjuri għal-limitu massimu ta’ 80 % irrispettivament mill-ammont tagħha, mingħajr ma tkun tista’ teżerċita l-marġni diskrezzjonali li tiddisponi minnu skont l-Artikolu 103e tar-Regolament Nru 1234/2007 matul il-fażi ta’ awtorizzazzjoni, tirrendi superfluwa u trendi ineffettiva l-proċedura għall-awtorizzazzjoni tal-assistenza finanzjarja nazzjonali, u tirrendi superfluwu l-Artikolu 180 tar-Regolament Nru 1234/2007, moqri fid-dawl tal-premessa 20 tar-Regolament Nru 72/2009, li jemenda r-Regolamenti Nru 247/2006, Nru 320/2006, Nru 1405/2006, Nru 1234/2007, Nru 3/2008 u Nru 479/2008 u li jħassar ir-Regolamenti Nru 1883/78, Nru 1254/89, Nru 2247/89, Nru 2055/93, Nru 1868/94, Nru 2596/97, Nru 1182/2005 u Nru 315/2007 bl-għan li tiġi emendata l-politika agrikola komuni, u l-oġġettivi li jsegwi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni u, fost oħrajn, tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat.

(ara l-punti 66, 67, 70, 72)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 82, 83, 85)

4.      L-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 1580/2007, li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti Nru 2200/96, Nru 2201/96 u Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex, li joffri fost oħrajn il-possibbiltà lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi li jżidu l-ammont tal-fond operattiv b’massimu ta’ 25 % tal-ammont inizjalment approvat, ma huwiex applikabbli għall-assistenza finanzjarja nazzjonali msemmija fl-Artikolu 103e tar-Regolament Nru 1234/2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli. Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 103e jipprovdi li l-assistenza finanzjarja nazzjonali tkun addizzjonali għall-fond operattiv, liema fatt ifisser li żieda ulterjuri tal-fond operattiv, bħal dik imsemmija fl-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 1580/2007, ma hijiex maħsuba biex twassal għal żieda korrispondenti tal-assistenza finanzjarja nazzjonali.

Bl-istess mod, lanqas l-Artikolu 94a tar-Regolament Nru 1580/2007 ma huwa applikabbli f’dan il-kuntest, peress li dan l-artikolu ma jkoprix is-sitwazzjoni ta’ ammont ta’ assistenza finanzjarja nazzjonali approvata mill-Kummissjoni u wara miżjuda, iżda l-kontenut ta’ programm operattiv li huwa emendat qabel l-approvazzjoni tiegħu mill-awtorità nazzjonali.

(ara l-punti 88, 89, 92, 93)

5.      Ma hemmx lok li d-dispożizzjonijiet fuq ir-rimbors tal-assistenza finanzjarja nazzjonali mogħtija lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi skont l-Artikolu 103e tar-Regolament Nru 1234/2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli, jiġu interpretati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet fuq l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni, li jippermettu adattament tal-assistenza abbażi tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata. Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 103d tar-Regolament Nru 1234/2007 ma jipprevedix proċedura għall-awtorizzazzjoni tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni quddiem il-Kummissjoni, b’differenza mal-imsemmi Artikolu 103e. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 103d tar-Regolament Nru 1234/2007 Unika jipprovdi li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni hija l-istess bħall-ammont ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji li tħallsu effettivament, minkejja li l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 1580/2007, li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti Nru 2200/96, Nru 2201/96 u Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex, jibbaża r-rimbors mill-Unjoni fuq l-assistenza finanzjarja nazzjonali approvata li fil-fatt tkun imħallsa.

(ara l-punti 95-97)

6.      Ebda dispożizzjoni, fir-Regolament Nru 1234/2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli, jew fir-Regolament Nru 1580/2007, li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti Nru 2200/96, Nru 2201/96 u Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex, ma tobbliga lill-Kummissjoni ssemmi speċifikament l-ammont ta’ assistenza nnotifikat fid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tagħha tal-ħlas tal-assistenza finanzjarja nazzjonali. Barra minn hekk, mill-Artikolu 103h tar-Regolament Nru 1234/2007 jirriżulta li l-Kummissjoni għandha l-kompetenza kollha biex tistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-rimbors tal-assistenza finanzjarja nazzjonali. Għaldaqstant ebda dispożizzjoni ma tobbligaha espressament, fl-assenza ta’ stipulazzjoni f’dan is-sens, li ssemmi l-ammonti ta’ assistenza nnotifikati fl-ittra ta’ awtorizzazzjoni.

Barra minn hekk, peress li l-assistenza finanzjarja nazzjonali approvata tinkludi neċessarjament l-ammont tagħha maqsum skont kull organizzazzjoni ta’ produtturi, ikkomunikat għall-finijiet tal-awtorizzazzjoni tal-assistenza, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 1580/2007, l-assenza ta’ riferiment espress għall-ammonti ta’ assistenza nnotifikati fid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni għaldaqstant ma tistax twassal għall-assenza ta’ limitu għall-ammonti ta’ assistenza li l-ħlas tagħhom huwa permess fil-limitu tal-livell ta’ 80 %, sa fejn l-awtorizzazzjoni tal-ħlas tal-assistenza tibbaża, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 1580/2007, fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija ammonti.

(ara l-punti 109, 110)

7.      Fir-rigward tal-ammonti ta’ stima ppreżentati minn Stat Membru fil-kuntest tal-proċedura għall-awtorizzazzjoni ta’ assistenza finanzjarja nazzjonali prevista fl-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 1580/2007, li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti Nru 2200/96, Nru 2201/96 u Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex, il-komunikazzjoni tal-istimi huwa fin-natura stess tal-imsemmija proċedura, għaliex l-assistenza finanzjarja nazzjonali hija funzjoni tal-kontribuzzjoni tal-membri lill-fond operattiv. Madankollu, din il-kontribuzzjoni tiddependi fuq il-produzzjoni agrikola tagħhom, li hija magħrufa biss fl-aħħar tas-sena finanzjarja. Konsegwentement, in-natura ta’ stima tal-ammonti nnotifikati ma hijiex tali li tipprekludi l-Kummissjoni milli tirrifjuta li tirrimborsa l-ammonti mħallsa flimkien mal-ammonti nnotifikati, tant li dawn l-istimi għandhom jiġu debitament ġustifikati fis-sens tal-Artikolu 103e tar-Regolament Nru 1234/2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli. Il-komunikazzjoni tal-ammonti ta’ natura ta’ stima għaldaqstant ma tipprojbixxix lill-Kummissjoni li tittratta dawn l-ammonti bħala bażi ta’ awtorizzazzjoni tal-assistenza nnotifikata u bħala element kostituttiv tal-kunsens tagħha għall-imsemmija awtorizzazzjoni.

(ara l-punt 117)