Language of document : ECLI:EU:C:2024:245

Edizzjoni Provviżorja

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

14 ta’ Marzu 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Risposta li tista’ tiġi dedotta kjarament mill-ġurisprudenza – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali – Regolament (KE) Nru 593/2008 – Artikolu 6 – Konsumatur li jitlob il-ħlas ta’ somma ta’ flus allegatament mirbuħa f’każinò online – Assenza ta’ għażla tal-liġi applikabbli – Applikazzjoni ta’ liġi preżunta iktar favorevoli għad-detriment tal-liġi tal-pajjiż tar-residenza abitwali tal-konsumatur”

Fil-Kawża C‑429/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Ġunju 2022, fil-proċedura

VK

vs

N1 Interactive ltd.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Awla, N. Wahl u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”), moqri flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn VK, resident Awstrijak, u N1 Interactive ltd., kumpannija li għandha s-sede tagħha f’Malta, dwar il-liġi applikabbli għall-kuntratt konkluż bejn dawn il-partijiet.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Il-premessa 23 tar-Regolament Ruma I hija fformolata kif ġej:

“Fir-rigward ta’ kuntratti konklużi ma’ partijiet kunsidrati bħala aktar dgħajfa, huwa xieraq li jiġu protetti permezz ta’ regoli ta’ konflitt li huma aktar favorevoli għall-interessi tagħhom mir-regoli ġenerali.”

4        L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla”, jipprovdi:

“1.      Sa fejn il-liġi applikabbli għall-kuntratt ma ntgħażlitx skond l-Artikolu 3 u mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 5 sa 8, il-liġi li tirregola l-kuntratt għandha tkun determinata kif ġej:

a)      kuntratt għall-bejgħ ta’ merkanzija għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li fih il-bejjiegħ ikollu r-residenza abitwali tiegħu;

b)      kuntratt għall-forniment ta’ servizzi għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li fih il-fornitur tas-servizz ikollu r-residenza abitwali tiegħu;

[...]

g)      kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti b’irkant għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn iseħħ l-irkant, jekk tali post ikun jista’ jiġi determinat;

[...]

2.      Fejn il-kuntratt ma jkunx kopert mill-paragrafu 1 jew fejn l-elementi tal-kuntratt ikunu koperti minn aktar minn wieħed mill-punti (a) sa (h) tal-paragrafu 1, il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn il-parti li tkun meħtieġa twettaq il-prestazzjoni li tkun karatteristika tal-kuntratt ikollha r-residenza abitwali tagħha.

3.      Meta jidher ċar miċ-ċirkostanzi kollha tal-każ li l-kuntratt huwa manifestament aktar marbut ma’ pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 2, għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor.

4.      Meta l-liġi applikabbli ma tkunx tista’ tiġi determinata skond il-paragrafu 1 jew il-paragrafu 2, il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li miegħu għandu l-eqreb rabta.”

5        L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kuntratti ta’ konsum”, jipprovdi:

“1.      Bla ħsara għall-Artikoli 5 u 7, kuntratt konkluż minn persuna fiżika għal skop li jista’ jitqies bħala mhux relatat mas-sengħa jew professjoni tagħha (‘il-konsumatur’), ma’ persuna oħra li taġixxi fl-eżerċizzju tas-sengħa jew professjoni tagħha (‘il-professjonist’) għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, bil-kondizzjoni li:

a)      il-professjonist jeżerċita l-attivitajiet kummerċjali jew professjonali tiegħu fil-pajjiż fejn il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, jew

b)      bi kwalunkwe mezz, jindirizza dawn l-attivitajiet lejn dak il-pajjiż jew lejn diversi pajjiżi inkluż dak il-pajjiż,

u li l-kuntratt jaqa’ fl-ambitu ta’ dawn l-attivitajiet.

2.      Minkejja l-paragrafu 1, il-partijiet jistgħu jagħżlu l-liġi applikabbli għal kuntratt li tissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu 1, skond l-Artikolu 3. Tali għażla, madankollu, ma tistax twassal sabiex iċċaħħad lill-konsumatur mill-protezzjoni mogħtija lilu minn dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim taħt il-liġi li, fin-nuqqas ta’ l-għażla, kienet tkun applikabbli abbażi tal-paragrafu 1.

3.      Jekk ir-rekwiżiti fil-paragrafu 1(a) jew (b) ma jiġux sodisfatti, il-liġi applikabbli għal kuntratt bejn konsumatur u professjonist għandha tiġi determinata skond l-Artikoli 3 u 4.

[...]”

6        L-Artikolu 9 tal-istess regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”, jipprovdi:

“1.      Id-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti huma dispożizzjonijiet li r-rispett tagħhom huwa meqjus bħala kruċjali minn pajjiż għas-salvagwardja ta’ l-interessi pubbliċi tiegħu, bħall-organizzazzjoni politika, soċjali jew ekonomika tiegħu, tant li dawn ikunu applikabbli fi kwalunkwe sitwazzjoni li taqa’ fl-ambitu tagħhom, irrispettivament mill-liġi applikabbli għall-kuntratt skond dan ir-Regolament.

2.      Xejn f’dan ir-Regolament m’għandu jirrestrinġi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti tal-liġi tal-forum.

3.      Jista’ jingħata effett lid-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti tal-liġi tal-pajjiż fejn l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw mill-kuntratt jkunu jridu jitwettqu jew ikunu twettqu, sa fejn dawn dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti jagħmlu illegali t-twettiq tal-kuntratt. Sabiex jiġi deċiż jekk għandux jingħata effett lil dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom jitqiesu n-natura u l-għan tagħhom kif ukoll il-konsegwenzi li ġejjin mill-applikazzjoni jew min-nuqqas ta’ applikazzjoni tagħhom.”

 Iddritt Awstrijak

7        L-Artikolu 1271 tal-Allgemeines bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġenerali), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AGBG”), jipprovdi li l-imħatri li jkunu twettqu bona fide u mħatri oħra li jkunu ġew awtorizzati għandhom saħħa vinkolanti, sa fejn il-prezz iffissat mhux biss ġie mwiegħed iżda jkun effettivament tħallas jew depożitat. Ma tistax issir talba għall-ħlas tas-somma flus permezz ta’ proċeduri ġudizzjarji.

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

8        N1 Interactive topera każinò online minn Malta u tipprovdi b’mod partikolari servizzi fl-Awstrija permezz tal-paġna prinċipali tas-sit internet tagħha.

9        VK, li jallega li akkumula rebħ billi lagħab f’dan il-każinò online matul is-sena 2020, ta’ ammont totali li jikkorrispondi għas-somma ta’ EUR 106 000, adixxa lill-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija) b’rikors intiż għall-ħlas, minn N1 Interactive, ta’ din is-somma, flimkien ma’ interessi moratorji.

10      Il-konvenuta fil-kawża prinċipali tikkontesta l-fondatezza ta’ dan ir-rikors u tirrileva li VK kiser il-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ billi ppermetta lil terza persuna taċċedi għall-kont ta’ utent tiegħu.

11      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma ddeterminawx il-liġi applikabbli għall-kuntratt tagħhom.

12      Wara li kkonstatat il-kwalità ta’ konsumatur ta’ VK, il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna), permezz ta’ sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2021, ċaħdet l-imsemmi rikors. Fid-dawl tal-assenza ta’ determinazzjoni mill-partijiet fil-kawża prinċipali tal-liġi applikabbli għall-kuntratt tagħhom, din il-qorti qieset li t-tilwima fil-kawża prinċipali kienet taqa’ taħt l-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament Ruma I, li jiddetermina bħala l-liġi applikabbli l-liġi tal-pajjiż fejn il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, jiġifieri, f’dan il-każ, il-liġi Awstrijaka.

13      Skont id-dritt Awstrijak, b’mod partikolari l-Artikolu 1271 tal-AGBG, individwu ma huwiex awtorizzat iressaq proċeduri ġudizzjarji għall-ħlas ta’ rebħ minn logħba tal-ażżard. Skont il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna), id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni għandha saħansitra l-karatteristika ta’ regola mandatorja, fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament Ruma I.

14      VK appella mill-imsemmija sentenza quddiem l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju, li tikkondividi l-konstatazzjonijiet tal-qorti tal-ewwel istanza fir-rigward tal-kwalità ta’ konsumatur ta’ VK u tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma I, iżda tesprimi dubji dwar il-klassifikazzjoni bħala regola mandatorja tal-Artikolu 1271 tal-AGBG. Barra minn hekk, l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna) tenfasizza li, sa fejn id-dritt Malti ma jipprevedix dispożizzjoni ekwivalenti għal dan l-artikolu, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jkun f’sitwazzjoni inqas sfavorevoli li kieku dan id-dritt kien japplika għalih. Madankollu, li kieku r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kienx konsumatur, id-dritt Malti jkun applikabbli skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Ruma I, anki fl-assenza ta’ determinazzjoni tal-liġi applikabbli mill-partijiet fil-kawża prinċipali.

15      Barra minn hekk, fis-sitwazzjoni fejn il-partijiet f’kuntratt konkluż minn konsumatur ikunu għażlu l-liġi applikabbli, din tkun tapplika biss, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Ruma I, bil-kundizzjoni li din ma ċċaħħadx lill-konsumatur mill-protezzjoni żgurata mid-dispożizzjonijiet tal-liġi tar-residenza tiegħu li minnhom ma tistax issir deroga.

16      Skont il-qorti tar-rinviju, l-assenza ta’ determinazzjoni mill-partijiet f’kuntratt tal-liġi applikabbli għalih teskludi għalhekk, konformement mal-Artikolu 6 tar-Regolament Ruma I, analiżi intiża li tiddetermina l-liġi applikabbli l-iktar favorevoli.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“L-Artikolu 6(1) tar-[Regolament Ruma I] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-liġi tal-pajjiż fejn il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali ma tapplikax meta l-liġi applikabbli skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Ruma I, li r-rikorrent jitlob l-applikazzjoni tagħha u li kienet tkun applikabbli li kieku r-rikorrent ma kellux il-kwalità ta’ konsumatur, tkun iktar favorevoli għar-rikorrent?”

 Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

18      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑9 ta’ Awwissu 2022, il-proċedura f’din il-kawża ġiet sospiża sal-għoti tas-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Club La Costa et (C‑821/21, EU:C:2023:672).

19      Permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Settembru 2023, ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja kkomunika din is-sentenza lill-qorti tar-rinviju u stedinha tindikalha jekk, fid-dawl ta’ dan, xtaqitx iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.

20      Permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Ottubru 2023, din il-qorti informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li kellha l-intenzjoni li żżomm it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha.

21      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑18 ta’ Ottubru 2023, ġie deċiż li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tiġix innotifikata lill-partijiet.

 Fuq iddomanda preliminari

22      Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta r-risposta għal domanda preliminari tista’ tiġi dedotta kjarament mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għal tali domanda ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

23      Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata f’din il-kawża.

24      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma I għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta kuntratt konkluż minn konsumatur ikun jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni u fin-nuqqas ta’ għażla valida tal-liġi applikabbli għal dan il-kuntratt, din il-liġi għandha tiġi ddeterminata konformement mal-imsemmija dispożizzjoni, u dan minkejja l-fatt li l-liġi applikabbli għall-istess kuntratt konformement mal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament tista’ tkun iżjed favorevoli għall-konsumatur.

25      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrispondiet għal domanda simili fis-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Club La Costa et (C‑821/21, EU:C:2023:672).

26      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, qabelxejn, li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma I jipprovdi li kuntratt konkluż minn konsumatur ma’ kummerċjant għandu jkun irregolat mil-liġi tal-pajjiż fejn il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri li l-kummerċjant jeżerċita l-attività professjonali tiegħu fil-pajjiż li fih il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, jew li, bi kwalunkwe mezz, jindirizza din l-attività lejn dan il-pajjiż jew lejn diversi pajjiżi, fosthom dan tal-aħħar, u li l-kuntratt jaqa’ fil-kuntest ta’ din l-attività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Club La Costa et, C‑821/21, EU:C:2023:672, punt 81).

27      Barra minn hekk, l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Ruma I jipprovdi espliċitament li l-partijiet jistgħu, konformement mal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, jagħżlu l-liġi applikabbli għal tali kuntratt, bil-kundizzjoni li din l-għażla ma jkollhiex ir-riżultat li ċċaħħad lill-konsumatur mill-protezzjoni li jiżgurawlu d-dispożizzjonijiet li ma tistax issir deroga minnhom skont il-liġi li kienet tkun applikabbli, fl-assenza ta’ għażla, abbażi tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Club La Costa et, C‑821/21, EU:C:2023:672, punt 82).

28      Fl-aħħar, huwa biss fis-sitwazzjoni li l-kuntratt inkwistjoni ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1)(a) jew (b) tar-Regolament Ruma I li l-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-regolament jispeċifika li l-liġi applikabbli għal dan il-kuntratt tiġi ddeterminata konformement mal-Artikoli 3 u 4 tal-imsemmi regolament (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Club La Costa et, C‑821/21, EU:C:2023:672, punt 83).

29      Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li, meta kuntratt konkluż minn konsumatur ikun jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet u fl-assenza ta’ għażla valida dwar il-liġi applikabbli għal dan il-kuntratt magħmula mill-partijiet, din il-liġi għandha tiġi ddeterminata konformement mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma I (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Club La Costa et, C‑821/21, EU:C:2023:672, punt 84).

30      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 6 tar-Regolament Ruma I għandu natura mhux biss speċifika iżda wkoll eżawrjenti, b’tali mod li r-regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet previsti f’dan l-artikolu ma jistgħux jiġi emendati jew ikkompletati permezz ta’ regoli oħra ta’ kunflitt ta’ liġijiet stabbiliti f’dan ir-regolament, sakemm dispożizzjoni partikolari li tinsab fl-imsemmi artikolu ma tagħmilx riferiment espliċitu għalihom, ebda liġi oħra ma tista tintgħażel, minkejja li din il-liġi l-oħra, iddeterminata skont il-kriterji ta’ rabta previsti fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, tkun iktar favorevoli għall-konsumatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Club La Costa et, C‑821/21, EU:C:2023:672, punti 78 u 85).

31      Interpretazzjoni kuntrarja, li skontha jkun possibbli li ssir deroga mir-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet previsti mir-Regolament Ruma I sabiex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għal kuntratt konkluż minn konsumatur, minħabba li liġi oħra tkun iktar favorevoli għall-konsumatur, neċessarjament tkun tippreġudika kunsiderevolment ir-rekwiżit ġenerali ta’ prevedibbiltà tal-liġi applikabbli u, għaldaqstant, il-prinċipju ta’ ċertezza legali fir-relazzjonijiet kuntrattwali li jinvolvu lil konsumaturi (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Club La Costa et, C‑821/21, EU:C:2023:672, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Fil-fatt, billi indika l-liġi tal-pajjiż fejn il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu bħala dik applikabbli, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li din il-liġi toffri protezzjoni adegwata lill-konsumatur, mingħajr ma din l-indikazzjoni jkollha madankollu neċessarjament twassal għall-applikazzjoni, fil-każijiet kollha, tal-liġi l-iktar favorevoli għall-konsumatur (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Club La Costa et, C‑821/21, EU:C:2023:672, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma I għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ kuntratt konkluż minn konsumatur li jkun jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni u fin-nuqqas ta’ għażla valida tal-liġi applikabbli għal dan il-kuntratt, din il-liġi għandha tiġi ddeterminata konformement mal-imsemmija dispożizzjoni, u dan minkejja l-fatt li l-liġi applikabbli għall-istess kuntratt konformement mal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament tista’ tkun iktar favorevoli għall-konsumatur.

 Fuq lispejjeż

34      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I)

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

fil-każ ta’ kuntratt konkluż minn konsumatur li jkun jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni u fin-nuqqas ta’ għażla valida tal-liġi applikabbli għal dan il-kuntratt, din il-liġi għandha tiġi ddeterminata konformement mal-imsemmija dispożizzjoni, u dan minkejja l-fatt li l-liġi applikabbli għall-istess kuntratt konformement mal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament tista’ tkun iktar favorevoli għall-konsumatur.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.