Language of document : ECLI:EU:T:2014:35

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

28 ta’ Jannar 2014 (*)

“Dumping — Importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw miċ-Ċina — Determinazzjoni ta’ theddida ta’ ħsara — Artikolu 3(9) u Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 [li saru l-Artikolu 3(9) u l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009]”

Fil-Kawża T‑528/09,

Hubei Xinyegang Steel Co. Ltd, stabbilita fi Huang Shi (iċ-Ċina), irrappreżentata minn F. Carlin, barrister, Q. Azau, avukat, A. MacGregor, solicitor, u N. Niejahr, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-P. Hix u B. Driessen, bħala aġenti, assistiti minn B. O’Connor, solicitor,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn H. van Vliet u M. França, sussegwentement minn França u J.-F. Brakeland, bħala aġenti, assistiti minn R. Bierwagen, avukat,

u minn

ArcelorMittal Tubular Products Ostrava a.s., stabbilita f’Ostrava‑Kunčice (Ir-Repubblika Ċeka),

ArcelorMittal Tubular Products Roman SA, stabbilita f’Roman (ir-Rumanija),

Benteler Stahl/Rohr GmbH, stabbilita f’Paderborn (il-Ġermanja),

Ovako Tube & Ring AB, stabbilita f’Hofors (l-Isvezja),

Rohrwerk Maxhütte GmbH, stabbilita f’Sulzbach-Rosenberg (il‑Ġermanja),

Dalmine SpA, stabbilita f’Dalmine (l-Italja),

Silcotub SA, stabbilita f’Zalău (ir-Rumanija),

TMK-Artrom SA, stabbilita fi Slatina (ir-Rumanija),

Tubos Reunidos SA, stabbilita f’Amurrio (Spanja),

Vallourec Mannesmann Oil & Gas Franza, stabbilita f’Aulnoye‑Aymeries (Franza),

V & M Franza, stabbilita f’Boulogne-Billancourt (Franza),

V & M Deutschland GmbH, stabbilita f’Düsseldorf (il-Ġermanja),

Voestalpine Tubulars GmbH, stabbilita f’Linz (l-Awstrija),

Železiarne Podbrezová a.s., stabbilita f’Podbrezová (is-Slovakkja),

irrappreżentati minn G. Berrisch, G. Wolf, avukati, u N. Chesaites, barrister,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett rikors għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 926/2009, tal-24 ta’ Settembru 2009, li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 262, p. 19),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn N. J. Forwood, President, F. Dehousse (Relatur) u J. Schwarcz, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ April 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fid-9 ta’ Lulju 2008, wara lment ippreżentat mill-Kumitat tad-Difiża tal-Industrija tat-Tubi tal-Azzar Mingħajr Saldaturi tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ippubblikat Avviż ta’ bidu ta’ proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU C 174, p. 7).

2        Il-punt 2 tal-Avviż ta’ bidu ta’ proċedimenti antidumping kien jiddefinixxi l-prodott ikkonċernat kif ġej:

“Il-prodott li allegatament qiegħed jiġi ddampjat huwa ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew ta’ l-azzar, bi profil trasversali ċirkulari, ta’ dijametru estern li ma jaqbiżx 406,4 mm b’Valur Ekwivalenti tal-Karbonju (CEV) li ma jaqbiżx iż-0,86 skond il-formula ta’ l-Istitut Internazzjonali ta’ l-Issaldjar (IIW) u analiżi kimika, li joriġinaw [miċ-Ċina] u normalment iddikjarat taħt il-kodiċi [tan-Nomenklatura Tariffarja Magħquda] ex73041100, ex73041910, ex73041930, ex73042200, ex73042300, ex73042400, ex73042910, ex73042930, ex73043180, ex73043958, ex73043992, ex73043993, ex73045189, ex73045992 u ex73045993. Dawn il-kodiċi NM qed jingħataw biss bħala informazzjoni.ˮ

3        Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), kif emendat (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”) [issostitwit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, rettifika fil-ĠU 2010, L 7, p. 22)], il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-investigazzjoni tagħha għal kampjun wieħed. F’dan il-kuntest, hija għażlet erba’ produtturi-esportaturi Ċiniżi li kienu jirrappreżentaw 70 % tal-volum totali ta’ esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni Ewropea matul il-perijodu tal-investigazzjoni. Fost dawn il-produtturi-esportaturi kien hemm ir-rikorrenti, Hubei Xinyegang Steel Co. Ltd, u produttur konness, li jagħmel parti mill-istess grupp.

4        Fit-23 ta’ Lulju 2008, ir-rikorrenti u l-produttur konness ippreżentaw, kull wieħed, talba sabiex jingħataw trattament ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem l-“TES”), kif previst fl-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament bażiku [li sar l-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 1225/2009], u, sussidjarjament, talba sabiex jiksbu trattament individwali (iktar ’il quddiem it-“TI”), kif previst fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku [li sar l-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 1225/2009].

5        Fis-6 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni indirizzat lir-rikorrenti u lill-produttur konness dokument ta’ informazzjoni li kien jirripproduċi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom hija kienet qed tipproponi r-rifjut tal-TES għalihom. F’dan id-dokument ta’ informazzjoni, il-Kummissjoni kienet qed tikkonkludi li ma kinux ġew issodisfatti l-ewwel u t-tielet kriterju msemmija fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

6        Fis-16 ta’ Frar 2009, ir-rikorrenti indirizzat lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward tad-dokument ta’ informazzjoni tas-6 ta’ Frar 2009.

7        Fit-7 ta’ April 2009, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 289/2009, li jimponi dazju provviżorju anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 94, p. 48, iktar ’il quddiem ir-“Regolament provviżorju”).

8        Fil-premessa (13) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni indikat li l-investigazzjoni dwar id-dumping u l-ħsara kienet tkopri l-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Lulju 2007 u t-30 ta’ Ġunju 2008 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni”). L-eżaminazzjoni tat-tendenzi rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kien ikopri l-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2005 sa’ tmiem il-perijodu ta’ investigazzjoni (iktar ’il quddiem il-“il-perijodu meqjus”).

9        Fil-premessa 14 tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni ppreċiżat, fir-rigward tal-prodott ikkonċernat, li l-investigazzjoni kienet ippermettiet li jiġi stabbilit li “tlieta mi[ll-]kodiċijiet NM ma jirreferux għall-prodott ikkonċernat, jiġifieri ex73041100, ex73042200 u ex73042400, u li ħames kodiċijiet NM oħra kienu neqsin, jiġifieri ex73043120, ex73043910, ex73043952, ex73045181 u ex73045910”.

10      Fil-premessi 20 sa 32 tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għal TES ippreżentata mir-rikorrenti iżda, min-naħa l-oħra, hija laqgħat it-talba tagħha għal TI.

11      Fil-premessi 33 sa 38 tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-Istati Uniti kien intgħażel bħala pajjiż analogu għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur normali.

12      Fil-premessi 53 sa 126 tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kinitx saret ħsara lill-industrija Komunitarja, iżda qieset li kienet teżisti theddida ta’ ħsara għal din l-industrija.

13      Fit-8 ta’ April 2009, il-Kummissjoni ttrażmettiet lir-rikorrenti dokument ta’ informazzjoni li kien jirriproduċi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali għall-kalkolu tad-dumping u tal-ħsara li fuqhom kienu ġew ibbażati l-miżuri provviżorji antidumping kienu ġew adottati. Fil-11 ta’ Mejju 2009, ir-rikorrenti ppreżentat xi osservazzjonijiet fuq dan id-dokument.

14      Fis-10 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti dokument ta’ informazzjoni finali li kien jesponi l-fatti u l-elementi essenzjali li abbażi tagħhom kienet qed tiġi proposta l-adozzjoni ta’ miżuri antidumping definittivi. Fil-21 ta’ Lulju 2009, ir-rikorrenti ppreżentat xi osservazzjonijiet fuq dan id-dokument.

15      Fl-24 ta’ Settembru 2009, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 926/2009, li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 262, p. 19, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”).

16      Fil-premessi 10 sa 17 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill ikkonferma l-konstatazzjonijiet inklużi fir-Regolament provviżorju dwar id-definizzjonijiet tal-prodott ikkonċernat.

17      Fil-premessi 18 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill ikkonferma l-konklużjonijiet tar-Regolament provviżorju rigward iċ-ċaħda tat-talba għal TES ippreżentata mir-rikorrenti. Barra minn hekk, fil-premessi 19 sa 24 tal-imsemmi regolament, huwa kkonkluda li finalment ir-rikorrenti ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għoti tat-TI. B’mod partikolari, huwa rrileva li, wara l-perijodu ta’ investigazzjoni, l-Istat Ċiniż akkwista iktar ishma fil-kumpannija proprjetarja li tikkontrolla lir-rikorrenti u sar azzjonist maġġoritarju (premessa 20 ta’ dan ir-regolament).

18      Fil-premessi 25 sa 27 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill ikkonferma l-għażla tal-Istati Uniti bħala pajjiż analogu għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur normali.

19      Fil-premessi 35 sa 81 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill ikkonferma l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni inklużi fir-Regolament provviżorju dwar l-assenza ta’ ħsara u l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara għall-industrija Komunitarja. F’dan ir-rigward, huwa ħa b’mod partikolari inkunsiderazzjoni data dwar perijodu li ġie wara l-perijodu ta’ investigazzjoni, jiġifieri Lulju 2008 sa Marzu 2009 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni”).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

20      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Diċembru 2009, ir-rikorrenti bdiet din l-azzjoni.

21      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni talbet li tintervjeni fil-kawża preżenti insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Il-partijiet prinċipali ma opponewx ruħhom għal din it-talba.

22      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ April 2010, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava a.s., ArcelorMittal Tubular Products Roman SA, Benteler Stahl/Rohr GmbH, Ovako Tube & Ring AB, Rohrwerk Maxhütte GmbH, Dalmine SpA, Silcotub SA, TMK‑Artrom SA, Tubos Reunidos SA, Vallourec Mannesmann Oil & Gas France, V & M France, V & M Deutschland Gmb H, Voestalpine Tubulars GmbH et Železiarne Podbrezová a.s. (iktar ’il quddiem l-“impriżi intervenjenti”) talbu sabiex jintervjenu fil-kawża preżenti insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Il-partijiet prinċipali ma opponewx ruħhom għal din it-talba.

23      B’digriet tal-31 ta’ Mejju 2010, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba ta’ intervent tal-Kummissjoni.

24      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21, fit‑30 ta’ Ġunju u fil-25 ta’ Awwissu 2010, ir-rikorrenti talbet trattament kunfidenzjali fir-rigward tal-impriżi intervenjenti ta’ ċerti partijiet tar-rikors, tar-replika u tal-kontroreplika. L-impriżi intervenjenti ma oġġezzjonawx għall-imsemmija talbiet.

25      Fl-14 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha. Il-partijiet prinċipali setgħu jippreżentaw osservazzjonijiet dwar din in-nota ta’ intervent.

26      Permezz ta’ digriet tal-31 ta’ Awwissu 2010, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talbiet għal intervent tal-impriżi intervenjenti.

27      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti talbet it-trattament kunfidenzjali fir-rigward tal-impriżi intervenjenti ta’ ċerti partijiet min-nota ta’ intervent tal-Kummissjoni kif ukoll tal-osservazzjonijiet li hija kienet ippreżentat fuq l-imsemmija nota. L-impriżi intervenjenti ma oġġezzjonawx għal din it-talba.

28      Fit-23 ta’ Novembru 2010, l-impriżi intervenjenti ppreżentaw in-nota ta’ intervent tagħhom. Il-partijiet prinċipali setgħu jippreżentaw osservazzjonijiet dwar din in-nota ta’ intervent.

29      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tieni Awla, li għaliha din il-kawża ġiet konsegwentement assenjata.

30      Permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Mejju 2011, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali ssosspenda dawn il-proċeduri sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑337/09 P, Il‑Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group.

31      Fit-22 ta’ Mejju 2012, ir-rikorrenti talbet sabiex il-proċedura terġa’ tibda u sabiex din il-kawża tiġi ttrattata bħala prijorità.

32      Fid-19 ta’ Lulju 2012, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑337/09 P, Il-Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group ingħatat. Għaldaqstant, il-proċedura bdiet mill-ġdid f’din id-data.

33      Wara r-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, stiednet lill-partijiet sabiex jirrispondu għal ċerti domandi bil-miktub u sabiex jipprovdu ċerti dokumenti. Il-partijiet wieġbu għal dawn it-talbiet fit-termini mogħtija.

34      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-17 ta’ April 2013.

35      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-regolament ikkontestat, inkwantu jimponi dazju antidumping fuq l-esportazzjonijiet tar-rikorrenti u jipprovdi għal ġbir ta’ dazji provviżorji stabbiliti fuq dawn l-esportazzjonijiet;

–        jew, sussidjarjament, tannulla r-regolament ikkontestat, inkwantu jipprovdi għall-ġbir ta’ dazji provviżorji imposti fuq ir-rikorrenti;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż;

–        tordna lill-intervenjenti jbatu l-ispejjeż tagħhom.

36      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

37      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

38      Il-partijiet intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq il-portata tar-rikors

39      Mingħajr ma jqajmu eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra r-rikors, bħalma kkonfermaw waqt is-seduta, l-impriżi intervenjenti jenfasizzaw li r-rikorrenti qed titlob l-annullament tar-Regolament ikkontestat, inkwantu huwa jimponi dazji antidumping fuq l-“esportazzjonijiet tar-rikorrenti”. Madankollu, ir-rikorrenti ma tistax titlob l-annullament tar-regolament ikkontestat ħlief jekk huwa jimponi dazji antidumping fuq il-prodotti li hija timmanifattura.

40      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżat li t-talbiet tagħha għandhom jinftiehmu fis-sens indikat mill-impriżi intervenjenti, u ttieħdet nota ta’ dan.

41      Għaldaqstant, bla ħsara għall-obbligi li jistgħu jirriżultaw mill-Artikolu 266 TFUE f’każ ta’ annullament għal raġunijiet li jaffettwaw b’mod ikbar lir-regolament ikkontestat, it-talbiet tar-rikorrenti għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma intiżi għall-annullament tar-regolament ikkontestat, inkwantu jimponi dazji antidumping fuq l-esportazzjonijiet ta’ prodotti mmanifatturati mir-rikorrenti u jipprovdi għall-ġbir ta’ dazji provviżorji fuq dawn l-esportazzjonijiet.

 Fuq il-mertu

42      Ir-rikorrenti tqajjem tliet motivi insostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(9), tal-Artikolu 9(4) u tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament bażiku.

43      Il-Qorti Ġenerali tqis opportun li tagħti deċiżjoni, l-ewwel nett, fuq it-tielet motiv imqajjem mir-rikorrenti.

44      It-tielet motiv tar-rikors huwa bbażat, essenzjalment, fuq żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq ksur tal-Artikolu 3(9) u tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku. It-tieni parti, invokata b’mod sussidjarju, bħalma kkonfermat ir-rikorrenti waqt is-seduta, hija bbażata fuq ksur tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament bażiku.

45      Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata, qabel kollox, l-ewwel parti tat-tielet motiv.

46      Ir-rikorrenti ssostni li l-wirja tal-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara hija bbażata fuq livell ta’ prova ogħla minn dak relattiv għall-eżistenza ta’ ħsara kbira. Il-Kummissjoni nnifisha rrikonoxxiet dan il-fatt fil-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Ġunju 2001, Euroalliages vs Il-Kummissjoni (T‑188/99, Ġabra p. II‑1757). Il-ftit każijiet imsemmija mill-Kunsill fl-atti bil-miktub tiegħu jikkorraboraw din il-konklużjoni. F’dan il-każ, l-istituzzjonijiet ma ssodisfawx il-livell għoli ta’ prova meħtieġ. Huma lanqas ma ħadu debitament inkunsiderazzjoni d-data ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni. B’mod partikolari, ir-rikorrenti timmina l-konklużjonijiet tal-Kunsill li jipprovdu li l-industrija Komunitarja kienet tinsab f’sitwazzjoni vulnerabbli fl-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni u li importazzjonijiet oħra suġġetti għal dumping kienu imminenti.

47      Il-Kunsill jikkontesta l-preżentazzjoni mogħtija mir-rikorrenti tal-argumenti tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza Euroalliages vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, il-Kunsill jenfasizza li l-istituzzjonijiet diġà adottaw xi miżuri fuq il-bażi ta’ theddida ta’ ħsara. L-ebda element ma jippermetti li jitqies li l-livell ta’ prova huwa ogħla fil-qasam ta’ theddida ta’ ħsara minn dak fil-qasam ta’ ħsara kbira. Il-Kunsill jafferma wkoll li ħa debitament inkunsiderazzjoni xi data ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni. Sussegwentement, il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti rigward is-sitwazzjoni vulnerabbli tal-industrija Komunitarja fl-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni u l-imminenza ta’ importazzjonijiet oħra suġġetti għal dumping.

48      Il-Kummissjoni tenfasizza li ngħatat attenzjoni partikolari għad-determinazzjoni ta’ theddida ta’ ħsara f’dan il-każ, inkwantu ttieħdet inkunsiderazzjoni xi data ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni, u dan normalment ma jkunx il-każ.

49      L-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku jipprovdi li dazju antidumping huwa impost jekk mill-konstatazzjoni definittiva tal-fatti jirriżulta, b’mod partikolari, li teżisti ħsara. Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku, “it-terminu ‘ħsara’ għandu, sakemm mhux speċifikat b’mod ieħor, jittieħed li jfisser ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità, theddida ta’ ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità jew dewmien materjali ta’ l-istabbiliment ta’ industrija bħal din”.

50      L-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku, jiddefinixxi l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara materjali f’dawn it-termini:

“Theddida ta’ ħsara materjali għandha tkun tkun stabbilita billi tkun ibbażata fuq fatti u mhux biss fuq allegazjoni, tbassir jew possibilità remota. Il-bidla fiċ-ċirkustanzi li kieku toħloq sitwazzjoni fejn il-bejgħ taħt il-prezz kien jikkawża ħsara għandha tkun imbassra b’mod ċar u imminenti.

Meta qed ikun stabbilit teżistix theddida ta’ ħsara materjali, għandha tingħata attenzjoni għal fatturi bħal:

(a)      rata sinifikanti ta’ żieda fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fis-suq tal-Komunità li tindika ż-żieda x’aktarx sostanzjali ta’ importazzjonijiet;

(b)      kapaċità libera biżżejjed ta’ l-esportatur jew żjieda imminenti u sostanzjali f’kapaċità bħal din li tindika ż-żieda ta’ dumping ta’ esportazzjonijiet x’aktarx sostanzjali lejn il-Komunità, filwaqt li tiġi kkunsidrata d-disponibbiltà tas-swieq l-oħra għall-esportazzjoni biex jassorbu kwalunkwe esportazzjonijiet addizzjonali;

(ċ)      jekk l-importazzjonijiet jkunu qegħdin jidħlu bi prezzijiet li kienu, sa grad sinifikati, jnaqqsu l-prezzijiet jew iżommu ż-żiediet fil-prezzijiet li f’każ ieħor xorta kienu jiġru, u kienu probabbilment iżidu d-domanda għal aktar importazzjonijiet;

u

(d)      inventarji tal-prodott li jkun qiegħed jiġi investigat.

Ebda wieħed mill-fatturi elenkat hawn fuq waħdu ma jista’ neċessarjament jagħti gwida deċiżiva iżda t-totalità tal-fatturi kkunsidrati għandha twassal għall-konklużjoni li aktar esportazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping huma imminenti u li, jekk ma tiġix meħuda azzjoni ta’ protezzjoni, sejra tiġri ħsara materjali.”

51      F’dan il-każ, il-Kunsill ikkonkluda li l-industrija Komunitarja ma kinitx ġarrbet ħsara materjali matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, minkejja li kienet f’sitwazzjoni vulnerabbli fl-aħħar tal-imsemmi perijodu.

52      Wara li kkonkluda li l-industrija Komunitarja ma kinitx ġarrbet ħsara materjali matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, il-Kunsill qies li kienet teżisti, f’dan il-każ, theddida ta’ ħsara.

53      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u partikolarment fil-qasam ta’ miżuri għall-protezzjoni tal-kummerċ, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom marġni diskrezzjonali wiesa’ minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma għandhom jeżaminaw (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale, C‑351/04, Ġabra p. I‑7723, punt 40, u tal-11 ta’ Frar 2010, Hoesch Metals u Alloys, C‑373/08, Ġabra p. I‑951, punt 61). F’dan il-kuntest, għandu jitqies li l-eżami ta’ theddida ta’ ħsara jippresupponi l-evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet ekonomiċi kumplessi u li l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ din l-evalwazzjoni għandu, għaldaqstant, ikun ristrett għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti meqjusa sabiex titwettaq l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-atti jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter. Dan l-istħarriġ ġudizzjarju limitat ma jimplikax li l-qorti tal-Unjoni tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, mill-istituzzjonijiet, ta’ data ta’ natura ekonomika. B’mod partikolari, huwa l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, id-dgħjufija tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda wkoll li tistħarreġ jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux it-totalità ta’ data relevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet misluta minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Mejju 2012, Dow Chemical vs Il-Kunsill, T‑158/10, punt 59).

54      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku, id-determinazzjoni ta’ konklużjoni li teżisti theddida ta’ ħsara materjali għandha tkun ibbażata “fuq fatti u mhux biss fuq allegazjoni, tbassir jew possibilità remota”. Barra minn hekk, il-bidla fiċ-ċirkustanzi li toħloq sitwazzjoni fejn id-dumping jikkawża ħsara għandha tkun “imbassra b’mod ċar u imminenti”. Minn dan jirriżulta li l-konstatazzjoni ta’ theddida ta’ ħsara għandha tidher b’mod ċar mill-fatti tal-kawża. Minn dan jirriżulta wkoll li l-ħsara li tagħha jkun hemm theddida għandha sseħħ minnufih.

55      Ir-rikorrenti tikkontesta, minn naħa, il-konklużjoni tal-Kunsill li, minkejja li ma ġarbitx ħsara, l-industrija Komunitarja kienet tinsab f’sitwazzjoni vulnerabbli fl-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni. Hija tikkontesta, min-naħa l-oħra, il-konklużjoni tal-Kunsill relattiva għall-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara.

 Fuq l-ewwel ilment tal-ewwel parti tat-tielet motiv, relattiv għas-sitwazzjoni tal-industrija Komunitarja fl-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni

56      Sabiex jaslu għall-konklużjoni li l-industrija Komunitarja kienet tinsab f’sitwazzjoni vulnerabbli fl-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni, l-istituzzjonijiet fakkru li xi miżuri antidumping kienu ġew imposti fl‑2006 sabiex tiġi kkumpensata l-ħsara kkawżata mill-importazzjonijiet suġġetti għal dumping li joriġinaw minn diversi pajjiżi. Madankollu, l-industrija Komunitarja ma setgħetx tibbenefika b’mod sħiħ mill-espansjoni tas-suq, sa fejn l-importazzjonijiet suġġetti għal miżuri ta’ antidumping sa mill-2006 ġew issostitwiti minn importazzjonijiet miċ-Ċina. Għaldaqstant, l-irkupru komplet tal-industrija Komunitarja ma seħħx. Għalkemm is-sitwazzjoni tas-suq kellha tevolvi, l-industrija Komunitarja kienet esposta għall-effetti potenzjalment ta’ ħsara tal-importazzjonijiet suġġetti għal dumping. Din is-sitwazzjoni diġà kienet seħħet fil-passat, meta t-talba kienet laħqet livell normali u dak kien wassal għall-adozzjoni ta’ miżuri antidumping fl-2006 (premessi 47 sa 49 tar-regolament ikkontestat, moqrija fid-dawl tal-premessi 87 sa 89 tar-Regolament provviżorju).

57      Ir-rikorrenti tenfasizza, b’mod partikolari, il-kontradizzjonijiet li jeżistu bejn il-konklużjoni tal-istituzzjonijiet u d-data ekonomika relevanti tal-każ ineżami. Il-Kunsill jikkuntesta l-argumenti tar-rikorrenti u jenfasizza, b’mod partikolari, il-previżjonijiet jew id-data ekonomika li tikkonċerna l-perijodu ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni.

58      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk il-konklużjoni tal-Kunsill rigward is-sitwazzjoni tal-industrija Komunitarja fl-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni hija riprodotta fil-parti relattiva għall-ħsara, hija ma hijiex nieqsa minn rabta mal-analiżi tat-theddida ta’ ħsara. B’mod partikolari, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 126 tar-Regolament provviżorju li, fin-nuqqas ta’ miżuri l-importazzjonijiet Ċiniżi suġġetti għal dumping jikkawżaw minnufih ħsara materjali lill-Industrija “vulnerabbli” tal-Komunità, b’mod partikolari, f’termini ta’ tnaqqis ta’ bejgħ, tas-sehem ta’ suq, tal-produzzjoni u tal-kapaċità ta’ profitt. Fil-kuntest tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill ikkonferma espressament il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fuq dan il-punt (premessa 81 tar-regolament ikkontestat).

59      L-ewwel nett, għandhom jitfakkru l-elementi relevanti tal-każ ineżami, li ssemmew mill-Kummissjoni fir-Regolament provviżorju u li juru l-iżvilupp tas-sitwazzjoni tal-industrija Komunitarja matul il-perijodu meqjus, għaldaqstant sal-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni:

–        il-produzzjoni tal-industrija Komunitarja żiedet b’ 7 % (premessa 67 tar-Regolament provviżorju);

–        l-użu tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni żied b’9 % sabiex laħaq 90 % matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, u wera wkoll rati għoljin fl-2006 u fl-2007 (premessa 69 tar-Regolament provviżorju);

–        il-ħażniet żdiedu bi 12 %, madankollu l-Kummissjoni rrilevat li “r-rilevanza ta’ dan l-indikatur fl-analiżi tal-ħsara hija limitata” inkwantu l-parti l-kbira tal-produzzjoni ssir fuq ordnijiet (premessa 72 tar-Regolament provviżorju);

–        il-volum ta’ bejgħ tal-industrija Komunitarja żdied b’ 14 % (premessa 73 tar-Regolament provviżorju);

–        is-sehem tas-suq tal-industrija Komunitarja naqas b’ 5.2 punti (premessa 75 tar-Regolament provviżorju);

–        il-livell tal-impjieg baqa’ stabbli (premessa 77 tar-Regolament provviżorju);

–        il-produttività żdiedet b’ 7 % (premessa 78 tar-Regolament provviżorju);

–        is-salarju medju għal kull impjegat żdied b’ 16 % (premessa 79 tar-Regolament provviżorju);

–        il-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija Komunitarja żdiedu b’ 21 % (premessa 80 tar-Regolament provviżorju);

–        il-profittabbiltà tal-bejgħ tal-industrija Komunitarja lil klijenti indipendenti, bħala perċentwali ta’ bejgħ nett, żdied b’ 27 % jew b’ 3.3 punti perċentwali, sabiex jammonta għal 15.4 % matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, fejn ir-rati ta’ profittabbiltà għas-sena 2005 u, b’mod iktar partikolari, għas-snin 2006 u 2007 kienu wkoll għoljin ħafna (premessa 82 tar-Regolament provviżorju);

–        il-profitt mill-investimenti, jiġifieri l-qligħ espress f’perċentwali tal-valur nett deprezzat tal-investimenti, żdied b’ 10 % jew b’ 4.6 punti perċentwali, sabiex jammonta għal 51.7 % matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, wara li laħaq rispettivament 85.1 u 79.2 % fl-2006 u fl-2007 (premessa 82 tar-Regolament provviżorju);

–        il-likwidità netta minn attivitajiet operattivi żdiedet b’ 73 % sabiex tammonta għal EUR 634 miljun matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, u l-Kummissjoni ppreċiżat, barra minn hekk, li “[m]a kienx hemm indikazzjonijiet li l-industrija tal-Komunità sabet diffikultajiet biex tiġbor il-kapital.ˮ (premessa 84 tar-Regolament provviżorju);

–        l-investimenti annwali tal-industrija Komunitarja żdiedu b’185 % sabiex jammontaw għal EUR 284 miljun matul il-perijodu ta’ investigazzjoni (premessa 85 tar-Regolament provviżorju).

60      Din l‑analiżi ġiet ikkonfermata mill‑Kunsill fil‑premessa 46 tar-regolament ikkontestat.

61      Għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li, bħalma essenzjalment issostni ġustament ir-rikorrenti, barra mill-iżvilupp tas-sehem tas-suq tal-industrija Komunitarja, il-fatturi ekonomiċi riprodotti preċedentement huma kollha pożittivi u jistabbilixxu, kollha flimkien, il-profil ta’ industrija f’sitwazzjoni b’saħħitha u mhux fraġli jew vulnerabbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnifisha indikat, fil-premessa 88 tar-Regolament provviżorju li “kull ħsara mġarrba mill-industrija tal-Komunità kienet limitata u ma wasslitx għal xi problema ekonomika sinifikantiˮ. Din il-konstatazzjoni turi li, fil-kuntest tas-sitwazzjoni tas-suq Komunitarju matul il-perijodu meqjus – jiġifieri sal-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni –, l-industrija Komunitarja ma kinitx f’sitwazzjoni vulnerabbli, fi kliem ieħor li setgħet iġġarrab ħsara mill-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina. Għal dak li jirrigwarda l-fatt, imfakkar mill-Kunsill fl-atti bil-miktub tiegħu, li l-industrija Komunitarja tilfet xi punti mis-sehem tas-suq waqt il-perijodu meqjus, huwa ma jistax, waħdu, isostni l-konklużjoni li l-imsemmija industrija kienet tinsab f’sitwazzjoni vulnerabbli fl-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni. Barra minn hekk, dan il-fatt għandu jitqiegħed fil-perspettiva mal-fatt li l-industrija Komunitarja kellha sehem mis-suq kbir matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, jiġifieri 63.6 %, u li l-bejgħ tagħha kien ipprogressa ħafna fir-rigward tal-volum, b’iktar minn 14 %, waqt il-perijodu meqjus. Huwa għandu wkoll jitqiegħed fil-perspettiva mal-fatti li l-importazzjonijiet li ġejjin minn pajjiżi terzi oħrajn li ma humiex suġġetti għal dumping żdiedu b’35 % fil-volum matul il-perijodu meqjus (premessa 142 tar-Regolament provviżorju) u li s-sehem tas-suq li għandhom dawn l-importazzjonijiet kien żdied, biex għadda minn 7.8 għal 8.5 %. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, għandu jitqies li l-konklużjoni tal-istituzzjonijiet li l-industrija Komunitarja kienet tinsab f’sitwazzjoni vulnerabbli fl-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni ma hijiex sostnuta mid-data ekonomika rilevanti tal-każ ineżami (f’sens simili ma’ data ekonomika oħra, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1995, NTN Corporation u Koyo Seiko vs Il‑Kunsill, T‑163/94 u T‑165/94, Ġabra p. II‑1381, punti 95 u 96).

62      L-elementi l-oħra mressqa fir-regolament ikkontestat jew mill-istituzzjonijiet fil-kuntest tal-atti tagħhom bil-miktub quddiem il-Qorti Ġenerali ma jistgħux jinvalidaw din il-konklużjoni.

63      B’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-fatt invokat mill-istituzzjonijiet li l-industrija Komunitarja tkun esposta għal kollox għall-effett ta’ ħsara possibbli minn importazzjonijiet suġġetti għal dumping kieku t-tendenza ekonomika kellha tinqaleb (premessa 89 tar-Regolament provviżorju, ikkonfermat mill-Kunsill fil-premessa 47 tar-u regolament ikkontestat), huwa jippermetti li tiġi ddeterminata, skont il-każ, sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà għall-futur. Dan il-fatt huwa, għaldaqstant, ineffettiv sabiex jiġi konkluż li l-industrija Komunitarja kienet tinsab f’sitwazzjoni vulnerabbli fl-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni. Dan jgħodd ukoll għall-elementi mqajma mill-Kunsill fl-atti tiegħu bil-miktub quddiem il-Qorti Ġenerali, dwar id-data ekonomika ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni, u għall-konklużjonijiet li l-Kunsill jislet dwar id-degradazzjoni tas-sitwazzjoni tal-industrija Komunitarja. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt invokat mill-istituzzjonijiet dwar id-deterjorazzjoni tal-kuntest ekonomiku diġà tqis, mill-qrati tal-Unjoni, bħala bbażat fuq ksur ta’ liġi, sa fejn ir-Regolament bażiku jipprovdi espressament, fil-parti tiegħu relattiva għall-analiżi tal-ħsara, li fatturi bħat-tnaqqis fit-talba ma għadhom jiġu attribwiti għall-importazzjonijiet suġġetti għal dumping [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Frar 1998, Il-Kummissjoni vs NTN u Koyo Seiko, C‑245/95 P, Ġabra p. I‑401, punt 43, u s-sentenza NTN Corporation u Koyo Seiko vs Il-Kunsill, punt 61 iktar ’il fuq, punti 97 sa 99; ara wkoll il-premessa 35 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2849/92, tat-28 ta’ Settembru 1992, li jimmodifika d-dazju antidumping definittiv stabbilit mir-Regolament (KEE) Nru 1739/85 fuq l-importazzjoni ta’ ball bearings li joriġinaw mill-Ġappun, fejn l-ikbar djametru estern jaqbeż it-30 millimetri (ĠU L 286, p. 2), imsemmi minn dawn iż-żewġ sentenzi].

64      Għal dak li jirrigwarda l-fatt, imqajjem mill-Kummissjoni fil-premessa 87 tar-Regolament provviżorju u kkonfermat mill-Kunsill fil-premessa 46 tar-Regolament ikkontestat, li ż-żieda fl-importazzjonijiet miċ-Ċina ċertament ostakolat l-inklinazzjoni tal-industrija Komunitarja “li tinvesti u tespandi l-kapaċità ta’ produzzjoni biex timxi wara l-espansjoni fis-suq”, dan ma huwiex sostnut mill-elementi rilevanti tal-każ ineżami. L-ewwel nett, miċ-ċifri riprodotti qabel jirriżulta li l-inklinazzjoni tal-industrija Komunitarja li tinvesti ma ġietx ostakolata peress li l-investimenti annwali tal-industrija Komunitarja żdiedu b’185 % matul il-perijodu meqjus. Imbagħad, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 91 u 92 tar-Regolament provviżorju, l-eżistensa ta’ theddida ta’ ħsara f’dan il-każ hija bbażata fuq ir-riskju prevedibbli u imminenti li l-konsum tal-Komunità ser jesperjenza, dalwaqt, tnaqqis kbir. L-istimi tal-Kummissjoni kienu bbażati fuq informazzjoni ppubblikata kif ukoll fuq data pprovduta mill-industrija Komunitarja. Bl-istess mod, l-istituzzjonijiet fakkru, diversi drabi, li ż-żieda tas-suq Komunitarju kienet ta’ natura “eċċezzjonali” (ara, b’mod partikolari, il-premessa 87 tar-Regolament provviżorju, kif ukoll il-premessi 47 u 48 tar-regolament ikkontestat). Għaldaqstant, teżisti kontradizzjoni ċara bejn il-fatt, minn naħa, li jiġi sostnut li l-importazzjonijiet li ġejjin miċ-Ċina ostakolaw l-inklinazzjoni tal-industrija Komunitarja sabiex tiżviluppa l-kapaċitajiet tagħha ta’ produzzjoni u, min-naħa l-oħra, li tiġi enfasizzata żieda “eċċezzjonali” tas-suq Komunitarju u riskju imminenti ta’ tnaqqis kbir tat-talba. Fil-fatt, fil-kundizzjonijiet tal-każ ineżami, kif ikkonstatati mill-istituzzjonijiet, kien għall-kuntrarju loġiku għall-industrija Komunitarja li ma tiżviluppax il-kapaċitajiet tagħha ta’ produzzjoni. Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni nnifisha indikat, fil-premessa 88 tar-Regolament provviżorju li “kull ħsara mġarrba mill-industrija tal-Komunità kienet limitata u ma wasslitx għal xi problema ekonomika sinifikanti”. Din il-konstatazzjoni għandha tendenza timminimizza b’mod sinifikanti l-impatt tal-importazzjonijiet suġġetti għal dumping li ġejjin miċ-Ċina fuq is-sitwazzjoni tal-industrija Komunitarja waqt il-perijodu meqjus.

65      Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-affermazzjonijiet tal-istituzzjonijiet li l-industrija Komunitarja ma rkupratx kompletament mill-prattiki ta’ dumping ta’ qabel l-2006, dawn ma huma bbażati fuq ebda element konkret. B’mod partikolari, ma ġie prodotta ebda element li jippermetti li jiġi ddeterminat dak li l-istituzzjonijiet jifhmu b’“irkupru sħiħ” tal-industrija Komunitarja fid-dawl, b’mod partikolari, tad-data ekonomika ċċitata qabel. Huwa għaldaqstant ġust li r-rikorrenti ssostni, fl-atti tagħha bil-miktub, li l-istituzzjonijiet ma stabbilixxewx li l-industrija Komunitarja ma rkupratx minn dumping preċedenti.

66      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha u, b’mod partikolari, tal-fatt li l-konklużjoni tal-istituzzjonijiet ma hijiex sostnuta minn data rilevanti għall-każ ineżami, għandu jitqies li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkonferma l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-industrija Komunitarja kienet tinsab f’sitwazzjoni vulnerabbli fl-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni.

 Fuq it-tieni lment tal-ewwel parti tat-tielet motiv dwar l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara

67      Ir-regolament ikkontestat, li jsegwi l-istruttura tar-Regolament provviżorju, huwa bbażat fuq żewġ partijiet. L-ewwel parti tirrigwarda “[k]if x’aktarx jiżviluppaw l-konsum Komunitarju, l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat u l-qagħda tal-industrija Komunitarja wara l-perjodu ta’ investigazzjoniˮ (premessi 90 sa 112 tar-Regolament provviżorju u premessi 50 sa 65 tar-regolament ikkontestat). It-tieni parti tikkonċerna speċifikament it-“theddida ta’ dannu” (premessi 113 sa 125 tar-Regolament provviżorju u premessi 66 sa 81 tar-regolament ikkontestat).

68      Għandu jiġi enfasizzat li, fir-regolament ikkontestat, il-Kunsill ikkonferma l-konklużjoni tal-Kummissjoni li kienet teżisti theddida ta’ ħsara “ma’ tmiem il-perijodu ta’ investigazzjoni” (premessa 81 tar-regolament ikkontestat), anki jekk ħa inkunsiderazzjoni data disponibbli matul il-perijodu ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni.

69      Għal dak li jirrigwarda l-ewwel parti tar-regolament ikkontestat, għandu jiġi rrilevat li d-data ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni tikkonferma l-previżjoni tal-istituzzjonijiet rigward it-tnaqqis tas-suq Komunitarju. B’mod partikolari, l-elementi riprodotti fil-premessa 51 tar-regolament ikkontestat juru li l-konsum tal-Komunità kien naqas b’27.7 % bejn l-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni, jiġifieri fit-30 ta’ Ġunju 2008 u x-xahar ta’ Marzu 2009. Madankollu, għandu jitfakkar li fatturi ta’ ħsara bħat-tnaqqis tat-talba ma għandhomx jiġu attribwiti lill-importazzjonijiet suġġetti għal dumping (ara l-punt 63 iktar ’il fuq, u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Għal dak li jirrigwarda t-tieni parti tar-regolament ikkontestat, li hija s-suġġett speċifiku tal-kawża preżenti, il-konklużjoni tal-Kunsill tibbaża fuq l-analiżi ta’ erba’ fatturi. Dawn il-fatturi jirriproduċu l-kriterji imposti mir-Regolament bażiku. Huma jkopru l-iżvilupp tal-importazzjonijiet suġġetti għal dumping (premessi 66 sa 68 tar-regolament ikkontestat), id-disponibbiltà tal-kapaċità ħielsa tal-esportaturi (premessi 69 sa 71 tar-regolament ikkontestat), il-prezzijiet tal-importazzjonijiet miċ-Ċina (premessi 72 u 73 tar-regolament ikkontestat) kif ukoll il-livell tal-inventarji (premessa 74 tar-regolament ikkontestat). Għal dak li jikkonċerna dan il-fattur tal-aħħar, il-Kunsill essenzjalment qies li ma kienx determinanti għall-analiżi tat-theddida ta’ ħsara.

71      L-argumenti tar-rikorrenti jirrigwardaw l-iżvilupp tal-importazzjonijiet Ċiniżi, f’termini ta’ volum u ta’ prezz, kif ukoll fuq is-swieq l-oħra ta’ esportazzjoni fid-dawl tal-kapaċitajiet disponibbli tal-esportaturi Ċiniżi. Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li jeżistu kontradizzjonijiet bejn il-previżjonijiet tal-Kummissjoni, ikkonfermati mill-Kunsill, u d-data li tirrigwarda l-perijodu ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni u li l-analiżi ta’ swieq oħrajn ta’ esportazzjoni għandha xi lakuni.

72      Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-iżvilupp ta’ importazzjonijiet suġġetti għal dumping, il-Kummissjoni qabel xejn ikkunsidrat li bixra ’l isfel fis-sitwazzjoni ġenerali tas-suq Komuni “ma jkollhiex xi impatt konsiderevoli fuq l-iżvilupp tal-volumi” tal-importazzjonijiet suġġetti għal dumping (premessa 115 tar-Regolament provviżorju). Hija żżid tgħid li r-riżultati li jikkonċernaw dan il-fattur għandhom ikunu bbażati fuq is-sempliċi osservazzjoni tal-iżvilupp tal-volum ta’ importazzjonijiet suġġetti għal dumping f’termini assoluti, iżda jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll tal-kuntest tas-suq li fih iseħħ dan l-iżvilupp u u l-kwistjoni dwar jekk dan l-iżvilupp setax iwassal għal żieda jew tnaqqis tas-sehem tas-suq li għandhom dawn l-importazzjonijiet suġġetti għal dumping. F’dan il-kuntest, hija qieset li s-sehem tas-suq li kellhom dawn l-importazzjonijiet suġġetti għal dumping urew “żieda sostanzjali” fis-sehem tas-suq tagħhom matul il-perijodu meqjus, iżda wkoll li ma wrew “ebda sinjal li se jwaqqfu jew ireġġgħu lura din il-bixra” f’perjodu meta t-talba kienet diġà bdiet tnaqqas. Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet dan li ġej (premessa 116 tar-Regolament provviżorju): “Is-sehem tas-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping huwa lest biex jiżdied [u] il-pressjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping fuq is-suq tal-Komunità x’aktarx li tiżdied sostanzjalment”.

73      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat l, skont id-data riprodotta fir-regolament ikkontestat, il-volum tal-importazzjonijiet miċ-Ċina esperjenza, matul il-perijodu ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni, tnaqqis kbir f’termini assoluti, u dan huwa dak li ġustament tirrileva r-rikorrenti fl-atti tagħha bil-miktub. Fil-fatt, skont it-tabella riprodotta fil-premessa 52 tar-regolament ikkontestat, l-imsemmija importazzjonijiet naqqsu b’24.6 %. Barra minn hekk, f’termini relattivi, iż-żieda tas-sehem tas-suq tal-imsemmija importazzjonijiet iddgħajfet, b’0.7 punt perċentwali fuq dan il-perijodu.

74      L-affermazzjoni tal-Kummissjoni, imsemmija iktar ’il fuq, li s-sitwazzjoni ġenerali tas-suq Komunitarju ma għandhiex impatt “konsiderevoli” fuq “l-iżvilupp tal-volumi” tal-importazzjonijiet miċ-Ċina u li l-pressjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq is-suq Komunitarju għandha tiżdied “sostanzjalmentˮ hija kontradetta minn data ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni, li ttieħdet inkunsiderazzjoni mill-Kunsill fir-regolament ikkontestat.

75      Fir-regolament ikkontestat, il-Kunsill ma jsibx kontradizzjonijiet bejn l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni u d-data ekonomika inkwistjoni. Filwaqt li jinterpreta l-premessa 116 tar-Regolament provviżorju f’dan is-sens, huwa jqis li “l-importanti ma huwiex il-volum assolut ta’ dawn it-tipi ta’ importazzjonijiet, iżda l-importanza relattiva tagħhom b’konnessjoni mal-konsum, jew fi kliem ieħor, is-sehem tas-suq tagħhom fis-suq”. F’dan ir-rigward huwa jirrileva li, f’termini relattivi, l-importazzjonijiet miċ-Ċina wrew “żiedu b’kemxejnˮ (premessa 68 tar-regolament ikkontestat).

76      Madankollu, għalkemm il-Kummissjoni effettivament invokat l-iżvilupp tal-volum tal-importazzjonijiet miċ-Ċina f’termini assoluti, iżda wkoll f’termini relattivi, hija rraġunat mill-perspettiva ta’ żvilupp “sostanzjali” tal-imsemmi volum. Huwa f’dan il-kuntest li hija qieset li l-pressjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet suġġetti għal dumping fis-suq Komunitarju kellha tiżdied “sostanzjalment”.

77      Din l-interpretazzjoni tal-premessa 116 tar-Regolament provviżorju hija kkonfermata minn premessi oħrajn tal-imsemmi regolament. Għaldaqstant, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 95 tar-Regolament provviżorju, li anki jekk, minħabba li suq kien qed jiċkien it-“talba totali” tal-importazzjonijiet kienet qed tonqos “liema tnaqqis madankollu mhux mistenni li jkun sinifikanti”, is-sehem tas-suq tal-importazzjonijiet miċ-Ċina żdied b’mod proporzjonali. Hija żammet il-pożizzjoni tagħha fil-premessa 133 tar-Regolament provviżorju u indikat li t-tnaqqis tal-bidu fil-konsum “ma kellu ebda effett fuq il-volum” ta’ importazzjonijiet li minflok żiedu s-sehem tagħhom tas-suq. Hija żiedet tgħid li ma kien hemm “ebda raġuni biex wieħed jemmen li f’xenarju simili fuq medda qasira ta’ żmien, jew f’wieħed agħar, din il-bixra se titreġġa’ lura”.

78      Għaldaqstant, teżisti differenza notevoli bejn il-previżjonijiet tal-Kummissjoni fl-istadju tar-Regolament provviżorju u d-data ekonomika tal-perijodu ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni, li ttieħdet inkunsiderazzjoni mill-Kunsill fil-kuntest tar-regolament ikkontestat. F’dan l-istadju għandu jitfakkar li wieħed mill-kriterji sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara huwa rata sinjifikattiva ta’ żieda fl-importazzjonijiet suġġetti għal dumping fis-suq Komunitarju li tindika ż-żieda x’aktarx “sostanzjali” ta’ importazzjonijiet (Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku). Issa, skont l-affermazzjonijiet stess tal-Kunsill fir-regolament ikkontestat, l-importazzjonijiet miċ-Ċina “żiedu b’kemxejn” matul il-perijodu ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni (premessa 68 tar-Regolament ikkontestat). Din iż-żieda żgħira, f’termini relattivi, u t-tnaqqis kbir f’termini assoluti, tal-importazzjonijiet miċ-Ċina ma humiex sostnuti mill-konstatazzjoni li f’dan il-każ teżisti probabbiltà ta’ żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet. Barra minn hekk, għandha titpoġġa fil-perspettiva ż-żieda ta’  0.7 punti perċentwali tas-sehem tas-suq tal-importazzjonijiet miċ-Ċina mat-tnaqqis ta’ 0.1 punt perċentwali tas-sehem tas-suq tal-prodotti tal-industrija Komunitarja matul il-perijodu ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni (premessa 53 tar-Regolament ikkontestat).

79      Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda d-disponibbiltà tal-kapaċità ħielsa tal-esportaturi, l-analiżi tal-istituzzjonijiet ittrattat, minn naħa, il-kapaċità ħielsa tal-produzzjoni nnifisha u, min-naħa l-oħra, r-riskju tad-direzzjoni mill-ġdid tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn is-suq Komunitarju.

80      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku, l-istituzzjonijiet għandhom jeżaminaw, b’mod partikolari, il-kapaċità suffiċjenti u liberament disponibbli tal-esportatur jew iż-żieda imminenti u sostanzjali tal-kapaċità tal-esportatur li tindika l-probabbiltà ta’ żieda sostanzjali tal-esportazzjonijiet suġġetti għal dumping lejn il-Komunità, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-eżistenza ta’ swieq oħra għall-esportazzjoni li jistgħu jassorbu esportazzjonijiet addizzjonali.

81      F’dan il-kuntest, għandu jitqies li, meta l-istituzzjonijiet jevalwaw riskju li l-esportazzjonijiet jiġu diretti mill-ġdid lejn l-Unjoni, b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ żieda tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u ta’ esportazzjoni f’pajjiż esportatur, huma għandhom jieħdu kont mhux biss tal-eżistenza ta’ swieq oħra ta’ esportazzjoni iżda wkoll ta’ l-iżvilupp possibbli tal-konsum intern fil-pajjiż esportatur (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza NTN Corporation u Koyo Seiko, punt 61 iktar ’il fuq, punt 109).

82      F’dan il-każ, wara li kkonkludiet li kienet teżisti kapaċità ta’ produzzjoni sostanzjali disponibbli fiċ-Ċina u li l-esportaturi Ċiniżi kienu żiedu b’mod sostanzjali l-inklinazzjoni tagħhom li jesportaw, il-Kummissjoni rrilevat li l-perċentwali tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn il-Komunità, bħala perċentwali tal-esportazzjonijiet totali Ċiniżi, kienet żdiedet b’mod sinjifikattiv matul il-perjodu meqjus “minn 1 % fl-2005 sa 9 % matul il-[perijodu ta’ investigazzjoni]. Barra minn hekk, hija indikat li “[s]-swieq ewlenin l-oħra [kienu] l-Istati Uniti b’36 % (minn 31 % fl-2007), l-Alġerija (6 %, minn 2 % fl-2006) u l-Korea ta’ Isfel (6 %, minn 3 % fl-2005)” u li abbażi ta’ dan seta’ jiġi mistenni “li parti sinifikanti tal-kapaċità żejda maħluqa dan l-aħħar [tkun] diretta lejn is-suq tal-KE” u “tnaqqis sinifikanti ta’ xi uħud minn dawn is-swieq, u b’mod partikolari tas-suq tal-Istati Uniti” (premessa 119 tar-Regolament provviżorju). Fir-regolament ikkontestat, il-Kunsill ikkonferma l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni mingħajr ma żied elementi addizzjonali.

83      Għandu jiġi kkonstatat, bħalma ġustament tinnota r-rikorrenti fl-atti tagħha bil-miktub, li fl-analiżi tagħhom l-istituzzjonijiet ma ħadux inkunsiderazzjoni “d-disponibbiltà tas-swieq l-oħra għall-esportazzjoni biex jassorbu kwalunkwe esportazzjonijiet addizzjonali”, bħalma madankollu jeħtieġ l-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, mill-premessa 119 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li l-Kummissjoni semmiet lill-Istati Uniti, l-Alġerja u l-Korea ta’ Isfel sempliċement sabiex tindika liema sehem dawn il-pajjiżi kienu jirrappreżentaw fl-esportazzjonijiet totali Ċiniżi. Ebda data preċiża ma ġiet ipprovduta għal dak li jirrigwarda l-iżvilupp tal-imsemmija swieq u tal-kapaċità possibbli tagħhom li jassorbu esportazzjonijiet addizzjonali. Madankollu, huwa “abbażi ta’ dan” li l-Kummissjoni qieset “li parti sinifikanti tal-kapaċità żejda maħluqa dan l-aħħar [kellha] tkun diretta lejn is-suq tal-KE”. Madankollu, jekk, bħalma jaffermaw l-istituzzjonijiet, il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni fiċ-Ċina kif ukoll il-volumi għall-esportazzjoni żdiedu (premessa 118 tar-Regolament provviżorju) u li fl-istess ħin, is-sehem tat-tliet pajjiżi msemmija iktar ’il fuq fit-totali tal-esportazzjonijiet Ċiniżi żdied, bħalma jirriżulta mill-premessa 119 tar-Regolament provviżorju, dan ifisser li l-volumi ta’ esportazzjoni lejn dawn it-tliet pajjiżi żdiedu huma wkoll. L-unika indikazzjoni dwar l-iżvilupp tas-swieq ta’ pajjiżi oħra hija l-affermazzjoni li tipprovdi li wieħed jista’ jistenna wkoll “tnaqqis sinifikanti ta’ xi wħud minn dawn is-swieq, u b’mod partikolari tas-suq tal-Istati Uniti”. Minbarra l-fatt li din l-affermazzjoni ma hijiex preċiża, għal dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-pajjiżi u l-volumi kkonċernati, u li saret wara l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li parti sinjifikattiva tal-kapaċità żejda maħluqa dan l-aħħar kellha tkun diretta lejn is-suq Ewropew, hija għandha titpoġġa fil-perspettiva mal-fatt li, għal dak li jikkonċerna s-suq tal-Unjoni, l-istituzzjonijiet ipprevedew ukoll tnaqqis nett tat-talba. Issa, dan l-element tal-aħħar ma jinsabx fl-analiżi tal-istituzzjonijiet dwar il-possibbiltà ta’ direzzjoni mill-ġdid tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn is-suq tal-Unjoni.

84      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, fl-ebda mument, l-istituzzjonijiet ma jinvokaw is-suq intern Ċiniż u l-impatt possibbli ta’ dan is-suq fuq il-possibbiltà li jassorbi l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni addizzjonali. L-istituzzjonijiet jinvokaw biss il-parti tal-esportazzjonijiet fir-rigward tal-bejgħ totali tal-produtturi esportaturi tal-kampjun. Issa, dan il-fatt, li ġie invokat ukoll mill-Kunsill fl-atti tiegħu bil-miktub quddiem il-Qorti Ġenerali, hija ineffettiva sabiex jiġi ddeterminat jekk is-suq intern Ċiniż jistax jassorbi kapaċità ta’ produzzjoni sostanzjali.

85      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkonstata, fil-premessa 119 tar-Regolament provviżorju, li l-perċentwali tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Unjoni żdiedet b’mod sinjifikatti matul il-perijodu meqjus. Din il-konstatazzjoni għandha, madankollu, titpoġġa fil-perspettiva mal-fatt, irrilevat diversi drabi mill-istituzzjonijiet innifishom, li l-imsemmija esportazzjonijiet “issostitwixxew” l-importazzjonijiet li ġejjin, b’mod partikolari mir-Russja u l-Ukarina, malquta minn dazji antidumping mill-2006. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 130 tar-Regolament provviżorju il-“koinċidenza ċara fiż-żmien” bejn iż-żieda rapida fis-sehem tas-suq tal-prodotti Ċiniżi u t-tagħwir sostanzjali korrispondenti tal-ishma tas-suq tal-prodotti Ċiniżi u d-deterjorazzjoni sostanzjali tas-sehem tas-suq tal-importazzjonijiet mir-Russja u l-Ukraina “li kienu l-eqreb kompetituri għal dawk li huma prezzijiet”. Madankollu, fl-ebda mument fil-kuntest tal-analiżi ta’ probabbiltà ta’ direzzjoni mill-ġdid tal-esportazzjonijiet, l-istituzzjonijiet ma invokaw dan l-element, li huwa madankollu rilevanti sa fejn l-għajbien tal-“eqreb kompetituri għal dawk li huma prezzijiet” jista’ jispjega, għall-inqas parzjalment, iż-żieda tal-perċentwali tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Unjoni matul il-perijodu meqjus.

86      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet miċ-Ċina, fir-Regolament provviżorju l-Kummissjoni sostniet li ma kien hemm “ebda raġuni” sabiex jiġi preżunt li, f’ambjent ekonomiku kkaratterizzat minn tnaqqis sostanzjali fit-talba, “jista’ jkun hemm bixra ta’ żieda tal-prezzijiet baxxi”. “Bil-kontra”, fil-fehma tagħha, mill-perspettiva tal-fornitur, meta l-konsum jonqos, “il-prezzijiet baxxi huma mistennija jibqgħu baxxi”, bl-għan li jinkisbu iktar ishma tas-suq jew għal-inqas li jinżammu u jissaħħu dawk attwali (premessa 121 tar-Regolament provviżorju). Minn dan hija kkonkludiet li l-effett negattiv tal-prezzijiet baxxi wisq kien doppju. Minn naħa, id-differenzjali sinjifikattivi fil-prezz probabbilment iwasslu għal direzzjoni mill-ġdid lejn l-importazzjonijiet suġġetti għal dumping peress li l-konsumaturi jkollhom iktar inklinazzjoni li jixtru dejjem iktar kwantitajiet ta’ prodotti li jinbiegħu bi prezzijiet baxxi. Min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ tali prezzijiet baxxi fis-suq x’aktarx li tintuża mill-konsumaturi bħala għodda ta’ negozjar biex iwaqqgħu l-prezzijiet offruti mill-produtturi tal-Komunità u ta’ sorsi oħra u b’hekk iġibu effett ta’ depressjoni f’termini kemm ta’ volumi dejjem jonqsu kif ukoll ta’ prezzijiet iktar baxxi (premessa 123 tar-Regolament provviżorju).

87      Issa, kif jirriżulta mit-tabella li tinsab fil-premessa 52 tar-regolament ikkontestat, id-data ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni turi li, bil-kontra ta’ dak li kienet qed tafferma l-Kummissjoni, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet miċ-Ċina żdiedu b’mod sinjifikattiv fil-kuntest tat-tnaqqis tas-suq Komunitarju, bħalma ġustament tirrileva r-rikorrenti fl-atti bil-miktub tagħha. Għaldaqstant, id-data disponibbli tenfasizza żieda fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet miċ-Ċina b’iktar minn 35 % matul il-perijodu ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni (premessa 52 tar-regolament ikkontestat). Fl-istess żmien, il-prezzijiet tal-industrija Komunitarja żdiedu b’18.7 % (premessa 53 tar-regolament ikkontestat). Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li bil-kontra ta’ dak li tidher tissuġġerixxi l-Kummissjoni fir-Regolament provviżorju, it-tnaqqis tat-talba ma tirrigwardax neċessarjament il-livell tal-prezzijiet. Fil-fatt, l-operatur ekonomiku li jiffaċċja tnaqqis tat-talba għandu l-għażla bejn it-tnaqqis fil-volum tal-bejgħ tiegħu u t-tnaqqis tal-prezzijiet tiegħu.

88      Il-Kunsill, fil-premessa 73 tar-regolament ikkontestat, ma jipprovdi ebda element li jispjega l-kontradizzjoni li teżisti bejn l-elementi ppreżentati mill-Kummissjoni u d-data tal-perijodu ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni. Il-Kunsill sempliċement jirrileva li ż-żieda tal-prezzijiet kienet diġà ġiet ikkonstatata fil-kuntest tar-Regolament provviżorju. Issa, minkejja li huwa ċertament eżatt li l-Kummissjoni kienet invokat, fil-premessi 98 u 122 tar-Regolament provviżorju, din iż-żieda tal-prezzijiet wara l-perijodu ta’ investigazzjoni, billi allokata liż-żieda tal-prezzijiet fil-materja prima u fl-ispejjeż relatati mal-enerġija, il-Kummissjoni kienet ippreċiżat li din tal-aħħar seħħet bejn April u Ottubru 2008. Madankollu, fir-regolament ikkontestat, il-Kunsill ma tipprovdi ebda preċiżazzjoni u lanqas spjegazzjoni addizzjonali rigward, b’mod partikolari, l-iżvilupp tal-prezzijiet fil-materja prima u fl-ispejjeż relatati mal-enerġija għal dak li jikkonċerna l-perijodu ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni. Din l-assenza ta’ preċiżjoni għandha, barra minn hekk, titpoġġa fil-perspettiva mal-argumenti ta’ ċerti partijiet, imsemmija mill-Kunsill fil-premessa 93 tar-regolament ikkontestat, li jipprovdu li ċerti produtturi kkonkludew ftehim bi prezzijiet fissi mal-furnituri tal-ħadid mhux maħdum u prodotti meħtieġa oħra ewlenin li ma ppermettilhomx japprofittaw mill-“waqgħa drammatika fil-prezzijiet ta’ dawn il-materji primi li seħħet minnufih wara l-[perijodu ta’ investigazzjoni]”. Fir-regolament ikkontestat, il-Kunsill ma mminax din l-affermazzjoni.

89      Fil-premessa 73 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill jinvoka wkoll “paralell[iżmu]” fil-varjazzjonijiet fil-prezzijiet tal-industrija Komunitarja. Madankollu, il-“parallel[iżmu]” fil-varjazzjonijiet tal-prezzijiet ma jirriżultax minn data ekonomika li ġiet wara l-perijodu ta’ investigazzjoni peress li l-prezzijiet tal-industrija Komunitarja żdiedu bi 18.7 % filwaqt li, fl-istess waqt, dawk tal-importazzjonijiet Ċiniżi żdiedu b’iktar minn 35 % (premessi 52 u 53 tar-regolament ikkontestat). Barra minn hekk, id-differenza bejn il-prezzijiet ta’ bejgħ tal-industrija Komunitarja u l-importazzjonijiet miċ-Ċina tnaqqset b’mod sensibbli, billi minn EUR 476 it-tunnellata matul il-perijodu ta’ investigazzjoni niżlet għal EUR 448 it-tunnellata matul il-perijodu ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni. Meta espressa f’perċentwali tal-prezz ta’ bejgħ tal-industrija Komunitarja, din id-differenza fil-prezz għaddiet minn 40 % matul il-perijodu ta’ investigazzjoni għal 30 % matul il-perijodu ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni.

90      Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi preżunt li ż-żieda tal-prezz tal-prodott ikkonċernat għall-perijodu ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni tista’ tiġi spjegata minn żieda fil-prezz tal-materja prima u tal-ispejjeż relatati mal-enerġija, dan il-fatt ma huwiex tali li jsostni l-konklużjonijiet li tislet il-Kummissjoni, fil-premessa 123 tar-Regolament provviżorju, dwar l-effett negattiv ta’ prezzijiet “baxxi ħafna” tal-importazzjonijiet miċ-Ċina fuq il-prezzijiet u l-volumi tal-industrija Komunitarja. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li wieħed mill-kriterji sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara huwa d-dħul ta’ importazzjonijiet bi prezzijiet li jistgħu “sa grad sinifikati, jnaqqsu l-prezzijiet” jew “iżommu ż-żiediet fil-prezzijiet li f’każ ieħor xorta kienu jiġruˮ (Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku). Issa, fid-dawl tad-data ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni, mill-fatti tal-każ ineżami ma jirriżultax li l-kriterju previst mir-Regolament bażiku jista’ jitqies bħala ssodisfatt. Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-effett ta’ depressjoni f’termini ta’ prezzijiet “baxxi ħafna” fuq il-volumi tal-industrija Komunitarja, invokat mill-Kummissjoni fil-premessa 123 tar-Regolament provviżorju, għandu jitfakkar li s-sehem tas-suq tal-industrija Komunitarja matul il-perijodu ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni niżel biss b’0.1 punt perċentwali.

91      Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li, fuq l-erba’ fatturi, previsti mill-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku, relattivi għall-analiżi ta’ theddida ta’ ħsara, fattur minnhom huwa meqjus bħala deterrent mill-istituzzjonijiet (stokkijiet), żewġ fatturi ppreżentaw inkonsistenzi bejn il-previżjonijiet tal-Kummissjoni, ikkonfermati mill-Kunsill fir-Regolament ikkontestat, u d-data rilevanti tal-perijodu ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni (volum tal-importazzjonijiet u prezz tal-importazzjonijiet) u fattur (kapaċità tal-esportatur u riskju ta’ direzzjoni mill-ġdid tal-esportazzjonijiet) għandhom lakuni fir-rigward tal-elementi rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Dawn l-inkonsistenzi u lakuni għandhom jitpoġġew fil-perspettiva mar-rekwiżiti tar-Regolament bażiku li t-theddida ta’ ħsara għandha tkun ibbażata fuq “fuq fatti u mhux biss fuq allegazjoni, tbassir jew possibilità remotaˮ u l-bidla fiċ-ċirkustanzi li kieku toħloq sitwazzjoni fejn id-dumping jikkawża ħsara għandha “tkun imbassra b’mod ċar u imminenti”.

92      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha u tal-fatt li ġie kkonstatat fil-kuntest tal-ewwel ilment li l-Kunsill kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni billi qies li l-industrija Komunitarja kienet f’sitwazzjoni vulnerabbli fl-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni, għandu jitqies li l-Kunsill kiser l-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku meta kkunsidra, fil-każ ineżami, li kienet teżisti theddida ta’ ħsara. Għaldaqstant, il-Kunsill kiser ukoll l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, billi jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-esportazzjonijiet tal-prodotti mmanifatturati mir-rikorrenti u billi jipprovdi għall-ġbir ta’ dazji provviżorji stabbiliti fuq dawn l-esportazzjonijiet.

93      Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tielet motiv imqajjem mir-rikorrenti għandha tiġi milqugħa. Sa fejn ir-regolament ikkontestat kien ibbażat fuq il-konstatazzjoni ta’ theddida ta’ ħsara u sa fejn il-Kunsill wettaq żball f’dan ir-rigward, hemm lok li l-imsemmi regolament jiġi annullat, inkwantu jimponi dazji antidumping fuq l-esportazzjonijiet ta’ prodotti mmanifatturati mir-rikorrenti u jipprovdi għall-ġbir ta’ dazji provviżorji stabbiliti fuq dawn l-esportazzjonijiet, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata t-tieni parti tat-tielet motiv u lanqas il-motivi l-oħrajn imqajma insostenn tar-rikors.

 Fuq l-ispejjeż

94      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l‑Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti.

95      Barra minn hekk, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l‑istituzzjonijiet li intervenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, li intervjeniet insostenn tal-Kunsill, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

96      Fl-aħħar nett, l-impriżi intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif talbet ir-rikorrenti f’dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 926/2009, tal-24 ta’ Settembru 2009, li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, huwa annullat, inkwantu jimponi dazju antidumping fuq l-esportazzjonijiet ta’ prodotti mmanifatturati minn Hubei Xinyegang Steel Co. Ltd u jipprovdi għall-ġbir ta’ dazji provviżorji stabbiliti fuq dawn l-esportazzjonijiet.

2)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk imġarrba minn Hubei Xinyegang Steel Co.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

4)      ArcelorMittal Tubular Products Ostrava a.s., ArcelorMittal Tubular Products Roman SA, Benteler Stahl/Rohr GmbH, Ovako Tube & Ring AB, Rohrwerk Maxhütte GmbH, Dalmine SpA, Silcotub SA, TMK‑Artrom SA, Tubos Reunidos SA, Vallourec Mannesmann Oil & Gas France, V & M France, V & M Deutschland GmbH, Voestalpine Tubulars GmbH u Železiarne Podbrezová a.s. għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Forwood

Dehousse

Schwarcz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Jannar 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.