Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta' Diċembru 2009 - Hubei Xinyegang Steel vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża T-528/09)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Hubei Xinyegang Steel Co. Ltd (rappreżentanti: F. Carlin, barrister, N. Niejahr, Q. Azau u A. MacGregor, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 926/2009, tal-24 ta' Settembru 2009, li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina 1, sa fejn dan jimponi dazji antidumping fuq l-esportazzjonijiet tar-rikorrenti u jipprovdi għall-ġbir tad-dazji provviżorji stabbiliti fuq dawn l-esportazzjonijiet jew, sussidjarjament, tannulla r-regolament imsemmi sa fejn dan jipprovdi għall-ġbir tad-dazji provviżorji imposti fuq ir-rikorrenti.

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tiegħu u għal dawk tar-rikorrenti fil-kuntest ta' din il-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 926/2009, tal-24 ta' Settembru 2009, li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, sa fejn dan jirrigwarda lilha.

Ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi insostenn tal-pretensjonijiet tagħha.

Fl-ewwel lok, hija tosserva li l-Kunsill wettaq żball manifest ta' evalwazzjoni tal-fatti meta identifika "l-prodotti kkonċernati" billi ddefinixxa kategoriji ta' prodotti simplifikati wisq. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni pproċediet għal paragun inadegwat mal-prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill kiser l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku 2 meta neħħa t-trattament individwali tar-rikorrenti fir-Regolament ikkontestat, għalkemm dan it-trattament kien inizjalment ġie konċess lilha mill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva preċedenti għall-pubblikazzjoni tar-Regolament provviżorju 3.

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tosserva li l-Kunsill kiser l-Artikoli 9(4) u 10(2) tar-Regolament bażiku meta stabbilixxa dazju definittiv u meta ddeċieda li jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-"prodotti kkonċernati" tar-rikorrenti lejn l-UE, għaliex dawn id-deċiżjonijiet huma bbażati fuq żball manifest ta' evalwazzjoni f'dak li jirrigwarda l-eżistenza ta' theddida ta' dannu materjali.

____________

1 - ĠU L 262, p. 19.

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta' Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 1996 L 56, p. 1).

3 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 289/2009, tas-7 ta' April 2009, li jimponi dazju provviżorju anti-dumping fuq importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 94, p. 48).