Language of document : ECLI:EU:T:2013:469

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

16 ta’ Settembru 2013 (*)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Awstrijak tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet u l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Ksur uniku”

Fil-Kawża T‑378/10,

Masco Corp., stabbilita f’Taylor, Michigan (l-Istati Uniti),

Hansgrohe AG, stabbilita f’Schiltach (il-Ġermanja),

Hansgrohe Deutschland Vertriebs GmbH, stabbilita f’Schiltach,

Hansgrohe Handelsgesellschaft mbH, stabbilita f’Wiener Neudorf (l-Awstrija),

Hansgrohe SA/NV, stabbilita fi Brussell (il-Belġju),

Hansgrohe BV, stabbilita f’Westknollendam (il-Pajjizi l-Baxxi),

Hansgrohe SARL, stabbilita f’Antony (Franza),

Hansgrohe SRL, stabbilita f’Villanova d’Asti (l-Italja),

Hüppe GmbH, stabbilita f’Bad Zwischenahn (il-Ġermanja),

Hüppe Ges.mbH, stabbilita f’Laxenburg (l-Awstrija),

Hüppe Belgium SA, stabbilita f’Woluwé Saint-Étienne (il-Belġju),

Hüppe BV, stabbilita f’Alblasserdam (il-Pajjizi l-Baxxi),

irrappreżentati minn D. Schroeder, S. Heinz, avukati, u J. Temple Lang, solicitor,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre u F. Ronkes Agerbeek, bħala aġenti, assistiti minn B. Kennelly, barrister,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4185 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39092 — Installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju), sa fejn il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li r-rikorrenti kienu involuti fi ksur uniku u kumpless fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President tal-Awla, K. Jürimäe (Relatur) u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Frar 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz tad-Deċiżjoni C (2010) 4185 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39092 – Installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju,) (iktar ʼil quddiem id-“deċiżjoni kkontestataˮ), il-Kummissjoni Ewropea ikkonstatat l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju. Dan il-ksur, li fih ħadu sehem 17-il impriża, allegatament seħħ matul diversi perijodi bejn is-16 ta’ Ottubru 1992 u d-9 ta’ Novembru 2004 u kien ħa l-forma ta’ numru ta’ ftehimiet antikompetittivi jew ta’ prattiki miftiehma li jkopru t-territorju tal-Belġju, tal-Ġermanja, ta’ Franza, tal-Italja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Awstrija (premessi 2 u 3 u l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

2        Iktar preċiżament, il-Kummissjoni indikat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ksur ikkonstatat kien jikkonsisti, l-ewwel nett, fil-koordinazzjoni, mill-imsemmija manifatturi tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju, taż-żidiet fil-prezzijiet annwali u ta’ elementi oħra ta’ tarifikazzjoni, fil-kuntest ta’ laqgħat regolari fi ħdan l-assoċjazzjonijiet nazzjonali għall-professjonisti, it-tieni nett, fl-iffissar jew fil-koordinazzjoni tal-prezzijiet fl-okkażjoni ta’ okkorrenzi speċifiċi bħaż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima, l-introduzzjoni tal-Ewro kif ukoll tat-taxxi tat-toroq u t-tielet nett, fl-iżvelar u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat li l-fissazzjoni tal-prezzijiet fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju kienet issegwi ċiklu annwali. F’dan il-kuntest, il-manifatturi kienu jiffissaw il-listi tal-prezzijiet il-ġodda, li kienu ġeneralment jibqgħu fis-seħħ għal sena u kienu jservu ta’ bażi għar-relazzjonijiet kummerċjali mal-grossisti (premessi 152 sa 163 tad-deċiżjoni kkontestata).

3        Il-prodotti kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata huma l-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju li jagħmlu parti minn wieħed mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti li ġejjin: viti u fittings, diviżorji tad-doċċa u aċċessorji kif ukoll oġġetti taċ-ċeramika (iktar ʼil quddiem it-“tliet sottogruppi ta’ prodottiˮ) (premessi 5 u 6 tad-deċiżjoni kkontestata).

4        Masco Corp., li hija impriża Amerikana, u l-kumpanniji sussidjarji Ewropej tagħha fosthom, minn naħa, Hansgrohe AG, li tipproduċi viti u fittings, u, min-naħa l-oħra, Hüppe GmbH, li tipproduċi diviżorji tad-doċċa, huma indikati minn issa ʼil quddiem, meħuda flimkien, bħala r-“rikorrentiˮ. L-attività tagħhom tirrigwarda unikament tnejn minn tliet sottogruppi ta’ prodotti, jiġifieri l-viti u fittings u d-diviżorji tad-doċċa u aċċessorji (premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata).

5        Fil-15 ta’ Lulju 2004, ir-rikorrenti informaw lill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ akkordju fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju u talbu sabiex jibbenefikaw mill-immunità minn multi skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ʼil quddiem il-“Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoniˮ) jew, fin-nuqqas ta’ dan, minn tnaqqis tal-ammont tagħhom. Fit-2 ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tagħti immunità kundizzjonali mill-multi favur ir-rikorrenti, skont il-punti 8(a) u 15 tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni (premessi 126 sa 128 tad-deċiżjoni kkontestata).

6        Fit-23 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

7        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-prattiki deskritti fil-punt 2 iktar ʼil fuq kienu jagħmlu parti minn pjan globali intiż sabiex jirrestrinġi l-kompetizzjoni bejn id-destinatarji tal-imsemmija deċiżjoni u kienu jippreżentaw il-karatteristiċi ta’ ksur uniku u kontinwu, li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kien ikopri t-tliet sottogruppi ta’ prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ʼil fuq u kien ikopri t-territorju tal-Belġju, tal-Ġermanja, ta’ Franza, tal-Italja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Awstrija (premessi 778 u 793 tad-deċiżjoni kkontestata) (iktar ʼil quddiem il-“ksur ikkonstatatˮ). F’dan ir-rigward, hija enfasizzat b’mod partikolari l-fatt li dawn il-prattiki kienu konformi ma’ mudell rikorrenti li kien irriżulta li kien l-istess fis-sitt Stati Membri li kienu qegħdin jiġu investigati mill-Kummissjoni (premessi 778 u 793 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija nnotat ukoll l‑eżistenza ta’ assoċjazzjonijiet nazzjonali għall-professjonisti li jirrigwardaw it-tliet sottogruppi ta’ prodotti kollha kemm huma, li hija semmiet “organi ta’ koordinazzjoniˮ, ta’ assoċjazzjonijiet nazzjonali għall-professjonisti li jinkludu membri li l-attività tagħhom kienet tikkonċerna minn tal-inqas tnejn minn dawn it-tliet sottogruppi ta’ prodotti, li hija semmiet “assoċjazzjonijiet ta’ ħafna prodottiˮ, kif ukoll ta’ assoċjazzjonijiet speċjalizzati li jinkludu membri li l-attività tagħhom kienet tirrigwarda wieħed minn dawn it-tliet sottogruppi ta’ prodotti (premessi 796 u 798 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, hija kkonstatat il-preżenza ta’ grupp ċentrali ta’ impriżi li kien pparteċipa fl-akkordju f’diversi Stati Membri u fil-kuntest ta’ organi ta’ koordinazzjoni u ta’ assoċjazzjonijiet ta’ ħafna prodotti (premessi 796 u 797 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        Fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssanzjonat 17-il impriża għall-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE matul il-perijodu ta’ bejn, għar-rikorrenti, is-16 ta’ Ottubru 1992 u d-9 ta’ Novembru 2004.

9        Fl-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li hija ma kienet ser timponi l-ebda multa fuq ir-rikorrenti.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

10      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw din il-kawża.

11      Fid-dawl tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

12      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-28 ta’ Frar 2012.

13      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla parzjalment l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn fih il-Kummissjoni stabbilixxiet li r-rikorrenti kienu pparteċipaw fi ksur uniku fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

14      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad dan ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

15      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jqajmu motiv wieħed, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni stabbilixxiet bi żball li r-rikorrenti kienu pparteċipaw fi ksur uniku fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju.

16      Il-Kummissjoni tikkuntesta l-argument żviluppat mir-rikorrenti.

17      Għandu jiġi osservat li, insostenn tal-motiv uniku tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, żewġ ilmenti prinċipali li jgħidu li, minn naħa, il-Kummissjoni wettqet żbalji fir-rigward tal-kundizzjonijiet li jippermettu li jiġi deċiż li kien jeżisti ksur uniku u l-partiċipazzjoni tal-impriżi f’dan il-ksur. Min-naħa l-oħra, l-punti ta’ fatt li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ma jippermettux li jiġi deċiż li f’dan il-każ twettaq ksur uniku li għalih kienu ppartiċipaw ir-rikorrenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li dawn iż-żewġ ilmenti jiġu eżaminati separatament.

 Dwar l-ewwel ilment, ibbażat fuq żbalji fid-determinazzjoni tar-rekwiżiti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur uniku u l-partiċipazzjoni tal-impriżi f’dan il-ksur

18      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi. Fil-fatt, ir-rekwiżiti li hija użat fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur uniku u l-partiċipazzjoni tal-impriżi f’tali ksur huma differenti minn dawk li jirriżultaw mill-prassi deċiżjonali tagħha u li huma stabbiliti fil-ġurisprudenza. Il-Kummissjoni kienet ukoll, għalhekk, kisret il-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

19      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

20      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 101(1) TFUE jipprojbixxi l-ftehimiet u l-prattiki miftiehma bejn impriżi li għandhom għan jew effett antikompettitiv u li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

21      Il-ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE jista’ jirriżulta mhux biss minn ftehimiet jew minn prattiki miftiehma li huma iżolati u li għandhom jiġu ppenalizzati bħala diversi ksur separati, iżda wkoll minn sensiela ta’ atti jew minn aġir kontinwu, b’tali mod li l-komponenti tagħhom jistgħu, ġustament, jiġu kkunsidrati bħala li huma elementi kostituttivi ta’ ksur uniku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 258, u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur uniku, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi li l-ftehimiet jew il-prattiki miftiehma inkwistjoni, għalkemm jirrigwardaw oġġetti, servizzi jew territorji separati, jiffurmaw parti minn pjan ġenerali implementat intenzjonalment mill-impriżi kkonċernati għat-twettiq ta’ għan antikompetittiv uniku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 21 iktar ʼil fuq, punti 258 u 260, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il-Kummissjoni, T‑54/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 482).

23      Rabtiet ta’ komplementarjetà bejn ftehimiet jew prattiki miftiehma jikkostitwixxu indikazzjonijiet oġġettivi tal-eżistenza ta’ pjan ġenerali. Dawn ir-rabtiet jeżistu meta dawn il-ftehimiet jew prattiki jkunu intiżi sabiex jagħmlu tajjeb għal konsegwenza jew diversi konsegwenzi li jirriżultaw minn sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni normali u sabiex jikkontribwixxu, permezz tal-interazzjoni taghħom, għat-twettiq ta’ għan uniku antikompetittiv. Il-Kummissjoni hija obbigata li teżamina, f’dan ir-rigward, il-punti kollha ta’ fatt li jistgħu jistabbilixxu jew jikkontestaw dan il-pjan ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Lafarge vs Il-Kummissjoni, punt 22 iktar ʼil fuq, punt 482, u tat-28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il-Kummissjoni, T‑446/05, Ġabra p. II‑1255, punt 92, u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur uniku, għandu jitfakkar li hija l-Kummissjoni li għandha tipprova li l-impriża kellha l-intenzjoni li, permezz tal-aġir tagħha stess, tikkontribwixxi għall-għan uniki komuni tal-parteċipanti kollha u li hija kienet taf bl-aġir illegali previst jew implementat minn impriżi oħra sabiex jintlaħaq l-istess għan, jew li hija setgħet b’mod raġonevoli tipprevedihom u li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 21 iktar ʼil fuq, punt 83).

25      Impriża tista’ tkun ipparteċipat direttament fl-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi ksur uniku, f’liema każ il-Kummissjoni tista’ timputalha r-responsabbiltà għal dan l-aġir kollu, u għalhekk għall-ksur kollu kemm hu. Impriża tista’ wkoll tipparteċipa direttament f’parti biss tal-aġir antikompetittiv li jikkostitwixxi ksur uniku, iżda tkun taf bl-aġir illegali kollu l-ieħor previst jew implementat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju għall-ksib tal-istess għanijiet, jew setgħet tkun raġonevolment ipprevediet u lestiet ruħha sabiex tieħu r-riskju. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha wkoll dritt li timputa lil din l-impriża r-responsabbiltà tal-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi dan il-ksur u, konsegwentement, ta’ dan tal-aħħar kollu kemm hu.

26      Min-naħa l-oħra, jekk impriża direttament tkun involuta f’wieħed jew iktar mill-aġir antikompetittiv li jikkostitwixxu ksur uniku, iżda ma jkunx ġie stabbilit li, permezz tal-aġir tagħha stess, hija riedet tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni kollha mfittxija mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju u li kienet taf bl-aġiri illegali kollha l-oħra previsti jew implementati minn dawn il-parteċipanti sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet komuni jew li raġonevolment setgħat tipprevedihom u li kienet lesta taċċetta r-riskju li joħolqu, il-Kummissjoni tista’ biss timputalha r-responsabbiltà ta’ dak l-aġir li fih kienet direttament ipparteċipat u tal-aġir previst jew implementat mill-parteċipanti l-oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet bħal dawk imfittxija minnha u li fir-rigward tagħhom huwa pprovat li hija kienet taf jew setgħet raġonevolment tipprevedihom u li kienet lesta li taċċetta r-riskju.

27      F’dan il-każ, minn naħa, għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-eżistenza ta’ ksur uniku, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni qieset, fil-premessa 786 tad-deċiżjoni kkontestata, billi bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza, li “l-kunċett ta’ ksur uniku [kien] ġustament jirreferi għal sitwazzjoni fejn diversi impriżi [kienu] pparteċipaw fi ksur li jikkonsisti f’aġir kontinwu fit-tfittxija ta’ għan ekonomiku waħdieni intiż sabiex tiġi distorta l-kompetizzjoniˮ u li l-“eżistenza ta’ sinerġiji u ta’ komplementarjetà bejn id-diversi prattiki [kienu] jikkostitwixxu indizji oġġettivi tal-eżistenza ta’ pjan globali ta’ dan it-tipˮ [traduzzjoni mhux uffiċjali].

28      Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni tal-partiċipazzjoni fi ksur uniku, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 789 tad-deċiżjoni kkontestata, billi għamlet riferiment għall-ġurisprudenza, dan li ġej:

“Is-sempliċi fatt li kull parteċipant f’akkordju jista’ jkollu rwol adattat għal każ partikolari tiegħu ma jeskludix il-fatt li huwa responsabbli għall-ksur fl-intier tiegħu, b’mod partikolari għal atti mwettqa minn parteċipanti oħra, iżda li għandhom l-istess għan illegali u l-istess effett antikompettitiv. L-impriża li tipparteċipa fl-aġir komuni illegali permezz ta’ atti li jiffavorixxu t-twettiq tal-għan komuni hija wkoll responsabbli, għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-aġir komuni, tal-atti tal-parteċipanti l-oħra fil-kuntest tal-istess ksur. Dan huwa effettivament il-każ meta jiġi stabbilit li l-impriża inkwistjoni kienet taf bl-aġir illegali tal-parteċipanti l-oħra, jew li setgħet b’mod raġonevoli tkun taf bihom u li kienet lesta li taċċetta r-riskju tagħhomˮ [traduzzjoni mhux uffiċjali].

29      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni esposti fil-punti 27 u 28 iktar ʼil fuq, għandu jiġi nnotat li din la wettqet żball ta’ liġi u lanqas kisret il-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, ir-rekwiżiti li hija semmiet fil-premessi 786 u 789 tad-deċiżjoni kkontestata li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ksur uniku u l-parteċipazzjoni tal-impriżi f’tali ksur huma konformi ma’ dawk imsemmija fil-ġurisprudenza msemmija fil-punti 21 sa 26 iktar ʼil fuq.

30      L-argumenti l-oħra tar-rikorrenti f’dan ir-rigward ma jistgħux jinvalidaw il-konstatazzjoni msemmija fil-punt 29 iktar ʼil fuq.

31      L-ewwel nett, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni ssostni bi żball li l-klassifikazzjoni ta’ ksur uniku tiddependi mill-kwistjoni li jsir magħruf jekk l-impriżi kellhomx “intenzjoni komuniˮ, għandu jiġu miċħud bħala infondat. Qabelxejn, mill-premessa 786 tad-deċiżjoni kkontestata, iċċitata fil-punt 27 iktar ʼil fuq, jirriżulta li l-Kummissjoni għamlet riferiment espliċitu għar-rekwiżit tal-eżistenza ta’ “pjan globaliˮ, li jfisser l-istess bħal l-eżistenza ta’ “pjan ġeneraliˮ, sabiex tistabbilixxi jekk prattiki antikompetittivi jagħmlux parti minn ksur uniku. Sussegewentement, għalkemm huwa minnu li, fir-risposta, il-Kummissjoni tagħmel riferiment għan-neċessità li jkun hemm “intenzjoni komuniˮ tal-impriżi kkonċernati sabiex ksur uniku jkun jista’ jiġi stabbilit, madankollu kemm mill-kontroreplika kif ukoll mill-osservazzjonijiet tagħha waqt is-seduta jirriżulta mingħajr ambigwità li hija tqis li ksur uniku jeżisti biss jekk il-partiċipanti jkollhom pjan ġenerali kif jirriżulta minn “intenzjoni komuniˮ. Għalhekk, la l-evalwazzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ pjan globali fformulat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u saħansitra lanqas l-interpretazzjoni li hija tagħti tal-imsemmija evalwazzjonijiet fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha ma huma żbaljati.

32      It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-eżistenza ta’ ksur uniku teħtieġ li jiġu ssodisfatti erba’ rekwiżiti, jiġifieri, fl-ewwel lok, l-eżistenza ta’ pjan globali, fit-tieni lok, rabta ta’ komplementarjetà bejn il-ftehimiet u l-prattiki illegali inkwistjoni, fit-tielet lok, l-identita’ tal-impriżi li qegħdin jipparteċipaw fl-imsemmija prattiki u, fir-raba’ lok, l-għarfien tal-impriżi inkwistjoni li huma qed jipparteċipaw għall-għan komuni, għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 22 iktar ʼil fuq u kif ammettew ir-rikorrenti fir-risposta għad-domandi tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, huwa minnu li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur uniku teħtieġ li jkunu sodisfatti l-ewwel, it-tieni u r-raba’ rekwiżiti mogħtija mir-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, l-identità tal-impriżi li jipparteċipaw fil-prattiki illegali inkwistjoni hija biss indizju fost oħrajn li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-istabbiliment tal-eżistenza ta’ pjan ġenerali jew ta’ ksur distint (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il-Kummissjoni, punt 23 iktar ʼil fuq, punt 99).

33      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Dwar it-tieni lment, ibbażat fuq żbalji fl-evalwazzjoni tal-punti ta’ fatt li wasslu għall-klassifikazzjoni ta’ ksur uniku u għall-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’dan il-ksur

34      Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, evalwati fl-intier tagħhom, ma jippermettux li l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur uniku u l-parteċipazzjoni tagħhom f’dan il-ksur. Huma jqisu li fil-każ ineżami l-Kummissjoni injorat numru ta’ indizji oġġettivi, hekk kif ġew identifikati fil-prassi deċiżjonali tagħha stess u fil-ġurisprudenza, li suppost kellhom iwassluha sabiex tikkonstata li l-prattiki illegali ma kinux jagħmlu parti minn ksur uniku. Dawn l-indizji jirriżultaw b’mod partikolari mill-fatt li t-tliet sottogruppi ta’ prodotti jaqgħu taħt suq ta’ prodotti distinti, li la huma marbuta flimkien u lanqas ma jixbhu lil xulxin, li l-ebda wieħed mill-partiċipanti ma jeżerċita attività li taqa’ taħt kull wieħed mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti, li l-parti l-kbira tal-imsemmija partiċipanti ħadet sehem fi prattiki illegali li jirrigwardaw biss wieħed mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti, li l-perijodi li huma koperti minn dawn il-prattiki huma distinti u li ma jeżisti l-ebda organu ċentralizzat jew netwerk kumpless li jgħaqqad flimkien l-assoċjazzjonijiet għall-professjonisti inkwistjoni.

35      Il-Kummissjoni topponi dan l-argument.

36      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 23 iktar ʼil fuq, huwa fid-dawl tal-punti ta’ fatt kollha ta’ kull każ li għandha ssir ir-riċerka dwar jekk ir-rekwiżiti tal-eżistenza ta’ ksur uniku humiex sodisfatti. Huwa għaldaqstant importanti, qabelxejn, li tiġi esposta l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata li wasslitha sabiex tiddeċiedi li kien jeżisti ksur uniku li kienu pparteċipaw fih ir-rikorrenti (ara l-punti 37 sa 51 iktar ʼil quddiem), qabel ma jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti kinux ipproduċew il-prova li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward (ara l-punti 52 sa 124 iktar ʼil quddiem).

37      Inizjalment, hemm lok li jiġi nnotat li l-analiżi li waslet lill-Kummissjoni sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur uniku fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju u l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’dan il-ksur huma maqsuma, fid-deċiżjoni kkontestata, f’żewġ partijiet.

38      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tindika, fil-premessi 792 u 793 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prattiki illegali implementati mill-impriżi inkwistjoni jistabbilixxu l-eżistenza ta’ ksur uniku.

39      Għal dak li jirrigwarda l-fatti sekondarji tal-ksur uniku f’dan il-każ, il-Kummissjoni tagħmel, fil-premessi 793 sa 795 tad-deċiżjoni kkontestata, l-erba’ konstatazzjonijiet li ġejjin. L-ewwel nett, l-imsemmi ksur kien jikkonċerna t-tliet sottogruppi ta’ prodotti fit-territorju ta’ mill-inqas sitt Stati Membri, jiġifieri l-Belġju, il-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Awstrija. It-tieni nett, dan il-ksur kien dam għaddej mill-inqas mis-16 ta’ Ottubru 1992 sad-9 ta’ Novembru 2004. It-tielet nett, il-ksur ikkonstatat kien jikkonsisti f’sensiela ta’ aġir antikompetittiv “li kien jiżvela ċerta direzzjoni fl-aġir intiża li tillimita l-kompetizzjoni rigward il-prezz fi ħdan is-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banjuˮ. Ir-raba’ nett, grupp ċentrali ta’ tmien impriżi, magħmul mir-rikorrenti u minn Grohe Beteiligungs GmbH (iktar ʼil quddiem “Groheˮ), American Standard Inc. (iktar ʼil quddiem “Ideal Standard”), Hansa Metallwerke AG (iktar ʼil quddiem “Hansaˮ), Sanitec Europe Oy (iktar ʼil quddiem “Sanitecˮ), Duscholux GmbH & Co, Duravit AG u Villeroy & Boch AG, kienu pparteċipaw b’mod dirett, deċiżiv u kontinwu fil-ksur ikkonstatat.

40      Fir-rigward tal-elementi speċifiċi li jippermettu li jiġi deċiż li f’dan il-każ kien jeżisti ksur uniku, il-Kummissjoni tistrieħ fuq, fil-premessa 796 tad-deċiżjoni kkontestata, għaxar fatturi li huma esposti fil-punti 41 sa 51 iktar ʼil quddiem.

41      L-ewwel nett, fir-rigward tal-impriżi awturi tal-ksur uniku, il-grupp ċentrali ta’ tmien impriżi kien ipparteċipa f’arranġamenti kollużorji fis-sitt Stat Membri inkwistjoni jew f’uħud minnhom u kien jagħmel parti minn organu ta’ koordinazzjoni li jkopri minn tal-inqas it-tliet sottogruppi ta’ prodotti. Ir-rikorrenti, Grohe, Duscholux, Villeroy & Boch, Sanitec u Hansa kienu b’mod partikolari pparteċipaw fil-laqgħat tal-organi ta’ koordinazzjoni li ġejjin: l-IndustrieForum Sanitär (iktar ʼil quddiem l-“IFSˮ) fil-Ġermanja, l-Arbeitskreis Sanitär Industrie (iktar ʼil quddiem l-“ASIˮ) fl-Awstrija u s-Sanitair Fabrikanten Platform (iktar ʼil quddiem l-“SFPˮ) fil-Pajjiżi l-Baxxi (l-ewwl inċiż tal-premessa 796, u premessa 797 tad-deċiżjoni kkontestata u nota ta’ qiegħ il-paġna nru 1077 ta’ din id-deċiżjoni).

42      It-tieni nett, fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-impriżi bejniethom, b’kollox tmien assoċjazzjonijiet kienu jinkludu manifatturi minn, minn tal-inqas, tnejn mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti. Qabelxejn, kien hemm tliet organi ta’ koordinazzjoni. Sussegwentement, kien hemm assoċjazzjonijiet ta’ ħafna prodotti fl-Italja, jiġifieri Euroitalia u Michelangelo, u fil-Belġju, bħall-Amicale du sanitaire u l-grupp Home Comfort Team (iktar ʼil quddiem l-“HCTˮ). Il-HCT kienet ippruvat twessa’ l-attivitajiet tagħha għat-tliet sottogruppi ta’ prodotti, filwaqt li ġie ppreċiżat li dawn kienu jirrigwardaw tnejn minn dawn. Fl-aħħar nett, kien ta’ spiss li diskussjonijiet dwar diversi mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti kienu jsiru fil-kuntest ta’ assoċjazzjonijiet speċjalizzati, bħal fil-każ taż-żewġ laqgħat tal-assoċjazzjonijiet tal-oġġetti taċ-ċeramika Ġermaniża Fachverband Sanitär-Keramische Industrie (iktar ʼil quddiem l-“FSKIˮ) u Arbeitsgemeinschaft Sanitärarmaturenindustrie (iktar ʼil quddiem l-“AGSIˮ), li nżammu fl-2002 u fl-2003, fejn il-parteċipanti kienu wkoll iddiskutew żidiet fil-prezzijiet tal-viti u fittings. Barra minn hekk, kuntratti bilaterali bejn impriżi jikkonfermaw l-eżistenza ta’ rabtiet stretti bejn it-tliet sottogruppi ta’ prodotti. Pereżempju, Direttur ta’ Hansgrohe kien ammetta li kien dejjem jipprova jikseb informazzjoni dwar il-prezz mingħand il-kompetituri tiegħu, iżda wkoll informazzjoni dwar l-industrija kollha kemm hija, sabiex ikun jista’ jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu “b’iktar ċertezzaˮ. Fid-dawl ta’ dawn il-laqgħat u kuntatti, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-manifatturi kkonċernati kienu jqisu li kien neċessarju, sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-mekkaniżmu implementat jew sabiex jiġi kkonstat in-nuqqas ta’ effikaċja tiegħu, fl-interess kummerċjali tagħhom, li jikkoordinaw iż-żidiet fil-prezzijiet rispettivi tagħhom f’kuntest komuni (l-ewwel inċiż tal-premessa 796, u premessi 798 sa 802 u 813 tad-deċiżjoni kkontestata u n-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 1104 ta’ din id-deċiżjoni).

43      It-tielet nett, fir-rigward tal-istruttura u tal-modalitajiet ta’ distribuzzjoni tat-tliet sottogruppi ta’ prodotti, il-funzjonament tal-industrija u, b’mod partikolari, ir-rwol li għandhom il-grossisti fis-sistema ta’ distribuzzjoni fit-tliet livelli huma evidenza tal-eżistenza tar-rabtiet oġġettivi bejniethom. Fil-fatt, il-grossisti, li jbigħu t-tliet sottogruppi ta’ prodotti kollha inkwistjoni, jikkostitwixxu l-klijentela komuni għall-manifatturi tat-tliet sottogruppi inkwistjoni. Konsegwentement, dawn il-manifatturi kienu ġew imħeġġa b’mod qawwi sabiex jikkoordinaw l-aġir globali tagħhom u l-politika tariffarja tagħhom fir-rigward tal-grossisti. Il-parteċipanti fil-prattiki kollużorji inkwistjoni kienu konxji li kienu qegħdin jipparteċipaw f’ċikli annwali ta’ koordinazzjoni ta’ prezz intiżi għall-istess klijenti u li jsegwu bħala regola ġenerali skema rikorrenti, sabiex ikunu jistgħu “jirrispondu b’mod iktar effikaċji waqt in-negozjati tagħhhom mal-grossistiˮ li kienu jinżammu kull sena. Il-koordinazzjoni kienet allegatament issir fuq livell nazzjonali, sa fejn il-grossisti li magħhom il-manifatturi kollha kellhom jinnegozjaw kienu, fil-parti l-kbira tal-każijiet, stabbiliti fuq livell nazzjonali (it-tielet inċiż tal-premessa 796, u l-premessi 803 sa 805 tad-deċiżjoni kkontestata).

44      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-mekkaniżmi li jirregolaw il-prattiki ta’ koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li dawn tal-aħħar kienu bħala regola ġenerali organizzati bl-istess mod u fl-istess ħin fl-Istati Membri kollha għat-tliet sottogruppi ta’ prodotti. Il-manifatturi ta’ dawn tal-aħħar kienu adottaw, fl-Istati Membri kollha, prattika komuni li kienet tikkonsisti fl-iskambju sistematiku mal-kompetituri tagħhom tal-istimi taż-żidiet fil-prezzijiet tagħhom, f’perċentwali, għaċ-ċiklu tal-prezz li ġej, normalment qabel ma jikkomunikaw dawn il-prezzijiet lill-klijenti tagħhom u qabel ma dawn jidħlu fis-seħħ. Dawn il-prattiki bħala regola ġenerali kienu jsiru fil-kuntest tal-laqgħat regolari tal-assoċjazzjonijiet organizzati matul l-akkordju kollu u li matulhom il-parteċipanti kienu jikkomunikaw iż-żidiet fil-prezzijiet tagħhom (premessi 806 sa 809 tad-deċiżjoni kkontestata).

45      Il-ħames nett, fir-rigward tal-prattiki antikompetittivi addizzjonali għal dawk li jikkonsistu fil-koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet, dawn kienu jikkonsistu fil-konklużjoni jew ta’ ftehim fir-rigward ta’ ġrajjiet partikolari, jew fi skambju ta’ informazzjoni kummerċjali li għandha natura sensittiva fl-istess ħin u b’mod li jixxiebah fil-kuntest ta’ diversi assoċjazzjonijiet li jinsabu f’diversi Stati Membri. Dawn il-prattiki jikkonfermaw l-intensità u l-istabbilità tal-akkordju. Pereżempju, fl-2004, il-parteċipanti kienu ftiehmu fil-Belġju, fil-Ġermanja, fi Franza, fl-Italja u fl-Awstrija sabiex iżidu l-prezzijiet tagħhom wara żieda fil-prezz tal-materja prima. Fl-2002, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-introduzzjoni tal-ewro, il-manifatturi kienu laħqu ftehim dwar il-kalendarju ta’ meta għandhom jiġu ppreżentati l-listi tal-prezzijiet il-ġodda. L-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva kien jikkonsisti essenzjalment fi skambju ta’ data reċenti dwar il-bejgħ, bħala regola ġenerali taħt il-forma ta’ żidiet jew tnaqqis fil-perċentwali fir-rigward ta’ perijodu ta’ referenza preċedenti, u, ħafna mid-drabi, fi stimi ta’ bejgħ għax-xhur li ġejjin. Dan l-aġir kien jikkonċerna l-istess membri bħal dawk tal-prattiki ta’ iffissar tal-prezz u kien organizzat fil-kuntest tal-istess assoċjazzjonijiet (premessi 810 sa 813 tad-deċiżjoni kkontestata).

46      Is-sitt nett, fir-rigward tar-rabtiet transkonfinali, il-Kummissjoni tinnota, qabelxejn, li d-diskussjonijiet dwar il-prezzijiet organizzati fi Stat Membru kienu, xi kultant, wasslu wkoll għal diskussjonijiet dwar iż-żidiet fil-prezzijiet fi Stati Membri oħra. Pereżempju, l-akkordju dwar iż-żidiet fil-prezzijiet relatati mad-diviżorji tad-doċċa konkluż mill-assoċjazzjoni speċjalizzata Ġermaniża Arbeitskreis Duschabtrennungen (iktar ʼil quddiem l-“ADAˮ) kien wassal għal koordinazzjoni fil-prezzijiet fi ħdan l-assoċjazzjoni Awstrijaka Arbeitskreis Sanitärindustrie (iktar ʼil quddiem l-“ASIˮ) fl- 2000. Sussegwentement, il-kundizzjonijiet tas-suq fid-diversi Stati Membri kienu konnessi bejniethom. Pereżempju, fl-Awstrija, kienu hemm tentattivi ta’ allineament tal-prezzijiet ma’ dawk tal-Ġermanja fl- 2001. Fl-aħħar nett, is-sussidjarji tal-impriżi l-kbar li kienu pparteċipaw fl-akkordju u li kienu jinsabu fil-Ġermanja, kienu kkomunikaw mhux biss il-prezzijiet li jikkonċernaw l-Istat Membru fejn tinsab l-assoċjazzjoni nazzjonali li kienet torganizza l-laqgħa, iżda wkoll dawk li jikkonċernaw l-Istati Membri l-oħra (premessi 818 sa 823 tad-deċiżjoni kkontestata).

47      Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ rabtiet transkonfinali kif ukoll ta’ tarifikazzjoni ċentrali fi ħdan l-impriżi attivi f’bosta Stati Membri hija dovuta b’mod partikolari għad-daqs tal-fluss kummerċjali bejn l-Istati Membri, kif inhuwa l-każ fis-settur tal-viti u fittings. Dawn il-fluss kummerċjali kunsiderevoli jikkonfermaw li l-implementazzjoni tal-ftehim antikompetittiv kien ippermetta li jinħolqu sinerġiji bejn l-impriżi inkwistjoni (premessi 824 sa 833 tad-deċiżjoni kkontestata).

48      Is-seba’ nett, fir-rigward tat-tarifikazzjoni ċentrali fi ħdan l-impriżi, il-maġġoranza tal-multinazzjonali implikati fil-ksur ikkonstatat kienu applikaw politika tariffarja ċentralizzata u kkontrollata mis-sede ta’ kull grupp. B’mod partikolari, is-sedi ta’ dawn l-impriżi multinazzjonali kienu inkarigati li jiffissaw il-prezz inizjali, billi jipprevedu wkoll skali ta’ prezz li jippermettu li s-sussidjarji nazzjonali jadattaw il-prezz tagħhom billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li huma kellhom fil-pussess taghħom dwar il-kompetituri taghħom fuq livell nazzjonali. Pereżemju, fi ħdan Hansgrohe, l-uffiċċju strateġiku ta’ tarifikazzjoni li jinsab fil-Ġermanja kien inkarigat jiffissa l-prezzijiet billi jieħu inkunsiderazzjoni l-għarfien dwar is-suq u l-informazzjoni miġbura mis-sussidjarji tiegħu fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Il-manifatturi żgħar indipendenti li kienu jipparteċipaw għal dawn il-laqgħat tal-assoċjazzjonijiet kienu ġew influwenzati mill-iskambji dwar il-prezzijiet li kienu jseħħu (premessi 834 sa 844 tad-deċiżjoni kkontestata).

49      It-tmien nett, fir-rigward tar-rabtiet oġġettivi li kienu jeżistu bejn it-tliet sottogruppi ta’ prodotti, dawn jirrigwardaw, għal kull sottogrupp, prodotti ta’ installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju li Hansgrohe tiddefinixxi bħala li jappartjenu għal prodotti “viżibbliˮ fil-kmamar tal-banju. Ir-rabtiet oġġettivi bejn dawn it-tliet sottogruppi ta’ prodotti huma wkoll impliċitament rikonoxxuti sa fejn il-laqgħat tal-assoċjazzjonijiet kienu jkopru tnejn jew tliet sottogruppi ta’ prodotti u l-manifatturi kellhom klijentela komuni. Barra minn hekk, l-impriżi inkwistjoni rrikonoxxew li dawn it-tliet sottogruppi ta’ prodotti kienu komplementari, fatt li jikkonferma l-eżistenza ta’ rabtiet oġġettivi bejniethom (premessi 845 u 846 tad-deċiżjoni kkontestata).

50      Id-disa’ nett, fir-rigward tal-istabbiltà tal-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet matul iż-żmien, il-Kummissjoni tirrimarka li l-arranġamenti kollużivi inkwistjoni baqgħu jseħħu, billi josservaw l-istess mekkaniżmu rikorrenti, anki wara li telqu wħud mill-membri. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tindika, bħala eżempju, li Hansa tterminat, fl-1999, il-parteċipazzjoni tagħha fl-assoċjazzjoni Taljana Michelangelo, li kienet tirrigwarda kemm viti u fittings kif ukoll oġġetti taċ-ċeramika, filwaqt li kompliet tipparteċipa fl-assoċjazzjoni Euroitalia, li kienet tirrigwarda viti u fittings u, sa ċertu punt, oġġetti taċ-ċeramika (premessi 801 u 847 tad-deċiżjoni kkontestata u nota ta’ qiegħ il-paġna nru 1176 ta’ din id-deċiżjoni).

51      L-għaxar nett, fir-rigward tal-parteċipazzjoni, tal-mobilità u tar-responsabbiltajiet tal-persunal eżekuttiv, jeżistu bosta eżempji ta’ rappreżentanti li kienu għaddew minn impriża li tipparteċipa fil-ksur ikkonstatat għall-oħra jew li kienu ħadu r-responsabbiltà għal diversi Stati Membri jew ukoll li kienu pparteċipaw f’laqgħat kollużivi ta’ diversi assoċjazzjonijiet organizzati f’diversi Stati Membri. Dawn il-fatturi jikkonfermaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni rigward in-natura ta’ ħafna prodotti u l-portata ġeografika mifruxa ta’ dan il-ksur. Pereżempju, is-sur [V.], ta’ Sanitec, kien preżenti għal-laqgħat kollużivi ta’ SFP fil-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll waqt il-laqgħat kollużivi tal-grupp Vitreous China Group (iktar ʼil quddiem “VCGˮ) fil-Belġju. Dan il-fatt ippermettielu li jinforma lill-kompetituri l-oħra dwar id-diskussjonijiet fi ħdan kull assoċjazzjoni. Is-sur[D.] kien irrappreżenta lil Ideal Standard fi ħdan l-ASI u kien ipparteċipa fid-diskussjonijiet li kienu jirrigwardaw mhux biss ċ-ċeramika, iżda wkoll il-viti u fittings (premessi 848 u 849 tad-deċiżjoni kkontestata u noti ta’ qiegħ il-paġna nri 1177 sa 1180 ta’ din id-deċiżjoni).

52      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni teżamina l-parteċipazzjoni tal-impriżi kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata, fosthom dik tar-rikorrenti, fil-ksur uniku inkwistjoni (premessa 850 tad-deċiżjoni kkontestata).

53      L-ewwel nett, skont il-Kummissjoni, il-fatti juru li r-rikorrenti, Grohe, Ideal Standard, Sanitec, Hansa, Villeroy & Boch, Duscholux u Duravit kienu jafu bl-aġir ta’ kollużjoni globali, sa fejn huma kienu jafu jew setgħtu raġonevolment jipprevedu li l-ksur ikkonstatat kien jikkonċerna minn tal-inqas it-tliet sottogruppi ta’ prodotti, meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huma kienu membri ta’, minn tal-inqas, organu ta’ koordinazzjoni wieħed, li huma kienu wkoll membri ta’ divrsi assoċjazzjonijiet ta’ ħafna prodotti u li huma kienu rrappreżentati f’minn tal-inqas tliet Stati Membri u assoċjazzjonijiet speċalizzati, li permezz tagħhom kienu stabbilixxew kuntatti ma’ impriżi oħra li kienu wkoll attivi, fil-kuntest tal-ksur ikkonstatat, f’diversi Stati Membri (premessa 852 tad-deċiżjoni kkontestata).

54      It-tieni nett, fir-rigward b’mod partikolari tar-rikorrenti, ta’ Grohe, ta’ Ideal Standard u ta’ Sanitec, dawn kienu kollha pparteċipaw, permezz tas-sussidjarji nazzjonali tagħhom, għal-laqgħat kollużivi ta’ assoċjazzjonijiet fis-sitt Stat Membri inkwistjoni. Iktar minn hekk, huma kienu kollha pparteċipaw għal-laqgħat kollużivi ta’, minn tal-inqas, organu ta’ koordinazzjoni wieħed u ħafna drabi ta’ diversi assoċjazzjonijiet ta’ ħafan prodotti. Huma kienu kollha direttament implikati fil-ksur ikkonstatat fir-rigward tat-tliet sottogruppi ta’ prodotti ikkonċernati mill-attività tagħhom. Il-Kummissjoni tippreċiża li r-rikorrenti kienu membri tal-IFS, tal-ASI kif ukoll tas-SFP u ta’ de Stichting Verwarming en Sanitair (iktar ʼil quddiem “SVSˮ), li jinsab fil-Pajjiżi l-Baxxi. Dawn l-erba’ organi ta’ koordinazzjoni kienu għaldaqstant ikopru t-tliet sottogruppi ta’ prodotti. Huma kienu wkoll membri tal-assoċjazzjonijiet ta’ ħafna prodotti Euroitalia, HCT u Amicale du sanitaire, li kienu għaldaqstant ikopru minn tal-inqas żewġ sottogruppi ta’ prodotti (premessa 853 tad-deċiżjoni kkontestata).

55      Sussegwentement, huwa fid-dawl tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni esposti fil-punti 39 sa 54 iktar ʼil fuq li għandu jiġi eżaminat jekk, kif ir-rikorrenti jsostnu essenzjalment, hija ddeċiditx ġustament li l-prattiki inkwistjoni kienu jikkostitwixxu ksur uniku, dak li jikkontestaw ir-rikorrenti.

56      Preliminarjament, minn naħa, huma importanti li jiġi nnotat li għalkemm ir-rikorrenti jsostnu, fil-kuntest ta’ motiv uniku li huma jqajmu insostenn ta’ dan ir-rikors, li huma ma pparteċipawx fi ksur uniku, huma jindikaw min-naħa l-oħra, fuq lat minnhom, li ma jikkontestawx il-fatti li huma kienu ammettew preċedentement matul il-proċedura amministrattiva u, fuq lat ieħor, jirrikonoxxu li kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa abbażi tal-punti ta’ fatt esposti fid-deċiżjoni kkontestata, u li r-rikorrenti ma jikkontestawx fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, li huwa xieraq li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kkunsidratx ġustament li huma kienu pparteċipaw fil-ksur uniku li jkopri t-tliet sottogruppi ta’ prodotti u mhux biss f’żewġt iksur distinti dwar iż-żewġ sottogruppi ta’ prodotti li huma jipproduċu u jikkummerċjalizzaw, jiġifieri l-viti u fittings u d-diviżorji tad-doċċa.

57      Min-naħa l-oħra, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, kif essenzjalment irrikonoxxiet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha bħala risposta għad-domandi orali tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, hija ma għandha l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni partikolari sabiex tistabbilixxi jekk prattiki illegali jagħmlux jew le parti minn ksur uniku. Barra minn hekk, hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżerċita stħarriġ sħiħ mhux biss tal-osservanza tar-regoli applikabbli għall-ksur inkwistjoni, iżda wkoll tal-fatti li jwasslu li l-Kummissjoni tiddeċiedi jew teskludi l-klassifikazzjoni ta’ dan il-ksur bħal, f’dan il-każ, dik tal-ksur uniku.

58      F’dan il-każ, għandu jiġi deċiż li l-għaxar punti ta’ fatt sostnuti mill-Kummissjoni u li huma esposti fil-punti 41 sa 51 iktar ʼil fuq iwasslu, meta jiġu evalwati fl-intier tagħhom, għall-konklużjoni, l-ewwel nett, tal-eżistenza ta’ ksur uniku u t-tieni nett, tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’dan il-ksur.

59      L-ewwel nett, fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur uniku, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, essenzjalment, il-Kummissjoni identifikat il-pjan ġenerali segwit mill-impriżi inkwistjoni bħala dak li l-uniku għan tiegħu kien li jippermetti li l-manifatturi tat-tliet sottogruppi ta’ prodotti inkwistjoni, li huma komplementari għall-produzzjoni tal-kmamar tal-banju, jikkoordinaw, fil-qafas tal-istess sistema ta’ distribuzzjoni fuq tliet livelli, iż-żidiet fil-prezzijiet li huma jiffatturaw lill-grossisti li kienu l-klijenti komuni tagħhom. Evalwazzjoni bħal din tirriżulta mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fir-raba’ inċiż tal-premessa 793 tad-deċiżjoni kkontestata, parzjalment esposta fil-punt 39 iktar ʼil fuq, fit-tielet inċiż tal-premessa 793, u fil-premessi 803 sa 805 tal-istess deċiżjoni, parzjalment esposti fil-punt 43 iktar ʼil fuq. Din l-evalwazzjoni hija barra minn hekk imsaħħa mill-analiżi tal-Kummissjoni li tgħid li l-prattiki illegali inkwistjoni kienu intiżi, kif ammettew ir-rikorrenti mhux biss waqt il-proċedura amministrattiva (ara l-premessa 931 tad-deċiżjoni kkontestata u n-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 934 ta’ din id-deċiżjoni), iżda wkoll waqt is-seduta, bħala risposta għad-domandi tal-Qorti Ġenerali, sabiex jiġbdu ħabel komuni fil-konfront tal-grossisti, li kellhom setgħa ta’ negozjazzjoni importanti, fid-dawl tan-neċessità li dawn tal-aħħar jingħataw, fl-istess żmien tas-sena, il-prezzijiet li ser jiġu applikati fil-konfront tagħhom għat-tliet sottogruppi ta’ prodotti.

60      Min-naħa l-oħra l-Kummissjoni nnotat numru ta’ rabtiet ta’ komplementarjetà bejn il-prattiki illegali inkwistjoni, li jistabbilixxu l-eżistenza tal-pjan ġenerali spjegat fil-punt preċedenti. Fil-fatt, jikkostitwixxi indizji oġġettivi tal-implementazzjoni ta’ dan il-pjan ġenerali, essenzjalment, il-fatt li, qabelxejn, il-prattiki inkwistjoni kienu implementati minn grupp kunsiderevoli u uniformi ta’ impriżi (ara l-premessi 796 u 797 tad-deċiżjoni kkontestata, esposti fil-punt 41 iktar ʼil fuq), li l-attività tagħhom kienet tirrigwarda tnejn mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti (ara l-premessa 801 ta’ din id-deċiżjoni, esposta fil-punt 42 iktar ʼil fuq) li kienu jaqgħu taħt l-istess settur ta’ attività u li kienu komplementari (ara l-premessa 845 tad-deċiżjoni kkontestata, esposta fil-punt 49 iktar ʼil fuq). Sussegwentement, il-prattiki antikompetittivi implementati minn dan il-grupp ċentrali ta’ impriżi kienu jiżvolġu fi ħdan diversi organi ta’ koordinazzjoni u assoċjazzjonijiet ta’ ħafna prodotti komuni, li l-għan komuni tagħhom kien il-ksib taż-żidiet fil-prezzijiet kemm annwalment kif ukoll waqt ġrajjiet speċifiċi, li jirrigwardaw wieħed jew iktar mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti (ara l-premessi 810 sa 813 tad-deċiżjoni kkontestata, esposti fil-punt 45 iktar ʼil fuq) u li kienu pperċepiti mill-parteċipanti bħala li għandhom jiġu kkoordinati sabiex iż-żidiet ikunu aċċettati mill-klijenti komuni taghħom (ara l-premessa 813 tad-deċiżjoni kkontestata, esposta fil-punt 42 iktar ʼil fuq). Fl-aħħar nett, l-imsemmija prattiki illegali kienu implementati skont l-istess modalitajiet u bl-istess frekwenza (premessi 806 sa 809 tad-deċiżjoni kkontestata, esposti fil-punt 44 iktar ʼil fuq) permezz, f’ċerti każijiet, tal-istess impjegati, li kienu inkarigati li jimplementawhom għal diversi sottogruppi ta’ prodotti f’diversi territorji (ara l-premessi 848 u 849 tad-deċiżjoni kkontestata, esposti fil-punt 51 iktar ʼil fuq).

61      It-tieni nett, fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għall-ksur uniku inkwistjoni, il-Kummissjoni ġustament innotat li, sa fejn ir-rikorrenti kienu, flimkien ma’ impriżi oħra ppenalizzati fid-deċiżjoni kkontestata, membri ta’ organi ta’ koordinazzjoni u ta’ assoċjazzjonijiet ta’ ħafna prodotti (ara l-premessa 853 tad-deċiżjoni kkontestata, esposta fil-punt 54 iktar ʼil fuq), huma kellhom jiġu kkunsidrati bħala, minn tal-inqas, li kellhom għarfien tal-prattiki illegali kollha li jirrigwardaw it-tliet sottogruppi ta’ prodotti, b’mod li kellhom jiġu ppenalizzati għall-imsemmi ksur uniku.

62      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet li kien hemm ksur uniku u li r-rikorrenti kienet ipparteċipat f’dan il-ksur.

63      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 59 sa 62 iktar ʼil fuq li għandhom jiġu eżaminati suċċessivament l-argumenti tar-rikorrenti intiżi li jsostnu, minn naħa, li ċerti punti ta’ fatt li l-Kummissjoni naqqset milli tieħu inkunsiderazzjoni jikkontestaw l-eżistenza ta’ ksur uniku f’din il-kawża u min-naħa l-oħra, li l-għaxar punti ta’ fatt li hija ħadet inkunsiderazzjoni ma jippermettux li jiġi deċiż li kien jeżisti ksur uniku.

 Dwar l-argumenti tar-rikorrenti fir-rigward tal-punti ta’ fatt li l-Kummissjoni naqqset milli tieħu inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata

64      Ir-rikorrenti jqajmu erba’ argumenti prinċipali intiżi li jsostnu li ċerti punti ta’ fatt li l-Kummissjoni naqqset milli tieħu inkunsiderazzjoni jikkontestaw l-eżistenza ta’ ksur uniku.

65      Il-Kummissjoni topponi dawn l-argumenti.

66      L-ewwel nett, ir-rikorrenti josservaw li t-tliet sottogruppi ta’ prodotti huma differenti minn xulxin u li jaqgħu taħt swieq distinti sa fejn huma ma humiex sostitwibbli.

67      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi nnotat li l-fatt, li huwa paċifiku bejn il-partijiet, li t-tliet sottogruppi ta’ prodotti jaqgħu taħt swieq distinti, ma huwiex ta’ natura li jeskludi l-eżistenza ta’ ksur uniku. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza esposta fil-punt 22 iktar ʼil fuq, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur uniku tippreżumi, mid-definizzjoni tagħha stess, li l-prattiki antikompetittivi inkwistjoni jirrigwardaw prodotti u servizzi jew territorji distinti. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, kif il-Kummissjoni nnotat ġustament matul is-seduta bħala risposta għad-domandi tal-Qorti Ġenerali, il-fatt li l-prattiki illegali inkwistjoni jirrigwardaw kollha kemm huma prodotti “viżibbliˮ, li huma komplementari għall-produzzjoni tal-kmamar tal-banju, jikkostitwixxi indizju oġġettiv li l-impriżi inkwistjoni kellhom interess li jikkoordinaw l-prattiki illegali tagħhom fil-konfront tal-klijenti komuni tagħhom. F’dan ir-rigward, huma importanti li jiġi nnotat li r-rikorrenti ma taw l-ebda argument intiż li jikkontesta l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, li tissemma b’mod partikolari fil-premessa 805 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-manifatturi tal-viti u fittings kienu jikkoordinaw il-prattiki antikompetittivi tagħhom sabiex jiddefendu b’mod konġunt l-interessi tagħhom u “sabiex jiġbdu ħabel komuniˮ fil-konfront tal-grossisti. Minn dawn il-konstatazzjonijiet jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud bħala infondat.

68      It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-ebda wieħed mis-sbatax-il destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata ma kien jipproduċi jew jikkummerċjalizza l-prodotti li jaqgħu taħt it-tliet sottogruppi u li kienu biss ħamsa fosthom li kellhom attività li tirrigwarda żewġ sottogruppi ta’ prodotti.

69      Minn naħa, għandu qabelxejn jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni ma kkunsidratx, fid-deċiżjoni kkontestata, li s-sbatax-il impriża li hija ppenalizzat kienu jagħmlu parti mill-ksur uniku. Fil-fatt, għal uħud mill-impriżi kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata, bħall-impriżi Taljani Cisal Rubinetteria SpA, Mamoli Robinetteria SpA, Rubineterrie Teoerema SpA, RAF Rubinetteria SpA u Zucchetti Rubinetteria SpA, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 879 tad-deċiżjoni kkontestata, li huma ma setgħux jitqiesu bħala li pparteċipaw fi ksur uniku minħabba l-fatt li hija ma kellha l-ebda prova li huma kienu pparteċipaw f’diskussjonijiet li jirrigwardaw it-tliet sottogruppi ta’ prodotti barra mill-Italja. Min-naħa l-oħra, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stabbiliet li grupp ċentrali ta’ impriżi, magħmul minn mill-inqas ħames impriżi, inklużi ir-rikorrenti, kien jipproduċi prodotti li jaqgħu fi tnejn mit-tliet sottogruppi u li dawn l-impriżi kienu pparteċipaw, fi ħdan organi ta’ koordinazzjoni u ta’ assoċjazzjonijiet ta’ ħafna prodotti, fi prattiki illegali li jirrigwardaw rispettivament tliet u żewġ sottogruppi ta’ prodotti, fil-parti l-kbira jew fis-sitt Stati Membri kollha kkonċernati (ara l-premessi 792, 853 u 854 tad-deċiżjoni kkontestata). L-implikazzjoni ta’ dan il-grupp ċentrali ta’ impriżi fid-diversi prattiki illegali juri għaldaqstant l-eżistenza ta’ pjan ġenerali, anki jekk l-impriżi kollha inkwistjoni ma jipproduċux prodotti li jaqgħu taħt it-tliet sottogruppi.

70      Min-naħa l-oħra, sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma tistax, ħlief għal ċirkustanzi eċċezzjonali li ma humiex sodisfatti f’dan il-każ, tikkonstata l-parteċipazzjoni tagħhom fi ksur uniku fir-rigward tas-sottogruppi ta’ prodotti meta huma ma jipproduċux dawn il-prodotti, anki dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, qabelxejn, dan l-argument, li jirrigwarda l-kwistjoni li jsir magħruf jekk impriża li ma tipproduċix oġġetti taċ-ċeramika tistax tipparteċipa fi ksur li jinkludi dawn il-prodotti, ma huwiex relatat ma’ dak li jirrigwarda l-kwistjoni li jsir magħruf jekk ir-rekwiżiti għall-eżistenza ta’ ksur uniku li jaffettwa t-tliet sottogruppi ta’ prodotti humiex sodisfatti. Sussegwentement, u fi kwalunkwe każ, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza esposta fil-punt 25 iktar ʼil fuq, impriża tista’ tinżamm responsabbli għal ksur, li jkun parzjalment jirrigwarda prodotti li hija ma tipproduċix, jekk hija tkun taf bl-aġir illegali kollu previst jew implementat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju għall-ksib tal-istess għanijiet.

71      It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li ċ-ċentru ta’ gravità tal-ksur kien speċifiku għal kull wieħed mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti. Skont ir-rikorrenti, għalkemm uħud mill-aġiri deskritti fid-deċiżjoni kkontestata kienu jirrigwardaw iktar minn wieħed mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti, il-fatt li l-ksur inkwistjoni kien ikopri diversi minn dawn is-sottogruppi ma kienx biżżejjed sabiex jiġi kklassifikat bħala ksur uniku. F’dan ir-rigward, huma jipprovdu żewġ settijiet ta’ argumenti.

72      Permezz tal-ewwel sett ta’ argumenti, ir-rikorrenti jsostnu li kemm il-koordinazzjoni annwali taż-żidiet fil-prezzijiet kif ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva kienu jikkonċernaw fil-parti l-kbira wieħed biss mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti u kienu jkopru biss xi wħud mis-sitt Stati Membri inkwistjoni.

73      Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li, għalkemm, kif isostnu r-rikorrenti, il-maġġoranza tal-laqgħat tal-assoċjazzjonijiet għall-professjonisti kienu jikkonċernaw wieħed biss mis-sottogruppi ta’ prodotti fi Stat Membru wieħed, dan il-fatt ma jikkonfutax il-konstatazzjonijiet li tgħid li l-impriżi inkwistjoni kienu jikkoordinaw il-prattiki antikompetittivi tagħhom għal kull wieħed mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti.

74      Sussegwentement, għandu jiġi nnotat li, kif jirrikonoxxu r-rikorrenti fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, koordinazzjonijiet dwar iż-żidiet fil-prezzijiet tat-tliet sottogruppi ta’ prodotti saru fi ħdan l-ASI u s-SFP kif ukoll fi ħdan l-IFS, minn tal-inqas b’mod okkażjonali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-koordinazzjoni ta’ ħafna prodotti kienet iktar dgħajfa, jekk mhux saħansitra ineżistenti għal xi wħud mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti fi Stati Membri oħra kkonċernati, jiġifieri l-Belġju, Franza u l-Italja, ma jbiddilx il-konstatazzjoni dwar l-eżistenza ta’ tali koordinazzjoni ta’ ħafna prodotti fil-Ġermanja, fil-Pajjiżi l-Baxxi jew fl-Awstrija.

75      Iktar minn hekk, għal kuntrarju ta’ dak li jaffermaw ir-rikorrenti, il-fatt li huma ammettew li l-prattiki antikompetittivi marbuta ma’ ġrajjiet speċifiċi, bħall-introduzzjoni tal-ewro, iż-żieda fil-prezz tal-materja prima jew l-introduzzjoni ta’ pedaġġi, kienu jikkonsistu f’żidiet fil-prezzijiet ikkoordinati juri l-eżistenza ta’ rabtiet ta’ komplementarjetà bejn il-prattiki antikompetittivi li jirrigwardaw kull sottogrupp ta’ prodotti, anki jekk dawn il-prattiki kienu biss sekondarji meta mqabbla mal-prattiki regolari ta’ koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet. L-istess għandu japplika għall-prattiki ta’ skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva fejn ir-rikorrenti jirrikonoxxu b’mod espliċitu li dawn jikkonċernaw diversi mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti. Il-fatt li dawn il-prattiki huma sekondarji meta mqabbla ma’ dawk ta’ koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet annwali ma għandha l-ebda influwenza fuq il-klassifikazzjoni tal-prattiki inkwistjoni bħala “ksur unikuˮ.

76      Fl-aħħar nett, kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-fatt li r-rikorrenti, kif ġie indikat fil-punt 5 iktar ʼil fuq, issottomettew talba għall-immunità minn multi, fil-kuntest tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, għall-prodotti kollha fis-settur “Installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banjuˮ jikkostitwixxi punt ta’ fatt rilevanti sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ksur uniku. Għal kuntrarju ta’ dak li sostnew ir-rikorrenti bħala risposta għad-domandi tal-Qorti Ġenerali matul is-seduta, dan il-fatt huwa ta’ natura li juri, minn tal-inqas, li huma kienu jqisu li l-prattiki inkwistjoni li fihom huma kienu direttament implikati, li kienu jirrigwardaw il-viti u fittings u d-diviżorji tad-doċċa, kienu marbuta ma’ xulxin u kienu jagħmlu parti minn ksur uniku.

77      L-ewwel sett ta’ argumenti mqajjem mir-rikorrenti, espost fil-punt 72 iktar ʼl fuq, għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala infondat.

78      Permezz tat-tieni sett ta’ argumenti, ir-rikorrenti jsostnu li t-tul tal-ksur kien differenti għal kull wieħed mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti, kemm fil-Belġju kif ukoll fil-Ġermanja, fi Franza u fl-Italja. Huma josservaw li ma jistax jeżisti ksur uniku li jkopri t-tliet sottogruppi ta’ prodotti li beda fl-1994, peress li, fil-Ġermanja, il-ksur li jirrigwarda l-viti u fittings beda biss fl-1998 u li dak li jirrigwarda oġġetti taċ-ċeramika beda biss fl-2000.

79      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, minn naħa, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma qieset li l-ksur uniku kien twettaq fir-rigward tat-tliet sottogruppi ta’ prodotti, fl-Istati Membri kollha, b’effett, l-iktar kmieni, mit-12 ta’ Ottubru 1994 sad-9 ta’ Novembru 2000, iżda hija kkunsidrat li l-ksur uniku kien żviluppa u kien adatta matul iż-żmien waqt dan il-perijodu, skont l-Istati Membri kkonċeranti. Din il-konstatazzjoni toħroġ mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn il-Kummissjoni indikat, b’mod preċiż, il-perijodi li matulhom u t-territorji fejn l-impriżi ppenalizzati kienu pparteċipaw għad-diversi prattiki illegali, li kienu jinvolvu kull wieħed mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti u li kienu jagħmlu parti minn ksur uniku. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-prattiki illegali inkwistjoni kienu bdew f’dati distini, skont l-Istati Membri u s-sottogruppi ta’ prodotti kkonċernati, ma jistax ikollu effett fuq il-konstatazzjoni li kienu jeżistu numru ta’ koinċidenzi materjali, ġeografiċi u ratione temporis bejn il-prattiki illegali li jirrigwardaw il-prodotti inkwistjoni, fatt li, barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jikkontestawx. Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar b’mod partikolari, jista’ jiġi għalhekk innotat li, kif il-Kummissjoni ikkonstatat fit-tabella D tad-deċiżjoni kkontestata, għalkemm huma pparteċipaw fi prattiki illegali fil-Belġju, fil-Ġermanja, fi Franza u fl-Awstrija, li jirrigwardaw żewġ sottogruppi ta’ prodotti li jikkorrispondu għall-attività tagħhom ta’ manifattura matul perijodi differenti, madankollu parti mill-perijodu ta’ ksur kien komuni bejniethom, jiġifieri bejn is-16 ta’ Ottubru 1992 u l-15 ta’ Lulju 2004.

80      It-tieni sett ta’ argumenti tar-rikorrenti, espost fil-punt 78 iktar ʼl fuq, għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala infondat.

81      Ir-raba’ nett ir-rikorrenti jsostnu li s-sempliċi għarfien li prattika antikompetittiva tista’ tkun fil-proċess li sseħħ, f’dan il-każ f’wieħed mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti li jikkorrispondu għall-prodotti li l-impriżi kkonċernati ma jipproduċux, ma għandux ikollu bħala effett li jwassal sabiex żewġt iksur distinti jiġu kklassifikati mill-ġdid bħala ksur uniku. B’mod partikolari, huma josservaw li, anki jekk huma setgħu, f’ċerti okkażżjonijiet, “jissuġġettaw l-eventwalità ta’ koordinazzjoni annwali tal-prezzijiet anki fis-settur tal-oġġetti taċ-ċeramikaˮ, huma ma kinux jafu bil-prattiki illegali li kienu jsiru fi ħdan l-assoċjazzjonijiet speċjalizzati li jkopru dawn l-oġġetti.

82      F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi kkonstatat li, kif osservat il-Kummissjoni, ir-rikorrenti jirrikonoxxu espliċitament fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom li koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet kienet saret fi ħdan iż-żewġ organi ta’ koordinazzjoni li huma kienu membri tagħhom, jiġifieri l-ASI u l‑SFP. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħat validament tikkundsidra li r-rikorrenti kienu, minn tal-inqas, jafu bil-prattiki antikompetittivi implementati fir-rigward tal-oġġetti taċ-ċeramika li huma ma kinux jipproduċu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa f’konformità mal-ġurisprudenza esposta fil-punti 24 sa 26 iktar ʼil fuq li l-Kummissjoni żammet lir-rikorrenti responsabbli għall-ksur uniku inkwistjoni.

83      Dan l-argument għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala infondat.

84      Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet kollha magħmula fil-punti 66 sa 83 iktar ʼil fuq, għandu jiġi konkluż li l-ebda wieħed mill-erba’ argumenti tar-rikorrenti, dwar dawk li hija tqis li huma indizji oġġettivi tal-eżistenza ta’ ksur distint, sew jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni weħidhom sew jekk flimkien, ma huma ta’ natura li jinvalidaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tgħid li kien jeżisti ksur uniku li kienu pparteċipaw fih ir-rikorrenti. L-argumenti kollha tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandhom għaldaqstant jiġu miċħuda bħala infondati.

 Dwar l-argumenti tar-rikorrenti rigward il-punti ta’ fatt li l-Kummissjoni bi żball ħadet inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata

85      Ir-rikorrenti jsostnu li l-ebda wieħed mill-għaxar indizji li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata u li huma mfakkra fil-punti 41 sa 51 iktar ʼil fuq ma jippermettu li jiġi deċiż li kien jeżisti ksur uniku.

86      Il-Kummissjoni topponi dan l-argument.

87      L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, esposta fil-premessa 797 tad-deċiżjoni kkontestata u mfakkra fil-punt 41 iktar ʼil fuq, li tgħid li kien jeżisti grupp ċentrali ta’ impriżi, ma kinitx tippermetti li jiġi deċiż li kien jeżisti ksur uniku, sa fejn l-ebda waħda mir-rikorrenti ma kienet tipproduċi prodotti li jaqgħu taħt it-tliet sottogruppi u ma pparteċipatx fl-akkordju fis-sitt Stati Membri inkwistjoni.

88      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar, kif diġà ġie espost fil-punt 70 iktar ʼil fuq, li l-fatt li l-impriżi kollha ppenalizzati fid-deċiżjoni kkontestata ma kinux jipproduċu prodotti li jaqgħu taħt it-tliet sottogruppi kollha ta’ prodotti, u dan fl-Istati Membri kollha kkonċernati, ma jinvalidax il-konstatazzjoni li kien jeżisti grupp ristrett iżda uniformi ta’ minn tal-inqas ħames impriżi, li kien implikat fl-istess prattiki ta’ koordinazzjoni ta’ żidiet fil-prezzijiet fir-rigward tal-klijenti komuni tagħhom, li kienu jirrigwardaw tnejn mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti u territorji, fi ħdan l-assoċjazzjonijiet komuni stabbiliti fl-istess territorji. Issa, dan il-fattur juri li, għal minn tal-inqas parti mill-impriżi ppenalizzati fid-deċiżjoni kkontestata, il-prattiki illegali implementati kienu jagħmlu parti minn pjan ġenerali li kien jikkostitwixxi ksur uniku.

89      L-ewwel argument tar-rikorrenti għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala infondat.

90      It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, esposta fil-premessa 798 tad-deċiżjoni kkontestata u mfakkra fil-punt 42 iktar ʼil fuq, li tgħid li l-grupp ċentrali ta’ impriżi pparteċipa fl-arranġamenti kollużorji fl-Istati Membri kollha jew f’uħud minnhom u għamel parti minn organu ta’ koordinazzjoni, hija żbaljata. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, mit-tlettax-il assoċjazzjoni li għalihom sar riferiment fid-deċiżjoni kkontestata, kien hemm biss tliet organi ta’ koordinazzjoni li jkopru t-tliet sottogruppi ta’ prodotti u kienu biss tliet assoċjazzjonijiet oħra ta’ ħafna prodotti li setgħu jiġu kkunsidrati bħala li jkopru tnejn mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti. Barra minn hekk, dawn l-organi u assoċjazzjonijiet kienu jkopru numru ta’ sottogruppi ta’ prodotti minbarra t-tliet sottogruppi ta’ prodotti.

91      Qabelxejn, għandu jiġi nnotatat li, anki jekk jiġi stabbilit, kif jallegaw ir-rikorrenti, li jeżistu biss tliet organi ta’ koordinazzjoni u tliet assoċjazzjonijiet ta’ ħafna prodotti, u mhux tmien assoċjazzjonijiet li jkopru minn tal-inqas tnejn mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti, kif innotat il-Kummissjoni fit-tieni inċiż tal-premessa 796 tad-deċiżjoni kkontestata, dan ma jikkonfutax il-konstatazzjoni li l-prattiki illegali inkwistjoni kienu implementati u kkoordinati, minn tal-inqas parzjalment, fil-kuntest tal-istess assoċjazzjonijiet għall-professjonisti.

92      Sussegwentement, il-fatt li, kif josservaw ir-rikorrenti, uħud minn dawn l-organi ta’ koordinazzjoni u ta’ assoċjazzjonijiet ta’ ħafna prodotti li jkopru wkoll sottogruppi ta’ prodotti li ma humiex is-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata ma jikkontestax il-konstatazzjoni li dawn l-organi u assoċjazzjonijiet kienu jikkoordinaw il-prattiki antikompetittivi ta’ diversi mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti msemmija f’din id-deċiżjoni.

93      Fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li d-dokumenti li jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni ma jurux li l-impriżi li kienu jagħmlu parti mill-assoċjazzjonijiet speċjalizzati kienu interessati f’sottogruppi ta’ prodotti barra minn dawk li minħabba fihom huma kienu ltaqgħu preliminarjament ma huwiex ikkonfermat bil-fatti. F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jagħmlu l-ebda argument speċifiku intiż sabiex jinvalida, pereżempju, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 801 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li, fil-Ġermanja, il-membri tal-ADA, li kienet tikkonċerna d-diviżorji tad-doċċa, kienu kkomunikaw lill-membri tal-AGSI, li kienet tikkonċerna l-viti u fittings, l-intenzjoni tagħhom li jżidu l-prezz mal-introduzzjoni tal-ewro. L-argument li jinvokaw ir-rikorrenti, li jipprovdi li tali komunikazzjoni ma hijiex rilevanti f’dan il-każ, peress li tirrigwarda komunikazzjoni ta’ informazzjoni fil-kuntest ta’ ġrajja speċifika, għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, argument bħal dan ma jinvalidax il-konstatazzjoni li kien hemm komunikazzjoni bejn l-assoċjazzjonijiet dwar diversi sottogruppi ta’ prodotti. Min-naħa l-oħra, huwa għandu jiġi nnotat li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-konstatazzjonijiet magħmula fi bnadi oħra mill-Kummissjoni, pereżempju fil-premessa 800 tad-deċiżjoni kkontestata, li minnhom jirriżulta li l-membri tal-Euroitalia kienu pparteċipaw f’diskussjonijiet li jirrigwardaw, prinċipalment, il‑viti u fittings, iżda kienu jżommu ruħhom informati wkoll, b’mod sekondarju, dwar iċ-ċeramika.

94      Għaldaqstant, it-tieni argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

95      It-tielet nett, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, esposta fil-premessa 803 tad-deċiżjoni kkontestata u mfakkra fil-punt 43 iktar ʼil fuq, dwar l-eżistenza ta’ struttura u ta’ modalitajiet ta’ distribuzzjoni komuni, ir-rikorrenti jindikaw li ma jikkonstestawx l-eżistenza ta’ bażi ta’ klijenti komuni u ta’ sistema ta’ distribuzzjoni komuni fit-tliet livelli. Min-naħa l-oħra, huma jikkunsidraw li fatturi bħal dawn ma humiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur uniku, peress li t-tliet sottogruppi ta’ prodotti huma distinti u li l-grossisti huma xerrejja ta’ ħafna prodotti oħra minbarra dawk li huma s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata.

96      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għal kuntrarju ta’ dak li jaffermaw ir-rikorrenti u kif ġie kkonstatat fil-punt 60 iktar ʼil fuq, il-fatt li l-manifatturi tal-prodotti li jaqgħu taħt it-tliet sottogruppi, li huma destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, għandhom klijentela komuni, jiġifieri l-grossisti tal-kmamar tal-banju, jispjega r-raġunijiet li għalihom l-impriżi kollha kellhom interess li jikkoordinaw iż-żidiet fil-prezzijiet tagħhom għall-apparat sanitarji għall-kmamar tal-banju.

97      Barra minn hekk, l-argumenti tar-rikorrenti mogħtija bħala risposta għad-domandi tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, li jgħidu li l-kalendarju taż-żidiet fil-prezzijiet kien jirriżulta minn fattur oġġettiv, jiġifieri li l-grossisti kellhom jistabbilixxu l-katalgu tal-prezzijiet tagħhom għas-sena ta’ wara, li l-grossisti qatt ma kienu kkonfrontati b’żidiet fil-prezzijiet li huma kienu jgħaddu, fi kwalunkwe każ, fuq il-klijenti tagħhom stess, jew li huma kienu jixtru għażla ikbar ta’ sottogruppi ta’ prodotti minbarra t-tliet sottogruppi biss li huma kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata, ma jinvalidawx l-evalwazzjoni, imfakkra fil-punt preċedenti, li tgħid li l-manifatturi li l-attività tagħhom kienet taqa’ taħt it-tliet sottogruppi ta’ prodotti kienu jqisu li kellhom interess li jikkoordinaw l-aġir tagħhom fil-kuntest taż-żidiet fil-prezzijiet li huma kienu jiffatturaw lill-klijenti komuni tagħhom u li kienu stabbiliti annwalment.

98      It-tielet argument tar-rikorrenti għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala infondat.

99      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-istruttura u tal-mekkaniżmu komuni għall-prattiki antikompetittivi, li huma msemmija fil-premessa 806 tad-deċiżjoni kkontestata u li l-kontenut tagħhom huwa mfakkar fil-punt 44 iktar ʼil fuq, ir-rikorrenti jqisu li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li dawn kienu jixxiebhu, hija kontradittorja mal-fatt li d-dati tal-prattiki antikompetittivi kienu jvarjaw skont it-tliet sottogruppi ta’ prodotti u tal-Istati Membri kkonċernati. Barra minn hekk, dan ix-xebh kien jirriżulta mis-sistema nnifisha ta’ distribuzzjoni fit-tliet livelli li wasslet sabiex il-manifatturi tal-installazzjoni sanitarji jħabbru ż-żidiet fil-prezzijiet tagħhom fl-istess żmien tas-sena u bħala perċentwali tal-prezz.

100    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi nnotat, l-istess bħalma tosserva l-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha li, għalkemm huwa minnu li l-perijodi li fihom seħħew il-prattiki antikompetittivi jvarjaw skont is-sottogruppi ta’ prodotti u tat-territorji kkonċernati, xorta jibqa’ l-fatt li huwa paċifiku li ġew adottati prattiki antikompetittivi li jixxiebhu ħafna fil-konfront ta’ kull wieħed mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti f’kull Stat Membru fir-rigward taż-żidiet fil-prezzijiet annwali, u dan mingħajr interruzzjoni bejn is-16 ta’ Ottubru 1992 u d-9 ta’ Novembru 2004.

101    Min-naħa l-oħra, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, li jgħidu li kien minħabba s-sistema ta’ distribuzzjoni fit-tliet livelli li l-prattiki antikompetittivi kienu jixxiebhu, iktar donnhom jikkonfermaw milli jeskludu l-konstatazzjoni li l-manifatturi li l-attività tagħhom taqa’ taħt it-tliet sottogruppi ta’ prodotti kellhom interess komuni sabiex jikkoordinaw il-prattiki tagħhom taż-żidiet fil-prezzijiet.

102    Għaldaqstant, ir-raba’ argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

103    Il-ħames nett, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni esposta fil-premessa 810 tad-deċiżjoni kkontestata u mfakkra fil-punt 45 iktar ʼil fuq, ir-rikorrenti jsostnu li x-xebh bejn il-prattiki illegali marbuta ma’ ġrajjiet speċifiċi ma huwiex rilevanti, peress li dawn il-prattiki huma biss ta’ importanza sekondarja, qatt ma rrigwardaw is-sitt Stati Membri msemmija fid-deċiżjoni kkontestata u qatt ma koprew t-tliet sottogruppi ta’ prodotti.

104    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi nnotat li r-rikorrenti ma jikkontestawx l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni, imsemmija b’mod partikolari fil-premessa 811 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħidu li l-manifatturi kkoordinaw il-prezzijiet tagħhom fl-2004 f’ħames Stati Membri, wara li l-prezz tal-materja prima kien żdied. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti lanqas ma jikkontestaw il-konstatazzjoni, mogħtija bħala eżempju mill-Kummissjoni fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 1104 tad-deċiżjoni kkontestata, tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-bejgħ tad-diviżorji tad-doċċa u tal-viti u fittings, li seħħ matul laqgħa li nżammet fis-17 ta’ Jannar 2003 bejn il-manifatturi taċ-ċeramika. Għalhekk, dawn il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni iktar donnhom jikkonfermaw milli jeskludu li kienet teżisti, minn tal-inqas fl-2003 u fl-2004, koordinazzjoni tal-impriżi inkwistjoni fid-diversi Stati Membri fir-rigward tat-tliet sottogruppi ta’ prodotti inkwisjtoni, inkluż fl-okkażjoni ta’ ġrajjiet speċifiċi.

105    Għaldaqstant, il-ħames argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

106    Is-sitt nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tar-rabtiet transkonfinali bejn il-prattiki illegali inkwistjoni, esposti fil-premessa 818 tad-deċiżjoni kkontestata u mfakkra fil-punt 46 iktar ʼil fuq, ma humiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-portata tal-ksur peress li dan jirrigwarda t-tliet sottogruppi ta’ prodotti.

107    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif ġustament isostnu r-rikorrenti, l-eżistenza ta’ rabtiet transkonfinali bejn il-prattiki illegali inkwistjoni fiha nnifisha ma tippermettix li jiġi stabbilit li l-ksur ikkonstat kien ikopri it-tliet sottogruppi ta’ prodotti. Minn-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ dawn ir-rabtiet transkonfinali tidher li tikkonferma li kien neċessarju li l-prattiki illegali inkwistjoni kienu ġew implementati b’mod ikkoordinat fid-diversi Stati Membri fejn il-manifatturi, li l-attività tagħhom kienet taqa’ taħt it-tliet sottogruppi ta’ prodotti, kienu jeżerċitaw din l-attività.

108    Għalhekk, għandu jiġi nnotat, minn naħa, li, għalkemm l-eżistenza tar-rabtiet transkonfinali ma tikkostitwixxix fiha nnifisha indizju oġġettiv tal-eżistenza ta’ pjan ġenerali, mandankollu din donnha tistabbilixxi, f’dan il-każ, fid-dawl tal-elementi oġġettivi l-oħra mqajma mill-Kummissjoni, li l-implementazzjoni tal-prattiki illegali inkwistjoni kellha tkun ikkoordinata fid-dimensjoni territorjali tagħha. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, fattur bħal dan ma jinvalidax il-konstatazzjonijiet magħmula fi bnadi oħra mill-Kummissjoni sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ pjan ġenerali.

109    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sitt argument tar-rikorrenti għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala infondat.

110    Is-seba’ nett, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, esposta fil-premessi 818 u 824 tad-deċiżjoni kkontestata u mfakkra fil-punt 48 iktar ʼil fuq, dwar l-eżistenza, minn naħa, tal-fluss kummerċjali bejn l-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, tat-tarifikazzjoni ċentrali fi ħdan l-impriżi multinazzjonali, ir-rikorrenti jqisu li dawn l-evalwazzjonijiet ma għandhom l-ebda impatt fuq l-analiżi tal-eżistenza ta’ ksur li jirrigwarda diversi prodotti.

111    Għandu jiġi kkonstatat li, kif ġustament isostnu r-rikorrenti, l-ebda wieħed miż-żewġ fatturi msemmija fil-punt preċedenti ma huwa, fih innifisu, suffiċjenti sabiex jiġi deċiż li kien jeżisti ksur uniku iktar milli diversi ksur distinti.

112    Madankollu, huwa minnu, minn naħa, li t-tarifikazzjoni ċentrali kienet tippermetti li l-impriżi kbar multinazzjonali, attivi f’wieħed jew f’diversi mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti li kienu rrappreżentati fi ħdan l-assoċjazzjonijiet ta’ ħafna prodotti (fosthom ASI, IFS, Michelangelo jew is-SFP), jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni miġbura waqt il-laqgħat tal-assoċjazzjoni ta’ ħafna prodotti sabiex jiffissaw il-prezzijiet tagħhom fuq livell ċentrali, għaż-żoni ġeografiċi kollha u għas-sottogruppi ta’ prodotti kollha li taħthom kienet taqa’ l-attività ta’ produzzjoni tagħhom. Min-naħa l-oħra, huwa wkoll minnu li l-eżistenza ta’ fluss kummerċjali bejn l-Istati Membri turi li l-prattiki illegali inkwistjoni kellhom dimensjoni ġeografika li tkopri diversi stati.

113    Għalhekk, iż-żewġ fatturi eżaminati fil-punt preċedenti ġeneralment jikkonfermaw, fid-dawl tal-indizji nnotati mill-Kummissjoni u elenkati fil-punti 41 sa 45 iktar ʼil fuq, li l-impriżi inkwistjoni kellhom interess li jikkoordinaw iż-żidiet fil-prezzijiet tagħhom. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, dawn iż-żewġ fatturi ma jippermettux li jiġu invalidati l-evalwazzjonijiet l-oħra tal-Kummissjoni li fuqhom hija bbażat ruħha sabiex tiddeċiedi li kien jeżisti ksur uniku.

114    Għaldaqstant, is-seba’ argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

115    It-tmien nett, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rabtiet oġġettivi bejn it-tliet sottogruppi ta’ prodotti, esposti fil-premessa 845 tad-deċiżjoni kkontestata u mfakkra fil-punt 49 iktar ʼil fuq, ir-rikorrenti jsostnu li l-fatt li dawn jiġu kkunsidrati bħala li kollha huma sottogruppi ta’ prodotti “viżibbliˮ ma għandux impatt fuq il-klassifikazzjoni tal-ksur uniku. Fil-fatt, numru kbir ta’ sottogruppi ta’ prodotti għal kmamar tal-banju “viżibbliˮ minbarra dawk imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata ma kinux is-suġġett ta’ prattiki kollużorji. Barra minn hekk, l-espressjoni “prodotti viżibbliˮ hija nieqsa minn sinjifikat ekonomikament identifikabbli.

116    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif diġà ġie nnotat fil-punt 96 iktar ʼil fuq, il-konstatazzjoni li t-tliet sottogruppi ta’ prodotti jinbiegħu lill-istess klijenti fil-kuntest tal-istess ċirku ta’ distribuzzjoni tikkostitwixxi fattur rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ rabtiet ta’ komplementarjetà bejn il-prattiki antikompetittivi inkwistjoni. Kif huwa indikat fil-punt 97 iktar ʼil fuq, il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda biss parti mill-“prodotti viżibbliˮ għall-kmamar tal-banju li huma l-viti u fittings, id-diviżorji tad-doċċa u l-oġġetti taċ-ċeramika ma għandux impatt fuq id-deċiżjoni li, għal dawn it-tliet sottogruppi ta’ prodotti minn tal-inqas, kienu jeżistu rabtiet oġġettivi ta’ komplementarjetà li jispjegaw li l-impriżi inkwistjoni kienu jikkoordinaw iż-żidiet fil-prezzijiet li kienu jimplementaw.

117    Għaldaqstant, it-tmien argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

118    Id-disa’ nett, ir-rikorrenti jsostnu li d-disa’ u l-għaxar elementi, li huma esposti fil-premessi 847 u 848 tad-deċiżjoni kkontestata u mfakkra fil-punti 50 u 51 iktar ʼil fuq, ma jippermettux li jiġi deċiż li kien jeżisti ksur uniku.

119    F’dan ir-rigward, minn naħa, fir-rigward tal-evalwazzjoni dwar l-istabbiltà tal-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni matul iż-żmien, esposta fil-premessa 847 tad-deċiżjoni kkontestata u mfakkra fil-punt 50 iktar ʼil fuq, għandu jiġi kkonstatat li, kif isostnu ġustament ir-rikorrenti, il-fatt li l-arranġamenti kollużorji baqgħu solidi matul iż-żmien, minkejja ċ-ċirkustanza li wħud mill-impriżi waqqfu l-parteċipazzjoni tagħhom fl-imsemmija arranġamenti, ma jippermettix li jiġi stabbilit, minnu nnifsu, li l-prattiki illegali inkwistjoni kienu jikkostitwixxu ksur uniku iktar milli diversi ksur separati.

120    Mandankollu, dan l-element jikkonferma, f’dan il-każ, meta jiġu kkunsidrati l-konstatazzjonijiet l-oħra magħmula mill-Kummissjoni, l-eżistenza, fis-settur tal-kmamar tal-banju, ta’ pjan ġenerali intiż li jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni li damet, indipendentement miċ-ċirkustanza li ċerti impriżi kienu abbandunaw il-parteċipazzjoni tagħhom f’dan il-ksur uniku.

121    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-fatt, espost fil-premessa 848 tad-deċiżjoni kkontestata u mfakkar fil-punt 52 iktar ʼil fuq, li bosta impjegati kienu jibdlu l-impriżi filwaqt li jibqgħu fl-istess settur ta’ attività, li kienu jeżerċitaw l-attivitajiet professjonali tagħhom fir-rigward ta’ diversi sottogruppi ta’ prodotti u li huma kienu jirrappreżentaw l-impriża rispettivi tagħhom fi ħdan diversi assoċjazzjonijiet li fil-kuntest tagħhom kienu jseħħu prattiki illegali, għandu jiġi nnotat li l-uniku fattur li jgħid li l-impjegati kienu jibdlu l-impriża filwaqt li jibqgħu fl-istess settur ta’ attività ma jurix, minnu nnifsu, li l-prattiki inkwistjoni kienu jikkostitwixxu ksur uniku u mhux diversi ksur separati.

122    Madankollu, dan il-fatt kif ukoll il-fatt li l-istess impjegati kienu jimplementaw il-prattiki illegali li kienu jirrigwardaw diversi sottogruppi ta’ prodotti, fil-kuntest ta’ diversi assoċjazzjonijiet li fi ħdanhom kienu jseħħu attivitajiet illegali, donnhom juru, fid-dawl tal-elementi l-oħra nnotati mill-Kummissjoni u eżaminati iktar ʼil fuq, li ċ-ċirkustanzi ta’ implementazzjoni tal-pjan ġenerali intiżi li jwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-settur kollu tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju kienu ffaċilitati b’dan.

123    Fi kwalunkwe każ, iż-żewġ fatturi mfakkra fil-punt 118 iktar ʼil fuq ma humiex ta’ natura li jinvalidaw il-konstatazzjoni ta’ ksur uniku sostnuta mill-Kummissjoni.

124    F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-disa’ argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

125    Għaldaqstant, mill-analiżi esposta fil-punti 87 sa 124 iktar ʼil fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta ddeċidiet, fid-dawl tal-punti ta’ fatt evalwati fl-intier tagħhom, li l-prattiki illegali inkwistjoni kienu jagħmlu parti minn ksur uniku.

126    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv uniku mqajjem mir-rikorrenti u, għaldaqstant, dan ir-rikors għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq l-ispejjeż

127    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Masco Corp., Hansgrohe AG, Hansgrohe Deutschland Vertriebs GmbH, Hansgrohe Handelsgesellschaft mbH, Hansgrohe SA/NV, Hansgrohe BV, Hansgrohe SARL, Hansgrohe SRL, Hüppe GmbH, Hüppe Ges.mbH, Hüppe Belgium SA u Hüppe BV għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Settembru 2013.

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Dwar l-ewwel ilment, ibbażat fuq żbalji fid-determinazzjoni tar-rekwiżiti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur uniku u l-partiċipazzjoni tal-impriżi f’dan il-ksur

Dwar it-tieni lment, ibbażat fuq żbalji fl-evalwazzjoni tal-punti ta’ fatt li wasslu għall-klassifikazzjoni ta’ ksur uniku u għall-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’dan il-ksur

Dwar l-argumenti tar-rikorrenti fir-rigward tal-punti ta’ fatt li l-Kummissjoni naqqset milli tieħu inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata

Dwar l-argumenti tar-rikorrenti rigward il-punti ta’ fatt li l-Kummissjoni bi żball ħadet inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.