Language of document : ECLI:EU:T:2009:188

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla Estiża)

11 ta’ Ġunju 2009 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Taljani lil ċerti impriżi tas-servizz pubbliku fil-forma ta’ eżenzjonijiet fiskali u ta’ self b’rata preferenzjali – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni – Rikors għal annullament – Assoċjazzjoni ta’ impriżi – Nuqqas ta’ interess individwali – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑292/02,

Confederazione Nazionale dei Servizi (Confservizi), stabbilita f’Ruma (l-Italja), irrappreżentata minn C. Tessarolo, A. Vianello, S. Gobbato u F. Spitaleri, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Di Bucci, bħala aġent,

konvenuta,

sostnuta minn

Associazione Nazionale fra gli Industriali degli Acquedotti – Anfida, stabbilita f’Ruma (l-Italja), irrappreżentata minn P. Alberti, avukat,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tal-Artikoli 2 u 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/193/KE, tal-5 ta’ Ġunju 2002, dwar għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ eżenzjonijiet fiskali u ta’ self b’kundizzjonijiet preferenzjali mogħtija mill-Italja lil impriżi tas-servizz pubbliku b’kapital azzjonarju, fil-parti l-kbira, pubbliku (ĠU 2003, L 77, p. 21),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tmien Awla Estiża),

komposta minn E. Martins Ribeiro, President tal-Awla, D. Šváby, S. Papasavvas, N. Wahl (Relatur) u A. Dittrich, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ April 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Confederazione Nazionale dei Servizi (Confservizi), li qabel kienet Cispel, hija konfederazzjoni li tiġbor fiha impriżi pubbliċi jew privati u entitajiet attivi fil-qasam tas-servizz pubbliku lokali. Skont l-istatut tagħha, xogħlha jikkonsisti b’mod partikolari fir-rappreżentazzjoni, fil-promozzjoni u fil-protezzjoni tal-imsemmija impriżi u entitajiet. B’mod partikolari, hija għandha l-inkarigu li tinnegozja l-ftehim kollettiv nazzjonali tax-xogħol għad-diretturi tal-impriżi tas-servizz pubbliku lokali.

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

2        Il-legge n° 142 ordinamento delle autonomie locali (Liġi Nru 142 li torganizza l-awtoritajiet awtonomi lokali, tat-8 ta’ Ġunju 1990, GURI Nru 135, tat-12 ta’ Ġunju 1990, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 142/90”) introduċiet fl-Italja riforma tal-istrumenti legali ta’ organizzazzjoni għad-dispożizzjoni tal-komuni għall-amministrazzjoni tas-servizzi pubbliċi, b’mod partikolari fis-setturi tat-tqassim tal-ilma, tal-gass, tal-elettriku u tat-trasport. L-Artikolu 22 tal-imsemmija liġi, kif emendat, ipprovda l-possibbiltà għall-komuni li joħolqu kumpanniji f’diversi forom ġuridiċi sabiex jiġu pprovduti servizzi pubbliċi, fosthom kumpanniji kummerċjali jew kumpanniji b’responsabbiltà limitata b’kapital azzjonarju, fil-parti l-kbira, pubbliku (iktar ’il quddiem il-“kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90”).

3        F’dan il-kuntest, skont l-Artikolu 9 bis tal-legge n° 488 di conversione in legge, con modificazioni, del decreto-legge 1° luglio 1986, n° 318, recante provvedimenti urgenti per la finanza locale (Liġi Nru 488 li tikkonverti f’liġi, b’ċerti emendi, id-Digriet Leġiżlattiv Nru 318, tal-1 ta’ Lulju 1986, li jintroduċi miżuri urġenti favur il-finanzi lokali, tad-9 ta’ Awwissu 1986, GURI Nru 190, tat-18 ta’ Awwissu 1986), ingħata self b’rata speċjali ta’ interessi mill-Cassa Depositi e Prestiti (iktar ’il quddiem iċ-“CDDPP”) bejn l-1994 u l-1998 lil ċerti kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 li kienu jipprovdu servizzi pubbliċi (iktar ’il quddiem is-“self taċ-CDDPP”).

4        Barra minn hekk, skont id-dispożizzjonijiet, moqrija flimkien, tal-Artikolu 3(69) u (70) tal-legge n° 549 (su) misure di razionalizzazione della finanza pubblica (Liġi Nru 549 dwar miżuri ta’ razzjonalizzazzjoni tal-finanzi pubbliċi, tat-28 ta’ Diċembru 1995, suppliment ordinarju għall-GURI Nru 302, tad-29 ta’ Diċembru 1995, iktar ’il quddiem il-Liġi Nru 549/95”) u tad-decreto-legge n° 331 (su) armonizzazione delle disposizioni in materia di imposte sugli oli minerali, sull’alcole, sulle bevande alcoliche, sui tabacchi lavorati e in materia di IVA con quelle recate da direttive CEE e modificazioni conseguenti a detta armonizzazione, nonché disposizioni concernenti la disciplina dei centri autorizzati di assistenza fiscale, le procedure dei rimborsi di imposta, l’esclusione dall’ILOR dei redditi di impresa fino all’ammontare corrispondente al contributo diretto lavorativo, l’istituzione per il 1993 di un’imposta erariale straordinaria su taluni beni ed altre disposizioni tributarie (Digriet Leġiżlattiv Nru 331 fuq l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjoniiet dwar taxxi f’diversi oqsma, tat-30 ta’ Awwissu 1993, GURI Nru 203, tat-30 ta’ Awwissu 1993, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 331/93”), iddaħħlu l-miżuri li ġejjin favur l-impriżi tal-Liġi Nru 142/90:

–        l-eżenzjoni mit-taxxi kollha fuq it-trasferimenti tal-attiv li jsiru mat-trasformazzjoni ta’ impriżi speċjali u impriżi muniċipali f’kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 (iktar ’il quddiem “l-eżenzjoni mit-taxxi fuq it-trasferimenti”);

–        l-eżenzjoni totali mit-taxxa fuq il-kumpanniji, jiġifieri t-taxxa fuq il-profitti tal-persuni ġuridiċi u t-taxxa lokali fuq id-dħul, matul tliet snin, u sa mhux aktar tard mis-sena finanzjarja 1999 (iktar ’il quddiem l-“eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin”).

 Il-proċeduri amministrattivi

5        Wara li sar ilment fir-rigward tal-imsemmija miżuri, il-Kummissjoni talbet, permezz ta’ ittri tat-12 ta’ Mejju, tas-16 ta’ Ġunju u tal-21 ta’ Novembru 1997, informazzjoni f’dan ir-rigward mingħand l-awtoritajiet Taljani.

6        B’ittra tas-17 ta’ Diċembru 1997, l-awtoritajiet Taljani pprovdew parti mill-informazzjoni mitluba. Barra minn hekk saret laqgħa, fid-19 ta’ Jannar 1998, fuq talba tal-awtoritajiet Taljani.

7        B’ittra tas-17 ta’ Mejju 1999, il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet Taljani bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 220, p. 14).

8        Wara li rċeviet osservazzjonijiet minn terzi interessati u mill-awtoritajiet Taljani, il-Kummissjoni talbet, diversi drabi, informazzjoni addizzjonali mingħand dawn tal-aħħar. Saru wkoll laqgħat bejn, minn naħa, il-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet Taljani kif ukoll it-terzi interessati li intervjenew.

9        Ċerti kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90, bħal ACEA SpA, AEM SpA u Azienda Mediterranea Gas e Acqua SpA (AMGA), li ppreżentaw ukoll rikors għall-annullament tad-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ din il-kawża (rispettivament Kawżi T‑297/02, T‑301/02 u T‑300/02), sostnew, b’mod partikolari, li t-tliet tipi ta’ miżuri inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

10      L-awtoritajiet Taljani u r-rikorrenti adottaw, essenzjalment, din il-pożizzjoni.

11      Min-naħa l-oħra, il-Bundesverband der deutschen Industrie eV (BDI), assoċjazzjoni Ġermaniża tal-industrija u tal-fornituri ta’ servizzi marbutin magħha, ikkunsidrat li l-miżuri inkwistjoni setgħu jikkawżaw distorsjonijiet fil-kompetizzjoni mhux biss fl-Italja iżda wkoll fil-Ġermanja.

12      Bl-istess mod, Gas-it, assoċjazzjoni Taljana ta’ operaturi privati fis-settur tat-tqassim tal-gass, iddikjarat li l-miżuri inkwistjoni, b’mod partikolari l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin, kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

13      Fil-5 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2003/193/KE dwar għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ eżenzjonijiet fiskali u ta’ self b’kundizzjonijiet preferenzjali mogħtija mill-Italja lil kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 (ĠU 2003, L 77, p. 21, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Id-deċiżjoni kkontestata

14      Il-Kummissjoni tenfasizza qabel kollox li l-eżami tagħha jirrigwarda biss l-iskemi ta’ għajnuna ta’ portata ġenerali stabbiliti mill-miżuri inkwistjoni u mhux l-għajnuna individwali mogħtija lil diversi impriżi, minkejja li l-eżami tagħha fid-deċiżjoni kkontestata huwa ġenerali u astratt. F’dan ir-rigward, hija tiddikjara li r-Repubblika Taljana “ma tatx vantaġġi fiskali fuq bażi individwali u ma nnotifikat[ha] […] b’ebda każ individwali ta’ għajnuna meta bagħtitilha l-informazzjoni kollha neċessarja għall-evalwazzjoni tagħha”. Il-Kummissjoni tindika li hija tqis, konsegwentement, li għandha twettaq eżami ġenerali u astratt tal-iskemi inkwistjoni kemm mill-aspett tal-klassifikazzjoni tagħhom kif ukoll mill-aspett tal-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni (premessi 42 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Skont il-Kummissjoni, is-self taċ-CDDPP u l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin (iktar ’il quddiem, meqjusin flimkien, il-“miżuri inkwistjoni”) huma għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, l-għoti, permezz ta’ riżorsi tal-Istat, ta’ tali vantaġġi lill-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 għandu bħala effett li jsaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fil-konfront tal-impriżi l-oħra kollha li jixtiequ jipprovdu l-istess servizzi (premessi 48 sa 75 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-miżuri inkwistjoni huma inkompatibbli mas-suq komuni peress li la jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) u (3) KE u lanqas il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 86(2) KE u, barra minn hekk, jiksru l-Artikolu 43 KE (premessi 94 sa 122 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Min-naħa l-oħra, skont il-Kummissjoni, l-eżenzjoni mit-taxxi fuq it-trasferimenti ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, peress li dawn it-taxxi huma dovuti meta tiġi kkostitwita entità ekonomika ġdida jew meta jsir trasferiment tal-attiv bejn diversi entitajiet ekonomiċi. Mill-aspett sostantiv, l-impriżi muniċipali, minn naħa, u l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxu l-istess entità ekonomika. Għaldaqstant, l-eżenzjoni mill-imsemmija taxxi favurihom hija ġġustifikata min-natura jew l-istruttura ġenerali tas-sistema (premessi 76 sa 81 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Il-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata tistipula kif ġej:

“Artikolu 1

L-eżenzjoni mit-taxxi fuq it-trasferimenti […] ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) [KE].

Artikolu 2

L-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin […] u l-vantaġġi li jirriżultaw mis-self [taċ-CDDPP […] jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) [KE].

Din l-għajnuna mhijiex kompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 3

L-Italja għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex titlob lill-benefiċjarji jagħtu lura l-għajnuna deskritta fl-Artikolu 2 li ngħatatilhom b’mod illegali.

L-irkupru tal-għajnuna għandu jsir mingħajr dewmien, skont il-proċeduri nazzjonali, sa fejn dawn jippermettu l-eżekuzzjoni effettiva u immedjata tad-deċiżjoni [kkontestata].

L-għajnuna li għandha tiġi rkuprata għandha tinkludi l-interessi mid-data meta l-għajuna illegali ngħatat lill-benefiċjarji sad-data tal-ħlas lura effettiv tagħha. Dawn l-interessi għandhom jiġu kkalkolati abbażi tar-rata ta’ referenza użata sabiex jiġi kkalkolat is-sussidju ekwivalenti tal-għajnuna reġjonali.

[…]”

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-27 ta’ Settembru 2002, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

19      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-20 ta’ Diċembru 2002, l-Associazione Nazionale fra gli Industriali degli Acquedotti – Anfida talbet li tintervjeni f’dawn il-proċeduri insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. B’digriet tat-12 ta’ Mejju 2003, il-President tal-Ħames Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza (kompożizzjoni preċedenti) awtorizza dan l-intervent. L-intervenjenti ppreżentat in-nota tagħha u l-partijiet l-oħra ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuqha fit-termini stabbiliti.

20      B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-6 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

21      Fit-28 ta’ Frar 2003, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

22      Fit-8 ta’ Awwissu 2002, ir-Repubblika Taljana wkoll ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, irreġistrat bir-referenza C‑290/02. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li dan ir-rikors u dawk fil-Kawżi T‑292/02, T‑297/02, T‑300/02, T‑301/02 u T‑309/02 kellhom l-istess suġġett, jiġifieri l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, u li kienu konnessi, peress li l-motivi ppreżentati f’kull waħda minn dawn il-kawżi kienu simili ħafna. Permezz ta’ digriet tal-10 ta’ Ġunju 2003, il-Qorti tal-Ġustizzja ssospendiet il-proċeduri fil-Kawża C‑290/02 skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 54 tal-Istatut tagħha, sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li taqta’ l-Kawżi T‑292/02, T‑297/02, T‑300/02, T‑301/02 u T‑309/02.

23      Permezz ta’ digriet tat-8 ta’ Ġunju 2004, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tirrinvija l-Kawża C‑290/02 quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li saret kompetenti sabiex tiddeċiedi rikorsi ppreżentati minn Stati Membri kontra l-Kummissjoni, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/407/KE, Euratom, tas-26 ta’ April 2004, li temenda l-Artikoli 51 u 54 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 5, p. 85). Din il-kawża ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza bir-referenza T‑222/04.

24      Permezz ta’ digriet tal-5 ta’ Awwissu 2004, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tirrinvija d-deċiżjoni tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għas-sentenza finali.

25      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tmien Awla Estiża) iddeċidiet li tibda l-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti mill-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet, domandi bil-miktub lill-partijiet, u dawn irrispondewhom fit-terminu stabbilit.

26      B’digriet tal-President tat-Tmien Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-13 ta’ Marzu 2008, il-Kawżi T‑292/02, T‑297/02, T‑300/02, T‑301/02, T‑309/02, T‑189/03 u T‑222/04 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

27      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta li nżammet fis-16 ta’ April 2008.

28      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, minn naħa waħda, inkwantu jobbliga lir-Repubblika Taljana tirkupra l-għajnuna mogħtija mill-miżuri inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, inkwantu jindika r-rata ta’ referenza użata għall-kalkolu tal-ordni ta’ rkupru;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

30      Preliminarjament, il-Kummissjoni tikkontesta l-interess ġuridiku tar-rikorrenti f’dak li jirrigwarda s-self miċ-CDDPP. Fil-fatt, ir-rikorrenti hija konfederazzjoni li tirrappreżenta l-interessi, b’mod partikolari, tal-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90. F’dan il-każ, huwa impossibbli li jiġi vverifikat jekk wieħed jew iktar mill-membri tagħha effettivament ibbenefikawx mis-self imsemmi peress li din naqset milli tipproduċi l-lista tal-imsemmija membri.

31      Il-Kummissjoni mbagħad tikkontesta l-locus standi tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti mhijiex ikkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kkontestata, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

32      Qabel kollox, fir-rigward tal-kwistjoni dwar l-interess individwali tal-membri tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi kkunsidrata bħala att ta’ portata ġenerali inkwantu tikkonċerna skema ta’ għajnuna u b’hekk numru indeterminat u indeterminabbli ta’ impriżi definiti skont kriterju ġenerali, bħall-fatt li huma parti minn kategorija ta’ impriżi. Il-portata ġenerali, u b’hekk in-natura leġiżlattiva, ta’ att ma tistax titqiegħed indiskussjoni minħabba l-possibbiltà li jiġi ddeterminat, ftit jew wisq bi preċiżjoni, in-numru jew saħansitra l-identità tal-persuni li għalihom japplika f’mument partikolari, kemm-il darba jkun stabbilit li huwa japplika għalihom minħabba sitwazzjoni legali jew fattwali oġġettiva definita mill-att, relatata mal-għan tiegħu.

33      Skont il-Kummissjoni, sabiex individwu jkun ikkonċernat individwalment minn att ta’ portata ġenerali, dan l-att għandu jippreġudika d-drittijiet speċifiċi tiegħu jew l-istituzzjoni li tkun l-awtriċi tiegħu għandha tkun obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi ta’ dan l-att fuq is-sitwazzjoni tal-imsemmi individwu. Il-Kummissjoni tikkunsidra madankollu li dan mhuwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata kellha konsegwenzi fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi kollha li bbenefikaw mill-miżuri inkwistjoni. Konsegwentement, ma nkisrux drittijiet speċifiċi ta’ ċerti impriżi li jistgħu jiġu ddivrenzjati mill-impriżi l-oħrajn kollha li huma benefiċjarji tal-miżuri inkwistjoni. Barra minn hekk, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni la kienet obbligata u lanqas setgħet tieħu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi tad-deċiżjoni tagħha fuq is-sitwazzjoni ta’ impriża preċiża. La d-dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà u lanqas l-ordni ta’ rkupru li tinsabu fid-deċiżjoni kkontestata ma jagħmlu riferiment għas-sitwazzjoni ta’ benefiċjarji individwali.

34      Il-Kummissjoni tħoss li l-analiżi tagħha hija kkonfermata mill-ġurisprudenza eżistenti fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li tistipula li l-fatt li wieħed ikun benefiċjarju ta’ skema ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni ma jistax ikun biżżejjed sabiex juri li l-imsemmi benefiċjarju huwa kkonċernat individwalment fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

35      Kawżi iktar reċenti ma jqajmux dubji dwar din il-ġurisprudenza stabbilita. Skont il-Kummissjoni, is-soluzzjoni mogħtija fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-19 ta’ Ottubru 2000, L-Italja u Sardegna Lines vs Il‑Kummissjoni (C‑15/98 u C‑105/99, Ġabra p. I‑8855, iktar ’il quddiem is-“sentenza Sardegna Lines”), ma tistax tiġi applikata għar-rikorsi kollha ppreżentati minn benefiċjarji ta’ skema ta’ għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli u li jkun ġie ordnat l-irkpuru tagħha. Din il-konklużjoni għandha tinsilet b’mod partikolari meta, bħal f’dan il-każ, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tkun ġiet eżaminata b’mod astratt. Barra minn hekk, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Sardegna Lines, ir-rikorrenti fil-fatt ibbenefikat minn għajnuna individwali, peress li l-vantaġġ ingħata permezz ta’ att adottat abbażi ta’ liġi reġjonali kkaratterizzata minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Barra minn hekk, din is-sitwazzjoni ġiet eżaminata bir-reqqa matul il-proċedura formali ta’ eżami.

36      Il-fatti ta’ dan il-każ huma differenti wkoll minn dawk li taw lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑298/00 P,Ġabra p. I‑4087, iktar ’il quddiem is-“sentenza Alzetta”), inkwantu, fil-każ preżenti, il-Kummissjoni la kienet taf in-numru eżatt u lanqas l-identità tal-benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni, hija ma kellhiex l-informazzjoni kollha rilevanti u ma kinitx taf l-ammont ta’ għajnuna mogħtija f’kull wieħed mill-każijiet. Barra minn hekk, fil-każ preżenti, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin tapplika b’mod awtomatiku, filwaqt li l-għajnuna inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Alzetta, kienet ingħatat permezz ta’ att ulterjuri.

37      Fi kwalunkwe każ, la l-fatt li pparteċipat fil-proċedura formali prevista mill-Artikolu 88(2) KE, u lanqas l-ordni ta’ rkupru li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata mhuma biżżejjed, skont il-Kummissjoni, biex jindividwalizzaw lir-rikorrenti. Fil-fatt, billi r-rikorsi ppreżentati mill-benefiċjarji potenzjali ta’ skema ta’ għajnuna nnotifikata mhumiex ammissibbli skont l-Artikolu 230 KE, l-istess għandu japplika għal dawk ippreżentati mill-benefiċjarji ta’ skema ta’ għajnuna li ma tkunx ġiet innotifikata.

38      Skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti lanqas ma għandha locus standi awtonomu. Fil-fatt, bħala entità distinta, hija ma ssofri l-ebda dannu mill-fatt li tneħħew il-miżuri inkwistjoni. Barra minn hekk, il-fatt li ħadet sehem fil-proċeduri quddiem il-Kummissjoni mhuwiex biżżejjed sabiex jindividwalizzaha fis-sens tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni (25/62, Ġabra p. 197). Fl-aħħar nett, hija ma aġixxietx bħala negozjatur fis-sens tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ Frar 1988, Van der Kooy et vs Il‑Kummissjoni (67/85, 68/85 u 70/85, Ġabra p. 219). Il-fatt li r-rikorrenti tirrappreżenta l-interessi tal-membri tagħha jew li hija teżerċita lobbying u l-fatt li hija tipparteċipa fin-negozjati sindakali mhumiex rilevanti. Minbarra dan, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), ma jirrikonoxxi l-ebda status speċjali lill-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw interessi kollettivi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis bħala irrilevanti f’dan il-każ il-ġurisprudenza li tirrikonoxxi l-interess individwali tal-kompetituri tal-benefiċjarji ta’ għajnuna, meta hija tapprova għajnuna mingħajr ma tibda l-proċedura formali ta’ eżami. Hija żżid li, meta tadotta deċiżjoni li tirrigwarda skema ta’ għajnuna, hija ma għandhiex teżamina s-sitwazzjonijiet individwali tal-benefiċjarji.

39      Fl-aħħar lok, il-fatt li r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti f’dan il-każ jiġi ddikjarat inammissibbli ma jiksirx il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, peress li r-rimedji legali previsti mill-Artikoli 241 KE u 234 KE huma biżżejjed (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill, C‑50/00 P, Ġabra p. I‑6677), iktar ’il quddiem is-“sentenza UPA”). L-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata f’Nice fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU 2000, C 364, p. 1) mhuwiex konvinċenti, peress li t-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa (ĠU 2004, C 310, p. 1) ma biddilx il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tal-proċeduri mressqa mill-individwi.

40      L-intervenjenti adottat, essenzjalment, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni.

41      Ir-rikorrenti ssostni li għandha interess ġuridiku anki f’dak li jirrigwarda s-self taċ-CDDPP. Fil-fatt, hija tikkontesta wkoll il-parti tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-self taċ-CDDPP li bbenefikaw minnu l-membri tagħha.

42      Ir-rikorrenti mbagħad tikkontesta l-affermazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att ta’ portata ġenerali. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni għamlet il-portata tad-deċiżjoni kkontestata dipendenti fuq it-tip ta’ għajnuna inkwistjoni. Issa, fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni u tal-għajnuna mill-Istat, deċiżjoni adottata fil-konfront ta’ Stat Membru hija att individwali. F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza msemmija mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha mhijiex rilevanti sa fejn din tirrigwarda l-locus standi tal-individwi kontra atti ta’ portata ġenerali u ta’ natura regolatorja. Għalhekk, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn persuna mhux destinatarja tal-att ikkontestat, għandhom jiġu stabbiliti l-effetti ta’ dan l-att.

43      Fit-tieni lok, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, in-numru ta’ impriżi li hija kienet tapplika għalihom kien determinat u determinabbli. Din id-deċiżjoni wasslet għal dannu patrimonjali immedjat u dirett għall-impriżi membri tar-rikorrenti, peress li fiha l-Kummissjoni tordna l-irkupru tal-għajnuna li huma effettivament ibbenefikaw minnha. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni legali tal-membri tar-rikorrenti hija paragunabbli għal dik tal-benefiċjarji ta’ għajnuna individwali, li b’hekk kienu jinsabu f’sitwazzjoni analoga għal dik tad-destinatarji diretti tad-deċiżjoni kkontestata.

44      Skont ir-rikorrenti, huma individwalment ikkonċernati l-benefiċjarji effettivi ta’ għajnuna li ngħatat abbażi ta’ skema ġenerali ta’ għajnuna li ġiet iddikjarata inkompatibbli u li l-Kummissjoni ordnat l-irkupru tagħha.

45      Barra minn hekk, insostenn tat-talba tagħha, ir-rikorrenti tinvoka d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja. Effettivament, il-fatt li dan ir-rikors jiġi ddikjarat ammissibbli jippermetti li tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja sħiħa u effettiva tal-individwi, b’mod konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

46      Ir-rikorrenti tikkunsidra lilha nfisha bħala individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE mhux biss minħabba li l-membri tagħha huma kkonċernati, iżda wkoll inkwantu titolari ta’ locus standi awtonomu.

47      Qabel kollox, f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li hija kienet tinsab f’pożizzjoni ta’ negozjatur fis-sens tas-sentenza Van der Kooy et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, ir-rikorrenti hija l-assoċjazzjoni ta’ kategorija ta’ impriżi u ta’ entitajiet li joperaw is-servizz pubbliku lokali fl-Italja. Il-funzjonijiet tagħha jikkonsistu, b’mod partikolari, fir-rappreżentanza sindakali u fir-rappreżentanza tal-interessi ta’ dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, hija msemmija f’diversi dispożizzjonijiet leġiżlattivi bħala interlokutur tal-awtoritajiet pubbliċi. B’hekk, fl-1996, hija nnegozjat mal-awtoritajiet pubbliċi t-test ta’ ftehim li jikkoordina d-dispożizzjonijiet kuntrattwali ta’ bażi kollha li jirregolaw ir-relazzjoni ta’ xogħol tal-persunal eżekuttiv tal-impriżi tas-servizz pubbliku lokali fl-Italja. Barra minn hekk, dan il-ftehim jipprevedi kulleġġ ta’ arbitraġġ dwar it-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol, li parti mill-membri tiegħu hija maħtura mir-rikorrenti.

48      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tagħmel riferiment għall-parteċipazzjoni tagħha fil-proċeduri amministrattivi quddiem il-Kummissjoni u għall-prinċipju ta’ ċertezza legali.

49      Fl-aħħar nett, insostenn tal-ammissibbiltà tar-rikors, hija tinvoka l-Artikolu 1(h) u l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 659/1999.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

50      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, persuna fiżika jew legali tista’ tippreżenta rikors kontra deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra biss jekk l-imsemmija deċiżjoni tikkonċernaha direttament u individwalment.

51      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti għandhiex locus standi.

52      Skont il-ġurisprudenza, ir-rikorsi ppreżentati minn assoċjazzjoni huma ammissibbli f’ċerti sitwazzjonijiet, jiġifieri meta hija tirrappreżenta l-interessi ta’ impriżi li jkollhom, huma nfushom, locus standi jew meta l-assoċjazzjoni tkun individwalizzata minħabba li jiġu affettwati l-interessi tagħha stess inkwantu assoċjazzjoni, b’mod partikolari għaliex il-pożizzjoni tagħha ta’ negozjatur tkun ġiet affetwata mill-att li jintalab l-annullament tiegħu, jew inkella meta dispożizzjoni legali tagħtiha b’mod espliċitu serje ta’ drittijiet ta’ natura proċedurali (digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-28 ta’ Ġunju 2005, FederDoc et vs Il‑Kummissjoni, T‑170/04, Ġabra p. II‑2503, punt 49; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Van de Kooy et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 21 sa 24, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ April 1998, Greenpeace Council et vs Il‑Kummissjoni, C‑321/95 P, Ġabra p. I‑1651, punti 14 u 29).

53      F’dak li jirrigwarda l-ewwel sitwazzjoni, għandu jitfakkar, dwar l-argument tar-rikorrenti li jgħid li hija tirrappreżenta impriżi li kienu identifikabbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li l-possibbiltà li jiġi ddeterminat, ftit jew wisq bi preċiżjoni, in-numru jew saħansitra l-identità tal-persuni li għalihom tapplika miżura, bl-ebda mod ma timplika li dawn il-persuni għandhom jiġu kkunsidrati bħala kkonċernati individwalment minn din il-miżura, sakemm ikun stabbilit, bħal f’dan il-każ, li din l-applikazzjoni ssir abbażi ta’ sitwazzjoni legali jew fattwali oġġettiva definita mill-att inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Novembru 2001, Antillean Rice Mills vs Il-Kunsill, C‑451/98, Ġabra p. I‑8949, punt 52, u digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-28 ta’ Frar 2005, von Pezold vs Il‑Kummissjoni, T‑108/03, Ġabra p. II‑655, punt 46).

54      Sussegwentement, għandu jitfakkar li mis-sentenzi Sardegna Lines u Alzetta jirriżulta li benefiċjarju għandu jitqies bħala kkonċernat individwalment mid-deċiżjoni li tobbliga lill-Istat Membru li jirkupra l-għajnuna mħallsa lill-imsemmi benefiċjarju.

55      Għaldaqstant, għandu jiġi stabbilit jekk ir-rikorrenti effettivament tirrappreżentax lil tali benefiċjarji. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma rnexxilhiex tipprova, la fir-risposta tagħha għad-domanda bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, u lanqas waqt is-seduta li, fost il-membri tagħha, jinstabu benefiċjarji tal-miżuri li ġie ordnat l-irkupru tagħhom. Barra minn hekk, f’dan il-każ, huwa ċar li r-rikorrenti ma rrappreżentatx l-interessi tar-rikorrenti fil-Kawżi T‑297/02, T‑300/02, T‑301/02, T‑309/02 u T‑189/03, peress li dawn jirrappreżentaw l-interessi tagħhom infushom. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma tinsabx fl-ewwel waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt 52 iktar ’il fuq.

56      Imbagħad, fir-rigward tat-tieni sitwazzjoni, għandu jiġi osservat li, għalkemm huwa minnu li l-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari, bħar-rwol ta’ assoċjazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura li wasslet għall-adozzjoni ta’ att fis-sens tal-Artikolu 230 KE, tista’ tiġġustifika l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn assoċjazzjoni li l-membri tagħha mhumiex individwalment ikkonċernati mill-att ikkontestat, b’mod partikolari meta l-pożizzjoni tagħha bħala negozjatur ġiet affettwata minn dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Van der Kooy et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 21 sa 24, u d-digriet FederDoc et vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 51), mill-proċess ma jirriżultax li dan huwa l-każ hawnhekk.

57      Fil-fatt, f’dan il-każ, ir-rikorrenti sempliċement ipparteċipat fil-proċedura normalment użata għall-adozzjoni ta’ liġi nazzjonali, bħala parti li nstemgħet u li ġiet ikkonsultata. Il-fatt li hija setgħet kienet parti li nnegozjat il-ftehim kollettiv nazzjonali tal-persunal eżekuttiv tas-servizz pubbliku inkwistjoni mhuwa tal-ebda rilevanza fil-kuntest ta’ din il-kawża.

58      Barra minn hekk, il-fatt li r-rikorrenti ipparteċipat fil-fażi amministrattiva taħt l-Artikolu 1(h) u tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 659/1999 ma jippermettix li din titqies bħala affettwata fil-pożizzjoni tagħha bħala negozjatur fis-sens tas-sentenza Van der Kooy et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jirrikonoxxu lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi l-ebda status li huwa speċjali meta mqabbel ma’ dak tal-partijiet interessati l-oħra kollha. Għaldaqstant ir-rikorrenti ma tinsabx fit-tieni sitwazzjoni msemmija fil-punt 52 iktar ’il fuq.

59      Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tielet sitwazzjoni, għalkemm, ċertament, l-Artikolu 1(h) u l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 659/1999 jagħtu drittijiet proċedurali lill-partijiet interessati, għandu jiġi osservat li dan ir-rikors mhuwiex intiż għas-salvagwardja ta’ dawn id-drittijiet. Fil-fatt, il-proċedura tal-Artikolu 88(2) KE inbdiet u r-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet fil-kuntest ta’ din il-proċedura. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi fatt li hija tista’ tiġi kkunsidrata bħala persuna interessata fis-sens tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq mhuwiex biżżejjed sabiex tiġi aċċettata l-ammissibbiltà tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, C‑78/03 P, Ġabra p. I‑10737, punt 37). Barra minn hekk, il-fatt li s-sistema legali Taljana setgħet tatha inkarigi u funzjonijiet speċifiċi ma jistax jiġġustifika modifika tas-sistema tar-rimedji stabbilita mill-Artikolu 230 KE u intiża sabiex tafda lill-Qorti Komunitarja bl-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, digriet FederDoc et vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma pprovatx li hija kienet tinsab fit-tielet sitwazzjoni msemmija fil-punt 52 iktar ’il fuq.

61      L-argument tar-rikorrenti bbażat fuq ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma għandux iqiegħed f’dubju din il-konklużjoni. Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-ġurisprudenza stabbilita tagħha dwar l-interpretazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE fis-sentenza tagħha, tal-1 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Jégo-Quéré (C‑263/02 P, Ġabra p. I‑3425), u fis-sentenza tagħha UPA. Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa minnu li l-kundizzjoni dwar l-interess individwali mitluba fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diversi ċirkustanzi li jistgħu jindividwalizzaw rikorrent, interpretazzjoni bħal din ma tistax twassal għall-esklużjoni tal-kundizzjoni inkwistjoni (sentenza UPA, punt 44).

62      Fl-aħħar nett, l-argument li r-rikorrenti bbażat fuq l-Artikolu III‑365(4) tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa għandu jiġi ddikjarat bħala ineffettiv, peress li dan it-trattat ma daħalx fis-seħħ, u barra minn hekk, ġie sostitwit mit-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea u mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, C 115, p. 1).

63      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikorrenti ma tistax titqies bħala kkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kkontestata fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE u li, għalhekk, ir-rikors għandu jiġi miċħud, fl-intier tiegħu, bħala inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

64      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

65      Skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Confederazione Nazionale di Servizi (Confservizi) għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.

3)      Associazione Nazionale fra gli Industriali degli Acquedotti — Anfida għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Martins Ribeiro

Šváby

Papasavvas

Wahl

 

      Dittrich

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Ġunju 2009.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.