Language of document :

Appell ippreżentat fil-25 ta’ Frar 2022 mid-Debrégeas et associés Pharma (D & A Pharma) mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-22 ta’ Diċembru 2021 fil-Kawża T-381/21, Debrégeas & Associés Pharma vs EMA

(Kawża C-136/22 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Debrégeas & associés Pharma (D & A Pharma) (rappreżentanti: N. Viguié, avukat, D. Krzisch, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali (it-Tmien Awla) tat-22 ta’ Diċembru 2021 fil-Kawża T-381/21, Debrégeas & Associés Pharma vs EMA;

Konsegwentement

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea bil-għan li l-EMA tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-mertu u sabiex il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq il-mertu;

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fajl kien lest u ddeċidiet li ma tibgħatx lura lill-Qorti Ġenerali

tilqa’ t-talbiet ippreżentati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza;

tannulla d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) neħħiet il-grupp konsultattiv xjentifiku “Scientific Advisory Group on Psychiatry” tal-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem (iktar ’il quddiem iċ-“CHMP”), żvelat mis-sejħa pubblika għal espressjoni ta’ interess għall-esperti sabiex isiru membri tal-gruppi konsultattivi permanenti (SAG) tal-EMA tal-5 ta’ Mejju 2021 u mill-istqarrija għall-istampa tal-EMA tal-5 ta’ Mejju 2021;

Fi kwalunkwe każ,

tikkundanna lill-EMA għall-ħlas tal-ispejjeż ta’ din il-proċedura.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tiddeċiedi, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi flimkien ma’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, li D & A ma jkollha ebda interess ġuridiku li tressaq azzjoni kontra d-deċiżjoni kkontestata, peress li annullament eventwali tad-deċiżjoni kkontestata ma jipprovdilha l-ebda benefiċċju, filwaqt li n-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni għas-sitwazzjoni ta’ D & A u b’mod partikolari għad-drittijiet proċedurali tagħha huwa diġà ċert, kif ukoll il-benefiċċju li hija tallega li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, sa fejn:

D & A appellat mid-deċiżjoni tas-6 ta’ Lulju 2020 li ċaħdet it-talba tagħha għall-ATS, minħabba b’mod partikolari l-irregolarità tal-proċedura li wasslet għall-opinjoni taċ-CHMP minħabba n-nuqqas ta’ konsultazzjoni tas-SAG Psikjatrija, matul proċedura ta’ reviżjoni (rikors Nru T-556-20);

It-tneħħija ta’ SAG Psikjatrija ċaħħadha minn garanzija proċedurali bħala applikant għall-ATS għal prodott mediċinali;

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tiddeċiedi, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi flimkien ma’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, li l-kawża ta’ D & A ma hijiex attwali u ċerta, iżda biss futura u ipotetika, filwaqt li D & A appellat mid-deċiżjoni tas-6 ta’ Lulju 2020 li ċaħdet l-applikazzjoni tagħha għall-ATS, minħabba b’mod partikolari l-irregolarità tal-proċedura li wasslet għall-opinjoni taċ-CHMP minħabba n-nuqqas ta’ konsultazzjoni tas-SAG Psikjatrija, matul il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid (rikors Nru°T-556-20).

____________