Language of document : ECLI:EU:T:2015:506

Kawża T‑47/10

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Akzo Nobel NV et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Swieq Ewropej tal-istabilizzaturi tas-sħana — Deċiżjoni li tikkonstata żewġ okkorrenzi ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Iffissar tal-prezzijiet, tqassim tas-swieq u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Tul tal-ksur — Preskrizzjoni — Tul tal-proċedura amministrattiva — Terminu raġonevoli — Drittijiet tad-difiża — Imputazzjoni tal-ksur — Ksur imwettaq mis-sussidjarji, minn partenarjat mingħajr personalità ġuridika u minn sussidjarja — Kalkolu tal-ammont tal-multi”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-15 ta’ Lulju 2015 

1.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Preskrizzjoni fil-qasam tal-multi — Akkwiżizzjoni tal-preskrizzjoni fir-rigward tas-sussidjarja — Assenza ta’ effett fuq ir-responsabbiltà tal-kumpannija parent

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 25)

2.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Obbligi tal-Kummissjoni — Osservanza ta’ terminu raġonevoli — Ksur — Konsegwenzi — Tnaqqis, mill-Kummissjoni, tal-ammont tal-multi imposti fuq l-impriżi implikati — Tnaqqis irrifjutat lill-impriżi li ressqu azzjonijiet ġudizzjarji kontra ċerti deċiżjonijiet adottati fir-rigward tagħhom fl-ambitu tal-proċedura amministrattiva — Ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003)

1.      Is-sussidjarji li pparteċipaw direttament fi ksur tal-Artikolu 81(1) KE jistgħu leġittimament jinvokaw l-iskadenza, fir-rigward tagħhom, tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 1/2003, ladarba l-ewwel atti tal-Kummissjoni intiżi għall-investigazzjoni jew għall-proċeduri dwar ksur, fis-sens tal-Artikolu 25(3) tal-istess regolament, ikunu saru wara l-iskadenza, għal dawn is-sussidjarji, ta’ dan it-terminu.

Madankollu, l-akkwiżizzjoni tal-preskrizzjoni prevista fl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003 ma għandhiex l-effett li tħassar l-eżistenza ta’ ksur, lanqas li timpedixxi lill-Kummissjoni milli tikkonstata, f’deċiżjoni, ir‑responsabbiltà għal tali ksur, iżda biss li teħles mill-proċeduri li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet lil dawk li jibbenefikaw minnha. Barra minn hekk, minn interpretazzjoni testwali, teleoloġika u kuntestwali tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li l-akkwiżizzjoni tal-preskrizzjoni skont il-paragrafu 1 hija ta’ benefiċċju għal, u tista’ tiġi invokata minn, kull waħda mill-persuni ġuridiċi separatament meta dawn jiġu esposti għall-proċeduri tal-Kummissjoni. B’hekk, is-sempliċi fatt li s-sussidjarji ta’ kumpannija parent jibbenefikaw mill-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ma għandux il-konsegwenza li jqiegħed f’dubju ir-responsabbiltà tal-istess kumpannija parent u li jimpedixxi l-proċeduri fir-rigward tagħha.

(ara l-punti 124-126, 128)

2.      Billi tat lill-impriżi kollha li pparteċipaw fi ksur tal-Artikolu 81 KE tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti minħabba d-dewmien eċċessiv tal-proċedura amministrattiva, bl-eċċezzjoni tal-impriżi li ressqu azzjonijiet ġudizzjarji kontra ċerti deċiżjonijiet adottati fir-rigward tagħhom fl-ambitu ta’ din il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni vvizzjat id-deċiżjoni tagħha li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u li timponi multi b’inugwaljanza fit-trattament inġustifikata.

Fil-fatt, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk impriżi oħra jkunux skoraġġuti milli jsostnu ġudizzjarjament id-drittijiet tagħhom meta jkunu implikati f’investigazzjoni tal-Kummissjoni għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni, li din id-differenza fit-trattament hija ġġustifikata minn differenza fis-sitwazzjonijiet oġġettivament paragunabbli, sa fejn, b’mod kuntrarju għall-impriżi l-oħra, dawk inkwistjoni ressqu azzjonijiet ġudizzjarji, tirriżulta li hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

(ara l-punti 326, 328, 329)