Language of document : ECLI:EU:T:2007:317

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

25 ta’ Ottubru 2007 (*)

“Akkordji – Produtturi ta’ vireg tal-ħadid li jsaħħu l-konkrit – Deċiżjoni li tikkonstata ksur ta’ l-Artikolu 65 KEFA – Deċiżjoni bbażata fuq it-Trattat KEFA wara l-iskadenza ta’ l-imsemmi Trattat – Nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni”

Fil-kawżi magħquda T‑27/03, T‑46/03, T‑58/03, T‑79/03, T‑80/03, T‑97/03 u T‑98/03,

SP SpA, stabbilita fi Brescia (l-Italja), irrappreżentata minn G. Belotti u N. Pisani, avukati,

rikorrenti fil-kawża T‑27/03,

Leali SpA, stabbilita f’Odolo (l-Italja), irrappreżentata minn G. Vezzoli u G. Belotti, avukati,

rikorrenti fil-kawża T‑46/03,

Acciaierie e Ferriere Leali Luigi SpA, stabbilita fi Brescia, irrappreżentata minn G. Vezzoli, G. Belotti, E. Piromalli u C. Carmignani, avukati,

rikorrenti fil-kawża T‑58/03,

Industrie Riunite Odolesi SpA (IRO), stabbilita f’Odolo, irrappreżentata minn A. Giardina, avukat,

rikorrenti fil-kawża T‑79/03,

Lucchini SpA, stabbilita f’Milan (l-Italja), l-ewwel irrappreżentata minn A. Santa Maria u C. Biscaretti di Ruffia, u wara minn M. Delfino, M. van der Woude, S. Fontanelli u P. Sorvillo, avukati,

rikorrenti fil-kawża T‑80/03,

Ferriera Valsabbia SpA, stabbilita f’Odolo,

Valsabbia Investimenti SpA, stabbilita f’Odolo,

irrappreżentati minn D. Fosselard u P. Fattori, avukati,

rikorrenti fil-kawża T‑97/03,

Alfa Acciai SpA, stabbilita fi Brescia, irrappreżentata minn D. Fosselard, P. Fattori u G. d’Andria, avukati,

rikorrenti fil-kawża T‑98/03,

sostnuti minn

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. Braguglia u M. Fiorilli, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn L. Pignataro-Nolin u A. Whelan, bħala aġenti, assistiti, fil-kawżi T‑27/03 u T‑58/03, minn M. Moretto u, fil-kawżi T‑79/03, T‑97/03 u T‑98/03, minn P. Manzini, avukati,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talbiet għall-konstatazzjoni ta’ l-ineżistenza u talbiet għall-annullament totali jew parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2002) 5087 finali, tas-17 ta’ Diċembru 2002, dwar proċedura skond l-Artikolu 65 KEFA (COMP/37.956 – Vireg tal-ħadid li jsaħħu l-konkrit),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla Estiża),

komposta minn M. Vilaras, President, M. E. Martins Ribeiro, F. Dehousse, D. Šváby u K. Jürimäe, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Settembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA

1        L-Artikolu 36 KEFA jipprovdi:

“Qabel ma timponi xi sanzjoni pekunjarja jew tiffissa xi penali perjodika prevista f’dan it-Trattat, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-peruna kkonċernata l-opportunità li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

2        L-Artikolu 47 KEFA jipprovdi:

“Il-Kummissjoni tista’ tiġbor l-informazzjoni meħtieġa għat-twettiq tal-missjoni tagħha. Hija tista’ tordna li jitwettqu l-verifiki meħtieġa.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3        L-Artikolu 65 KEFA jipprovdi:

“1. Għandhom ikunu pprojbiti l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u l-prattiki miftiehma kollha li, direttament jew indirettament, jista’ jkollhom bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, u b’mod partikolari dawk li jinvolvu:

a)      l-iffissar tal-prezzijiet;

b)      il-limitazzjoni jew il-kontroll tal-produzzjoni, ta’ l-iżvilupp tekniku jew ta’ l-investiment;

ċ)      it-tqassim tas-swieq, tal-prodotti, tal-klijenti jew tal-fonti ta’ provvista.

2. Madankollu, il-Kummissjoni għandha tawtorizza, għal prodotti partikolari, akkordji ta’ speċjalizzazzjoni jew akkordji ta’ xiri jew ta’ bejgħ konġunt, jekk [ċerti kundizzjonijiet ikunu sodisfatti] […]

3. Il-Kummissjoni tista’ tikseb, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 47, kull informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, jew permezz ta’ talba speċjali indirizzata lill-partijiet ikkonċernati, jew permezz ta’ regolament li jiddefinixxi n-natura ta’ l-akkordji, tad-deċiżjonijiet jew tal-prattiki li għandhom jiġu nnotifikati lilha.

4. L-akkordji jew deċiżjonijiet projbiti mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkunu awtomatikament nulli u ma jistgħu jiġu invokati quddiem ebda qorti ta’ l-Istati Membri.

Il-Kummissjoni għandha kompetenza esklużiva, bla ħsara għad-dritt li jitressqu proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, biex tiddeċiedi jekk l-imsemmija akkordji jew deċiżjonijiet humiex konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

5. Fuq l-impriżi li jkunu kkonkludew akkordju li huwa awtomatikament null, jew li jkunu applikaw jew ippruvaw japplikaw, permezz ta’ arbitraġġ, penali, bojkott jew b’xi mezz ieħor, akkordju jew deċiżjoni li huma awtomatikament nulli jew akkordju li l-approvazzjoni tiegħu tkun ġiet irrifjutata jew revokata, jew li jkunu kisbu awtorizzazzjoni permezz ta’ informazzjoni xjentement falza jew qarrieqa, jew li jwettqu prattiki li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ timponi multi jew penali perjodiċi li ma jistgħux jeċċedu d-doppju tal-fatturat magħmul fuq il-prodotti li kienu s-suġġett ta’ l-akkordju, tad-deċiżjoni jew tal-prattika li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu; madankollu, jekk l-għan ta’ l-akkordju jikkonsisti fil-limitazzjoni tal-produzzjoni, ta’ l-iżvilupp tekniku jew ta’ l-investiment, dan il-massimu jista’ jiżdied sa 10 % tal-fatturat annwali ta’ l-impriżi in kwistjoni, fir-rigward tal-multa, u sa 20 % tal-fatturat ta’ kuljum, fir-rigward tal-penali perjodiċi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        Skond l-Artikolu 97 KEFA, it-Trattat KEFA skada fit-23 ta’ Lulju 2002.

 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq ċerti aspetti tat-trattament ta’ każijiet ta’ kompetizzjoni li jirriżultaw mill-iskadenza tat-Trattat KEFA

5        Fit-18 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni fuq ċerti aspetti tat-trattament ta’ każijiet ta’ kompetizzjoni li jirriżultaw mill-iskadenza tat-Trattat KEFA [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU C 152, p. 5, iktar’il quddiem il-“Komunikazzjoni tat-18 ta’ Ġunju 2002”).

6        Fil-punt 2 tal-Komunikazzjoni tat-18 ta’ Ġunju 2002, jingħad li l-għan ta’ din ta’ l-aħħar huwa:

“−      li tiġbor fil-qosor, għall-operaturi ekonomiċi u għall-Istati Membri, safejn huma kkonċernati bit-Trattat KEFA u d-dritt sekondarju tiegħu, l-aktar tibdiliet importanti fid-dritt sostantiv u proċedurali li jirriżultaw mit-tranżizzjoni għas-sistema tat-Trattat KE […]

−      li tispjega kif il-Kummissjoni beħsiebha ssolvi l-problemi speċifiċi li jirriżultaw mit-tranżizzjoni mis-sistema KEFA għas-sistema KE fil-qasam ta’ l-akkordji u ta’ l-abbużi ta’ pożizzjoni dominanti […], tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet […] u tal-kontroll ta’ għajnuna mill-Istat” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

7        Il-punt 31 tal-Komunikazzjoni tat-18 ta’ Ġunju 2002, li jinsab fit-taqsima relattiva għall-problemi speċifiċi li jirriżultaw mit-tranżizzjoni mis-sistema KEFA għas-sistema KE, jipprovdi kif ġej:

“Jekk, meta tapplika r-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni għall-akkordji, il-Kummissjoni tikkonstata ksur f’qasam li jaqa’ taħt it-Trattat KEFA, id-dritt sostantiv applikabbli għandu jkun, indipendentement minn meta sseħħ tali applikazzjoni, dak fis-seħħ fil-mument meta jseħħu l-fatti li jikkostitwixxu l-ksur. F’kull każ, fuq livell proċedurali, id-dritt applikabbli wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA huwa d-dritt KE […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-proċedura amministrattiva

8        Minn Ottubru sa Diċembru 2000, il-Kummissjoni wettqet verifiki skond l-Artikolu 47 KEFA fl-impriżi Taljani li jipproduċu vireg tal-ħadid li jsaħħu l-konkrit u f’assoċjazzjoni ta’ impriżi Taljani li jipproduċu l-azzar. Hija bagħtitilhom ukoll talbiet għal informazzjoni, skond l-Artikolu 47 KEFA.

9        Fis-26 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni bdiet proċedura amministrattiva u fasslet l-oġġezzjonijiet abbażi ta’ l-Artikolu 36 KEFA. Ir-rikorrenti f’dawn il-kawżi jinsabu fost id-destinatarji tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet.

10      Ir-rikorrenti ressqu osservazzjonijiet bil-miktub relattivi għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet. Ir-rikorrenti kollha, salv ir-rikorrenti fil-kawża T-80/03, talbu biex ikunu jistgħu jesponu l-opinjoni tagħhom oralment. Għal dan il-għan, l-Uffiċjal tas-Smigħ organizza seduta fit-13 ta’ Ġunju 2002.

11      Fit-12 ta’ Awwissu 2002, il-Kummissjoni ressqet ilmenti addizzjonali indirizzati lid-destinatarji tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet inizjali. F’din id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet addizzjonali, ibbażata fuq l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 17 tal-Kunsill, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204), il-Kummissjoni spjegat il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tat-tkomplija tal-proċedura wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA.

12      Ir-rikorrenti ressqu osservazzjonijiet bil-miktub fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet addizzjonali. Seduta oħra, fil-preżenza tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri, saret fit-30 ta’ Settembru 2002.

 Id-deċiżjoni kkontestata

13      Fis-17 ta’ Diċembru 2002, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2002) 5087 finali, dwar proċedura skond l-Artikolu 65 KEFA (COMP/37.956 – Vireg tal-ħadid li jsaħħu l-konkrit, iktar’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

14      Il-preambolu tad-deċiżjoni kkontestata jaqra kif ġej:

“Wara li rat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, u b’mod partikolari l-Artikolu 65 tiegħu,

wara li rat l-informazzjoni li ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni u l-verifiki mwettqa abbażi ta’ l-Artikolu 47 KEFA minn aġenti tal-Kummissjoni,

wara li rat l-osservazzjonijiet bil-miktub u orali ppreżentati skond l-Artikolu 36 KEFA f’isem il-partijiet,

wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv dwar l-Akkordji u l-Pożizzjonijiet Dominanti,

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15      Fir-rigward tal-konsegwenzi legali ta’ l-iskadenza tat-Trattat KEFA, il-Kummissjoni l-ewwel għamlet referenza, fil-premessa 331 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-punt 31 tal-Komunikazzjoni tat-18 ta’ Ġunju 2002.

16      Sussegwentement, il-Kummissjoni eżaminat fil-premessi 333 sa 344 tad-deċiżjoni kkontestata jekk l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 65 KEFA għall-aġir allegat setgħetx tiġi kkontestata fuq il-bażi tal-prinċipju tal-lex mitior.

17      F’dan ir-rigward, hija fakkret, fil-premessa 335 tad-deċiżjoni kkontestata, li “iż-żewġ dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA li, fit-teorija, jistgħu jiġu kkwalifikati bħala inqas favorevoli [kienu, minn naħa,] l-Artikolu 65(1) KEFA, inkwantu ma [kienx] jeżiġi (għad-differenza ta’ l-Artikolu 81(1) KE), li sabiex ikun hemm ksur, l-akkordju li jirrestrinġi l-kompetizzjoni għandu jkun jista’ jkollu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri […] u[, min-naħa l-oħra,] l-Artikolu 65(5) KEFA, inkwantu [kien] jipprevedi l-possibbiltà li jiġu imposti multi massimi li jistgħu jammontaw sad-doppju tal-fatturat magħmul fuq il-prodotti li kienu s-suġġett ta’ l-akkordju (filwaqt li, min-naħa l-oħra, din il-possibbiltà ma [kinitx] prevista, fid-dritt KE, mill-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17) […]”

18      Wara li kkonstatat, fil-premessi 337 sa 341 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-akkordju li għalih tirreferi d-deċiżjoni kkontestata kien jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 343 ta’ din id-deċiżjoni, li hija “[kienet] informat uffiċjalment lill-partijiet li […] ma kien beħsiebha timponi fuq ebda impriża multa ogħla minn 10 % tal-fatturat annwali magħmul bil-prodotti KEFA fit-territorju ta’ l-Unjoni Ewropea” u li “dan il-limitu (li fil-fatt huwa previst mill-Artikolu 65(5) KEFA għall-akkordji li, bħal f’dan il-każ, għandhom ukoll bħala għan li jirrestrinġu l-produzzjoni) [kien] ukoll aktar favorevoli għall-impriżi minn dak previst mill-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, li jistabbilixxi l-limitu għal 10 % tal-fatturat annwali magħmul bil-prodotti kollha fuq livell dinji”.

19      Hija kkonkludiet, fil-premessa 344 tad-deċiżjoni kkontestata, li, “in concreto, l-applikazzjoni tat-Trattat KE mhijiex aktar favorevoli, u li, għaldaqstant, anki kieku kellu jitqies li l-prinċipju tal-lex mitior seta’ jiġi applikat, dan il-prinċipju ma jista’ b’ebda mod jiġi invokat sabiex tiġi kkontestata l-applikazzjoni tad-dritt sostantiv KEFA għall-aġir imputat lid-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni”.

20      Fir-rigward tal-kompetenza tagħha biex tapplika r-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat KEFA wara l-iskadenza ta’ dan ta’ l-aħħar, il-Kummissjoni spjegat fil-premessi 348 sa 352 tad-deċiżjoni kkontestata li:

“348 […] it-Trattat KE u t-Trattat KEFA jappartjenu lill-istess sistema legali, is-sistema legali Komunitarja, li fiha dan it-Trattat ta’ l-aħħar kien jikkostitwixxi lex specialis sat-23 ta’ Lulju 2002. Dan ifisser li, bħala regola, mill-24 ta’ Lulju 2002, is-setturi li qabel kienu jaqgħu taħt it-Trattat KEFA, taħt id-dispożizzjonijiet proċedurali u taħt il-leġiżlazzjoni sekondarja tiegħu huma suġġetti għar-regoli korrispondenti tat-Trattat KE, li fil-fatt jikkostitwixxu r-regoli ġenerali.

349      Għandu jiġi mfakkar li fit-8 ta’ April 1965, l-Istati Membri kkonkludew trattat li jistabbilixxi Kunsill wieħed u Kummissjoni waħda tal-Komunitajiet Ewropej. Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-Artikolu 3 [UE] jistipula li ‘[l]-Unjoni għandha tinqeda b’qafas istituzzjonali wieħed li għandu jassigura l-konsistenza u l-kontinwità ta’ l-attivitajiet li teżerċita sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-miri tagħha filwaqt li tirrispetta u tibni fuq l-acquis communautaire’. Għandu jiġi mfakkar, fl-aħħar nett, li l-Artikolu 305(1) KE jistipula li ‘[i]d-disposizzjonijiet ta’ dan it-Trattat m’għandhomx jolqtu [lil] dawk tat-Trattat li stabbilixxa l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, b’mod partikolari għal dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet u l-obbligi ta’ l-Istati Membri, is-setgħat ta’ l-istituzzjonijiet ta’ dik il-Komunità, u r-regoli stipulati minn dak it-Trattat għall-funzjonament tas-suq komuni tal-faħam u ta’ l-azzar’.

350      Il-konsegwenzi tat-tmiem tal-lex specialis għandhom madankollu jiġu speċifikati għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet li jawtorizzaw lill-Kummissjoni sabiex timponi sanzjonijiet. F’dan il-każ, l-applikazzjoni tal-liġi sostantiva fis-seħħ fil-mument meta seħħew il-fatti tidher li hija ġġustifikata, filwaqt li għandhom jiġu applikati r-regoli proċedurali li ġew adottati minn dak iż-żmien’il quddiem.

351      Bil-Komunikazzjoni tat-18 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni ma riditx, u bl-ebda mod ma setgħet, tistabbilixxi regoli tranżitorji. Hija sempliċement illimitat ruħha sabiex tispjega ex ante, fi spirtu ta’ trasparenza, b’liema mod, fuq il-bażi tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, ser isseħħ it-tranżizzjoni bejn iż-żewġ trattati.

352      F’din il-perspettiva, l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 17 għall-kumplament tal-proċedura hija konformi mal-prinċipju li r-regoli proċedurali applikabbli huma dawk fis-seħħ meta l-miżura kkonċernata tiġi adottata. Fl-istess perspettiva, ma ġiex meqjus neċessarju li terġa’ issir l-ewwel seduta li fiha r-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri ma kinux ipparteċipaw, billi r-regoli proċedurali KEFA fis-seħħ dak iż-żmien ma kinux jipprovdu għal tali parteċipazzjoni. Minbarra dan, kif ġie enfasizzat fil-punt 26 tal-Komunikazzjoni [tat-18 ta’ Ġunju 2002], wieħed għandu jikkunsidra li l-miżuri proċedurali li ġew adottati validament fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet KEFA kienu jissodisfaw, fl-iskadenza tat-Trattat KEFA, il-kundizzjonijiet previsti bil-miżuri proċedurali korrispondenti implementati permezz tat-Trattat KE. Huwa importanti li jiġi enfasizzat ukoll li ebda rabta formali ma teżisti bejn id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-parteċipazzjoni ta’ l-Istati Membri f’seduta [Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 2842/98 dwar is-smigħ tal-partijiet f’ċerti proċedimenti taħt l-Artikoli [81 KE] u [82 KE]] u dawk relattivi għall-konsultazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv (Artikolu 10 tar-Regolament Nru 17).”

21      Wara li eżaminat, fil-premessi 358 sa 513 tad-deċiżjoni kkontestata, l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 65(1) KEFA għall-aġir ta’ l-impriżi u ta’ l-assoċjazzjoni ta’ impriżi msemmija fihom, il-Kummissjoni ddikjarat fil-premessa 514:

“Skond l-Artikolu 65(2) KEFA, il-Kummissjoni għandha tawtorizza akkordji ta’ speċjalizzazzjoni jew akkordji ta’ xiri jew ta’ bejgħ konġunt jew akkordji li huma strettament analogi, fir-rigward tan-natura u ta’ l-effetti tagħhom, jekk jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet. Il-ftehim restrittiv deskritt f’din id-deċiżjoni ma jistax jiġi awtorizzat, billi huwa ma jikkorispondix għat-tipi ta’ akkordju li għalihom tista’ tingħata din l-awtorizzazzjoni. Fil-fatt, dan huwa akkordju li jirrigwarda l-iffissar jew id-determinazzjoni tal-prezzijiet, il-limitazzjoni jew il-kontroll tal-produzzjoni u l-qsim tas-swieq. Minbarra dan, ebda talba ma ġiet ippreżentata sabiex tinkiseb l-awtorizzazzjoni prevista b’dan l-Artikolu tat-Trattat KEFA.”

22      Fir-rigward ta’ l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 65(5) KEFA, il-Kummissjoni kkunsidrat fil-premessi 515 sa 518 tad-deċiżjoni kkontestata:

“515      Skond l-Artikolu 65(5) KEFA, il-Kummissjoni tista’ timponi multi fuq l-impriżi li jkunu kkonkludew akkordju li huwa awtomatikament null, jew ikunu applikaw jew ippruvaw japplikaw akkordju jew deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li huma awtomatikament nulli, jew li jwettqu prattiki li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1. Il-Kummissjoni tista’ timponi multi li ma jistgħux jeċċedu d-doppju tal-fatturat magħmul fuq il-prodotti li kienu s-suġġett ta’ l-akkordju, tad-deċiżjoni jew tal-prattika miftiehma li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 65(1) KEFA; madankollu, jekk l-għan ta’ l-akkordju jikkonsisti fil-limitazzjoni tal-produzzjoni, ta’ l-iżvilupp tekniku jew ta’ l-investiment, dan il-massimu jista’ jiżdied sa 10 % tal-fatturat annwali ta’ l-impriżi in kwistjoni.

516      Il-kwistjoni tal-parteċipazzjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi fi proċedura dwar ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat KEFA hija kwistjoni li diġà ġiet ittrattata mill-ġurisprudenza fil-kawża ‘Eurofer’: “l-Artikolu 65(1) KEFA jipprojbixxi ‘l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u l-prattiċi miftiehma kollha li, direttament jew indirettament, jista’ jkollhom bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni’. Skond l-Artikolu 65(4) KEFA: ‘l-akkordji jew deċiżjonijiet projbiti mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkunu awtomatikament nulli u ma jistgħux jiġu invokati quddiem ebda qorti ta’ l-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha kompetenza esklużiva, bla ħsara għad-dritt li jitressqu proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, biex tiddeċiedi jekk l-imsemmija akkordji jew deċiżjonijiet humiex konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu’. Skond l-Artikolu 65(5) KEFA, ‘fuq l-impriżi li jkunu kkonkludew akkordju li huwa awtomatikament null, jew li jkunu applikaw jew ippruvaw japplikaw […] akkordju jew deċiżjoni li huma awtomatikament nulli jew li jwettqu prattiki li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ timponi multi […]’ Għalkemm jirriżulta effettivament mill-Artikolu 65(5) KEFA li ma tistax tiġi imposta multa jew penali perjodika fuq assoċjazzjoni ta’ impriżi, mhemm xejn fil-kliem ta’ l-Artikolu 65(1) KEFA li jippermetti li jitqies li assoċjazzjoni li tkun adottat deċiżjoni li jista’ jkollha bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni mhijiex fiha nfisha koperta bil-projbizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata kemm bl-Artikolu 65(4) KEFA, li jirreferi wkoll għal tali deċiżjonijiet, kif ukoll bis-sentenza Sorema vs L-Awtorità Għolja, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 65(1) KEFA [kien] japplika wkoll għall-assoċjazzjonijiet safejn l-attivitajiet tagħhom jew dawk ta’ l-impriżi li huma membri tagħhom jista’ jkollhom l-effetti msemmija f’din id-dispożizzjoni (Ġabra p. 317). Din il-konstatazzjoni hi wkoll ikkonfermata, skond il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Artikolu 48 KEFA, li jippermetti lill-assoċjazzjonijiet li jeżerċitaw kull attività li ma tmurx kontra d-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi Trattat. Kuntrarjament għal dak li ssotni r-rikorrenti, jirriżulta wkoll mis-sentenza Sorema vs L-Awtorità Għolja, iċċitata iktar’il fuq, li assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens ta’ l-Artikolu 65(1) KEFA tista’ tkun id-destinatarja ta’ deċiżjoni li tawtorizza akkordju skond l-Artikolu 65(2) KEFA (Ġabra p. 317 sa 322). Għandu għaldaqstant jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li skondu assoċjazzjoni ta’ impriżi, fis-sens ta’ l-Artikolu 65(1) KEFA, ma tistax tikser il-projbizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni”.

517      Minn dan għandu jiġi dedott li ma jistgħux jiġu imposti multi fuq assoċjazzjoni ta’ impriżi, iżda din tista’ f’kull każ tkun destinatarja ta’ deċiżjoni jekk ikun ċert li hija pparteċipat fil-ksur […]

518      Fir-rigward ta’ l-impriżi, l-elementi li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu huma b’mod partikolari l-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu kif ukoll iċ-ċirkustanzi aggravanti u attenwanti.”

23      L-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata jistipula dan li ġej:

“[Il-ħdax-il impriża u l-assoċjazzjoni ta’ impriżi li fosthom jinsabu r-rikorrenti] implementaw akkordju wieħed, kumpless u kontinwu fuq is-suq Taljan tal-vireg tal-ħadid li jsaħħu l-konkrit, fil-forma ta’ vireg jew ta’ rombli, li kellu bħala għan jew effett l-iffissar tal-prezzijiet u li wassal ukoll għal limitazzjoni jew kontroll miftiehma tal-produzzjoni jew tal-bejgħ.

Billi dan l-akkordju kellu bħala għan ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni, huwa jmur kontra l-Artikolu 65(1) KEFA.”

24      Skond l-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata, il-parteċipazzjoni fl-akkordju damet mis-6 ta’ Diċembru 1989 sas-27 ta’ Ġunju 2000 għar-rikorrenti fil-kawżi T-27/03, T‑46/03, T‑58/03, T‑79/03, T‑80/03 u T‑97/03, u mis-6 ta’ Diċembru 1989 sa l-4 ta’ Lulju 2000 għar-rikorrenti fil-kawża T-98/03.

25      Jirriżulta mill-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata li ġew imposti multi fl-ammont totali ta’ EUR 85.04 miljun fuq l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata, fosthom ir-rikorrenti.

 Il-proċedura

26      B’rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, bejn il-31 ta’ Jannar u l-10 ta’ Marzu 2003, ir-rikorrenti ressqu dawn ir-rikorsi.

27      B’atti separati ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-8 u fil-15 ta’ Mejju 2003 rispettivament, ir-rikorrenti fil-kawżi T-79/03 u T-46/03 resqu talba għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

28      B’digrieti tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Awwissu 2003, IRO vs Il-Kummissjoni (T-79/03 R, Ġabra p. II-3027), u ta’ l-20 ta’ Ottubru 2003, Leali vs Il-Kummissjoni (T-46/03 R, Ġabra p. II-4473), it-talbiet għal miżuri provviżorji ġew miċħuda u l-ispejjeż ġew irriżervati.

29      F’kull kawża, ir-Repubblika Taljana, b’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-16 ta’ Ġunju 2004, talbet sabiex tintervjeni sabiex issostni t-talbiet tar-rikorrenti.

30      B’digriet tal-President ta’ l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Lulju 2004, ir-Repubblika Taljana ġiet awtorizzata tintervjeni sabiex issostni t-talbiet tar-rikorrenti f’kull kawża. Hija ressqet l-osservazzjonijiet tagħha matul il-proċedura orali fuq il-bażi tar-rapport għas-seduta, skond l-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

31      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fit-18 ta’ Ottubru 2005, ir-rikorrenti fil-kawża T-46/03 ressqet talba ġdida għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Din it-talba ġiet miċħuda b’digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-24 ta’ Jannar 2006, Leali vs Il-Kummissjoni (T‑46/03 R II, Ġabra p. I-10167).

32      B’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 14(1) tar-Regoli tal-Proċedura u fuq proposta tar-Raba’ Awla, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, wara li semgħet il-partijiet skond l-Artikolu 51(1) ta’ l-imsemmija Regoli, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

33      B’digriet tas-6 ta’ Lulju 2006, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza ordna, wara li sema’ lill-partijiet, li l-kawżi T-27/03, T-46/03, T-58/03, T-79/03, T-80/03, T-97/03 u T-98/03 jiġu magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

34      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tisma’ lill-partijiet, l-ewwel, fuq il-motiv ibbażat fuq in nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata. Hija għamlet, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, domanda bil-miktub lill-Kummissjoni, li rrispondiet fit-terminu stipulat.

35      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu matul is-seduta tad-19 ta’ Settembru 2006.

 It-talbiet tal-partijiet

36      Fil-kawża T-27/03, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        prinċipalment u fil-mertu, tiddikjara ineżistenti u/jew nulla jew, f’kull każ, tannulla d-deċiżjoni kkontestata minħabba nuqqas ta’ kompetenza, abbuż jew abbuż ta’ poter;

–        sussidjarjament u fil-mertu, tannulla d-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda s-sanzjoni, minħabba definizzjoni żbaljata tas-suq ġeografiku, nuqqas ta’ motivazzjoni, applikazzjoni żbaljata tad-dritt, natura infondata, b’mod partikolari mill-perspettiva tal-provi, ta’ l-oġġezzjonijiet imputati, ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità ta’ l-azzjoni amministrattiva u tad-drittijiet tad-difiża;

–        iktar sussidjarjament u fil-mertu, tannulla l-multa għar-raġuni li mhijiex raġonevoli u minħabba investigazzjoni u motivazzjoni insuffiċjenti jew, f’kull każ, tnaqqas is-sanzjoni imposta fuq ir-rikorrenti, billi tnaqqas l-ewwel nett iż-żieda ta’ 225 % bħala effett dissważiv u ż-żieda ta’ 105 % għad-dewmien u billi tnaqqas, bil-proporzjon dovut, l-ammont bażiku minħabba l-preskrizzjoni, il-ksur mhux gravi, in-natura marġinali tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju u l-oġġezzjonijiet espressament mhux imputati lilha;

–        tordna lill-konvenuta, f’kull każ, tbati l-ispejjeż ta’ l-istanza.

37      Fil-kawża T-46/03, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta, minħabba l-impossibbiltà li jiġu imputati lilha l-oġġezzjonijiet kontra Acciaierie e Ferriere Leali Luigi SpA kif ukoll minħabba l-applikazzjoni żbaljata taż-żieda għad-dewmien mat-totalità tas-sanzjoni bażika, kif ukoll minħabba l-kundizzjonijiet finanzjarji prekarji u speċifiċi li huma inerenti għaliha;

–        tordna lill-Kummissjoni tirrimborsalha l-ispejjeż li hija sostniet f’din l-istanza.

38      Fil-kawża T-58/03, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta, minħabba l-impossibbiltà li jiġi imputat lilha l-aġir imwettaq wara l-likwidazzjoni tagħha, jiġifieri għall-perijodu bejn il-25 ta’ Novembru u l-4 ta’ Diċembru 1998, u minħabba l-applikazzjoni żbaljata taż-żieda għad-dewmien mat-totalità tas-sanzjoni bażika, kif ukoll minħabba l-kundizzjonijiet finanzjarji speċifiċi li huma inerenti għaliha;

–        tordna lill-Kummissjoni tirrimborsa l-ispejjeż li hija sostniet f’din l-istanza.

39      Fil-kawża T-79/03, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata minħabba nuqqas ta’ poter u nuqqas ta’ kompetenza manifesta tal-Kummissjoni, inkwantu din id-deċiżjoni ġiet adottata b’referenza espressa għal bażi legali ineżistenti u fin-nuqqas ta’ kull dispożizzjoni li, wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, tagħti lill-Kummissjoni l-poter li tieħu deċiżjoni abbażi ta’ l-Artikolu 65 KEFA;

–        tannulla d-deċiżjoni minħabba abbuż ta’ poter, applikazzjoni żbaljata, kontradittorja u ħażina tad-dritt, inkwantu l-Kummissjoni għamlet użu, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 65 KEFA, mir-regoli proċedurali previsti bir-Regolament Nru 17, meta dawn ta’ l-aħħar huma rriżervati espressament u esklużivament għall-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE, kif ukoll minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi Regolament fir-rigward tar-rwol u tal-limiti tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet kif ukoll tal-parteċipazzjoni ta’ l-awtoritajiet nazzjonali, bil-konsegwenza li l-proċedura kollha kemm hi tal-Kummissjoni hija inkompleta, inkoerenti u illegali;

–        tannulla d-deċiżjoni minħabba abbuż ta’ poter imputabbli għan-nuqqas li tinvestiga kif ukoll għal nuqqas ta’ motivazzjoni, bil-konsegwenza li d-definizzjoni tas-suq rilevanti hija żbaljata u l-kundizzjonijiet u l-elementi li jikkostitwixxu l-allegat akkordju huma kontradittorji u illoġiċi;

–        sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata minħabba ksur tal-liġi imputabbli għan-nuqqas li tinvestiga, fil-parti ta’ l-imsemmija deċiżjoni li fiha ġiet ikkunsidrata responsabbli għal akkordju antikompetittiv fil-perijodu bejn l-1989 u l-1996, meta ma jeżisti ebda element li jipprova l-parteċipazzjoni tagħha fl-attività allegatament illegali; għaldaqstant, tnaqqas proporzjonalment il-multa imposta fuqha;

–        sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas il-multa imposta fuqha fid-deċiżjoni kkontestata minħabba ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali, protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, proporzjonalità u adekwatezza fid-determinazzjoni tas-sanzjoni;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż ta’ l-istanza.

40      Fil-kawża T-80/03, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        prinċipalment, tikkonstata l-ineżistenza u/jew in-nullità u, f’kull każ, tannulla d-deċiżjoni kkontestata li tordnalha, in solidum ma’ SP SpA, li qabel kienet Siderpotenza SpA, tħallas multa ta’ EUR 16,14 miljun għar-raġuni li hija implementat, flimkien ma’ impriżi oħra, akkordju wieħed, kumpless u kontinwat fuq is-suq Taljan tal-vireg tal-ħadid li jsaħħu l-konkrit, fil-forma ta’ vireg jew rombli, li għandu bħala għan jew effett l-iffissar tal-prezzijiet, li permezz tiegħu ġie wkoll miftiehem li l-produzzjoni jew il-bejgħ jiġu limitati jew ikkontrollati, inkwantu t-Trattat KEFA kienx estint qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolati fir-rigward tas-sanzjoni, minħabba nuqqas ta’ kompetenza, abbuż ta’ poter u eċċess manifest ta’ poter min-naħa tal-Kummissjoni kif ukoll minħabba applikazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 65 KEFA u nuqqas u/jew kontradittorjetà tal-motivazzjoni fir-rigward tagħha;

–        iktar sussidjarjament, tnaqqas il-multa li imponiet fuqha l-Kummissjoni abbażi tal-fatturat tagħha, minħabba applikazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 65(5) KEFA;

–        f’kull każ, tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż ta’ din l-istanza.

41      Fil-kawżi T-97/03 u T-98/03, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu l-imsemmi Artikolu jirrigwardahom;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu jimputalhom il-parteċipazzjoni fi ksur qabel it-13 ta’ Frar 1996;

–        tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu l-imsemmi Artikolu jirrigwardahom;

–        sussidjarjament, temenda l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata b’mod li tneħħi jew tnaqqas sostanzjalment il-multa imposta;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż ta’ l-istanza.

42      F’kull kawża, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

43      In sostenn tat-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti kollha jinvokaw motiv wieħed ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tikkonstata ksur ta’ l-Artikolu 65 KEFA fil-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata.

44      Id-diversi argumenti mqajma fil-kuntest ta’ dan il-motiv jistgħu jiġu maqsuma f’erba’ partijiet. L-ewwel parti, li hija invokata f’kull kawża, tirrigwarda n-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni biex tapplika r-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat KEFA wara l-iskadenza ta’ l-imsemmi Trattat. It-tieni parti, imqajma fil-kawżi T-27/03, T-46/03 u T-58/03, hija bbażata fuq l-illegalità tal-Komunikazzjoni tat-18 ta’ Ġunju 2002 inkwantu hija testendi l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 65 KEFA wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA. It-tielet parti, li hija invokata fil-kawżi T-27/03, T‑79/03, T‑97/03 u T‑98/03, tirrigwarda t-tkomplija illegali tal-proċedura fuq il-bażi tar-Regolament Nru 17 wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA. Ir-raba’ parti, imqajma fil-kawżi T-46/03, T-58/03, T-97/03 u T-98/03, tirrigwarda l-ksur tal-prinċipju tal-lex mitior. Għandha l-ewwel nett tiġi eżaminata l-ewwel parti ta’ dan il-motiv.

 L-argumenti tal-partijiet

45      F’kull kawża, ir-rikorrenti tfakkar li l-azzjonijiet tal-Komunità għandhom ikunu bbażati fuq bażi legali preċiża. Ir-rikorrenti josservaw li d-deċiżjoni kkontestata tirreferi biss għal dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA, b’mod partikolari għall-Artikolu 65 tiegħu. Peress li, meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, fis-17 ta’ Diċembru 2002, it-Trattat KEFA ma kienx aktar jagħmel parti mis-sistema legali Komunitarja, dan it-Trattat ma setax aktar jikkostitwixxi l-bażi legali ta’ l-imsemmija deċiżjoni.

46      Huma jispjegaw li, skond l-Artikolu 97 KEFA, is-sistema legali stabbilita mit-Trattat KEFA ġiet fi tmiemha awtomatikament u kompletament fit-23 ta’ Lulju 2002. Peress li r-regoli li jattribwixxu l-kompetenzi tagħha ġew estinti, il-Kummissjoni, fil-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, ma kellha ebda kompetenza biex tapplika l-Artikolu 65 KEFA. Għalhekk dan il-każ ma jirrigwardax is-suċċessjoni tal-liġijiet fiż-żmien fi ħdan sistema legali waħda, iżda problema marbuta ma’ l-iskadenza ta’ trattat u mat-tmiem tas-sistema legali relattiva.

47      Skond ir-rikorrenti, kienu biss l-Istati firmatarji tat-Trattat KEFA li setgħu jiddeċiedu, b’mod sovran, jekk u taħt liema kundizzjonijiet il-Komunità Ewropea setgħet tiġi surrogata fid-drittijiet, fl-obbligi u fil-prerogattivi tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA). Għal dan il-għan, ir-rikorrenti fil-kawżi T-27/03, T‑79/03, T‑80/03, T‑97/03 u T‑98/03 jirreferu għad-dritt internazzjonali, u b’mod partikolari għall-Artikoli 54 u 70 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq il-Liġi tat-Trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 788, p. 354). Il-prinċipji ta’ dritt internazzjonali jikkostitwixxu, fil-fatt, sorsi ta’ ispirazzjoni validi għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation, C‑286/90, Ġabra p. I‑6019, punt 9; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Jannar 1997, Opel Austria vs Il-Kunsill, T‑115/94, Ġabra p. II‑39, punti 89 sa 95).

48      F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti fil-kawżi T-46/03, T-58/03, T-79/03 u T-80/03 jirrilevaw, minn naħa, li l-Kummissjoni kkonstatat, fil-Komunikazzjoni COM/2000/588 finali, tas-27 ta’ Settembru 2000, intitolata “Il-futur tad-djalogu strutturat wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA”, li l-“punt ta’ tluq ta’ kull analiżi [dwar l-iskadenza tat-Trattat KEFA] għandha tkun ir-rieda ta’ l-Istati Membri li ma jestendux is-sistema u l-korpi tal-KEFA lil hinn mit-terminu stabbilit mit-Trattat”.

49      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti kollha jsemmu xi protokoll, deċiżjoni jew regolament espressament adottati mill-Istati Membri jew mill-Kunsill sabiex jirregolaw il-konsegwenzi ta’ l-iskadenza tat-Trattat KEFA. L-atti kkonċernati huma s-segwenti:

–        il-Protokoll dwar il-konsegwenzi finanzjarji ta’ l-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA u dwar il-Fond tar-riċerka għall-faħam u l-azzar, anness mat-Trattat ta’ Nizza, invokat mir-rikorrenti fil-kawża T-79/03;

–        id-Deċiżjoni 2002/234/KEFA tar-rappreżentati tal-gvernijiet ta’ l-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, tas-27 ta’ Frar 2002, fuq il-konsegwenzi finanzjarji ta’ l-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA u dwar il-Fondi ta’ riċerka għall-faħam u l-azzar (ĠU L 79, p. 42), invokata mir-rikorrenti kollha;

–        id-Deċiżjoni 2002/595/KE tar-rappreżentati tal-gvernijiet ta’ l-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, tad-19 ta’ Lulju ta’ l-2002, dwar il-konsegwenzi tat-tmiem tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) dwar il-ftehim internazzjonali konklużi mill-KEFA (ĠU L 194, p. 35), invokata mir-rikorrenti fil-kawżi T‑27/03, T‑46/03, T‑58/03, T‑79/03 u T‑80/03;

–        ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 963/2002, tat-3 ta’ Ġunju ta’ l-2002, li jniżżel [jistabbilixxi] dispożizzjonijiet transitorji illi jikkonċernaw anti-dumping u kontra miżuri sussidjarji ad[o]ttati skond id-Deċiżjoni[jiet] tal-Kummissjoni Nru 2277/96/KEFA u Nru 1889/98/KEFA anke investigazzjonijiet sospiżi antidumping u ta’ kontra s-sussidji, l-ilmenti u l-applikazzjonijiet skond [kif ukoll l-investigazzjonijiet, l-ilmenti u l-applikazzjonijiet anti-dumping u kontra s-sussidji pendenti, magħmula taħt] dawk id-Deċiżjonijiet (ĠU L 149, p. 3), invokat mir-rikorrenti fil-kawżi T-27/03, T-79/03 u T-80/03;

–        ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1407/2002, tat-23 ta’ Lulju 2002, dwar għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam (ĠU L 205, p. 1), invokat mir-rikorrenti fil-kawżi T‑80/03, T‑97/03 u T‑98/03;

–        ir-Regolament (KE) Nru 1840/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Settembru 2002, dwar iż-żamma tas-sistema ta’ l-istatistika tal-KEFA fis-settur ta’ l-azzar wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 279, p. 1), invokat mir-rikorrenti fil-kawża T-79/03;

–        ir-Regolament (KE) Nru 405/2003 tal-Kunsill, tas-27 ta’ Frar 2003, dwar il-kontroll tal-Komunità ta’ l-importazzjoni tal-fossili tal-karbonju li joriġina minn pajjiżi terzi (ĠU L 62, p. 1), invokat mir-rikorrenti fil-kawża T-79/03.

50      Għall-kuntrarju, l-Istati Membri ma kinux ħadu ebda miżura li tipproroga r-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti mit-Trattat KEFA jew li tipprovdi għal sistema tranżitorja għal dawn ta’ l-aħħar. Fin-nuqqas ta’ xi deċiżjoni ta’ l-Istati firmatarji tat-Trattat KEFA fuq l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 65 KEFA wara l-iskadenza ta’ l-imsemmi Trattat, il-Kummissjoni mhijiex iktar kompetenti biex tapplika din id-dispożizzjoni. Fi kliem ieħor, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni pprorogat il-validità ta’ l-Artikolu 65 KEFA, li ma kienx iktar fis-seħħ, meta ma kien hemm ebda att legali li jawtorizzaha espliċitament sabiex taġixxi b’dan il-mod.

51      Ir-rikorrenti fil-kawżi T-46/03, T-58/03, T-79/03, T-80/03, T-97/03 u T-98/03 jinsistu fuq il-fatt li, minkejja l-ispirazzjoni komuni tagħhom u l-bżonn li l-interpretazzjoni tagħhom tissodisfa kriterji ta’ koerenza loġika, it-Trattati KEFA, KE u KEEA huma trattati distinti u awtonomi li jattribwixxu kompetenzi distinti u definiti sewwa lill-istituzzjonijiet Komunitarji. Kull trattat, meqjus individwalment, jikkostitwixxi sistema kompleta u awtonoma ta’ regoli li t-twettiq u l-implementazzjoni sħiħa u kompleta jseħħu f’kuntest li huwa speċifiku għalihom. L-Artikolu 3 UE u l-Artikolu 305 KE huma xhieda tan-natura awtonoma tad-diversi Trattati.

52      Fir-rigward ta’ l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq it-Trattat tat-8 ta’ April 1965 li jistabbilixxi Kunsill wieħed u Kummissjoni waħda tal-Komunitajiet Ewropew (iktar’il quddiem it-“Trattat li Jgħaqqad”), li sadanittant ġie mħassar bl-Artikolu 9 tat-Trattat ta’ Amsterdam, ir-rikorrenti fil-kawżi T-46/03, T‑58/03, T‑79/03, T‑80/03, T‑97/03 u T‑98/03 jenfasizzaw li, minkejja l-għaqda ta’ l-istituzzjonijiet, id-diversi Komunitajiet baqgħu separati u distinti. Il-Kummissjoni kompliet teżerċita kompetenzi distinti u taġixxi abbażi ta’ poteri distinti skond jekk kinitx qed taġixxi fil-kuntest ta’ Komunità waħda jew oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Awwissu 1994, Franza vs Il-Kummissjoni, C-327/91, Ġabra p. I‑3641). Tkun kontradittorja l-affermazzjoni li l-qasam tal-kompetizzjoni għadda awtomatikament mis-sistema tat-Trattat KEFA għas-sistema tat-Trattat KE abbażi ta’ l-allegata uniċità tas-sistema legali Komunitarja meta, għal diversi materji oħra, kienet tkun meħtieġa deċiżjoni speċifika ta’ l-Istati Membri.

53      Ir-rikorrenti fil-kawżi T-46/03 u T-58/03 jikkontestaw ukoll il-kwalifika tat-Trattat KEFA bħala lex specialis (id-deċiżjoni kkontestata, premessa 348) meta mqabbel mat-Trattat KE billi t-Trattat KEFA ġie iffirmat qabel it-Trattat KE. Il-ġurisprudenza li għaliha tirreferi l-Kummissjoni fir-risposta tagħha ma tikkonċerna bl-ebda mod l-ipoteżi ta’ l-iskadenza tat-Trattat KEFA u tikkonferma biss li t-Trattat KEFA kien intiż sabiex jirregola s-suq tal-faħam u l-azzar, filwaqt li t-Trattat KE kien jirregola s-setturi l-oħra kollha. F’kull każ, kieku t-Trattat KEFA kellu jikkostitwixxi lex specialis meta mqabbel mat-Trattat KE, il-konsegwenza ta’ l-iskadenza tat-Trattat KEFA kienet tkun li l-Kummissjoni kien imissha applikat l-Artikolu 81 KE fid-deċiżjoni kkontestata.

54      Fir-rigward ta’ l-Artikolu 305 KE li, skond il-Kummissjoni, jikkonferma n-natura ta’ lex specialis tat-Trattat KEFA, ir-rikorrenti fil-kawżi T-97/03 u T-98/03 isostnu li din id-dispożizzjoni hija klawżola ta’ kompatibbiltà sħiħa, speċifika għad-dritt konswetudinarju u kkodifikata fl-Artikolu 30(2) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna. L-Artikolu 305 KE huwa intiż ukoll sabiex jevita li t-Trattat li ġie wara – it-Trattat KE – jipprevali fuq it-Trattat preċedenti – It-Trattat KEFA – fis-setturi regolati minn dan ta’ l-aħħar. Dan l-Artikolu, madankollu, ma jawtorizzax lill-Kummissjoni tapplika t-Trattat KEFA wara l-iskadenza tiegħu.

55      Il-Kummissjoni ssostni li t-Trattat KE u t-Trattat KEFA jagħmlu parti mill-istess sistema legali waħda, li hija s-sistema legali Komunitarja (opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja 1/91, ta’ l-14 ta’ Diċembru 1991, Ġabra p. I‑6079, punt 21). Hija tispjega li, minħabba l-uniċità ta’ din is-sistema legali, il-qorti Komunitarja interpretat id-dispożizzjonijiet tat-Trattati KEFA u KEEA b’referenza għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, fuq il-bażi tal-prinċipji komuni li magħhom jikkonformaw ruħhom it-trattati Komunitarji kollha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Frar 1990, Busseni, C‑221/88, Ġabra p. I‑495, punti 16 u 21). Għaldaqstant, l-Artikolu 65 KEFA ngħata interpretazzjoni koerenti ma’ l-Artikolu 81 KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Mejju 1962, Geitling Ruhrkohlen-Verkaufsgesellschaft et vs L-Awtorità Għolja, 13/60, Ġabra p. 165; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, T‑141/94, Ġabra p. II‑347, punti 262, 266 u 277).

56      Barra minn hekk, l-uniċità tas-sistema legali Komunitarja hija kkorroborata bl-uniċità li tipprevali fuq livell istituzzjonali. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għat-Trattat li Jgħaqqad, kif ukoll għat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 1 UE, għall-Artikolu 3(1) UE u għall-Artikoli 48 UE u 49 UE.

57      Il-Kummissjoni tosserva li, fi ħdan is-sistema legali Komunitarja, it-Trattat KEFA kien jikkostitwixxi lex specialis li kienet tidderoga mil-lex generalis li hija t-Trattat KE. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għall-Artikolu 305(1) KE, kif ukoll għall-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Ottubru 1985, Gerlach, 239/84, Ġabra p. 3507, punti 9 sa 11; opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja 1/94, tal-15 ta’ Novembru 1994, Ġabra p. I‑5267, punti 25 sa 27; konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali M. Van Gerven fil-kawża Banks, C‑128/92, Ġabra p. I‑1209, I‑1212, punt 8; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Ġunju 2001, ESF Elbe-Stahlwerke Feralpi vs Il-Kummissjoni, T‑6/99, Ġabra p. II‑1523, punt 102, u tat-8 ta’ Lulju 2003, Verband der freien Rohrwerke et vs Il-Kummissjoni, T‑374/00, Ġabra p. II‑2275, punt 68). Il-Kummissjoni ssostni li, ma’ l-iskadenza tal-lex specialis, fit-23 ta’ Lulju 2002, il-lex generalis ikkostitwita bit-Trattat KE reġgħet kisbet pjenament il-vis expansiva tagħha li l-Artikolu 305 KE kien illimita matul il-perijodu kollu ta’ validità tat-Trattat KEFA, b’mod li s-setturi li preċedentement kienu jaqgħu taħt it-Trattat KEFA ġew suġġetti, mill-iskadenza tat-Trattat KEFA ‘l quddiem, għar-regoli korrispondenti tat-Trattat KE. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għall-premessa 348 tad-deċiżjoni kkontestata.

58      Ir-referenza għad-dritt internazzjonali, u b’mod partikolari għall-Artikoli 54 u 70 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, tonqos li tieħu in kunsiderazzjoni n-natura sui generis tas-sistema legali Komunitarja (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1964, Costa, 6/64, Ġabra p. 1141, u tat-13 ta’ Novembru 1964, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu u Il-Belġju, 90/63 u 91/63, Ġabra p. 1217). Minħabba l-uniċità tas-sistema legali Komunitarja u r-relazzjoni ta’ lex specialis għal lex generalis li teżisti bejn it-Trattati KEFA u KE, il-konsegwenzi ta’ l-iskadenza tat-Trattat KEFA mhumiex regolati minn regoli tad-dritt internazzjonali, iżda għandhom ikunu evalwati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet eżistenti fi ħdan is-sistema legali Komunitarja.

59      Il-ġurisprudenza ċċitata mir-rikorrenti in sostenn ta’ l-argumenti tagħhom li d-dritt internazzjonali jista’ ukoll japplika fil-qasam tad-dritt Komunitarju hija irrilevanti billi hija tirrigwarda r-relazzjonijiet bejn il-Komunità u Stati terzi u mhux ir-relazzjonijiet fi ħdan is-sistema legali Komunitarja.

60      Ma’ l-iskadenza tat-Trattat KEFA, it-tranżizzjoni bejn is-sistema tat-Trattat KEFA u s-sistema tat-Trattat KE fil-qasam tal-kompetizzjoni saret awtomatikament fuq il-bażi tal-prinċipju tas-suċċessjoni tar-regoli fiż-żmien fi ħdan l-istess sistema legali. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li r-regoli proċedurali ġeneralment jitqiesu li japplikaw għall-kawżi kollha pendenti meta huma jidħlu fis-seħħ, għad-differenza tar-regoli sostantivi, li s-soltu huma interpretati fis-sens li ma jkoprux sitwazzjonijiet li jkunu seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 1981, Salumi, 212/80 sa 217/80, Ġabra p. 2735, punt 9; tas-6 ta’ Lulju 1993, CT Control (Rotterdam) u JCT Benelux vs Il-Kummissjoni, C‑121/91 u C‑122/91, Ġabra p. I‑3873, punt 22; u tas-7 ta’ Settembru 1999, De Haan, C‑61/98, Ġabra p. I‑5003, punt 13].

61      Konformement ma’ dawn il-prinċipji, il-Kummissjoni applikat, wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, ir-regoli proċedurali tar-Regolament Nru 17. Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet sostantivi, id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda akkordju implementat sa l-2000. L-unika dispożizzjoni li nkisret mid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata għaldaqstant kien ta’ l-Artikolu 65(1) KEFA. Fi kliem ieħor, l-Artikolu 81 KE ma jissemmiex fid-deċiżjoni kkontestata minħabba l-fatt li l-Artikolu 65 KEFA kien jikkostitwixxi d-dispożizzjoni sostantiva fis-seħħ fiż-żmien meta twettaq l-aġir antikompetittiv. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-fatt li proċedura amministrattiva intiża biex tapplika l-Artikolu 65 KEFA għal fatti li ġraw meta t-Trattat KEFA kien fis-seħħ irrikjediet żmien li jeċċedu t-tul ta’ applikabbiltà tat-Trattat KEFA ma jistax ikollu bħala konsegwenza li l-Artikolu 65 KEFA jiġi mċaħħad mill-effett utli tiegħu sew qabel id-data ta’ skadenza ta’ l-imsemmi Trattat u li l-obbligu li ma ssirx distorsjoni tad-dinamika kompetittiva li l-imsemmi Artikolu kien jimponi direttament fuq kull operatur ekonomiku jiġi reż ineffikaċi.

62      L-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 65 KEFA għal ksur imwettaq qabel l-iskadenza tat-Trattat KEFA hija għalhekk il-konsegwenza loġika u koerenti tal-prinċipji dwar is-suċċessjoni tar-regoli fiż-żmien fi ħdan l-istess sistema legali. Hija tinsisti fuq il-fatt li hija setgħet legalment tadotta d-deċiżjoni kkontestata, billi hija baqgħet, wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, il-korp kompetenti skond it-Trattat KE sabiex japplika r-regoli tal-kompetizzjoni. Hija tenfasizza wkoll li hija llimitat ruħha sabiex tapplika dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA li għandhom ekwivalent ċar fit-Trattat KE. Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja stess kompliet tapplika l-Artikolu 65 KEFA, wara l-iskadenza tiegħu, għal fatti li seħħew matul il-perijodu meta huwa kien għadu fis-seħħ (ara, per eżempju, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, International Power et vs NALOO, C-172/01 P, C-175/01 P, C-176/01 P u C-180/01 P, Ġabra p. I-11421, punt 168, u tat-2 ta’ Ottubru 2003, Eurofer vs Il-Kummissjoni, C-179/99 P, Ġabra p. I-10725, punti 22 sa 26).

63      Il-Komunikazzjoni fuq il-futur tad-djalogu strutturat wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA tirrigwarda aġir u sitwazzjonijiet li jistgħu jseħħu wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA. Għall-kuntrarju, id-deċiżjoni kkontestata tillimita ruħha sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur u sabiex timponi sanzjoni għal aġir li seħħ f’mument meta t-Trattat KEFA kien pjenament fis-seħħ.

64      Fir-rigward tad-diversi atti msemmija fil-punt 49 iktar’il fuq in sostenn ta’ l-argumenti tar-rikorrenti li, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni speċifika ta’ l-Istati Membri jew tal-Kunsill, il-Kummissjoni ma kinitx iktar kompetenti sabiex tapplika l-Artikolu 65 KEFA wara l-iskadenza ta’ l-imsemmi Trattat, il-Kummissjoni ssostni li l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2002/234 hija marbuta mal-fatt li t-trasferiment ta’ l-assi tal-KEFA lill-Komunità Ewropea ma setax iseħħ awtomatikament billi t-Trattat KE ma jinkludi ebda dispożizzjoni ta’ natura li tippermetti lill-Komunità Ewropea li tiġi surrogata awtomatikament fid-drittijiet u fl-obbligi ekonomiċi tal-KEFA. Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni speċifika, il-fondi tal-KEFA kienu jirritornaw għand l-Istati Membri fid-data ta’ l-iskadenza tat-Trattat KEFA [ara l-ewwel premessa tad-Deċiżjoni 2002/234 u l-Komunikazzjoni COM (2000) 518 finali tal-Kummissjoni, tas-6 ta’ Settembru 2000]. L-adozzjoni ta’ att ad hoc mill-Istati Membri, li ġie sussegwentement ikkonkretizzat bil-Protokoll Ċ tat-Trattat ta’ Nizza, kienet għalhekk neċessarja biex jitwettaq it-trasferiment tal-fondi tal-KEFA lill-Komunità Ewropea. Għall-kuntrarju, il-ħarsien tal-kompetizzjoni fis-setturi tal-faħam u ta’ l-azzar li kienu jaqgħu taħt il-KEFA għadda awtomatikament taħt is-sistema tal-Komunità Ewropea ma’ l-iskadenza tat-Trattat KEFA, b’effett tat-tmiem tal-limitu impost bl-Artikolu 305 KE għall-vis expansiva tal-lex generalis.

65      Fir-rigward tad-Deċiżjoni 2002/595, il-Kummissjoni tispjega li l-bżonn li jiġu rregolati l-konsegwenzi ta’ l-iskadenza tat-Trattat KEFA fuq il-ftehim internazzjonali permezz ta’ deċiżjoni speċifika ta’ l-Istati Membri nħoloq, l-ewwel nett, mir-rieda politika li tinżamm is-sistema “speċifika” prevista mill-imsemmija ftehim għall-prodotti li jaqgħu taħt il-KEFA anki wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA u, it-tieni nett, mill-impossibbiltà għall-Komunità Ewropea li tipproklama ruħha suċċessur awtomatiku tal-KEFA fir-relazzjonijiet ma’ l-Istati terzi fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, billi dawn ta’ l-aħħar ma setgħux ikunu marbuta b’regola “interna” tas-sistema Komunitarja bħlama huwa l-Artikolu 305 KE. Id-Deċiżjoni 2002/595 għalhekk ittrasferiet espliċitament lill-Komunità Ewropea d-drittijiet u l-obbligi tal-KEFA fir-relazzjonijiet ma’ l-Istati terzi. L-ewwel Artikolu tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/596/KE, tad-19 ta’ Lulju 2002, dwar il-konsegwenzi tat-tmiem tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) dwar il-ftehim internazzjonali konklużi mill-KEFA (ĠU L 194, p. 36), irratifika dan it-trasferiment. Il-Kummissjoni żżid li, skond l-Artikolu 2 ta’ din l-aħħar Deċiżjoni, hija kienet obbligata tinforma lill-Istati terzi b’dan it-trasferiment u tinnegozzja, jekk ikun meħtieġ, l-emendi li għandhom isiru għal dawn il-ftehim.

66      Fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq ir-Regolament Nru 963/2002, il-Kummissjoni ssostni li l-bżonn ta’ l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament inħoloq minħabba li l-ġestjoni tal-politika kummerċjali tal-Komunità Ewropea hija kkaratterizzata minn proċess deċiżjonali differenti minn dak previst permezz tat-Trattat KEFA. Fl-ewwel każ, huwa l-Kunsill li għandu l-kompetenza u, fit-tieni każ, hija l-Kummissjoni. Għaldaqtstant, konformement ma’ l-Artikolu 74 KEFA u l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2277/96/KEFA, tat-28 ta’ Novembru 1996, dwar id-difiża kontra l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping min-naħa ta’ pajjiżi li mhumiex membri fil-KEFA (ĠU L 308, p. 11), id-dazji antidumping provviżorji u definittivi ġew imposti mill-Kummissjoni. Barra minn dan, ir-raġuni għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 963/2002 tinsab fl-obbligi tal-Komunità relattivi għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali fuq it-Tariffi Doganali u l-Kummerċ (WTO). Il-partijiet ikkonċernati fil-pajjiżi terzi għandhom interess li jkunu jafu jekk it-terminu massimu ta’ tmintax-il xahar għal proċedura antidumping kienx se jiġi interrott fil-mument ta’ l-iskadenza tat-Trattat KEFA. Peress li qies li l-pajjiżi terzi la setgħu jkunu pjenament informati bil-portata ta’ l-Artikolu 305 KE u lanqas bl-effetti ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-suċċessjoni tal-liġijiet fiż-żmien, b’mod partikolari fid-dawl tad-differenza istituzzjonali li teżisti bejn iż-żewġ trattati, il-Kunsill adotta r-Regolament Nru 963/2002. Min-naħa l-oħra, l-identiċità fit-Trattati KEFA u KE fir-rigward tal-korp kompetenti sabiex jadotta l-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni tal-kompetizzjoni, jiġifieri l-Kummissjoni, ippermettiet li ssir it-tranżizzjoni bejn iż-żewġ trattati fuq il-bażi tal-prinċipji ġenerali tad-dritt. L-adozzjoni tar-Regolament Nru 963/2002 hija, fl-aħħar nett, marbuta mal-fatt li, kuntrarjament għad-deċiżjonijiet li jikkonstataw ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-miżuri antidumping previsti bit-Trattat KEFA kienu jistabbilixxu għall-futur is-sistema relattiva għall-prodotti li kienu s-suġġett ta’ dumping u għalhekk kellhom effetti li setgħu jimmanifestaw ruħhom anki wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA.

67      Bl-istess mod, ir-Regolament Nru 1840/2002 dwar iż-żamma tas-sistema ta’ l-istatistika tal-KEFA u r-Regolament Nru 405/2003 dwar is-sistema ta’ kontroll ta’ l-importazzjoni tal-fossili tal-karbonju li joriġina minn pajjiżi terzi jirrigwardaw aġir u sitwazzjonijiet li seħħew wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA. Għall-kuntrarju, id-deċiżjoni kkontestata tillimita ruħha sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur u timponi sanzjoni għal perijodu li matulu t-Trattat KEFA kien pjenament fis-seħħ.

68      Fir-rigward tar-Regolament Nru 1407/2002, il-Kummissjoni tispjega li huwa jistabbilixxi sistema ta’ regoli dwar l-għajnuna lis-setturi li jaqgħu taħt il-KEFA fil-kuntest tat-Trattat KE biss. Huwa jinkludi regoli sostantivi u proċedurali għall-evalwazzjoni ta’ l-għajnuna wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA. Is-sistema tranżitorja ta’ l-Artikolu 14(2) applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2002, kienet prevista sabiex tevita l-applikazzjoni suċċessiva fl-istess sena ta’ żewġ sistemi ta’ regoli dwar l-għajnuna – dik tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 3623/93/KEFA, tat-28 ta’ Diċembru 1993, dwar ir-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam (ĠU L 329, p. 12), sat-23 ta’ Lulju 2002, u dik tar-Regolament Nru 1407/2002 wara din id-data –, sitwazzjoni li setgħet toħloq diffikultajiet għall-impriżi.

69      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tiddikjara li hija dejjem kompetenti biex tikkonstata ksur ta’ l-Artikolu 65 KEFA, sakemm tali ksur ma jkunx preskritt.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 Osservazzjonijiet preliminari

70      Għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li t-trattati Komunitarji stabbilew sistema legali ġdida legali li favur tagħha l-Istati llimitaw, f’oqsma aktar u aktar estiżi, id-drittijiet sovrani tagħhom u li s-suġġetti tagħha mhumiex biss l-Istati Membri, iżda wkoll iċ-ċittadini tagħhom (opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja 1/91, punt 55 iktar’il fuq, punt 21).

71      Fi ħdan din is-sistema legali Komunitarja, l-istituzzjonijiet għandhom biss kompetenzi li huma assenjati lilhom (opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja 2/00, tas-6 ta’ Diċembru 2001, Ġabra p. I-9713, punt 5; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 2001, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-93/00, Ġabra p. I‑10119, punt 39). Għal din ir-raġuni, l-atti Komunitarji jsemmu fil-preambolu tagħhom il-bażi legali li tawtorizza lill-istituzzjoni kkonċernata sabiex taġixxi fil-qasam in kwistjoni. L-għażla tal-bażi legali xierqa fil-fatt għandha importanza ta’ natura kostituzzjonali (opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja 2/00, iċċitata iktar’il fuq, punt 5).

72      F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata, li ġiet adottata meta t-Trattat KEFA kien diġà skada, tikkonstata ksur ta’ l-Artikolu 65(1) KEFA u timponi multa pekunjarja fuq l-impriżi li allegatament kisru din id-dispożizzjoni. Fid-dawl ta’ l-argumenti invokati fil-kuntest ta’ dan il-motiv, hemm lok li tiġi identifikata, l-ewwel nett, il-bażi legali li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata. It-tieni nett, ser jiġi eżaminat jekk il-bażi legali użata kinitx tagħti kompetenza lill-Kummissjoni biex tikkonstata u tippenalizza ksur ta’ l-Artikolu 65(1) KEFA, fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq il-bażi legali li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata

73      Għandu jiġi kkonstatat li l-preambolu tad-deċiżjoni kkontestata jinkludi biss referenzi għal dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA, jiġifieri l-Artikoli 65 KEFA, 47 KEFA u 36 KEFA.

74      Għandu jiġi mfakkar, minn naħa, li l-Artikolu 47 KEFA jawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tiġbor l-informazzjoni meħtieġa għat-twettiq tal-missjoni tagħha u sabiex twettaq verifiki u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 36 KEFA jobbliga lill-Kummissjoni tisma’ lill-partijiet ikkonċernati qabel ma timponi sanzjonijiet pekunjarji jew tiffissa penali perjodiċi. Ir-referenzi għal dawn id-dispożizzjonijiet fil-preambolu tad-deċiżjoni kkontestata għalhekk jirrigwardaw l-atti proċedurali meħuda qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

75      Fir-rigward ta’ l-Artikolu 65 KEFA, għandu jiġi rrilevat li huwa mhux biss jinkludi dispożizzjoni sostantiva indirizzata lill-impriżi u lill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi billi tipprojbixxi ċertu aġir antikompetittiv (paragrafu 1), iżda li, barra minn dan, huwa jipprovdi bażi legali għall-azzjoni tal-Kummissjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 65(4) KEFA jawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tikkonstata ksur ta’ l-Artikolu 65(1) KEFA. Barra minn dan, l-Artikolu 65(5) KEFA jawtorizza l-Kummissjoni timponi multi fuq l-impriżi li kisru l-Artikolu 65(1) KEFA.

76      Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-preambolu, għandu jiġi kkunsidrat li l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, li tikkonstata ksur ta’ l-Artikolu 65(1) KEFA u li timponi multi fuq l-impriżi li allegatament kisru din id-dispożizzjoni, hija l-Artikolu 65(4) KEFA għall-konstatazzjoni tal-ksur u l-Artikolu 65(5) KEFA għall-impożizzjoni tal-multa. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrikonoxxiet fis-seduta li r-referenza għall-Artikolu 65 KEFA fil-preambolu tad-deċiżjoni kkontestata kien jirrigwarda l-paragrafi (4) u (5) ta’ dan l-Artikolu.

77      Madankollu, fis-seduta, il-Kummissjoni sostniet li l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata kienet ukoll ir-Regolament Nru 17.

78      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li r-Regolament Nru 17, li sadanittant ġie mħassar permezz ta’ l-Artikolu 43 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU 2003, L 1, p. 1), jagħti, fl-Artikolu 3 tiegħu, kompetenza lill-Kummissjoni sabiex tikkonstata ksur ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE u, fl-Artikolu 15(2) tiegħu, jagħti kompetenza lil din l-istess istituzzjoni biex timponi multi fuq l-impriżi u fuq l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li pparteċipaw f’tali ksur.

79      Għandu jiġi kkonstatat li la l-preambolu u lanqas il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata ma fihom referenza għal bażi legali kkostitwita mill-Artikolu 3 jew mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. L-uniċi referenzi għall-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, li jinsabu fil-premessi 335 u 343 tad-deċiżjoni kkontestata, jirrigwardaw id-diskussjoni fuq il-lex mitior bil-għan li tiġi ġġustifikata, f’dan il-każ, l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 65(5) KEFA u mhux ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

80      Fis-seduta, il-Kummissjoni l-ewwel ikkwalifikat l-ommissjoni ta’ referenza għar-Regolament Nru 17 fil-preambolu tad-deċiżjoni kkontestata bħala żball materjali, imbagħad bħala żball formali kif ukoll żball fil-kitba. Sussegwentement, hija spjegat li d-deċiżjoni kkontestata kellha tinqara fid-dawl tat-tieni dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, tat-12 ta’ Awwissu 2002, li kienet ibbażata fuq ir-Regolament Nru 17. Fl-aħħar, b’risposta għal domanda tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni identifikat is-siltiet mid-deċiżjoni kkontestata li, skondha, juru li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq l-Artikolu 3 u fuq l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Dawn huma, minn naħa, ir-referenza għall-Kumitat Konsultattiv fil-preambolu u, min-naħa l-oħra, il-premessi 335, 342, 343, 345, 346, 348 sa 350, 352 u 353 tad-deċiżjoni kkontestata.

81      Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk l-elementi identifikati fil-punt preċedenti jipprovawx suffiċjentement skond il-liġi li l-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni kkontestata fuq l-Artikolu 3 u fuq l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 ukoll, minkejja l-ommissjoni ta’ referenzi espressi f’dan is-sens fid-deċiżjoni kkontestata.

82      Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li, wara li kinet ġiet mistoqsija fuq dan il-punt fis-seduta, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-affermazzjonijiet kontenuti f’diversi kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 80 iktar’il fuq kienu jirrigwardaw id-dritt sostantiv (premessi 335, 342 u 343) jew proċedurali (premessi 352 u 353) applikabbli u ma kinux jirrigwardaw speċifikament il-kompetenza tagħha biex tikkonstata jew tippenalizza ksur ta’ l-Artikolu 65(1) KEFA wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA. Sussegwentement, hija rrikonoxxiet li kulma għamlu l-premessi 345 u 346 kien li rriproduċew l-argumenti żviluppati mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva.

83      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-premessi 348 u 349 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li dawn jikkontjenu referenzi ġenerali għal-lex specialis, għat-Trattat li Jgħaqqad u għall-Artikolu 305 KE, iżda ma jikkontjenu ebda indikazzjoni fis-sens li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq l-Artikolu 3 u fuq l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

84      Fit-tielet lok, ir-referenza għall-Kumitat Konsultattiv fil-preambolu tirrigwarda referenza għal stadju tal-proċedura previst mill-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 17 u għalhekk tikkonferma li l-Kummissjoni applikat ir-regoli proċedurali tar-Regolament Nru 17 wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, filwaqt li r-referenzi għall-Artikoli 36 KEFA u 47 KEFA fl-istess preambolu jikkonfermaw li, wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, huma r-regoli proċedurali tat-Trattat KEFA li ġew applikati.

85      Madankollu, ir-referenza għall-Kumitat Konsultattiv bl-ebda mod ma tindika li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni bbażat il-kompetenza tagħha fuq l-Artikolu 3 u fuq l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 ukoll. Fil-fatt, l-unika indikazzjoni fil-preambolu dwar il-bażi legali użata mill-Kummissjoni sabiex tikkonstata u tippenalizza l-ksur ikkonċernat hija kkostitwita mill-Artikolu 65 KEFA. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni rrikonoxxiet fis-seduta li r-referenza għall-Artikolu 65 KEFA tal-preambolu kienet tirrigwarda l-paragrafu (4) tiegħu, għall-konstatazzjoni tal-ksur, u l-paragrafu (5) tiegħu, għall-impożizzjoni tal-multa.

86      Fir-raba’ lok, fis-seduta, il-Kummissjoni insistiet, b’mod partikolari, fuq l-ewwel sentenza tal-premessa 350, li turi b’mod impliċitu, iżda ċert, li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq l-Artikolu 3 u fuq l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

87      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-premessa 350 tad-deċiżjoni kkontestata taqra kif ġej:

“Il-konsegwenzi tat-tmiem tal-lex specialis għandhom madankollu jiġu speċifikati għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet li jawtorizzaw lill-Kummissjoni sabiex timponi sanzjonijiet. F’dan il-każ, l-applikazzjoni tal-liġi sostantiva fis-seħħ fil-mument meta seħħew il-fatti tidher li hija ġġustifikata, filwaqt li għandhom jiġu applikati r-regoli proċedurali li ġew adottati minn dak iż-żmien’il quddiem”.

88      Għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat li l-premessa 350 tad-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda biss il-kompetenza tal-Kummissjoni biex timponi multi. Fil-fatt, l-ewwel sentenza tal-premessa 350 tirreferi biss għad-“dispożizzjonijiet li jawtorizzaw lill-Kummissjoni sabiex timponi sanzjonijiet”. It-tieni sentenza ta’ l-imsemmija premessa, li jmissha tispjega aktar il-kompetenza tal-Kummissjoni fid-dawl ta’ l-iskadenza tal-lex specialis, ma tispeċifikax liema huma “id-dispożizzjonijiet li jawtorizzaw lill-Kummissjoni sabiex timponi sanzjonijiet”. Hija ssemmi biss il-liġi sostantiva u r-regoli proċedurali applikabbli u bl-ebda mod ma tindirizzax il-kwistjoni tal-kompetenza tal-Kummissjoni biex “timponi sanzjonijiet”.

89      Id-deċiżjoni kkontestata għalhekk ma tispeċikax fil-premessa 350 liema huma “id-dispożizzjonijiet li jawtorizzaw lill-Kummissjoni sabiex timponi sanzjonijiet”. Moqrija waħedha, l-ewwel sentenza tal-premessa 350 tista’ qed tirreferi għall-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jew għall-Artikolu 65(5) KEFA.

90      Madankollu, meta l-premessa 350 tad-deċiżjoni kkontestata tinqara flimkien mat-Taqsima 8 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirrigwarda l-impożizzjoni tal-multa u li hija intitolata “Applikabbiltà ta’ l-Artikolu 65(5) KEFA”, jidher ċar li l-Kummissjoni bbażat il-kompetenza tagħha biex timponi multi f’dan il-każ fuq l-Artikolu 65(5) KEFA. Fil-fatt, il-premessa 515 tfakkar li, “[s]kond l-Artikolu 65(5) KEFA, il-Kummissjoni tista’ timponi multi fuq l-impriżi [ikkonċernati]”.

91      Minbarra dan, jirriżulta daqstant ieħor ċar mill-premessi 515 sa 518 li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata esklużivament fuq l-Artikolu 65(4) u (5) KEFA. Fil-fatt, il-paragrafu (4) huwa ċċitat espliċitament fil-premessa 516 biex jiġi spjegat li l-Kummissjoni hija kompetenti biex tikkonstata li twettaq ksur minn Federacciai, assoċjazzjoni ta’ impriżi, iżda li hija m’għandhiex kompetenza, skond l-Artikolu 65(5) KEFA, sabiex timponilha multa. Fil-fatt, l-Artikolu 65(5) KEFA jagħti biss kompetenza lill-Kummissjoni sabiex timponi multi fuq impriżi u mhux fuq assoċjazzjonijiet ta’ impriżi. Jekk, kif tallega l-Kummissjoni, id-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata fuq ir-Regolament Nru 17, tali evalwazzjoni ġuridika kienet tkun irrilevanti. Fil-fatt, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 ma jagħmel ebda distinzjoni bejn impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi għal dak li jirrigwarda l-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex timponi multi.

92      Bl-istess mod, it-Taqsima 7 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “Inapplikabbiltà ta’ l-Artikolu 65(2) KEFA”, tikkontjeni indikazzjoni oħra li l-Kummissjoni bbażat d-deċiżjoni kkontestata fuq l-Artikolu 65 KEFA, u mhux fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 17. Fil-fatt, fil-premessa 514 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat jekk hija setgħetx tawtorizza l-akkordju li għalih tirreferi d-deċiżjoni kkontestata, skond l-Artikolu 65(2) KEFA. Issa l-Kummissjoni mkien ma rreferiet għall-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 17 li jagħtiha l-kompetenza li tagħti eżenzjonijiet, iżda bbażat il-kompetenza tagħha fuq l-Artikolu 65(2) KEFA.

93      Fil-ħames lok, fir-rigward tal-qari tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tat-tieni dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet tat-12 ta’ Awwissu 2002, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tiddikjara fiha li kienet fetħet proċedura ġdida fuq il-bażi tar-Regolament Nru 17 u tirreferi wkoll espliċitament għall-Artikolu 3 ta’ l-imsemmi Regolament (dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet addizzjonali, punt 2).

94      Madankollu, dan l-element mhuwiex biżżejjed fih innifsu biex jiġi kkonstatat li l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata hija kkostitwita mill-Artikolu 3 u mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Għall-kuntrarju, għandu jiġi kkunsidrat li l-ommissjoni ta’ kull referenza għall-Artikolu 3 u għall-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 fil-preambolu tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll l-ommissjoni ta’ kull referenza għall-imsemmija dispożizzjonijiet fil-motivi ta’ din ta’ l-aħħar huma pjuttost ir-riżultat ta’ għażla intenzjonata tal-Kummissjoni. Fil-fatt, ma jistax jiġi aċċettat, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, li l-Kummissjoni, wara li bdiet dibattitu mar-rikorrenti fuq l-użu kkontestat tar-Regolament Nru 17 bħala bażi legali permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet addizzjonali, sempliċement insiet issemmi din il-bażi legali fid-deċiżjoni kkontestata.

95      Fis-sitt lok, dan il-qari tad-deċiżjoni kkontestata jidher li huwa kkorroborat mill-fatt li, f’dawn il-kawżi, erba’ mis-seba’ rikorrenti, jiġifieri r-rikorrenti fil-kawżi T-27/03, T-46/03, T-58/03 u T-80/03, ibbażaw kjarament ir-rikors tagħhom fuq il-premessa li d-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata fuq l-Artikolu 65(4) u (5) KEFA. Kienu biss żewġ rikorrenti, jiġifieri dawk fil-kawżi T-97/03 u T-98/03, li bbażaw l-argumenti tagħhom fuq il-konstatazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata fuq ir-Regolament Nru 17 filwaqt li kkunsidraw li dan ta’ l-aħħar ma jagħti ebda kompetenza lill-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti fil-kawża T-79/03 tibqa’ vaga fuq il-bażi legali u teżamina ż-żewġ teżijiet, jiġifieri t-teżi li skondha d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq l-Artikolu 65(4) u (5) KEFA u dik li skondha din id-deċiżjoni hija bbażata fuq ir-Regolament Nru 17 u tikkonkludi li f’kull każ il-Kummissjoni kienet inkompetenti.

96      Għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li, fir-risposti tagħha fil-kawżi li fihom ir-rikorrenti kienu kkunsidraw fir-rikors tagħhom li d-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata fuq l-Artikolu 65(4) u (5) KEFA, il-Kummissjoni qatt ma ddikjarat li l-argument ta’ dawn ir-rikorrenti kien ibbażat fuq premessa żbaljata. Fil-fatt, ebda risposta u ebda kontroreplika mressqa f’dawn il-kawżi ma jikkontjenu referenza espliċita għall-Artikolu 3 jew għall-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 bħala bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata. L-uniċi referenzi għall-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 fir-risposti tal-Kummissjoni jirrigwardaw id-diskussjoni fuq il-lex mitior sabiex tiġi ġġustifikata, f’dan il-każ, l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 65(5) KEFA, u mhux dik ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

97      Huwa għalhekk li r-rikorrenti fil-kawża T-27/03, wara li ħadet konjizzjoni tar-risposta, tiddikjara, fil-punt 5 tar-replika tagħha, dan li ġej:

“Il-Kummissjoni tidher għalhekk li qed tammetti definittivament: i) li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata unikament fuq l-Artikolu 65 KEFA bħala bażi legali, ii) li l-multi ġew imposti abbażi ta’ din id-dispożizzjoni biss. Il-kumplament, l-argumenti l-oħra kollha żviluppati mill-Kummissjoni fuq l-uniċità tas-sistema legali Komunitarja, fuq il-kriterji li jikkonċernaw is-suċċessjoni tal-liġijiet fiż-żmien, jirriżultaw li huma kunsiderazzjonijiet akkademiċi, ġeneriċi u irrilevanti, li dwarhom ma jidhirx opportun li tiġi abbużata l-paċenzja tal-Qorti tal-Prim’Istanza billi tingħata risposta għalihom”.

98      Barra minn dan, fil-kawża T-79/03, li fiha r-rikorrenti tibqa’ vaga fuq il-bażi legali li fuqha d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma ċċarat id-diskussjoni fuq dan il-punt.

99      Fil-fatt, fil-punt 58 tar-risposta fil-kawża T-79/03, il-Kummissjoni tiddikjara “Il-punt ta’ tluq tar-raġunament tar-rikorrenti mhuwiex korrett: skondha, il-Kummissjoni użat ir-regoli proċedurali tar-Regolament Nru 17 sabiex timponi multa fis-sens ta’ l-Artikolu 65 KEFA. […] Jeħtieġ […] li jiġi osservat li l-multa ma ġietx imposta fuq il-bażi tar-Regolament Nru 17, iżda, kif jingħad kjarament fid-deċiżjoni, abbażi ta’ l-Artikolu 65(5) KEFA”. F’nota f’qiegħ il-paġna, hija żżid li, “kuntrarjament għal dak li tiddikjara r-rikorrenti, jirriżulta ċar mit-Taqsima 5 tad-deċiżjoni (premessi 335 [et seq.]) li l-Kummissjoni qed tapplika r-Regolament Nru 17”. Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti fil-kawża T-79/03 tinkorla u tiddikjara, fil-punt 33:

“[...] il-Kummissjoni tikkontradiċi ruħha mill-ġdid u, din id-darba, fl-ispazju ta’ ftit linji, ħaġa li turi kemm huwa diffiċli li tiġi sostnuta teżi legalment inkonsistenti. Hija tiddikjara, fil-fatt, – fil-punt 58 tar-risposta – […] fl-aħħar tal-paragrafu, li l-multa ma ġietx imposta fuq il-bażi tar-Regolament Nru 17, biex imbagħad iżżid, fil-forma ta’ nota, li jirriżulta ċar mid-deċiżjoni kkontestata li hija applikat ir-Regolament Nru 17”.

100    Għaldaqstant kien biss fis-seduta u biss f’risposta għad-domandi mressqa mill-Qorti tal-Prim’Istanza li l-Kummissjoni għall-ewwel darba indikat ċar li, skondha, id-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata wkoll fuq l-Artikolu 3 u fuq l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

101    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha kif ukoll fid-dawl tad-diversi referenzi espliċiti għall-bażi legali kkostitwita mill-Artikolu 65(4) u (5) KEFA kontenuti fid-deċiżjoni kkontestata (il-preambolu tad-deċiżjoni kkontestata u l-premessi 515 sa 518 ta’ din ta’ l-aħħar) u tan-nuqqas totali ta’ referenza għall-Artikolu 3 u għall-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 bħala bażi legali, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ġiet ibbażata biss fuq l-Artikolu 65(4) u (5) KEFA.

 Fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni biex tikkonstata u biex tippenalizza ksur ta’ l-Artikolu 65(1) KEFA wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA

–       Fuq ir-relazzjonijiet bejn it-Trattati KEFA u KE

102    Għandu jiġi mfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA kien materjalment limitat. Fil-fatt, it-Trattat KEFA kien jirrigwarda biss żewġ prodotti, jiġifieri l-faħam u l-azzar, kif iddefiniti fl-Artikolu 81 KEFA u fl-Anness I tat-Trattat KEFA. Peress li t-Trattat KEE (li sar it-Trattat KE) huwa fformulat f’termini ġenerali li japplikaw għal kull settur ekonomiku, u għaldaqstant bħala regola wkoll għall-prodotti li jaqgħu taħt it-Trattat KEFA (ara, f’dan is-sens, l-opinjoni 1/94, punt 57 iktar’il fuq, punt 27), l-awturi tat-Trattat KE inkludew dispożizzjoni f’dan it-Trattat li kienet maħsuba biex tevita s-supremazija tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE fuq id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA.

103    Fil-fatt, l-Artikolu 305(1) KE jispeċifika li:

“Id-dispożizzjonijiet ta[…]t-Trattat [KE] m’għandhomx jolqtu l-dawk tat-Trattat [KEFA], b’mod partikolari għal dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet u l-obbligi ta’ l-Istati Membri, is-setgħat ta’ l-istituzzjonijiet ta[l-KEFA] u r-regoli stipulati minn dak it-Trattat għall-funzjonament tas-suq komuni tal-faħam u ta’ l-azzar.”

104    Minn dan jirriżulta li, għal dak li jirrigwarda l-funzjonament tas-suq komuni, ir-regoli tat-Trattat KEFA u d-dispożizzjonijiet kollha adottati għall-applikazzjoni tiegħu baqgħu fis-seħħ, minkejja li daħal fis-seħħ it-Trattat KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Gerlach, punt 57 iktar’il fuq, punt 9, u ta’ l-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra p. I‑7869, punt 100).

105    Madankollu, safejn xi kwistjonijiet ma kinux is-suġġett ta’ dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA jew ta’ leġiżlazzjoni adottata fuq il-bażi ta’ dan ta’ l-aħħar, it-Trattat KE u d-dispożizzjonijiet adottati għall-applikazzjoni tiegħu setgħu, anki qabel l-iskadenza tat-Trattat KEFA, japplikaw għal prodotti li jaqgħu taħt it-Trattat KEFA (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 1987, Deutsche Babcock, 328/85, Ġabra p. 5119, punt 10, u Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, punt 104 iktar’il fuq, punt 100; opinjoni 1/94, punt 57 iktar’il fuq, punt 27).

106    Għandu jiġi mfakkar, ukoll, li, skond l-Artikolu 97 KEFA, it-Trattat KEFA skada fit-23 ta’ Lulju 2002. Peress li t-Trattat KE għandu kamp ta’ applikazzjoni ġenerali, is-setturi li qabel kienu jaqgħu taħt it-Trattat KEFA, daħlu, mill-24 ta’ Lulju 2002, fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KE.

–        Fuq jekk l-Artikolu 65(4) u (5) KEFA jagħtux kompetenza lill-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata

107    Id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata, fis-17 ta’ Diċembru 2002, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 65(4) KEFA, għal dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni tal-ksur ta’ l-Artikolu 65(1) KEFA, u fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 65(5) KEFA, għal dak li jirrigwarda l-impożizzjoni tal-multi fuq l-impriżi li allegatament ipparteċipaw fil-ksur ta’ l-Artikolu 65(1) KEFA.

108    Fir-rigward tal-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 65(4) u (5) KEFA wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, il-Kummissjoni tispjega, fil-premessa 348 tad-deċiżjoni kkontestata, li “it-Trattat KE u t-Trattat KEFA jappartjenu lill-istess sistema legali, is-sistema legali Komunitarja, li fiha dan it-Trattat ta’ l-aħħar kien jikkostitwixxi lex specialis sat-23 ta’ Lulju 2002”. Fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tirreferi għall-Artikolu 305(1) KE u għall-qafas istituzzjonali wieħed (it-Trattat li Jgħaqqad u l-Artikolu 3 UE). Sabiex tenfasizza l-uniċità tas-sistema legali Komunitarja, il-Kummissjoni tfakkar, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-qorti Komunitarja interpretat id-dispożizzjonijiet tat-Trattati KEFA u KEEA b’referenza għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, fuq il-bażi tal-prinċipji komuni li magħhom jikkonformaw ruħhom it-trattati Komunitarji kollha (sentenza Busseni, punt 55 iktar’il fuq, punti 16 u 21).

109    Wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, it-tranżizzjoni bejn is-sistema tat-Trattat KEFA u s-sistema tat-Trattat KE fil-qasam tal-kompetizzjoni saret awtomatikament fuq il-bażi tal-prinċipju tas-suċċessjoni tar-regoli fiż-żmien fi ħdan l-istess sistema legali [sentenzi Salumi, punt 60 iktar’il fuq, punt 9; CT Control (Rotterdam) u JCT Benelux vs Il-Kummissjoni, punt 60 iktar’il fuq, punt 22, u De Haan, punt 60 iktar’il fuq, punt 13]. Fil-premessa 331 tad-deċiżjoni kkontestata, li tinkludi referenza għall-punt 31 tal-Komunikazzjoni tat-18 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni tispjega li “id-dritt sostantiv applikabbli” huwa “dak fis-seħħ fil-mument meta seħħew il-fatti li jikkostitwixxu l-ksur” u li, “fuq livell proċedurali, id-dritt applikabbli wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA [huwa] d-dritt KE”. Fil-premessa 350 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żżid li “l-applikazzjoni tal-liġi sostantiva fis-seħħ fil-mument meta seħħew il-fatti tidher li hija ġġustifikata” u tiddikjara, fil-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata, li “ir-regoli proċedurali applikabbli huma dawk fis-seħħ meta l-miżura kkonċernata tiġi adottata”.

110    Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk l-elementi ċċitati iktar’il fuq jippermettux li jiġi konkluż li l-Artikolu 65(4) u (5) KEFA kien jagħti, fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kompetenza lill-Kummissjoni biex tadotta l-imsemmija deċiżjoni.

111    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li t-Trattat KEFA kien jikkostitwixxi, skond l-Artikolu 305(1) KE, lex specialis li tidderoga mil-lex generalis li hija t-Trattat KE (konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali M. Van Gerven fil-kawża Banks, punt 57 iktar’il fuq, punt 8; sentenzi ESF Elbe-Stahlwerke Feralpi vs Il-Kummissjoni, punt 57 iktar’il fuq, punt 102, u Verband der freien Rohrwerke et vs Il-Kummissjoni, punt 57 iktar’il fuq, punt 68).

112    Il-fatt li t-Trattat KEFA kien jikkostitwixxa lex specialis kellu bħala konsegwenza li, fl-iskadenza ta’ l-imsemmi Trattat, il-lex generalis saret awtomatikament applikabbli. Għaldaqstant, fil-premessa 348 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat, ġustament, li, “mill-24 ta’ Lulju 2002, is-setturi li qabel kienu jaqgħu taħt it-Trattat KEFA, taħt id-dispożizzjonijiet proċedurali tiegħu u taħt il-leġiżlazzjoni sekondarja tiegħu huma suġġetti għar-regoli korrispondenti tat-Trattat KE”. Fil-qasam tal-kompetizzjoni, din il-konstatazzjoni timplika li l-aġir ta’ l-impriżi u ta’ l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li qabel kien jaqa’ taħt it-Trattat KEFA jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE mill-24 ta’ Lulju 2002’il quddiem.

113    Madankollu, dan il-motiv bl-ebda mod ma jirrigwarda l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE għal akkordju fis-settur ta’ l-azzar wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA. Huwa jirrigwarda l-kompetenza tal-Kummissjoni biex tikkonstata u tippenalizza ksur ta’ l-Artikolu 65(1) KEFA fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 65(4) u (5) KEFA.

114    In-natura ta’ lex specialis tat-Trattat KEFA fil-konfront tat-Trattat KE mhija ta’ ebda sostenn għall-argument tal-Kummissjoni li skondu hija kienet għadha kompetenti biex tibbaża deċiżjoni fuq il-lex specialis wara l-iskadenza ta’ din ta’ l-aħħar. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 305(1) KE, li minnu l-qorti Komunitarja ddeduċiet in-natura ta’ lex specialis tat-Trattat KEFA fil-konfront tat-Trattat KE, jikkonferma purament u sempliċement l-iskadenza tat-Trattat KEFA fit-23 ta’ Lulju 2002 meta jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE ma jaffettwawx lil dawk tat-Trattat KEFA u li l-Artikolu 97 KEFA jistabbilixxi espliċitament l-iskadenza ta’ l-imsemmi Trattat f’din id-data.

115    Bl-istess mod, l-uniċità tas-sistema legali Komunitarja li għaliha tirreferi l-Kummissjoni fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata u li hija tibbaża fuq l-uniċità fuq livell istituzzjonali u fuq il-bżonn ta’ interpretazzjoni koerenti tad-dispożizzjonijiet kontenuti fid-diversi trattati Komunitarji mhijiex ta’ natura li tagħti kompetenza lill-Kummissjoni biex tikkonstata ksur ta’ l-Artikolu 65(1) KEFA u timponi multa fuq l-impriżi kkonċernati fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 65(4) u (5) KEFA wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA. Għandu jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li, minkejja l-qafas istituzzjonali wieħed li jirriżulta mit-Trattat li Jgħaqqad, l-għaqda tal-Komunitajiet ma ġiet mwettqa qatt. Minbarra dan, l-interpretazzjoni koerenti tad-dispożizzjonijiet tad-dritt sostantiv tad-diversi trattati m’għandha ebda impatt fuq il-kompetenzi mogħtija lid-diversi istituzzjonijiet permezz tad-diversi trattati. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ kull trattat, l-istituzzjonijiet huma kompetenti biex jeżerċitaw biss il-poteri li ngħatawlhom minn dan it-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-176/03, Ġabra p. I-7879, punti 38 sa 53).

116    Fir-rigward ta’ l-argument ibbażat fuq il-prinċipji li jirregolaw is-suċċessjoni tar-regoli fiż-żmien, jirriżulta mill-ġurisprudenza li r-regoli Komunitarji ta’ dritt sostantiv għandhom jiġu interpretati, bil-għan li jiġi ggarantit ir-rispett tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u ta’ l-aspettattivi leġittimi, fis-sens li ma jkoprux, bħala regola, sitwazzjonijiet li jkunu seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom filwaqt li r-regoli proċedurali huma applikabbli direttament [sentenzi Salumi, punt 60 iktar’il fuq, punt 9; CT Control (Rotterdam) u JCT Benelux vs Il-Kummissjoni, punt 60 iktar’il fuq, punt 22, u De Haan, punt 60 iktar’il fuq, punt 13; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Frar 1998, Eyckeler & Malt vs Il-Kummissjoni, T‑42/96, Ġabra p. II‑401, punt 55, u tat-28 ta’ Jannar 2004, Euroagri vs Il-Kummissjoni, T‑180/01, Ġabra p. II-369, punt 36].

117    Għandu madankollu jiġi rrilevat li l-kwistjoni tal-kompetenza ta’ istituzzjoni tiġi qabel il-kwistjoni dwar liema huma r-regoli sostantivi u proċedurali applikabbli. Fil-fatt, wara li jkun ġie stabbilit, fl-ewwel lok, li istituzzjoni hija kompetenti sabiex tadotta att fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni speċifika tat-Trattat jew tad-dritt sekondarju, ikun hemm lok li jiġu stabbiliti, fit-tieni lok, ir-regoli sostantivi u proċedurali applikabbli, skond il-prinċipji li jirregolaw is-suċċessjoni tar-regoli fiż-żmien.

118    Għandu jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li d-dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ att u li tawtorizza lill-istituzzjoni Komunitarja sabiex tadotta l-att in kwistjoni għandha tkun fis-seħħ fil-mument ta’ l-adozzjoni ta’ dan ta’ l-aħħar (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-4 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-269/97, Ġabra p. I-2257, punt 45; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Settembru 2004, MCI vs Il-Kummissjoni, T-310/00, Ġabra p. II‑3253, punti 78 sa 114). Għall-kuntrarju, il-prinċipji li jirregolaw is-suċċessjoni tar-regoli fiż-żmien jistgħu jwasslu għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet sostantivi li mhumiex aktar fis-seħħ fil-mument ta’ l-adozzjoni ta’ att minn istituzzjoni Komunitarja.

119    Meta, fil-premessi 331 u 350 sa 352 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rreferiet għall-prinċipji li jirregolaw is-suċċessjoni tar-regoli fiż-żmien sabiex tiġġustifika l-kompetenza tagħha biex tadotta d-deċiżjoni kkontestata, hija kkonfondiet id-dispożizzjoni sostantiva indirizzata għall-impriżi, jiġifieri l-Artikolu 65(1) KEFA, mal-bażi legali għall-azzjoni tal-Kummissjoni, jiġifieri l-Artikolu 65(4) u (5) KEFA. Hija ddeduċiet awtomatikament mid-dispożizzjoni sostantiva applikabbli l-kompetenza tagħha biex tibbaża deċiżjoni fuq dispożizzjoni li fil-frattemp ma kinitx għadha fis-seħħ. Kien għalhekk li l-Kummissjoni reġgħet iddikjarat fis-seduta, fir-rigward tal-kompetenza tal-Kummissjoni, tad-dritt sostantiv u tad-dritt proċedurali applikabbli, li “l-ewwel tnejn […] huma prattikament l-istess” kif ukoll li “l-għoti ta’ kompetenzi huwa marbut mill-qrib mad-dritt sostantiv [applikabbli]”.

120    Madankollu, peress li, minn naħa, jirriżulta mill-ġurisprudenza, punt 118 iktar’il fuq, li d-dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ att għandha tkun fis-seħħ fil-mument ta’ l-adozzjoni ta’ dan ta’ l-aħħar u li, min-naħa l-oħra, skond l-Artikolu 97 KEFA, l-Artikolu 65(4) u (5) KEFA kien skada fit-23 ta’ Lulju 2002, il-Kummissjoni ma setgħetx iktar tibbaża l-kompetenza tagħha fuq l-imsemmija dispożizzjonijiet skaduti fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata biex tikkonstata ksur ta’ l-Artikolu 65(1) KEFA u biex timponi multi fuq l-impriżi li kienu pparteċipaw fl-imsemmi ksur.

121    Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ l-argument tal-Kummissjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja stess kompliet tapplika l-Artikolu 65 KEFA, wara l-iskadenza tiegħu, għandu jiġi rrilevat li fis-sentenzi ċċitati mill-Kummissjoni (punt 62 iktar’il fuq), il-qorti Komunitarja wettqet stħarriġ ġudizzjarju ta’ l-atti li kienu ġew adottati mill-Kummissjoni fuq il-bażi tat-Trattat KEFA f’mument meta dan ta’ l-aħħar kien għadu fis-seħħ. Għaldaqstant, dawn is-sentenzi ma jsostnux l-argument tal-Kummissjoni li hija kienet għadha kompetenti sabiex tadotta deċiżjoni fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni tat-Trattat KEFA wara l-iskadenza ta’ l-imsemmi Trattat.

122    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li l-ewwel parti ta’ l-ewwel motiv għandha tiġi milqugħa u li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali. Madankollu, l-irregolarità marbuta mad-deċiżjoni kkontestata ma tidhirx li hija daqshekk manifestament serja biex ikun hemm lok li jintlaqgħu t-talbiet ifformulati fil-kawżi T-27/03 u T-80/03 għall-konstatazzjoni ta’ l-ineżistenza tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, Ġabra p. I‑2555, punt 52).

123    Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata fil-konfront tar-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

124    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-konvenuta tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, inklużi dawk relattivi għall-proċeduri sommarji fil-kawżi T-46/03 u T‑79/03, kif mitlub mir-rikorrenti.

125    Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li intervenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Ir-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2002) 5087 finali, tas-17 ta’ Diċembru 2002, dwar proċedura skond l-Artikolu 65 KEFA (COMP/37.956 – Vireg tal-ħadid li jsaħħu l-konkrit), hija annullata fil-konfront ta’ SP SpA, Leali SpA, Acciaierie e Ferriere Leali Luigi SpA, Industrie Riunite Odolesi SpA (IRO), Lucchini SpA, Ferriera Valsabbia SpA, Valsabbia Investimenti SpA u Alfa Acciai SpA.

2)      Il-Kummissjoni hija ordnata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn SP, Leali, Acciaierie e Ferriere Leali Luigi, IRO, Lucchini, Ferriera Valsabbia, Valsabbia Investimenti u Alfa Acciai, inklużi dawk relattivi għall-proċeduri sommarji fil-kawżi T-46/03 u T-79/03.

3)      Ir-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Vilaras

Martins Ribeiro

Dehousse

Šváby

 

       Jürimäe

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Ottubru 2007.

Reġistratur

 

       President

E. Coulon

 

       M. Vilaras






Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq ċerti aspetti tat-trattament ta’ każijiet ta’ kompetizzjoni li jirriżultaw mill-iskadenza tat-Trattat KEFA

Il-proċedura amministrattiva

Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq il-bażi legali li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata

Fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni biex tikkonstata u biex tippenalizza ksur ta’ l-Artikolu 65(1) KEFA wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA

– Fuq ir-relazzjonijiet bejn it-Trattati KEFA u KE

– Fuq jekk l-Artikolu 65(4) u (5) KEFA jagħtux kompetenza lill-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.