Language of document : ECLI:EU:F:2011:193

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

13 ta’ Diċembru 2011

Kawża F‑51/08 RENV

Willem Stols

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Rinviju lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wara annullament — Promozzjoni — Proċedura ta’ promozzjoni 2007 — Eżami komparattiv tal-merti — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Assenza — Motivi tad-deċiżjoni — Motiv superfluwu — Motiv ineffettiv”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat bis-saħħa tal-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li bih W. Stols jitlob l-annullament tad-deċiżjoni, tas-16 ta’ Lulju 2007, tal-Kunsill li tirrifjuta li tinkludih fil-lista tal-uffiċjali promossi fil-grad AST 11 bis-saħħa tal-proċedura ta’ promozzjoni 2007, flimkien mad-deċiżjoni tal-5 ta’ Frar 2008 li biha l-assistent segretarju ġenerali tal-Kunsill ċaħad l-ilment tiegħu mressaq abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ wara l-1 ta’ Mejju 2004.

Dispożittiv:      Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill fil-Kawża F-51/08. Ir-rikorrent u l-Kunsill għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi sostnuti fil-Kawża T-175/09 P u f’din il-kawża.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Portata — Elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45(1))

2.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

3.      Uffiċjali — Promozzjoni — Kriterji — Merti — Teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità fil-grad — Natura sussidjarja

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45(1))

4.      Uffiċjali — Promozzjoni — Kriterji — Merti — Teħid inkunsiderazzjoni tal-kompetenzi lingwistiċi — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45(1))

5.      Uffiċjali — Promozzjoni — Kriterji — Merti — Teħid inkunsiderazzjoni tal-livell ta’ responsabbiltajiet eżerċitati — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

6.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni — Perijodu ta’ attività effettiva tal-uffiċjal — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

1.      Bis-saħħa tal-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex tagħti promozzjoni, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi, b’mod partikolari, ir-rapporti magħmula dwar l-uffiċjali, l-użu tal-lingwi fl-eżekuzzjoni tad-dmirijiet tagħhom għajr il-lingwa li għaliha pproduċew evidenza ta’ għarfien sew u, fejn ikun il-każ, il-livell tar-responsabbiltajiet eżerċitati mill-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi.

Madankollu, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa rrikonoxxuta f’dan is-sens lill-Awtorità tal-Ħatra hija limitata mill-ħtieġa li jsir eżami komparattiv tal-kandidaturi b’attenzjoni u b’imparzjalità, fl-interess tas-servizz u konformement mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-prattika, dan l-eżami għandu jsir fuq bażi ekwa u abbażi ta’ sorsi ta’ informazzjoni u ta’ dettalji komparabbli.

(ara l-punti 35 u 39)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il-Kummissjoni, T‑132/03, punt 53, u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 7 ta’ Novembru 2007, Hinderyckx vs Il‑Kunsill, F‑57/06, punt 45

2.      L-Awtorità tal-Ħatra għandha, għall-finijiet tal-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi, setgħa diskrezzjonali wiesgħa u l-istħarriġ tal-qorti għandu jirrigwarda biss il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-proċeduri u tal-mezzi li l-amministrazzjoni tista’ tuża fl-evalwazzjoni tagħha, din tal-aħħar tkunx aġixxiet fil-limiti li ma jistgħux jiġu kkontestati u ma tkunx użat l-awtorità tagħha b’mod manifestament żbaljat.

F’dan ir-rigward, sabiex tippreżerva l-effett utli tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-leġiżlatur ried jagħti lill-Awtorità tal-Ħatra fil-qasam tal-promozzjoni, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tannulla deċiżjoni għas-sempliċi raġuni li tqis li tkun sabet fatti li jqajmu dubji plawżibbli fir-rigward tal-evalwazzjoni mwettqa mill-imsemmija awtorità, li jwassal għal żball ta’ evalwazzjoni. Annullament minħabba żball manifest ta’ evalwazzjoni jkun possibbli biss jekk jirriżulta mill-annessi tal-proċess li l-Awtorità tal-Ħatra tkun qabżet il-limiti li jiddelineaw l-imsemmi marġni ta’ diskrezzjoni.

Il-Qorti Ġenerali għaldaqstant ma hijiex mistennija li twettaq eżami mill-ġdid iddettaljat tal-fajlijiet kollha tal-kandidati li jistgħu jiġu promossi sabiex tiżgura ruħa li taqbel mal-konklużjoni li għaliha tkun waslet l-Awtorità tal-Ħatra, għaliex, kieku kellha twettaq dan l-eżerċizzju, hija toħroġ mill-kuntest ta’ stħarriġ ta’ legalità tagħha, u tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-merti tal-kandidati li jistgħu jiġu promossi mill-Awtorità tal-Ħatra bl-evalwazzjoni tagħha.

(ara l-punti 36 sa 38)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Casini vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 28 ta’ Settembru 2011, AC vs Il-Kunsill, F‑9/10, punti 23 u 24

3.      L-anzjanità fil-grad u fis-servizz tista’ tintuża bħala kriterju għall-promozzjoni biss sussidjarjament, fil-każ ta’ merti ugwali stabbiliti fuq il-bażi, b’mod partikolari, tat-tliet kriterji msemmija espressament fl-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, l-Awtorità tal-Ħatra tista’ legalment twettaq evalwazzjoni komparattiva tal-merti tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi billi tibbaża ruħha fuq il-kostanza fit-tul tal-merti rispettivi tagħhom u tqis, wara din l-evalwazzjoni, li l-merti ta’ uffiċjal ikunu inferjuri minn dawk ta’ ieħor.

(ara l-punt 47)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 10 ta’ Settembru 2009, Behmer vs Il‑Parlament, F‑124/07, punt 106, u l-ġurisprudenza ċċitata; 15 ta’ Frar 2011, Barbin vs Il-Parlament, F‑68/09, punti 90 u 91, taħt appell quddiem il-Qorti Ġenerali, Kawża T‑228/11 P

4.      Il-formulazzjoni tal-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tippreżumi li, għall-evalwazzjoni tal-merti tal-uffiċjali, għandhom jiġu inklużi biss dawk il-lingwi li l-użu tagħhom, fid-dawl tal-eżiġenzi reali tas-servizz, jagħtu valur miżjud suffiċjentement importanti li jidher neċessarju għall-funzjonament tajjeb tiegħu.

F`dan ir-rigward, uffiċjal, li ma jkunx wera li juża abitwalment lingwi oħra fl-eżerċizzju ta’ dmirijietu, ma jkunx ġustifikat jippretendi li, b’mod manifest, il-merti tiegħu kienu, fuq il-bażi tal-kriterju ta’ kompetenzi lingwistiċi, aħjar minn dawk ta’ uffiċjali oħra. Barra minn hekk, il-fatt li wieħed mid-dmirijiet ta’ uffiċjal ikun it-trattament u l-iffajljar ta’ dokumenti redatti fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea ma jfissirx li huwa jkollu kompetenza f’dawn il-lingwi kollha, lanqas fuq kollox li jkun użahom abitwalment fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu.

(ara l-punti 49 u 51)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: AC vs Il-Kunsill, iċċitat iktar ’il fuq, punt 61

5.      Fir-rigward tal-kriterju ta’ livell tar-responsabbiltajiet eżerċitati, fil-kuntest tal-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi, dan il-livell ma huwiex neċessarjament iddeterminat mill-importanza tad-dmirijiet ta’ amministrazzjoni eżerċitati, peress li uffiċjal jista’ jassumi livell ta’ responsabbiltajiet għolja mingħajr ma jmexxi numru ta’ subordinati u, inversament, peress li uffiċjal jista’ jmexxi numru ta’ subordinati mingħajr ma jeżerċita responsabbiltajiet partikolarment għolja.

(ara l-punt 53)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 16 ta’ Diċembru 2010, Il-Kunsill vs Stols, T‑175/09 P, punt 48

6.      Fid-dawl tan-numru żgħir ta’ pożizzjonijiet baġitarji disponibbli, istituzzjoni tista’, fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni, legalment, mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, tieħu inkunsiderazzjoni, sussidjarjament, il-perijodu ta’ attività ta’ uffiċjal u tippromwovi skont il-prijorità, meta l-merti jkunu ugwali, uffiċjali oħra li jkunu pprovdew eżekuzzjoni oġġettivament iktar regolari tad-dmirijiet tagħhom u b’hekk, f’kuntest ħafna iktar wiesa’ minn dak tal-interessat, il-kontinwità u, għaldaqstant, l-interess tas-servizz matul il-perijodi ta’ referenza.

(ara l-punt 59)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 21 ta’ Ottubru 1997, Patronis vs Il-Kunsill, T 168/96, punt 34; 13 ta’ April 2005, Nielsen vs Il-Kunsill, T‑353/03, punt 76