Language of document : ECLI:EU:T:2007:270

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

12 ta’ Settembru 2007 (*)

“FAEGG – Taqsima ‘Garanzija’ – Infiq eskluż mill-finanzjament Komunitarju – Uċuħ tar-raba’ li jinħarat – Żejt taż-żebbuġa – Verifika finanzjarja – Terminu ta’ 24 xahar”

Fil-kawża T‑243/05

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn G. Kanellopoulos u E. Svolopoulou, bħala aġenti,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn H. Tserepa-Lacombe u L. Visaggio, bħala aġenti, assistiti minn N. Korogiannakis, avocat,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/354/KE, tad-29 ta’ April 2005, li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċertu nfiq effettwat mill-Istati Membri taħt it-taqsima “Garanzija” tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG), (ĠU L 112, p. 14), inkwantu hija teskludi ċertu nfiq effettwat mir-Repubblika Ellenika fis-setturi ta’ uċuħ tar-raba’ li jinħarat u taż-żejt taż-żebbuġa kif ukoll fir-rigward ta’ verifika finanzjarja,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, N. J. Forwood u S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-20 ta’ Marzu 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70, tal-21 ta’ April 1970, dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU L 94, p. 13), kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1287/95, tat-22 ta’ Mejju 1995 (ĠU L 125, p. 1), stabbilixxa r-regoli ġenerali applikabbli għall-finanzjament tal-politika agrikola komuni. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (ĠU L 160, p. 103), sostitwixxa r-Regolament Nru 729/70 u japplika għall-infiq effettwat mill-1 ta’ Jannar 2000.

2        Skond l-Artikolu 1(2)(b) u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 729/70 kif ukoll l-Artikolu 1(2)(b) u l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1258/1999, it-taqsima “Garanzija” tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG) għandha tiffinanzja, fil-kuntest ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, l-interventi maħsuba biex jistabilizzaw dawn is-swieq, li jkunu saru skond ir-regoli Komunitarji.

3        Skond l-Artikolu 5(2)(c) tar-Regolament Nru 729/70 u l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar in-nefqa li trid tiġi eskluża mill-finanzjament Komunitarju, fejn issib illi din in-nefqa ma tkunx ġiet effettwata skond ir-regoli Komunitarji. Fl-evalwazzjoni ta’ l-ammonti li għandhom jiġu esklużi, il-Kummissjoni għandha tqis in-natura u l-gravità tal-vjolazzjoni u tat-telf finanzjarju sofrut mill-Komunità Ewropea.

4        Il-ħames subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(2)(c) tar-Regolament Nru 729/70 jipprovdi li “rifjut għal finanzjament ma jistax jinvolvi n-nefqa effettwata qabel l-24 xahar li jippreċiedu l-komunikazzjoni bil-miktub mill-Kummissjoni lill-Istat Membru kkonċernat tar-riżultati [tal-]verifiki [tal-Kummissjoni]” [traduzzjoni mhux uffiċjali iżda meħuda mill-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999]. Il-ħames subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 fih dispożizzjoni identika.

5        Il-modalitajiet tal-proċedura tal-clearance tal-kontijiet tal-FAEGG jibqgħu stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1663/95, tas-7 ta’ Lulju 1995, li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 li jirrigwarda l-proċedura għall-verifikar tal-kontijiet tat-Taqsima Garanziji tal-FAEGG (ĠU L 158, p. 6), kif emendat b’mod partikolari bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/1999, tat-22 ta’ Ottubru 1999 (ĠU L 273, p. 5).

6        L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95 jipprovdi:

“Jekk, bħala riżultat ta’ inkjesta, il-Kummissjoni tikkunsidra illi n-nefqa ma ġietx effettwata skond ir-regoli Komunitarji, għandha tinnotifika lill-Istati Membri fil-kwistjoni bir-riżultati tal-kontrolli tagħha u tindika l-miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu sabiex tiġi żgurata l-konformità fil-futur.

Il-komunikazzjoni għandha tirreferi għal dan ir-Regolament. L-Istat Membru għandu jwieġeb fi żmien xahrejn u l-Kummissjoni tista’ timmodifika l-pożizzjoni tagħha bħala konsegwenza. F’każijiet iġġustifikati, il-Kummissjoni tista’ testendi l-perjodu taż-żmien permess għat-tweġiba.

Wara li jiskadi ż-żmien permess għat-tweġiba, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Istat Membru għal diskussjoni bilaterali u l-partijiet għandhom jagħmlu ħilithom li jilħqu ftehim dwar il-miżuri li jridu jittieħdu u dwar l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u t-telf finanzjarju lill-Komunità. Wara din id-diskussjoni u kull temma taż-żmien ta’ wara d-diskussjoni ffissata mill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni ma’ l-Istati Membri, għall-provvediment ta’ iżjed tagħrif jew, fejn l-Istat Membru ma jaċċettax l-istedina għal laqgħa qabel it-temma taż-żmien iffissat mill-Kummissjoni, wara li tkun għaddiet din it-temma taż-żmien, il-Kummssijoni għandha formalment tikkomunika l-konklużjonijiet tagħha lill-Istat Membru, filwaqt li tirreferi għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/442/KE [5]. Mingħajr preġudizzju għar-raba’ subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, din il-komunikazzjoni għandha tinkludi evalwazzjoni ta’ kull nefqa li l-Kummissjoni jkun beħsiebha li teskludi skond l-Artikolu 5(2)(ċ) tar-Regolament […] Nru 729/70.

L-Istat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni mill-iktar fis possibbli dwar il-miżuri korrettivi adottati sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tar-regoli Komunitarji u dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom. Il-Kummissjoni għandha, kif approprjat, tadotta waħda jew iktar mid-deċiżjonijiet skond l-Artikolu 5(2)(ċ) tar-Regolament […] Nru 729/70 sabiex teskludi n-nefqa affettwata minn-nuqqas ta’ ħarsien tar-regoli Komunitarji sad-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżuri korrettivi.”

7        Il-linji gwida għall-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet b’rata fissa ġew iddefiniti fid-dokument Nru VI/5330/97 tal-Kummissjoni, tat-23 ta’ Diċembru 1997, intitolat “Linji gwida li jikkonċernaw il-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji fil-preparazzjoni tad-deċiżjoni ta’ clearance tal-kontijiet tal-FAEGG-Garanzija” (iktar’il quddiem id-“dokument Nru VI/5330/97”). Meta l-informazzjoni pprovduta permezz ta’ l-inkjesta ma tippermettix li jiġi evalwat it-telf sofrut mill-Komunità, permezz ta’ estrapolazzjoni ta’ dan it-telf, bi statistiċi jew b’riferenza għal data oħra li tista’ tiġi vverifikata, korrezzjoni b’rata fissa tista’ tiġi kkunsidrata. Ir-rata ta’ korrezzjoni applikata hi, ġeneralment, ta’ 2 %, 5 %, 10 % jew 25 % ta’ l-infiq iddikjarat, skond kemm ikun kbir ir-riskju ta’ telf.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

8        Bid-deċiżjoni 2005/354/KE, tad-29 ta’ April 2005, li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċertu nfiq effettwat mill-Istati Membri taħt it-taqsima “Garanzija” ta’ l-FAEGG (ĠU L 112, p. 14, iktar’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni eskludiet mill-finanzjament Komunitarju, fir-rigward tar-Repubblika Ellenika, fis-setturi ta’ l-uċuħ tar-raba’ li jinħartu u taż-żejt taż-żebbuġa kif ukoll fir-rigward ta’ verifika finanzjarja, is-somma ta’ EUR 26 437 135,76 għas-snin finanzjarji mill-1996 sa 1998, ta’ l-2001 u ta’ l-2002.

9        Il-motivi għall-korrezzjonijiet finanzjarji effettwati mill-Kummissjoni ingħataw fir-Rapport fil-Qosor AGRI-64241-2004, tal-31 ta’ Ottubru 2004, dwar ir-riżultati tal-kontrolli fil-clearance tal-kontijiet tal-FAEGG, Taqsima “Garanzija”, skond l-Artikolu 5(2)(c) tar-Regolament Nru 729/70 u l-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KE) Nru 1258/1999 fir-rigward tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, il-frott u l-ħxejjex, il-prodotti tal-ħalib, il-magazzinaġġ pubbliku, is-sussidji għall-annimali, l-uċuħ tar-raba’ li jinħartu, iż-żejt taż-żebbuġa u x-xaħmijiet, l-iżvilupp rurali u l-ħlasijiet tardivi (iktar’il quddiem ir-“rapport fil-qosor”).

10      Ir-rikors jirrigwarda tliet tipi ta’ korrezzjonijiet:

–        korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % li tirrigwarda l-uċuħ tar-raba’ li jinħartu minħabba livell insuffiċjenti ta’ garanzija tar-regolarità ta’ l-applikazzjonijiet, jiġifieri EUR 25 361 283 għas-sena 2002;

–        korrezzjoni ad hoc ta’ ammont totali ta’ EUR 200 146,68 li tirrigwarda ż-żejt taż-żebbuġa minħabba dewmien fl-irtirar tal-clearance u nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ sanzjonijiet relattivi għall-kwalità għas-snin 1996 sa 1998;

–        korrezzjoni ad hoc ta’ EUR 488 788,96 minħabba li l-ħlas ma sarx fil-ħin (verifika finanzjarja) għas-sena 2001, li tinqasam fi EUR 455 070,44 fir-rigward ta’ l-għajnuna għall-ġulbien u EUR 33 718,52 fir-rigward ta’ l-għajnuna għal kull ettaru għar-ross.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      B’att imressaq fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ Ġunju 2005, ir-Repubblika Ellenika ppreżentat dan ir-rikors.

12      Ir-Repubblika Ellenika titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla jew, sussidjarjament, tirriforma d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

13      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika Ellenika tbati l-ispejjeż.

 Fuq il-fondatezza tar-rikors

14      Ir-rikors jirrigwarda tliet interventi ffinanzjati mill-FAEGG, jiġifieri dawk dwar l-uċuħ tar-raba’ li jinħartu, iż-żejt taż-żebbuġa u l-verifika finanzjarja. Huwa f’din l-ordni, billi tiddistingwi skond dawn it-tliet interventi, li l-Qorti tal-Prim’Istanza ser teżamina l-fondatezza tal-motivi mressqa mir-Repubblika Ellenika.

 Fuq l-uċuħ tar-raba’ li jinħartu

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

15      Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3508/92, tas-27 ta’ Novembru 1992, li jistabbilixxi amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll għal ċerti skemi ta’ għajnuna tal-Komunità (ĠU L 355, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1593/2000, tas-17 ta’ Lulju 2000 (ĠU L 182, p. 4), jipprovdi li kull Stat Membru għandu joħloq tali sistema (iktar’il quddiem is-“SIGC”) li tapplika b’mod partikolari għall-iskema ta’ għajnuna għall-produtturi ta’ ċerta uċuħ tar-raba’ li jinħartu.

16      Skond l-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament Nru 3508/92, is-SIGC japplika, fost affarijiet oħra, għall-għajnuna prevista mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1765/92, tat-30 ta’ Ġunju 1992, li jwaqqaf sistema ta’ appoġġ għal produtturi ta’ ċerti prodotti tar-raba’ li jinħarat (ĠU L 18, p. 12), sostitwit mill-1 ta’ Lulju 2000 bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1251/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, li jwaqqaf sistema ta’ appoġġ għal produtturi ta’ ċerti prodotti tar-raba’ li jinħarat (ĠU L 160, p. 1).

17      Skond l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 3508/92:

“Is-[SIGC] għandha tikkomprendi l-elementi li ġejjin:

a) database ikkompjuterizzata;

b) sistema ta’ identifikazzjoni għal qatgħat agrikoli;

c) sistema għall-identifikazzjoni u għar-reġistrazzjoni ta’ l-annimali;

d) applikazzjonijiet għall-għajnuna;

e) sistema integrata tal-kontroll.”

18      L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 3508/92 jispeċifika li s-SIGC “għandha tkopri l-applikazzjonijiet kollha għall-għajnuna ssottomessi, b’mod partikolari rigward il-kontrolli amministrattivi, il-kontrolli fuq il-post, u, jekk meħtieġ, il-verifika permezz tar-remote sensing bl-aerial jew bis-satellita”.

19      Skond l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 3508/92:

“1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu kontrolli amministrattivi fuq l-applikazzjonijiet għall-għajnuna.

2. Il-kontrolli amministrattivi għandhom jiġu ssupplimentati b’kontrolli fuq il-post li jkopru kampjun ta’ l-azjendi agrikoli. Għal dawn il-kontrolli kollha, l-Istati Membri għandhom ifasslu pjan għat-teħid tal-kampjuni.

3. Kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità responsabbli sabiex tikkoordina l-kontrolli pprovduti f’dan ir-Regolament.

4. L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu, skond kondizzjonijiet li jridu jiġu stabbiliti, jużaw ir-remote sensing sabiex jistabbilixxu l-erja tal-qatgħat agrikoli, jidentifikaw l-uċuħ tar-raba’ u jivverifikaw l-istat tagħhom.

[…]”

20      L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 3508/92, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2466/96, tas-17 ta’ Diċembru 1996 (ĠU L 335, p. 1), jistipula li s-SIGC għandha tapplika mill-1 ta’ Frar 1993, rigward l-applikazzjonijiet għall-għajnuna, is-sistema alfanumerika ta’ l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u tas-sistema integrata ta’ kontroll imsemmija fl-Artikolu 7 u, l-iktar tard mill-1 ta’ Jannar 1997, f’dak li jirrigwarda l-elementi l-oħra msemmija fl-Artikolu 2.

21      Il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tas-SIGC kienu stabbiliti, għas-snin koperti mid-deċiżjoni kkontestata, bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3887/92, tat-23 ta’ Diċembru 1992, li jipprovdi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-SIGC għal ċerti skemi ta’ għajnuna Komunitarja (ĠU L 391, p. 36), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2801/1999, tal-21 ta’ Diċembru 1999 (ĠU L 340, p. 29).

22      L-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 3887/92 jistipulaw ir-regoli dettaljati dwar il-kontrolli li għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri.

 Ir-rapport fil-qosor

23      Mis-6 sad-9 ta’ Awwissu 2001 u mill-15 sas-17 ta’ April 2002, id-dipartimenti tal-Kummissjoni wettqu fil-Greċja spezzjonijiet li jirrigwardaw l-applikazzjoni ta’ l-istrumenti meħtieġa biex tiġi assigurata l-legalità u r-regolarità tal-ħlasijiet fis-settur ta’ l-uċuħ tar-raba’ li jinħartu.

24      Skond il-punt B.7.1.1 tar-rapport fil-qosor, il-Ġreċja ma kinitx implementat, fir-rigward tas-sena ta’ ħsad 2001, is-SIGC u lanqas il-proċedura ta’ clearance, li biha l-Ministru ta’ l-Agrikultura kien ġie mistieden, mis-16 ta’ Ottubru 1995, sabiex iwettaq il-kontrolli kollha meħtieġa qabel ma jeffettwa l-ħlasijiet lill-benefiċjarji. Il-Kummissjoni tindika li l-korp inkarigat mill-ħlasijiet (il-Gedidagep) madankollu kompla jeffettwa dawn il-ħlasijiet mingħajr ma kellu provi li juru l-verifika preliminari ta’ l-applikazzjonijiet rispettivi minn dipartimenti oħra, b’mod partikolari ċerti prefetturi.

25      Fir-rigward ta’ l-implementrazzjoni tas-SIGC, l-istess punt tar-rapport fil-qosor jenfasizza li s-sistema ta’ identifikazzjoni tal-qatgħat agrikoli (iktar’il quddiem is-“SIPA”) (ara l-punt 17 iktar’il fuq), li kellha tiġi fit-tmiem tagħha fl-1 ta’ Jannar 1997 (ara l-punt 20 iktar’il fuq), ma kinitx kompluta fl-2003 u li biss 67,5 % ta’ l-artijiet għall-uċuħ tar-raba’ li jinħartu u ta’ l-artijiet għall-għalf ġew identifikati fis-SIPA b’qatgħat ta’ riferenza abbażi ta’ l-ortofotografija. Għaldaqstant, skond il-Kummissjoni, parti sinjifikattiva ta’ l-artijiet, li hija ta’ 28,2 % ta’ l-artijiet ikkonċernati, ġiet identifikata permezz ta’ materjali inapproprjati, filwaqt li 4,3 % ta’ l-artijiet ma ġewx identifikati għal kollox.

26      Skond ir-rapport fil-qosor, il-kontrolli mwettqa fil-post kienu ta’ kwalità insuffiċjenti u, barra minn dan, saru fuq kampjun żgħir ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna u ma kinux biżżejjed, għaldaqstant, biex jiggarantixxu verifika xierqa ta’ l-eliġibbiltà fil-100 % tal-każijiet jew biex jimpedixxu kumulu anormali ta’ għajnuna. Sabiex ikunu effettivi, l-ispezzjonijiet klassiċi għandhom ikunu mwettqa qabel jew ftit ta’ żmien wara l-ħsad. Issa, peress li l-parti l-kbira ta’ l-uċuħ tar-raba’ jinħasdu bejn l-aħħar ta’ Mejju u l-bidu ta’ Lulju, il-Kummissjoni tindika li l-awtoritajiet Elleniċi ma setgħux jiggarantixxu, għas-sena 2001, l-osservanza tal-kundizzjonijiet li fihom l-għajnuna ġiet mogħtija, billi 28 % ta’ l-ispezzjonijiet klassiċi ġew imwettqa wara l-31 ta’ Awwissu. Skond il-Kummissjoni, din iċ-ċirkustanza għandha importanza partikolari għall-uċuħ tar-raba’ ta’ qamħ iebes, li jinħasad fix-xahar ta’ Lulju u jirrappreżenta 40 sa 50 % ta’ l-artijiet Griegi li fihom jikbru l-uċuħ tar-raba’. Fir-rapport fil-qosor, il-Kummissjoni tirreferi wkoll għan-nuqqasijiet fir-rigward tal-kwalità tal-kontrolli permezz ta’ remote sensing (dewmien fil-konklużjoni ta’ kuntratti kif ukoll fil-kontrolli ta’ follow-up u fir-rigward tal-komunikazzjoni tar-riżultati lill-amministrazzjoni, l-użu ta’ ritratti qodma, in-nuqqas ta’ osservanza tar-rikomandazzjonijiet dwar it-tolleranzi tekniċi).

27      Fir-rigward tal-proċedura ta’ clearance, il-Kummissjoni tallega sitwazzjoni insodisfaċenti fil-prefetturi partikolarment fil-livell ta’ l-organizzazzjoni tal-personal, tat-twettiq ta’ kontrolli kif ukoll tal-funzjonijiet li għandhom il-korpijiet sindakali tal-bdiewa.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza ratione temporis tal-Kummissjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

28      L-ewwel nett, il-Gvern Grieg isemmi, il-limitazzjoni stabbilita mid-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punt 4 iktar’il fuq. Huwa jenfasizza, sussegwentement, li r-Regolament Nru 1663/95 jispeċifika, fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(1), il-kontenut tal-komunikazzjoni bil-miktub li biha l-Kummissjoni tikkomunika r-riżultat tal-verifiki tagħha lill-Istati Membri. Huwa josserva wkoll li din l-istess dispożizzjoni kienet tipprevedi, qabel ma ġiet emendata bir-Regolament Nru 2245/1999, li l-komunikazzjoni in kwistjoni kellha tinkludi evalwazzjoni ta’ l-infiq li l-Kummissjoni kienet qed tikkunsidra li teskludi abbażi ta’ l-Artikolu 5(2)(c) tar-Regolament Nru 729/70 u tal-ħames subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999.

29      Il-limitazzjoni prevista mill-Artikoli li qed issir riferenza għalihom fil-punt 4 iktar’il fuq għandha bħala għan li tipproteġi lill-Istati Membri kontra n-nuqqas ta’ ċertezza legali li tkun teżisti li kieku l-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tikkontesta l-infiq effettwat diversi snin qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni fuq il-konformità tiegħu mar-regoli Komunitarji. Barra minn dan, l-imsemmija limitazzjoni għandha bħala għan li ssaħħaħ it-trasparenza tal-proċedura billi tinforma l-Istat Membru fil-ħin bl-evalwazzjoni tad-dannu finanzjarju, iżda wkoll bil-korrezzjoni kkunsidrata. Ir-rwol importanti ta’ l-Istati Membri fil-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet tal-FAEGG ikun jiġġustifika d-dritt tagħhom li jkunu informati b’mod sħiħ fid-diversi stadji tal-proċedura u li jippreżentaw kull darba l-osservazzjonijiet tagħhom.

30      Konsegwentement, il-Gvern Grieg iqis li għandu jiġi vverifikat jekk kull komunikazzjoni magħmula abbażi ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95 tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni. F’dan il-kuntest, il-frażi “evalwazzjoni dwar kull nefqa li l-Kummissjoni tista’ tipproponi li teskludi” għandha tiġi interpretata fis-sens li indikazzjoni ta’ l-ammont ta’ l-infiq in kwistjoni mhijiex neċessarja u li hu biżżejjed li jkunu indikati l-elementi li jippermettu li jiġi kkalkulat dan l-ammont għall-inqas b’mod approssimattiv.

31      Ma jistgħux jitqajmu dubji dwar dawn l-evalwazzjonijiet mill-emenda li saret lill-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95 permezz tar-Regolament Nru 2245/1999. Fil-fatt, it-trasferiment ta’ l-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja ma jistax juri xewqa minn naħa tal-leġiżlatur li jneħħi l-protezzjoni favur l-Istati Membri msemmija fil-punt 28 iktar’il fuq. Min-naħa l-oħra, l-intenzjoni tiegħu kienet li fil-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet ta’ l-FAEGG tingħata l-opinjoni ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Minn dan jirriżulta li b’komunikazzjoni li ma tinkludix evalwazzjoni ta’ l-infiq li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li teskludi ma jistax jibda jiddekorri l-perijodu ta’ żmien ta’ 24 xahar previst bir-Regolamenti Nri 729/70 u 1258/1999. Il-ġurisprudenza affermat li huwa mit-tieni komunikazzjoni prevista mit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95 li jibda jiddekorri l-perijodu ta’ żmien ta’ 24 xahar, billi huwa f’din il-komunikazzjoni li l-Kummissjoni tagħmel riferenza għall-infiq li hi għandha l-intenzjoni li teskludi.

32      F’dan il-każ, l-ewwel komunikazzjoni li fiha l-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni ta’ l-infiq li hija pproponiet li teskludi kienet tikkonsisti f’ittra tas-16 ta’ Frar 2004. Jirriżulta minnha li l-Kummissjoni mhijiex kompetenti ratione temporis biex timponi korrezzjoni fir-rigward ta’ l-infiq effettwat qabel is-16 ta’ Frar 2002. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata inkwantu hija tapplika, fil-qasam ta’ l-uċuħ tar-raba’ li jinħartu, korrezzjoni finanzjarja dwar is-sena ta’ ħsad 2001.

33      Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tiċħad li kienet ikkomunikat ir-riżultati tal-verifiki tagħha għall-ewwel darba permezz ta’ l-ittra tas-16 ta’ Frar 2004. Hija tippreċiża li kienet diġà għamlet hekk biż-żewġ ittri ta’ l-1 ta’ Marzu u l-21 ta’ Awwissu 2002, li ssodisfaw ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95.

34      Barra minn dan, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95, kif emendat bir-Regolament Nru 2245/1999, ma jirrikjedix iktar li l-Kummissjoni tagħmel evalwazzjoni ta’ l-infiq li għandu jiġi eskluż fil-komunikazzjoni tagħha lill-Istati Membri. Din il-komunikazzjoni għandha funzjoni ta’ twissija. Barra minn dan, hemm lok li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-“komunikazzjoni tar-riżultati”, prevista fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95 u, min-naħa l-oħra, il-“komunikazzjoni formali tal-konklużjonijiet”, prevista, inizjalment, fit-tieni subparagrafu ta’ din l-istess dispożizzjoni, imbagħad fit-tielet subparagrafu ta’ dan id-dispożizzjoni wara li ġiet emendata permezz tar-Regolament Nru 2245/1999. Il-komunikazzjoni tar-riżultati m’għandhiex tissodisfa l-formalitajiet stretti li japplikaw għall-komunikazzjoni formali tal-konklużjonijiet. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ittri ta’ l-1 ta’ Marzu u tal-21 ta’ Awwissu 2002 issodisfaw, kuntrarjament għal dak li jallega l-Gvern Grieg, il-kriterji relativi għall-komunikazzjoni tar-riżultati tal-verifiki tagħha.

35      Il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni litterali tal-ħames subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 u ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95 biex tiddeduċi minnhom li l-perijodu ta’ żmien ta’ 24 xahar jibda jiddekorri bl-ittra li biha hija tikkomunika r-riżultati tal-verifiki tagħha. Barra din l-interpretazzjoni, l-għan ta’ din l-aħħar dispożizzjoni tikkonsisti fi protezzjoni aħjar tad-drittijiet proċedurali ta’ l-Istati Membri. Għaldaqstant, l-argument tal-Gvern Grieg ibbażat fuq ġurisprudenza bbażata fuq il-formulazzjoni qadima ta’ l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95 ma jistax jiġi aċċettat.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

36      Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, minn naħa, l-Artikolu 5(2)(c) tar-Regolament Nru 729/70 u l-ħames subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999, u min-naħa l-oħra, l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95, jirreferu għall-istess stadju tal-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet ta’ l-FAEGG, jiġifieri meta tintbagħat l-ewwel komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Istat Membru wara l-kontrolli li hija tkun effettwat. Għaldaqstant, l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95 jippreċiża l-kontenut tal-komunikazzjoni bil-miktub li tissemma’ fl-Artikolu 5(2)(c) tar-Regolament Nru 729/70 u fil-ħames subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Jannar 2002, Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C‑170/00, Ġabra p. I‑1007, punti 26 u 27; tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il-Lussemburgu vs Il-Kummissjoni, C‑158/00, Ġabra p. I‑5373, punt 23, u ta’ l-24 ta’ Frar 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑300/02, Ġabra p. I‑1341, punt 68).

37      Qabel ma ġie emendat bir-Regolament Nru 2245/1999, l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95 kien jipprovdi li l-komunikazzjoni in kwistjoni kellha tindika l-miżuri korretti li kellhom jittieħdu sabiex tigi żgurata l-osservanza fil-futur tar-regoli kkonċernati kif ukoll evalwazzjoni ta’ l-infiq li l-Kummissjoni kienet qed tipproponi li teskludi, u kellha tagħmel riferenza għar-Regolament Nru 1663/95 (sentenzi Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar’il fuq, punt 26; Il-Lussemburgu vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar’il fuq, punt 23, u Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar’il fuq, punt 69).

38      Madankollu, l-obbligu tal-Kummissjoni li ssemmi, fil-komunikazzjoni li hija tibgħat lill-Istat Membru kkonċernat skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95, evalwazzjoni ta’ l-infiq li hija kien beħsiebha teskludi tneħħa bir-Regolament Nru 2245/1999. Din l-evalwazzjoni għandha minn issa’il quddiem tiġi inkluża fl-ittra li tintbagħat wara d-diskussjonijiet bilaterali, skond it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95, kif emendat.

39      Il-Gvern Grieg ma jikkontestax li l-Kummissjoni m’għadhiex obbligata twettaq evalwazzjoni ta’ l-infiq li għandha tiġi eskluża fl-ewwel ittra li hija tibgħat wara l-investigazzjoni tagħha. Huwa madankollu jsostni li, jekk il-Kummissjoni għandha issa teffettwa din l-evalwazzjoni fit-tieni ittra li hija tibgħat wara diskussjonijiet bilaterali u qabel il-proċedura ta’ konċiljazzjoni, hija t-trażmissjoni ta’ din l-ittra li għandha minn issa’il quddiem tiġi kkunsidrata bħala ż-żmien li munnu jibda jiddekorri l-perijodu ta’ żmien ta’ 24 xahar. Sabiex isostni l-allegazzjoni tiegħu, il-Gvern Grieg jibbaża ruħu fuq il-formulazzjoni tas-sentenzi msemmija iktar’il fuq, formulazzjoni li tistabbilixxi li, jekk il-Kummissjoni ma tosservax l-obbligi li hija imponiet fuqha nfisha bir-Regolament Nru 1663/95, dan in-nuqqas ta’ konformità jista’, skond kemm hu sinjifikattiv, ineħħi kull sinjifikat mill-garanzija proċedurali mogħtija lill-Istati Membri permezz tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 729/70 u 1258/1999, li jillimitaw, f’termini ta’ żmien, l-infiq li jista’ jiġi affettwat minn rifjut ta’ finanzjament mill-FAEGG.

40      Jekk, konsegwentement, il-komunikazzjoni ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-infiq li għandu jiġi eskluż tagħmel parti mill-“garanzija proċedurali mogħtija lill-Istati Membri permezz ta’ l-Artikolu 5(2)(c) tar-Regolament Nru 729/70 u mill-ħames subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999”, għandu jiġi konkluż, skond il-Gvern Grieg, li l-perijodu taż-żmien ta’ 24 xahar għandu jiġi kkalkulat minn meta ssir din il-komunikazzjoni.

41      L-argument tal-Gvern Grieg ma jistax jiġi aċċettat. Għandu jiġi mfakkar li, kemm skond l-Artikolu 5(2)(c) tar-Regolament Nru 729/70 kif ukoll skond il-ħames subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999, il-perijodu taż-żmien ta’ 24 xahar għandu jiġi kkalkulat minn meta l-Kummissjoni tikkomunika lill-Istat Membru kkonċernat ir-riżultati tal-verifiki tagħha, jiġifieri r-riżultati ta’ l-ispezzjonijiet fil-post, fl-Istati Membri, effettwati mid-dipartimenti tagħha (sentenza Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar’il fuq, punt 27).

42      Għalhekk ir-Regolamenti Nru 729/70 u 1258/1999 bl-ebda mod ma jeħtieġu li l-Kummissjoni tippreżenta evalwazzjoni ta’ l-infiq li hija biħsiebha teskludi sabiex jibda jiddekorri l-perijodu taż-żmien ta’ 24 xahar. Din il-kundizzjoni kienet prevista biss fir-Regolament Nru 1663/95 qabel ġie emendat bir-Regolament Nru 2245/1999. Għaldaqstant, il-garanzija proċedurali mogħtija, taħt il-forma tal-perijodu taż-żmien ta’ 24 xahar, permezz tad-dispożizzjonijiet fuq imsemmija tar-Regolamenti Nru 729/70 u 1258/1999 hija marbuta biss mal-komunikazzjoni tar-riżultati tal-verifiki tal-Kummissjoni u mhux ma’ evalwazzjoni ta’ l-infiq li din ta’ l-aħħar biħsiebha teskludi. Fil-fatt, huma dawn ir-riżultati li jikkostitwixxu l-bażi ta’ kull korrezzjoni u li għandhom jiġu kkomunikati lill-Istat Membru kmieni kemm jista’ jkun sabiex dan ta’ l-aħħar ikun jista’ jirrimedja għan-nuqqasijiet ikkonstatati fl-iqsar żmien u, konsegwentement, jevita korrezzjonijiet ġodda fil-futur.

43      Minn dan jirriżulta li, anki jekk l-evalwazzjoni ta’ l-infiq li għandu jiġi eskluż issa qed issir fit-tieni komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tintbagħat lill-Istat Membru kkonċernat wara diskussjonijiet bilaterali, il-perijodu taż-żmien ta’ 24 xahar dejjem għandu jiġi kkalkulat, skond ir-Regolamenti Nru 729/70 u 1258/1999, mill-ewwel komunikazzjoni, li tesponi r-riżultati tal-verifiki.

44      Din il-pożizzjoni ma taffettwax id-drittijiet proċedurali invokati mill-Gvern Grieg. Fil-fatt, id-deċiżjonijiet fir-rigward ta’ clearance tal-kontijiet tal-FAEGG jittieħdu wara proċedura inter partes li fiha l-Istati Membri kkonċernati jiddisponu mill-garanziji kollha meħtieġa biex jippreżentaw il-perspettiva tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Jannar 1998, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C-61/95, Ġabra p. I-207, punt 39). B’mod partikolari, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2245/1999, l-Istati Membri għad għandhom il-possibbiltà li jesprimu l-pożizzjoni tagħhom inkwantu għall-konstatazzjonijiet li l-Kummissjoni tifformula wara l-investigazzjonijiet tagħha, fl-ittra prevista għal dan il-għan mit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95, kif emendat, kif ukoll matul id-diskussjoni bilaterali susssegwenti. Fir-rigward tal-korrezzjonijiet previsti, li huma kkomunikati għall-ewwel darba fl-ittra mibgħuta wara d-diskussjonijiet bilaterali, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà jippreżentaw il-perspettiva tagħhom matul l-istadji segwenti tal-proċedura, b’mod partikolari, billi jġibu l-kwistjoni quddiem il-Korp ta’ Konċiljazzjoni f’dan ir-rigward.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi meqjus li l-Istati Membri jinsabu fi stat ta’ inċertezza inaċċettabbli, kif allegat mill-Gvern Grieg, billi l-Kummissjoni ma tinformahomx, mill-ewwel komunikazzjoni tagħha, bl-evalwazzjoni tagħha dwar l-infiq li hija biħsiebha teskludi mill-finanzjament Komunitarju. Fil-fatt, anki qabel ma r-Regolament Nru 1663/95 ġie emendat, l-evalwazzjoni ta’ dan l-infiq, li l-Kummissjoni kienet tagħmel fl-ewwel komunikazzjoni tagħha, ma kinitx definittiva u, għalhekk, kienet tista’ tiġi riveduta fid-dawl tar-risposti mogħtija mill-Istat Membru matul il-proċedura amministrattiva. Konsegwentement, sakemm il-korrezzjoni finali ma tkunx ġiet adottata, inċertezza fir-rigward tal-livell tagħha hi inerenti għal kull proċedura li tipprovdi għal kuntatti bilaterali qabel ma tiġi adottata deċiżjoni definittiva.

46      Għaldaqstant, huwa mill-ittra mibgħuta skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95, kif emendat, li jibda jiddekorri l-perijodu taż-żmien ta’ 24 xahar. F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkomunikat lill-awtoritajiet Elleniċi r-riżultati tal-verifiki tagħha b’ittri ta’ l-1 ta’ Marzu u tal-21 ta’ Awwissu 2002. Peress li l-korrezzjoni applikata b’rata fissa tirrigwarda biss l-infiq tas-sena 2002, hija ġiet effettwata b’mod konformi mal-perijodu taż-żmien ta’ 24 xahar previst fil-ħames subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999. L-ewwel motiv għal annullament għandu għalhekk jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ dritt u ta’ fatt flimkien ma’ motivazzjoni insuffiċjenti

–       L-argumenti tal-partijiet

47      L-ewwel nett, il-Gvern Grieg isostni li s-SIPA ma tikkostitwixxix kontroll, iżda mezz ta’ kontroll.

48      It-tieni nett, il-perċentwali ta’ 67,5 % ta’ l-artijiet identifikati kif suppost bħala uċuħ tar-raba’ li jinħartu u artijiet għall-għalf jikkorispondi, fir-realtà, għall-70,5 % ta’ l-artijiet li fir-rigward tagħhom ġie effetwat ħlas. Fil-fatt, l-awtoritajiet Elleniċi ma kinux effettwaw ebda ħlas għall-4,3 % ta’ l-artijiet li ma kinux ġew identifikati (ara l-punt 25 iktar’il fuq). Dan hu element importanti għax iqajjem dubji dwar wieħed mill-argumenti li fuqhom il-Kummissjoni bbażat l-korrezzjoni kkontestata.

49      It-tielet nett, il-Gvern Grieg jindika li s-sistema alfanumerika fis-seħħ qabel l-adozzjoni tas-SIPA kienet ibbażata fuq elementi (pjanti u dokumenti ta’ l-artijiet, mapep, eċċ) li jikkorispondu għal dawk li abbażi tagħhom ġew identifikati 28,2 % taż-żoni ddikjarati (ara l-punt 25 iktar’il fuq).

50      Ir-raba’ nett, l-awtoritajiet kienu effettwaw, qabel l-implementazzjoni tas-SIPA, kull tip ta’ kontroll (fil-post, kontrolli bir-reqqa, eċċ) abbażi tas-sistema alfanumerika ta’ identifikazzjoni tal-qatgħat mingħajr ma qajmu dubji fir-rigward ta’ l-affidabbilità ta’ din ta’ l-aħħar, li kienet sempliċiment ġiet imtejba permezz tas-SIPA.

51      Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li, għal dak li jirrigwarda s-sena ta’ ħsad 2001, is-SIPA kienet ġiet applikata għal 70 % ta’ l-artijiet iddikjarati, filwaqt li għall-bqija l-awtoritajiet Elleniċi implementaw sistema li, minkejja li mhijiex kumpatibbli mas-SIPA, kienet assolutament affidabbli u kienet taħdem sew. Għaldaqstant, il-ħlasijiet kollha magħmula għas-sena ta’ ħsad 2001 kienu koperti minn sistema ta’ kontroll affidabbli u li taħdem sew.

52      Il-Gvern Grieg jikkontesta l-ilment li l-Gedidagep kompla jeffettwa ħlasijiet mingħajr ma ddispona minn provi li juru l-verifika ta’ l-applikazzjonijiet rispettivi minn dipartimenti oħra, b’mod partikolari ċertu prefetturi (ara l-punt 24 iktar’il fuq). Filwaqt li jenfasizza n-natura rigoruża tal-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet tal-FAEGG, il-Gvern Grieg jenfasizza li l-Gedidagep ġie sostitwit, inkwantu dipartiment tal-Ministeru ta’ l-Agrikultura u korp inkarigat mill-ħlasijiet, mill-Opekepe matul is-sena 2001, element fattwali li l-Kummissjoni kienet taf bih.

53      Hemm għalhekk lok li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata safejn timponi l-korrezzjoni b’rata fissa in kwistjoni.

54      Skond il-Kummissjoni, il-Gvern Grieg jammetti li s-SIPA ma kinitx qed tintuża, iżda ssostni li l-awtoritajiet Elleniċi applikaw sistemi ta’ kontroll differenti iżda, fil-fehma tagħhom approprjati, sabiex jintlaħaq l-istess riżultat. Madankollu, skond ġurisprudenza stabbilita, anki kieku jiġi preżunt li kienu ġew organizzati sistemi ta’ kontroll alternattivi, l-Istati Membri huma obbligati japplikaw miżuri speċifiċi ta’ kontroll stabbiliti minn regolament mingħajr mhemm bżonn li jiġi evalwat jekk sistema ta’ kontroll differenti eventwalment applikata hijiex iktar effettiva.

55      Għaldaqstant, anki jekk jiġi ammess li l-awtoritajiet Elleniċi ma effettwawx ħlasijiet għall-4,3 % ta’ l-artijiet li ma kinux ġew identifikati, l-identifikazzjoni ta’ 28,2 % ta’ l-artijiet abbażi ta’ sistema li mhijiex kumpatibbli mas-SIPA, u li lanqas mhija affidabbli, tiġġustifika b’mod sħiħ il-korrezzjoni b’rata fissa applikata. Is-SIPA teżiġi barra minn dan applikazzjoni fuq l-artijiet kollha sabiex tiġi ggarantita l-eżatezza tar-riżultati li hija tippreżenta.

56      Fir-rigward tar-riferenza għall-isem eżatt tal-korp inkarigat mill-ħlasijiet, il-Kummissjoni tenfasizza l-irrilevanza ta’ dan l-element kif ukoll il-fatt li l-Opekepe ssostitwixxa l-Gedidagep mit-3 ta’ Settembru 2001, filwaqt li l-investigazzjoni in kwistjoni saret f’Awwissu 2001.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

57      Skond ġurisprudenza kostanti, il-Kummissjoni, sabiex tipprova l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, hija obbligata mhux li tipprova b’mod eżawrjenti n-nuqqas ta’ kontrolli mwettqa mill-amministrazzjonijiet nazzjonali jew l-irregolarità taċ-ċifri trażmessi minnhom, iżda li tippreżenta element ta’ prova tad-dubju serju u raġonevoli li hija ssib fir-rigward ta’ dawn il-kontrolli jew dawn iċ-ċifri . Dan it-tnaqqis ta’ l-oneru tal-prova li tgawdi minnu l-Kummissjoni huwa dovut għall-fatt li huwa l-Istat Membru li jinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiġbor u jivverifika d-data neċessarja għall-clearance tal-kontijiet tal-FAEGG u li, bħala konsegwenza, għandu l-obbligu li jippreżenta l-prova l-iktar dettaljata u kompluta tal-veraċità tal-kontrolli tiegħu jew taċ-ċifri tiegħu u, jekk ikun il-każ, ta’ l-ineżattezza ta’ l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Jannar 2001, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑247/98, Ġabra p. I‑1, punti 7 sa 9; tas-6 ta’ Marzu 2001, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, C‑278/98, Ġabra p. I‑1501, punti 39 sa 41, u tad-19 ta’ Ġunju 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑329/00, Ġabra p. I‑6103, punt 68).

58      Għaldaqstant, f’dan il-każ, hemm lok li jiġi vverifikat jekk il-Gvern Grieg tax prova ta’ l-ineżattezza ta’ l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni jew l-ineżistenza ta’ riskju ta’ telf jew ta’ irregolarità għall-FAEGG (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Frar 2005, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, C‑318/02, li mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 36) abbażi ta’ l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ kontroll affidabbli u effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-24 ta’ Frar 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar’il fuq, punt 95).

59      Fir-rigward ta’ l-argument ibbażat fuq il-perċentwali preċiż ta’ l-artijiet koperti mis-SIPA, dan għandu jkun eżaminat flimkien ma’ l-argument dwar l-użu ta’ sistema alfanumerika affidabbli u li taħdem sew li hija differenti mis-SIPA għall-identifikazzjoni ta’ 28,2 % ta’ l-artijiet iddikjarati. F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li, meta regolament jistabbilixxi miżuri speċifiċi ta’ kontroll, l-Istati Membri għandhom japplikawhom mingħajr ma jkun neċessarju li jevalwaw il-mertu ta’ l-argument tagħhom li sistema ta’ kontroll differenti eventwalment applikata hija iktar effettiva (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, C 130/99, Ġabra p. I 3005, punt 87, u tad-9 ta’ Settembru 2004, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C 332/01, Rec. p. I-7699, punt 62).

60      Għaldaqstant, anki jekk jiġi preżunt li kontrolli alternattivi ġew organizzati, dan il-fatt ma jistax jaffettwa l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni tas-SIPA, fatt li l-Gvern Grieg lanqas ma jikkontesta. Għaldaqstant, il-kwistjoni jekk il-perċentwali ta’ l-artijiet koperti mill-applikazzjoni tas-SIPA huwiex ta’ 67,5 jew ta’ 70,5 % m’għandhiex importanza determinanti, peress li parti sinjifikattiva ta’ l-artijiet in kwistjoni ma kinitx koperta mis-SIPA.

61      Barra minn dan, hemm lok li tiġi mfakkra l-importanza li għandha l-implementazzjoni tas-SIGC. Fil-fatt, l-identifikazzjoni tal-qatgħat agrikoli waħedha, li għadha ma ġietx ikkompletata fil-Greċja, tikkostitwixxi element prinċipali ta’ l-applikazzjoni korretta ta’ sistema marbuta ma’ l-artijiet. In-nuqqas ta’ sistema affidabbli ta’ identifikazzjoni tal-qatgħat jimplika, minnu stess, riksju għoli ta’ dannu għall-baġit Komunitarju (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Frar 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar’il fuq, punt 97, u tas-17 ta’ Marzu 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑285/03, li mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 62).

62      Fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-Gedidagep mill-Opekepe, għandu jiġi kkonstatat li l-Gvern Grieg ma uriex b’liema mod allegat żball dwar l-isem tal-korp li jħallas seta’ jaffettwa l-fondatezza ta’ l-ilmenti fformulati mill-Kummissjoni.

63      Peress li l-Gvern Grieg ma rnexxilux juri l-ineżatezza ta’ l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni u lanqas in-nuqqas ta’ impatt fuq il-baġit Komunitarju ta’ l-irregolaritajiet ikkonstatati, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-dokument Nru VI/5330/97 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fuq żball ta’ fatt u fuq motivazzjoni insuffiċjenti dwar ir-rata tal-korrezzjoni b’rata fissa in kwistjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

64      Il-Gvern Grieg jirreferi għall-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-punti 48 sa 50 iktar’il fuq billi jżid jgħid li għandhom jiġu kkunsidrati wkoll id-diffikultajiet li jirriżultaw mit-tqassim sinjifikattiv tal-qatgħat agrikoli kif ukoll il-progress miksub mill-2001. Fil-fatt, is-SIPA tkopri llum 90 % tal-pajjiż.

65      Fir-rigward ta’ l-ispezzjonijiet klassiċi (ara l-punt 26 iktar’il fuq), il-Gvern Grieg jenfasizza li huma kkonċernaw iktar minn 10 % ta’ l-applikazzjonijiet għall-għajnuna u li dan hu perċentwali ogħla minn dak meħtieġ mil-leġiżlazzjoni Komunitarja. Barra minn dan, iktar minn 200 000 ettaru ta’ l-imsemmija artijiet huma kkostitwiti minn uċuħ tar-raba’ tar-rebbiegħa (qamħirrum) li jinħasdu sa’ nofs il-ħarifa, fatt li jispjega l-possibbiltà li jiġu effettwati spezzjonijiet wara l-31 ta’ Awwissu. Il-klima niexfa li tippredomina fil-pajjiż tgħin ukoll iż-żamma tar-residwi ta’ l-uċuħ tar-raba’ fi stat relattivament identifikabbli għal perijodu twil mhux hażin, li jippermetti l-identifikazzjoni ta’ l-uċuħ tar-raba’ ta’ qamħ iebes. Fil-każ fejn il-kontroll jitwettaq wara l-ħsad, l-awtoritajiet kompetenti jitolbu lill-produtturi sabiex ma jeqirdux ir-residwi sabiex li jiġu kkompletati l-ispezzjonijiet. Għalhekk, l-ilment tal-Kummissjoni dwar l-ispezzjonijiet klassiċi ma jistax jiġġustifika jew isostni b’mod siewi l-korrezzjoni b’rata fissa applikata.

66      Għal dak li jirrigwarda l-kontrolli permezz ta’ remote sensing (ara l-punt 26 iktar’il fuq), il-Gvern Grieg isostni li d-dewmien dovut għall-proċeduri ta’ aġġudikazzjoni ma jistax jinvalida r-riżultati tal-kontrolli u, għaldaqstant, ma jistax jikkostitwixxi riskju reali għall-FAEGG. Fil-fatt, ir-remote sensing titwettaq abbażi ta’ immaġni bis-satellita meħuda qabel il-ħsad u fi stadji differenti ta’ l-iżvilupp.

67      Fir-rigward tat-tolleranza teknika aċċettata (ara l-punt 26 iktar’il fuq), il-Gvern Grieg josserva li hija ġiet stabbilita għal +/- 3m wara li saret investigazzjoni u skond l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti f’kollaborazzjoni maċ-Ċentru Komuni ta’ Riċerka ta’ Ispra (dokument ta’ l-24 ta’ Novembru 2000). Barra minn dan, din it-tolleranza, li kienet ġiet applikata fuq l-ortofotografiji mill-1996 sa l-1998, hi preferibbli minn dik stabbilita għal +/- 5 m li kienet tkun applikata li kieku l-awtoritajiet kienu użaw l-immaġni bis-satellita.

68      Fir-rigward ta’ kemm għandhom żmien l-ortofotografiji li jiddataw mis-snin 1996 sa 1998, il-Kummissjoni stess aċċettat, fl-ittra tagħha tal-21 ta’ Awwissu 2002, li l-ortofotografiji li għandhom ħames snin huma kkunsidrati bħala sodisfaċenti. Għaldaqstant, l-ilmenti dwar il-kontrolli b’remote sensing ma jistgħux jiġġustifikaw jew isostnu b’mod utli l-korrezzjoni b’rata fissa applikata, li, f’kull każ, hi vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

69      B’mod sussidjarju, il-Gvern Grieg isostni li korrezzjoni li ma taqbiżx 2 % ta’ l-infiq iddikjarat hi konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

70      Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tirrepeti l-evalwazzjoni tagħha li tinsab fil-punt 55 iktar’il fuq. Is-SIPA tikkostitwixxi element prinċipali fis-sistema ta’ kontrolli, li r-Repubblika Ellenika ma osservatx in-numru, il-frekwenza jew ir-rigorożità tagħha imposti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja.

71      Il-Kummissjoni ma tiċħadx il-progress miksub sa llum (ara l-punt 64 iktar’il fuq), iżda tenfasizza li dan il-progress jirrigwarda perijodi li jiġu wara dak in kwistjoni.

72      Għal dak li jirrigwarda l-argumenti dwar il-possibbiltà li jitwettqu kontrolli wara l-ħsad (ara l-punt 65 iktar’il fuq), il-Kummissjoni ssostni li, meta jsir il-ħsad, qatgħa waħda ma toffrix informazzjoni preċiża biżżejjed fuq il-produzzjoni. Hija tenfasizza li l-miżuri ta’ sostenn in kwistjoni huma bbażati fuq il-produzzjoni u mhux fuq l-art ikkultivata. Il-qamħ iebes, li jinħasad lejn l-aħħar ta’ Lulju u l-bidu ta’ Awwissu, jikkostitwixxi, barra minn dan, il-parti l-kbira ta’ l-uċuħ tar-raba’.

73      Il-Kummissjoni tikkonferma li hija taċċetta t-tolleranza ta’ +/- 3 m, filwaqt li tippreċiża, madankollu, li ma kinitx ressqet, f’dan il-każ, ilment relattiv għal dan. Min-naħa l-oħra, l-ilment jirrigwarda t-toleranza ta’ 5 % għal 50 % mill-inqas ta’ l-artijiet ikkontrollati. Din it-tolleranza hi prevista fid-dokument ta’ xogħol Nru VI/8388/94 li jagħmel rakkomandazzjonijiet għall-miżuri fil-post ta’ l-artijiet u li huma msemmija fid-dokument ta’ l-24 ta’ Novembru 2000 taċ-Ċentru Komuni ta’ Riċerka (ara l-punt 67 iktar’il fuq).

74      Fir-rigward ta’ kemm għandhom żmien l-ortofotografiji, il-Kummissjoni tippreċiża li hija taċċetta li jkollhom ħames snin għall-kreazzjoni tas-SIPA, iżda l-kontrolli fil-post jirrikjedu ritratti ta’ l-istess sena. Fil-fatt, skond il-Kummissjoni, l-ortofotografiji arkivjati jistgħu jservu għat-teħid tal-qisien fil-kuntest tas-SIPA. Madankollu, hu ovvjament impossibbli li jintużaw ortofotografiji qodma sabiex jiġi rreġistrat il-ħsad relativ għal sena finanzjarja sussegwenti. Peress li l-għajnuna prevista bir-Regolamenti Nru 1765/92 u 1251/1999 hija kkalkulata abbażi tal-produzzjoni, il-Kummissjoni tqis li l-konstatazzjoni li qatgħa speċifika ġiet ikkultivata matul sena ta’ ħsad partikolari b’wiċċ tar-raba’ partikolari hija ta’ importanza ċentrali. Din il-konstatazzjoni tista’ tkun ibbażata biss fuq ir-ritratti ta’ l-istess sena ta’ ħsad.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

75      Fir-rigward ta’ l-argument imtenni dwar il-perċentwali eżatt ta’ l-artijiet koperti mis-SIPA kif ukoll l-applikazzjoni ta’ metodi oħra ta’ kontroll, għandha ssir riferenza għall-analiżi magħmula fil-punti 59 u 60 iktar’il fuq.

76      Barra minn hekk, fis-sentenzi tagħha ta’ l-24 ta’ Frar 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar’il fuq (punti 97 u 100), u tas-17 ta’ Marzu 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 61 iktar’il fuq (punti 62 sa 64), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li n-nuqqas tat-tlestija tas-SIGC kien jiġġustifika fih innifsu l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % mingħajr ma kien meħtieġ li jiġu eżaminati bir-reqqa l-kwistjonijiet tal-kwalità tal-kontrolli b’remote sensing jew tal-perċentwali ta’ kontrolli effettwati fil-post.

77      L-argument invokat mill-Gvern Grieg matul is-seduta, li hemm lok sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza teskludi dawn il-konklużjonijiet fid-dawl tal-progress miksub fit-tlestija tas-SIGC, ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, anki jekk jitqies li t-titjib relattiv għall-funzjonament tas-SIGC huwa stabbilit, il-Gvern Grieg ma jistax isostni li, minħabba din il-konstatazzjoni, ir-rata tal-korrezzjonijiet li għandhom isiru għandu jitnaqqas. Fil-fatt, minkejja dan it-titjib, ir-riskju ta’ dannu għall-FAEGG, minħabba n-nuqqas ta’ tlestija ta’ parti sinjifikattiva tas-SIGC, baqa’ għoli ħafna, u dan mill-iskadenza tal-perijodu taż-żmien mogħti għall-implementazzjoni ta’ din ta’ l-aħħar, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 1997 (sentenzi ta’ l-24 ta’ Frar 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 36 supra, punt 99, u tas-17 ta’ Marzu 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 61 supra, punt 63).

78      Konsegwentement, il-korrezzjoni b’rata fissa in kwistjoni tidher li hija konformi mal-linji gwida mfassla mill-Kummissjoni fid-Dokument Nru VI/5330/97. It-tielet motiv għandu għalhekk jiġi miċħud kollu kemm hu mingħajr mhemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq il-fondatezza ta’ l-argument dwar il-kontrolli b’remote sensing ibbażati fuq immaġni bis-satellita meħuda qabel il-ħsad u dwar it-tul ta’ żmien aċċettabbli li matulu jkunu ilhom jeżistu l-ortofotografiji.

 Fuq iż-żejt taż-żebbuġa

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

79      Ir-regoli ġenerali dwar l-għajnuna fil-qasam taż-żejt taż-żebbuġa kienu stabbiliti, għas-snin ikkonċernati, bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3089/78, tad-19 ta’ Diċembru 1978, li jistabbilixxi regoli ġenerali fir-rigward ta’ l-għajnuna għall-konsum taż-żejt taż-żebbuġa (ĠU L 369, p. 12), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1582/96, tat-30 ta’ Lulju 1996 (ĠU L 206, p. 13).

80      Il-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ l-iskema ta’ għajnuna għall-konsum taż-żejt taż-żebbuġa kienu stabbiliti, għas-snin ikkonċernati, bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2677/85, ta’ l-24 ta’ Settembru 1985, li jipprovdi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tas-sistema ta’ għajnuna għall-konsum taż-żejt taż-żebbuġa (ĠU L 254, p. 5), kif emendat bir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 643/93 tad-19 ta’ Marzu 1993 (ĠU L 69, p. 19), u (KE) Nru 887/96 tal-15 ta’ Mejju 1996 (ĠU L 119, p. 16).

 Rapport fil-qosor

81      Fid-dawl ta’ l-ispezzjonijiet diġà mwettqa f’Lulju ta’ l-1996 (li jirrigwardaw is-snin 1994 u 1995), il-kontroll fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa ġie limitat, f’dan il-każ, għal analiżi tad-dokumenti li jinkludu numru ta’ skambji ta’ ittri bejn l-1999 u l-2001 (il-punt B.8.4.1 tar-rapport fil-qosor). Din l-analiżi kkonfermat li diversi problemi identifikati li jirrigwardaw is-snin 1994 u 1995 kienu komplew jeżistu, anki jekk kien ġie introdott titjib kunsiderevoli.

82      Huwa b’dan il-mod li korrezzjoni ad hoc ta’ ammont totali ta’ EUR 200 146,68 ġiet applikata għas-snin 1996 sa 1998 (il-punt B.8.4.3 tar-rapport fil-qosor).

 L-argumenti tal-partijiet

83      Il-Gvern Grieg isostni motiv wieħed biss għal annullament ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza ratione temporis tal-Kummissjoni. Fil-fatt, billi jirreferi għall-analiżi mwettqa fil-kuntest ta’ l-ewwel motiv għal annullament li jirrigwarda s-settur ta’ l-uċuħ tar-raba’ li jinħartu, il-Gvern Grieg isostni li l-ewwel ittra li biha l-Kummissjoni tirreferi għall-korrezzjoni in kwistjoni kienet dik ta’ l-14 ta’ April 2004. Għaldaqstant, hu jqis li l-Kummissjoni ma setgħetx teskludi l-infiq li sar qabel l-14 ta’ April 2002, ħlief jekk l-awtoritajiet Elleniċi kienu kkomunikaw lill-Kummissjoni l-elementi meħtieġa għall-kalkolu ta’ l-imsemmija korrezzjoni wara din id-data. Issa, l-elementi rilevanti kienu ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni ħafna qabel.

84      Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata inkwantu timponi korrezzjoni b’rata fissa fil-qasam taż-żejt taż-żebbuġa.

85      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet. Fil-fatt, b’ittra tagħha tat-3 ta’ Lulju 1998, hija kienet diġà esprimiet il-ħtieġa li timponi l-korrezzjonijiet applikati għas-snin 1994 u 1995 fuq is-snin segwenti. In-nuqqasijiet tas-sistema ta’ għajnuna fil-qasam in kwistjoni kienu ġew ikkonstatati mill-1990 u kienu taw lok għall-korrezzjonijiet imposti għas-snin finanzjarji mill-1992 sa l-1995. Il-korrezzjoni in kwistjoni hija bbażata fuq l-istess elementi fattwali, peress li l-Greċja tejbet biss parzjalment is-sistema ta’ għajnuna tagħha. Ir-Repubblika Ellenika kienet ilha taf bl-irregolaritajiet in kwistjoni mill-1992, bla ma qatt ikkontestathom fuq il-mertu. Il-Kummissjoni kienet tenniet dawn l-ilmenti b’ittra tat-3 ta’ Lulju 1998 u kienet, b’ittra tat-8 ta’ Frar 1999, talbet lill-awtoritajiet Elleniċi biex jikkomunikawlha l-miżuri adottati f’dan ir-rigward għas-snin 1996 u 1997. It-talba għal informazzjoni kienet reġgħet saret fl-istedina tat-3 ta’ Awwissu 2001 għal laqgħa bilaterali.

86      F’kull każ, il-korrezzjonijiet għas-snin 1996 sa 1998 kienu jagħmlu parti mill-estensjoni ta’ dawk applikati mill-1992. Ir-Repubblika Ellenika kienet għalhekk ġiet informata b’mod sħiħ bil-korrezzjoni in kwistjoni li tagħha hija tammetti indirettament il-fondatezza.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

87      Għall-finijiet ta’ l-analiżi ta’ dan il-motiv, hemm lok, l-ewwel nett, li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 36 sa 46 iktar’il fuq. It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li, indipendentement mill-kwistjoni jekk id-data li l-Gvern Grieg jikkunsidra bħala dik li minnha jibda jiddekorri l-perijodu taż-żmien ta’ 24 xahar hijiex korretta, dan ta’ l-aħħar qed jadixxi lill-Qorti tal-Prim’Istanza, permezz ta’ dan ir-rikors, dwar il-kwistjoni relattiva għall-kompetenza ratione temporis tal-Kummissjoni biex timponi l-korrezzjoni in kwistjoni.

88      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li peress li l-elementi fattwali tal-proċedura li taw lok għal din il-korrezzjoni u li huma invokati mill-partijiet juru li, anki taħt ir-Regolament Nru 2245/1999, il-Kummissjoni aġixxiet barra mill-kompetenza tagħha ratione temporis.

89      Fil-fatt, b’ittra tat-3 ta’ Lulju 1998, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Elleniċi bil-pożizzjoni finali tagħha wara kontroll relativ għas-snin 1994 u 1995. Kif jirriżulta mill-punt B.8.4.1 tar-rapport fil-qosor u mill-ittra tat-3 ta’ Lulju 1998, dan il-kontroll kien juri nuqqas ta’ monitoraġġ mill-Ministeru ta’ l-Agrikultura tal-konstazzjonijiet u tal-proposti ta’ sanzjonijiet mogħtija mill-korp ta’ kontroll ta’ għajnuna għaż-żejt taż-żebbuġa inklużi fir-rapporti ta’ kontroll mibgħuta lill-imsemmi Ministeru sa’ l-aħħar ta’ Ottubru 1994. B’ittra tat-12 ta’ Jannar 1999, il-Kummissjoni informat l-awtoritajiet Elleniċi, fil-kuntest ta’ l-istess proċedura, bl-ammont finali tal-korrezzjoni ad hoc li qed jiġi suġġerit [3 068 123 875 drakma Griega (GRD), jiġifieri EUR 9 004 031,91]. Din il-korrezzjoni ġiet finalment effettwata, kif jidher fil-punt B.8.4.1 tar-rapport fil-qosor.

90      Għal dak li jirrigwarda din il-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet tal-FAEGG fir-rigward tas-snin 1996 sa 1998, il-Kummissjoni, b’ittra tat-8 ta’ Frar 1999, talbet lill-awtoritajiet Elleniċi sabiex jipprovduha b’ċerta informazzjoni dwar il-miżuri korrettivi li ttieħdu kontra l-impriżi li jaqgħu taħt it-tielet mill-ħames kategoriji msemmija fl-ittra tat-3 ta’ Lulju 1998, li fir-rigward tagħhom il-kontrolli kienu rrivelaw ċerti irregolaritajiet.

91      B’ittra tat-2 ta’ Mejju 2001, mibgħuta skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95, il-Kummissjoni kkomunikat lill-Istat Membru r-riżultati tal-verifiki tagħha fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni 2000/11 dwar l-infiq effettwat bħala għajnuna għall-konsum taż-żejt taż-żebbuġa għas-snin 1996 sa 1998. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għall-ittra tat-8 ta’ Frar 1999. B’ittra tat-3 ta’ Awwissu 2001, il-Kummissjoni kkonvokat l-Istat Membru għal laqgħa bilaterali skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95, dwar, b’mod partikolari, l-għajnuna għall-konsum taż-żejt taż-żebbuġa. Fl-aħħar, b’ittra ta’ l-14 ta’ April 2004, il-Kummissjoni kkomunikat formalment il-konklużjonijiet tagħha lill-awtoritajiet Elleniċi u evalwat l-infiq li hija kienet biħsiebha teskludi.

92      Għandu jiġi kkunsidrat li, f’dan il-każ, l-ittra tat-8 ta’ Frar 1999 tikkostitwixxi l-bidu ta’ kontroll ġdid tal-Kummissjoni u mhux ittra abbażi ta’ l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95.

93      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-korrezzjoni in kwistjoni effettwata fir-rigward tas-snin 1996 sa 1998 ġiet ibbażata fuq konstatazzjonijiet relativi għal fatti li ġraw wara dawk li taw lok għall-korrezzjoni li tirrigwarda s-snin 1994 u 1995.

94      Fil-fatt jirriżulta mill-punt B.8.4.3 tar-rapport fil-qosor, moqri flimkien ma’ l-ittra tal-Kummissjoni ta’ l-14 ta’ April 2004, li l-korrezzjoni finanzjarja in kwistjoni ġiet applikata għal żewġ raġunijiet. L-ewwel raġuni tikkonsisti f’dewmien fl-irtirar ta’ clearance ta’ ċerti impriżi, li kellhom jiġu effettwati għas-snin 1996 u 1997 skond l-Artikolu 12(6) tar-Regolament Nru 2677/85, kif emendat mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 643/93, u, it-tieni waħda fin-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ sanzjonijiet minħabba irregolaritajiet li jirrigwardaw il-kwalità taż-żejt taż-żebbuġa skond l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 2677/85, kif emendat mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 887/96.

95      Kif jirriżulta mill-punt B.8.4.3 tar-rapport fil-qosor, moqri flimkien ma’ ittra tal-Kummissjoni, iddatata 31 ta’ Ottubru 2001, il-korrezzjoni effettwata minħabba dewmien fl-irtirar ta’ clearance hi ugwali għall-ammonti ta’ għajnuna indebidament imħallsa matul is-snin 1996 u 1997 lil erba’ impriżi li l-clearance tagħhom kien imissha ġiet irtirata għal dawn il-perijodi.

96      Barra minn dan, jirriżulta mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ l-14 ta’ April 2004 li l-korrezzjoni mwettqa minħabba n-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ sanzjonijiet minħabba irregolaritajiet li jirrigwardaw il-kwalità taż-żejt taż-żebbuġa hi ugwali għal sanzjonijiet fiskali li kien imisshom ġew imposti fuq 38 każ matul is-snin 1996 sa 1998 u li għandhom jiġu mnaqqsa mill-infiq tal-FAEGG, skond it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 2677/85, kif emendat, l-aħħar, mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 887/96. Barra minn dan, jirriżulta mill-komunikazzjoni ta’ l-14 ta’ April 2004 li t-teħid ta’ kampjuni kollu effettwat mill-awtoritajiet nazzjonali għall-finijiet ta’ kontrolli ta’ kwalità sar wara t-tmiem tas-sena finanzjarja 1995 (15 ta’ Ottubru 1995), filwaqt li s-silta ta’ l-ittra tat-3 ta’ Lulju 1998 dwar l-impriżi tat-tielet kategorija (ara l-punt 90 iktar’il fuq) tirreferi għal rapporti ta’ kontroll imfassla mill-awtoritajiet Elleniċi sax-xahar ta’ Ottubru 1994.

97      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li n-nuqqasijiet li wasslu għall-korrezzjoni in kwistjoni (ebda irtirar ta’ clearances u n-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fiskali) seħħew wara s-sena 1995, li hija l-aħħar sena kkonċernata mill-ewwel kontroll tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, l-argument li l-Kummissjoni sostniet matul is-seduta, li l-kontroll in kwistjoni ma jistax jiġi distint mill-ewwel kontroll li jirrigwarda s-snin ta’ l-1994 u 1995 (ara l-punt 89 iktar’il fuq) ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, għandu jiġi kkunsidrat f’dan il-każ li, billi vverifikat jekk l-awtoritajiet Elleniċi kinux irtiraw clearances u kinux imponew sanzjonijiet matul is-snin 1996 sa 1998, il-Kummissjoni pproċediet għal kontroll ġdid li hu distint mill-ewwel wieħed. Bl-istess mod, ma jistax ikun hemm ksur tal-garanzija proċedurali mogħtija mill-perijodu taż-żmien ta’ 24 xahar stabbilita bir-Regolamenti Nru 729/70 u 1258/1999 għar-raġuni waħedha li l-konstatazzjonijiet ta’ kontroll huma parzjalment analogi għal dawk ta’ kontroll preċedenti.

98      Fl-aħħar, l-argument tal-Kummissjoni li l-awtoritajiet Elleniċi kienu aċċettaw il-possibbiltà tal-korrezzjoni in kwistjoni matul il-proċedura amministrattiva ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, din iċ-ċirkustanza mhijiex biżżejjed sabiex il-Kummissjoni jkollha l-kompetenza ratione temporis meħtieġa mir-Regolamenti Nru 729/70 u 1258/1999 sabiex timponi korrezzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-FAEGG.

99      F’dan il-każ, l-ittra tat-2 ta’ Mejju 2001 mibgħuta skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95, kif emendat bir-Regolament Nru 2245/1999, hija l-ewwel ittra li tinkludi l-elementi kollha meħtieġa mill-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni. Hija għalhekk din l-ittra li tikkostitwixxi l-punt ta’ tluq li minnu għandu jiġi kkalkulat il-perijodu taż-żmien ta’ 24 xahar.

100    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti ratione temporis sabiex teskludi l-infiq effettwat qabel it-2 ta’ Mejju 1999. Għaldaqstant, hemm lok li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata inkwantu hija teskludi mill-finanzjament Komunitarju l-infiq relativ għall-għajnuna għall-konsum taż-żejt taż-żebbuġa.

 Fuq il-verifika finanzjarja

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

101    Skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1251/1999, “[i]l-ħlasijiet [lill-produtturi] għandhom isiru bejn is-16 Novembru u l-31 Jannar wara l-ħsad”.

102    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 296/96, tas-16 ta’ Frar 1996, dwar l-informazzjoni li għandha tingħata mill-Istati Membri u l-prenotament ta’ kull xahar tan-nefqa ffinanzjata mit-Taqsima “Garanziji” tal-FAEGG u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2776/88 (ĠU L 39, p. 5), jippreċiża l-kundizzjonijiet li fihom l-ispejjeż li l-Istati Membri jkunu sostnew jistgħu jiġu koperti mill-FAEGG, Taqsima “Garanziji”.

103    Skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 296/96, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1577/2001, ta’ l-1 ta’ Awwissu 2001 (ĠU L 209, p. 12):

“L-avvanzi dwar il-prenotament għandhom jiġu mnaqqsa għan-nefqa effettwata wara t-temmiet taż-żmien stabbiliti kif ġej:

(a)       fejn in-nefqa effettwata wara t-temmiet taż-żmien tkun ugwali għal 4 % jew inqas tan-nefqa effettwata qabel ittemmiet taż-żmien, ma għandha ssir l-ebda riduzzjoni, irrispettivament min-numru tax-xhur tad-dewmien,

(b)       ’il fuq mill-għatba ta’ 4 %, kull nefqa iktar li ssir effettwata b’dewmien ta’ sa:

–        xahar għandha tiġi mnaqqsa b’10 %,

–        xahrejn għandha tiġi mnaqqsa b’25 %,

–        tliet xhur għandha tiġi mnaqqsa b’45 %,

–        erba’ xhur għandha tiġi mnaqqsa b’70 %,

–        ħames xhur jew iżjed għandha tiġi mnaqqsa b’100 %.

Madankollu, il-Kummissjoni trid tapplika skala differenti taż-żmien u/jew riduzzjonijiet iktar baxxi jew xejn għal kollox, jekk jiġu ffaċċjati kondizzjonijiet eċċezzjonali tal-maniġġjar għal ċertu miżuri, jew jekk jiddaħħlu ġustifikazzjonijiet imsejsa fis-sod mill-Istati Membri.

Ir-riduzzjonijiet riferiti f’dan l-Artikolu għandhom isiru skond ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) 2040/2000.”

 Ir-rapport fil-qosor

104    Skond il-punt C.1.1.1 tar-rapport fil-qosor, id-dipartimenti tal-Kummissjoni eżaminaw id-dewmien fil-ħlasijiet ikkonstatati għall-perijodu mis-16 ta’ Ottubru 2000 sal-15 ta’ Ottubru 2001 skond l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 296/96. Wara dan il-kontroll u d-diskussjonijiet bilaterali, il-Kummissjoni applikat xi korrezzjonijiet fir-rigward ta’ tmien entrati fil-baġit.

 L-argumenti tal-partijiet

105    Fost l-entrati fil-baġit ikkonċernati mill-korrezzjonijiet ta’ verifika finanzjarja, il-Gvern Grieg jikkontesta l-korrezzjonijiet ta’ EUR 455 070,44 fir-rigward ta’ l-għajnuna għal ġulbiena u ta’ EUR 33 718,52 fir-rigward ta’ l-għajnuna għal kull ettaru għar-ross.

106    Il-Gvern Grieg iqajjem motiv għal annullament wieħed biss ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 296/96, ta’ l-Artikolu 7(4) u ta’ l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1258/1999 kif ukoll tad-dokument Nru VI/5330/97, flimkien ma’ motivazzjoni insuffiċjenti u żball ta’ fatt.

107    Jirriżulta mid-dispożizzjonijiet fuq imsemmija li l-Istati Membri huma obbligati josservaw it-termini għall-ħlas ta’ l-għajnuna, inkella huma jsofru korrezzjonijiet finanzjarji digressivi sa 100 % ta’ l-infiq. Il-Kummissjoni għandha, l-ewwel nett, tikkunsidra, għal dan il-għan, id-dannu finanzjarju li sofriet il-Komunità minħabba n-nuqqas ta’ osservazzjoni ta’ dawn it-termini u, it-tieni nett, tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Barra minn dan, il-Kummissjoni hi obbligata tapplika rata ta’ tnaqqis iżgħar jew ebda tnaqqis jekk fir-rigward ta’ ċerti miżuri jkun hemm kundizzjonijiet partikolari ta’ immaniġġar, jew jekk l-Istati membri juru ġustifikazzjonijiet fondati. Għaldaqstant, id-dekadenza ta’ perijodu taż-żmien għal ħlas minħabba kontrolli addizzjonali f’każijiet li kienu s-suġġett ta’ kontestazzjoni jew minħabba ħlasijiet addizzjonali li jkunu saru wara l-eżami ta’ oġġezzjonijiet ibbażati fuq żbalji ta’ reġistrazzjoni f’databases tikkostitwixxi kundizzjoni partikolari suġġetta għal ġustifikazzjonijiet fondati.

108    L-awtoritajiet Elleniċi kienu informaw lill-Kummissjoni li d-dewmien fil-ħlas kien dovut għal kontrolli addizzjonali indispensabbli, b’mod partikolari fil-prefettura ta’ Heraklion, li hija l-ikbar waħda fil-pajjiż fil-produzzjoni ta’ ġulbiena. B’ittra tas-26 ta’ Jannar 2001, l-awtoritajiet Elleniċi kienu talbu l-estensjoni tal-perijodu taż-żmien għall-ħlas ta’ l-għajnuna sabiex jiġu osservati r-rekwiżiti tad-dokument ta’ xogħol Nru VI/7105/98 dwar iż-żieda tar-rata ta’ kontroll f’każ ta’ konstatazzjoni ta’ irregolaritajiet sinjifikattivi. B’ittra ta’ l-1 ta’ Frar 2001, il-Kummissjoni kienet ċaħdet din it-talba, filwaqt li semmiet li l-ġustifikazzjonijiet relatati magħha kellhom jittieħdu in kunsiderazzjoni matul il-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet tal-FAEGG sabiex din il-korrezzjoni ma tiġix imposta. Il-limitu ta’ 4 % previst mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 296/96 (ara l-punt 103 iktar’il fuq) seta’ jinqabeż biss fil-każ ta’ żieda kunsiderevoli tal-kontrolli effettwati mill-awtoritajiet prefettorali ta’ Heraklion.

109    B’ittra tas-6 ta’ Novembru 2003, il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li t-twettiq tal-kontrolli in kwistjoni kien jaqa’ taħt l-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament Nru 296/96. Il-Kummissjoni għalhekk ma jmissha imponiet ebda korrezzjoni jew, għall-inqas, imissha imponiet biss korrezzjoni iżgħar.

110    Għal dak li jirrigwarda l-korrezzjoni li tikkonċerna l-għajnuna għal kull ettaru ta’ ross, il-Gvern Grieg jenfasizza li d-dewmien osservat kien dovut għall-eżami ta’ l-oġġezzjonijiet ibbażati fuq żbalji ta’ reġistrazzjoni ta’ l-elementi fuq id-database. Fir-rigward ta’ waħda mit-tliet prefetturi kkonċernati, id-dewmien kien dovut għal strajk fi ħdan assoċjazzjoni tal-kooperattivi agrikoli, ċirkustanza li tikkostitiwxxi każ ta’ forza maġġuri. Minn dan isegwi li d-dewmien in kwistjoni huwa dovut għal ċirkustanzi eċċezzjonali li jirrigwardaw il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gvern Grieg jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu hija timponi l-korrezzjoni in kwistjoni jew, sussidjarjament, il-limitazzjoni ta’ din ta’ l-aħħar għal 2 % tal-ħlasijiet effettwati wara li kien għalaq it-terminu.

111    Il-Kummissjoni tirrispondi li l-aħħar subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 296/96 għandu, bħala dispożizzjoni derogatorja, jiġi interpretat b’mod restrittiv, billi l-oneru tal-prova huwa fuq il-parti li tixtieq tagħmel użu minnu.

112    Fir-rigward ta’ l-għajnuna għall-ġulbiena, id-dewmien fil-ħlas li jaqbeż il-marġni ta’ 4 % (ara l-punt 103 iktar’il fuq) kien inġustifikat, billi dan il-marġni hu adottat sabiex jiġu ffaċilitati l-kontrolli bir-reqqa kif ukoll it-twettiq ta’ kontrolli addizzjonali. Barra minn hekk, it-talba għal estensjoni tal-perijodu taż-żmien ġiet ippreżentata tlett ijiem qabel l-iskadenza tal-perijodu taż-żmien addizzjonali u ma tistax, għaldaqstant, tiġi aċċettata. Jirriżulta mid-Dokument Nru VI/5330/97 li, meta l-Istati Membri jixtiequ jiksbu deroga sabiex isiru kontrolli addizzjonali, huma għandhom jippruvaw li l-ammonti li huma s-suġġett ta’ kontestazzjoni jaqbżu l-limitu ta’ 4 % ta’ l-infiq imħallas. Il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet Elleniċi ma ġġustifikawx debitament il-fatt li nqabżu t-termini u li, f’kull każ, it-talba għal estensjoni ġiet ippreżentata tard.

113    L-istess jgħodd għal dak li jirrigwarda l-għajnuna għal kull ettaru ta’ ross. Il-Gvern Grieg ma jistax jinvoka ċirkustanzi li jaqgħu taħt l-isfera ta’ responsabbiltà tiegħu, bħall-eżami tar-rikors u ta’ l-oġġezzjonijiet minħabba żbalji fid-database, biex jiġġustifika d-dekadenza tat-termini.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

114    Għandu jiġi rrilevat, kif jirriżulta mit-tabella li tinsab fil-punt C.1.1.4 tar-rapport fil-qosor, li l-Kummissjoni applikat, għal dak li jirrigwarda l-għajnuna għall-ġulbiena u l-għajnuna għal kull ettaru ta’ ross, korrezzjonijiet ugwali għat-tnaqqis diġà magħmul fil-kuntest ta’ l-avvanzi ta’ kull xahar skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 296/96.

115    Għandu jiġi enfasizzat ukoll, kif għamlet il-Kummissjoni, li t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 296/96 jikkostitwixxi dispożizzjoni li tintroduċi deroga u għandu, għaldaqstant, jiġi interpretat restrittivament.

116    Barra minn dan, l-infiq ta’ finanzjament a karigu tal-FAEGG għandu jkun ikkalkulat bil-presuppost li t-termini previsti mil-leġiżlazzjoni agrikola applikabbli ġew osservati. Għaldaqstant, meta l-awtoritajiet nazzjonali jħallsu l-għajnuna wara l-iskadenza tat-terminu, huma jimputaw fil-konfront tal-FAEGG, kif turi r-raba’ premessa tar-Regolament Nru 296/96, infiq irregolari u, għaldaqstant, mhux eliġibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ottubru 1999, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑253/97, Ġabra p. I‑7529 punt 126). Għaldaqstant, l-Istat Membru għandu jorganizza s-sistema ta’ kontrolli tiegħu billi jikkunsidra l-perijodu taż-żmien stipulat għall-ħlasijiet ta’ l-għajnuna mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1251/1999 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Ġunju 2006, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T-251/04, Ġabra p. II-44, punt 76). Barra minn dan, il-marġni ta’ 4 % previst mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 296/96 iservi preċiżament sabiex jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jeffettwaw kontrolli addizzjonali filwaqt li jippreċiża li n-numru ta’ xhur ta’ dewmien m’għandu ebda impatt għall-ħlasijiet li ma jaqbżux dan il-limitu.

117    Kif jirriżulta mill-inkartament, l-awtoritajiet prefettorali ta’ Heraklion kienu informaw lill-Ministeru ta’ l-Agrikultura bl-ewwel riżultati tal-kontrolli biss fid-19 ta’ Jannar 2001, billi dan ta’ l-aħħar kien saħaq, b’ittra tat-22 ta’ Jannar 2001, l-obbligu li jiġu effettwati kontrolli ġodda skond id-dokument VI/7105/98 (ara l-punt 108 iktar’il fuq). B’ittra tas-26 ta’ Jannar 2001 (Il-Ġimgħa), dan il-Ministeru talab għal estensjoni tal-perijodu taż-żmien għall-ħlas li kien jiskadi fil-31 ta’ l-istess xahar, mingħajr madankollu ma ppreċiża s-settur ikkonċernat u mingħajr ma pprovda dokumenti ta’ ġustifikazzjoni relattivi. Din it-talba ġiet miċħuda ġustament mill-Kummissjoni b’faks ta’ l-1 ta’ Frar 2001 bħala li kienet impreċiża u, fuq kollox, tardiva.

118    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ġustament żammet il-pożizzjoni tagħha fl-ittra tagħha tas-6 ta’ Novembru 2003, li tgħid li l-bżonn li jiġu mwettqa kontrolli addizzjonali sostnut mill-awtoritajiet Elleniċi m’għandux jaqbeż il-marġni ta’ 4 % (ara l-punt 103 iktar’il fuq).

119    Għaldaqstant, il-Gvern Grieg ma uriex li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 296/96 kienu sodisfatti fir-rigward tad-dewmien fil-ħlasijiet għall-għajnuna għall-ġulbiena.

120    Dan jgħodd ukoll għal dak li jirrigwarda l-għajnuna għal kull ettaru ta’ ross. Fil-fatt, il-Kummissjoni tenfasizza ġustament li l-Istat Membru ma jistax jiġġustifika ħlasijiet tardivi billi jinvoka n-nuqqasijiet li jirrigwardaw il-proċeduri nazzjonali u r-rikorsi li jirriżultaw. Fir-rigward ta’ l-argument ibbażat fuq l-istrajk invokat mill-awtoritajiet Elleniċi bħala każ ta’ forza maġġuri, dan ma jistax jiġi aċċettat. L-uniku dokument relatat huwa ittra ddatata l-25 ta’ Ottubru 2001 tal-prefettura ta’ Imathia indirizzata lill-Ministeru ta’ l-Agrikultura li tispjega li l-istrajk in kwistjoni kellu bħala konsegwenza li r-riżultati ta’ l-eżami tar-rikors intbagħtu b’mod tardiv, fit-30 ta’ April 2001. Dan l-istrajk wassal għal dewmien fl-eżami tar-rikorsi mressqa minħabba żbalji fil-ħlasijiet ta’ l-għajnuna, kumplikazzjoni imputabbli lill-Istat Membru. Il-Gvern Grieg ma jippreżenta barra minn hekk ebda element ta’ prova fuq it-tul ta’ l-istrajk in kwistjoni u lanqas fuq in-natura mhux mistennija tiegħu jew le. Dan il-motiv għal annullament għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

121    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata inkwantu timponi fuq ir-Repubblika Ellenika korrezzjoni ad hoc ta’ EUR 200 146,68 għas-snin finanzjarji 1996 sa 1998 (għajnuna għall-konsum taż-żejt taż-żebbuġa), filwaqt li l-bqija tar-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

122    Skond l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Peress li r-Repubblika Ellenika tilfet il-parti l-kbira tal-kapijiet tat-talbiet tagħha, hemm lok li jiġi deċiż li hija tbati barra mill-ispejjeż tagħha, 70 % ta’ l-ispejjeż tal-Kummissjoni, u din ta’ l-aħħar għandha tbati 30 % ta’ l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/354/KE, tad-29 ta’ April 2005, li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċertu nfiq effettwat mill-Istati Membri taħt it-taqsima “Garanzija” tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG), hija annullata inkwantu timponi fuq ir-Repubblika Ellenika korrezzjoni ad hoc ta’ EUR 200 146,68 għas-snin finanzjarji 1996 sa 1998 (għajnuna għall-konsum taż-żejt taż-żebbuġa).

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Ir-Repubblika Ellenika għandha tbati, barra mill-ispejjeż tagħha, 70 % ta’ l-ispejjeż tal-Kummissjoni, u din ta’ l-aħħar għandha tbati 30 % ta’ l-ispejjeż tagħha

Pirrung

Forwood

Papasavvas

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Settembru 2007.

E. Coulon

 

      J. Pirrung

Reġistratur

 

      President

Werrej

Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fuq il-fondatezza tar-rikors

Fuq l-uċuħ tar-raba’ li jinħartu

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

Ir-rapport fil-qosor

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza ratione temporis tal-Kummissjoni

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ dritt u ta’ fatt flimkien ma’ motivazzjoni insuffiċjenti

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-dokument Nru VI/5330/97 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fuq żball ta’ fatt u fuq motivazzjoni insuffiċjenti dwar ir-rata tal-korrezzjoni b’rata fissa in kwistjoni

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

Fuq iż-żejt taż-żebbuġa

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

Rapport fil-qosor

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

Fuq il-verifika finanzjarja

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

Ir-rapport fil-qosor

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.