Language of document : ECLI:EU:T:2007:263

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

12 ta’ Settembru 2007 (*)

“Trade mark Komunitarja – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tridimensjonali li hija ppreżentata fil-forma ta’ ras ta’ mikrofonu – Motiv assolut ta’ rifjut – Nuqqas ta’ karattru distintiv – Artikolu 7(1)( b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”

Fil-kawża T-358/04,

Georg Neumann GmbH, stabbilita f’Berlin (il-Ġermanja), irrappreżentata minn R. Böhm, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Schneider, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI tas-17 ta’ Ġunju 2004 (każ R 919/2002-2), li tiċħad it-talba għar-reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja ta’ sinjal tridimensjonali li huwa ppreżentat fil-forma ta’ ras ta’ mikrofonu,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. D. Cooke, President, R. García-Valdecasas u I. Labucka, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ Awwissu 2004,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-5 ta’ Jannar 2005,

wara li rat il-kontroreplika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-1 ta’ April 2005,

wara s-seduta tat-28 ta’ Novembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fid-9 ta’ Diċembru 1996, ir-rikorrenti ppreżentat talba għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, 1994, p. 1), kif emendat.

2        It-trade mark li għaliha r-reġistrazzjoni ntalbet tikkonsisti fil-forma tridimensjonali riprodotta kif ġej:

Image not found

3        It-trade mark imsemmija hawn fuq tikkonsisti fil-forma ta’ l-hekk imsejħa ras ta’ mikrofonu li jkopri u jipproteġi l-kapsula tal-mikrofonu li tinsab fit-tarf taz-zokk tal-mikrofonu, u li żżomm komponenti elettroniċi u sservi sabiex iżżomm il-mikrofonu.

4        Il-prodotti li għalihom intalbet r-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 9 skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u ta’ Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Mikrofoni, b’mod partikolari, mikrofoni li jintużaw fi studio, mikrofoni b’kondensatur, mikrofoni bi gradi ta’ pressjoni u l-komponenti tagħhom (inklużi fil-klassi 9)”.

5        Ir-rikorrenti talbet prijorità tal-preżentazzjoni tat-trade mark Ġermaniża Nru 39625644 ta’ l-10 ta’ Ġunju 1996 u tar-reġistrazzjoni tagħha fit-18 ta’ Settembru 1996.

6        Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Novembru 2001, l-eżaminatur innotifika lir-rikorrenti li t-trade mark tagħha ma setgħetx tiġi rreġistrata għar-raġuni li din ma kellhiex karattru distintiv skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Flimkien ma’ l-oġġezzjonijiet ta’ l-eżaminatur kien hemm mehmuża xbihat ta’ mikrofoni simili li kienu mmanifatturati u kkummerċjalizzati minn impriżi oħra. Peress li r-rikorrenti rrinunzjat għad-dritt tagħha li tippreżenta iktar osservazzjonijiet, l-eżaminatur, permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Settembru 2002, żamm l-oġġezzjonijiet tiegħu u rrifjuta l-applikazzjoni.

7        Fis-6 ta’ Novembru 2002, ir-rikorrenti ressqet appell minn din d-deċiżjoni billi invokat il-fatt li wħud mill-mikrofoni ddisinjati li huma simili għal dawk li rrefera għalihom l-eżaminatur fl-oġġezzjonijiet tiegħu kienu provenjenti minn impriżi kompetitivi li, konsegwentement għal miżuri meħuda minnha, kienu waqqfu li jimmanifatturawhom jew jikkummerċjalizzawhom. Barra minn hekk, hija sostniet li impriżi kompetitivi oħra jikkummerċjalizzaw mikrofoni b’disinn simili li joriġinaw mil-Lvant Imbiegħed u kienu jimmanifatturaw prodotti ta’ kwalità inferjuri u li ma kinux f’kompetizzjoni diretta mal-prodotti tagħha. Hi sostniet ukoll li l-grupp limitat ta’ konsumaturi mmirati fir-rigward tal-prodotti in kwistjoni, jipperċepixxu li l-forma speċifika ta’ mikrofonu m’għandhiex sinjifikat funzjonali u li din il-forma, bħala għaqda ta’ elementi estetiċi, tipproduċi impressjoni globali unika li tibqa’ fil-memorja. Hija osservat ukoll li l-forma li tikkostitwixxi t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kienet ġiet irreġistrata bħala trade mark fl-Istati Uniti.

8        Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Ġunju 2004 (iktar’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI kkonferma d-deċiżjoni ta’ l-eżaminatur. Huwa kkunsidra li l-elementi li jikkomponu r-ras tal-mikrofonu kienu abitwali u l-ebda element addizzjonali ma seta’ jiddistingwih viżibilment mill-forom standard kollha, b’mod li dan jista’, mill-forma tiegħu biss, jibqa’ fil-memorja u jiġi identifikat bħala l-prodott ta’ impriża partikolari. Għaldaqstant, dan il-Bord irrileva li r-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark setgħet tiġi kkunsidrata biss minħabba l-karattru distintiv miksub wara l-użu li jsir minnu, iżda li madankollu r-rikorrenti ma invokatx l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94. Il-Bord ta’ l-Appell ħa konjizzjoni tal-fatt li r-rikorrenti kien irnexxielha timpedixxi impriżi kompetittivi milli jikkummerċjalizzaw mikrofoni li kellhom disinn simili, iżda qies li l-imġiba ta’ dawn l-impriżi ma kinitx suffiċjenti sabiex it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni jkollha karattru distintiv.

 It-talbiet tal-partijiet

9        Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

10      L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad l-appell;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

11      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-28 ta’ Jannar 2005 kif ukoll fir-replika, ir-rikorrenti talbet l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u ta’ istruzzjoni bl-għan li jiġi stabbilit li l-pubbliku rilevanti kien imdorri jħares lejn il-forma partikolari fir-ras tal-mikrofonu bħala indikazzjoni ta’ oriġini u li dan kien il-każ tal-forma in kwistjoni, li kellha aspett li kien jiddistingwiha minn forom abitwali oħra.

 Id-dritt

 L-argumenti tal-partijiet

12      Permezz ta’ l-uniku motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta’ l-Appell kiser l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 billi għamel evalwazzjoni żbaljata tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni.

13      Fl-ewwel lok, hija tirrileva li l-Bord ta’ l-Appell wettaq żball ta’ liġi meta ma rreferiex għall-fatt li l-pubbliku rilevanti in kwistjoni jagħti attenzjoni partikolari lill-forma li hija partikolari għall-irjus ta’ mikrofoni u li jipperċepixxi fid-dettalji ta’ l-aspett partikolari – li, għal persuna li ma tafx dwar dan is-suġġett, jistgħu jidhru li huma riżultat tan-natura ta’ l-apparat – karatteristiċi li jindividwalizzawhom u jippermettu li tiġi identifikata l-oriġini ta’ dawn il-mikrofoni. Dan jirriżulta minħabba tliet raġunijiet.

14      L-ewwel nett, il-prodotti koperti mit-trade mark mitluba huma mikrofoni li għandhom valur kbir, b’mod partikolari, mikrofoni li jintużaw fi studio, kif jidher ukoll mill-fatt li jitqiegħed ras ta’ mikrofonu sabiex dawn jiġu protetti. Għaldaqstant, dawn mhumiex artikoli ordinarji iżda strumenti ta’ teknoloġija superjuri bi prezz għoli, li huma s-suġġett ta’ attenzjoni partikolari.

15      F’dan ir-rigward, billi indikat li “l-mikrofoni li għalihom saret applikazzjoni għal trade mark in kwistjoni fil-prattika huma esklużivament mikrofoni ta’ studio ta’ kwalita għolja u ta’ riżultat superjuri”, ir-rikorrenti talbet, fir-replika tagħha, li tillimita l-lista tal-prodotti minn issa’il quddiem għal “mikrofoni ta’ studio u l-komponenti tagħhom (safejn dawn jaqgħu taħt il-klassi 9)”.

16      It-tieni nett, ir-rikorrenti tirrileva li l-kapaċità tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni li tiddistingwi l-prodott identifikati minnha mill-prodotti ta’ fabbrikanti oħra għandha tiġi evalwat fid-dawl tal-pubbliku rilevanti. Hija ssostni li din kienet ġiet iddefinita b’mod korrett mill-Bord ta’ l-Appell u li l-prodotti msemmija fl-applikazzjoni jindirizzaw mingħajr dubju lill-professjonisti u lill-ispeċjalisti ta’ l-akustika, li għalihom il-mikrofoni huma għodda tax-xogħol essenzjali li għalihom jagħtu attenzjoni partikolari.

17      It-tielet nett, il-forma in kwistjoni ma sservi ebda funzjoni fiha nnifisha u għaldaqstant jista’ jkollha aspett partikolari li jiddistingwiha. Barra minn hekk, ir-ras tal-mikrofonu li l-forma tiegħu tikkostitwixxi t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni huwa b’mod ċar distint mill-kumplament tal-mikrofonu u l-prominenza tiegħu awtomatikament tiġbed l-attenzjoni ta’ l-osservatur, speċjalment meta l-mikrofonu m’għandux element distint ieħor.

18      Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti tikkunsidra li “l-prinċipji ġenerali bbażati fuq l-esperjenza tal-perċezzjoni tal-forma ta’ prodott mill-konsumatur”, invokati mill-UASI fir-risposta tiegħu, mhumiex rilevanti fil-kawża preżenti. Fil-fatt, il-prinċipju mfakkar fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li, fil-każ ta’ trade mark tridimensjonali magħmula mill-forma tal-prodott stess, il-perċezzjoni tal-pubbliku kkonċernat mhijiex neċessarjament l-istess bħal dik fil-każ ta’ trade mark verbali, figurattiva jew tridimensjonali li mhijiex magħmula mill-forma tal-prodott, jiddependi mill-pubbliku rilevanti u l-livell ta’ attenzjoni tiegħu. Għalhekk, kuntrarjament għall-każ preżenti, fil-kawża li tat lok għas-sentenza quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Settembru 2001, Henkel vs UASI (Pillola tonda ħamra u bajda) (T-337/99, Ġabra p. II-2597), iċċitata fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn kienu prodotti ta’ konsum komuni mmirati għall-konsumaturi finali kollha u għal din ir-raġuni kien hemm lok li jiġi evalwat il-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni f’din il-kawża “b’kunsiderazzjoni ta’ l-aspettattiva preżunta ta’ konsumatur medju, li huwa normalment infurmat u raġonevolment attent u avżat” (sentenza Pillola tonda ħamra u bajda, iċċitata, punt 47).

19      F’dan ir-rigward u in sostenn tat-talba tagħha għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u ta’ istruzzjoni (ara punt 11 iktar’il fuq), ir-rikorrenti sostniet, matul is-seduta, li l-kwistjoni tal-perċezzoni tal-pubbliku rilevanti f’dan il-każ tista’ tiġi deċiża biss minn esperti, jiġifieri minn esperti ta’ l-akustika.

20      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta’ l-Appell ibbaża l-evalwazzjoni tiegħu fuq analiżi mhux kompluta u mhux eżatta tal-karatteristiċi tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni. Ir-rikorrenti taqbel mal-Bord ta’ l-Appell dwar il-fatt li, bħal fil-każ ta’ bosta rjus oħra ta’ mikrofoni, ir-ras tal-mikrofonu li l-forma tagħha tikkostitiwixxi t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni hija komposta minn ċirku tond li jinsab fin-naħa t’isfel ta’ grilja ta’ protezzjoni, ta’ kapsula ta’ mikrofonu mdawwra minn grilja u minn montatura fuqha li tinsab f’linja perpendikulari maċ-ċirku tond (punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, hija tikkontesta l-affermazzjoni li tgħid li t-trade mark li għaliha għamlet applikazzjoni “m’għandhiex element addizzjonali li jista’ jiġi kkunsidrat li jiġbed l-attenzjoni, li huwa partikolari jew oriġinali u li kapaċi jiddistingwiha viżibilment mill-forma ordinarja u komuni b’tali mod li din tista’, mill-fatt biss tal-forma tagħha, tibqa’ fil-memorja u tiġi identifikata mhux bħala kwalunkwe ras ta’ mikrofonu, iżda bħala prodott ta’ impriża partikolari” (punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Effettivament, l-iċċattjar simetriku tal-grilja f’kull naħa tal-montatura jikkostitwixxi “sinjal ta’ identifikazzjoni”. Minħabba l-fatt li hemm qasma parzjali tul forma li hija essenzjalment ċilindrika (bil-grilja), kull wiċċ għandu l-forma mhux abitwali ta’ elissi parzjalment iperboliċi, li jidhru fl-isfond u għalhekk huma immedjatament viżibbli (ara l-istampa fil-parti tax-xellug ta’ fuq fil-punt 2 iktar’il fuq). L-iċċattjar huwa wkoll f’linja perpendikulari u viżibilment ċar mill-ġenb (ara l-istampa fil-parti tal-lemin ta’ isfel, tal-punt 2 iktar’il fuq).

22      Ir-ras tal-mikrofonu li l-forma tiegħu tikkostitwixxi t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni jiddistingwi lilu nnifsu b’mod notevoli mill-irjus ta’ mikrofoni ordinarji u tradizzjonali li għandhom forma ċilindrika jew sferika. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li din il-forma ġiet maħsuba mir-rikorrenti matul is-snin 1960-1964 minn Wilhelm Braun-Feldweg, disinjatur industrijali famuż, Professur tad-Disinn Industrijali fil-Kulleġġ ta’ l-Arti tal-Plastik ta’ Berlin.

23      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tikkontesta r-rilevanza ta’ l-eżempji ta’ mikrofoni mfakkra mill-eżaminatur fl-oġġezzjonijiet tiegħu tat-28 ta’ Novembru 2001. Hija tirrileva li, fir-rigward tal-mikrofoni li ppreżentaw ras analoga għal dik tal-forma li tikkostitwixxi t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, il-fabbrikanti tagħhom kienu kostretti jirrinunzjaw għall-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom, wara miżuri li ħadet ir-rikorrenti, skond kif ġie espost quddiem il-Bord ta’ l-Appell.

24      Fil-kuntest preżenti, mhuwiex importanti li wieħed isir jaf jekk din ir-rinunzja seħħet minħabba raġunijiet ta’ dritt li jirriżultaw mit-trade mark Ġermaniża tagħha (li għaliha l-karattru distintiv kien ġie deċiż bħala suffiċjenti) li tikkorrispondi għat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, minħabba l-użu li jsir minn din (skond l-Artikolu 4(2) tal-liġi Ġermaniża dwar it-trade marks) jew għal raġuni bbażata fuq id-dritt tal-kompetizzjoni. Il-fatt deċiżiv huwa li l-użu magħmul minn terzi, imfakkar mill-eżaminatur, ma jeżistix iżjed u b’hekk ma jistax jikkomprometti l-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni. Għaldaqstant, il-konstatazzjoni magħmula mill-Bord ta’ l-Appell fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata hija infondata.

25      Fir-raba’ lok, matul is-seduta, ir-rikorrenti sostniet ukoll li d-deċiżjoni kkontestata kienet żbaljata fid-dritt, minħabba li kienet ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet li ġew miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja f’sentenza mogħtija wara l-preżentazzjoni tar-rikors fil-kawża preżenti. Fil-fatt, sabiex jirrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni minħabba li din ma kellhiex karattru distintiv, il-Bord ta’ l-Appell kien afferma, billi għamel riferiment għall-punt 36 tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Lulju 2002, SAT.1 vs UASI (SAT.2) (T-323/00, Ġabra p. II-2839), fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-motivi assoluti ta’ rifjut li jinsabu fl-Artikolu 7(1)(b) sa (e) tar-Regolament Nru 40/94 jsegwu għan ta’ interess ġenerali, li jeżiġi li s-sinjali li dawn jirreferu għalihom jistgħu jiġu użati liberament minn kulħadd, u li, sabiex jiġi evitat li jinħoloq vantaġġ kompetittiv illegali favur operatur ekonomiku wieħed, jista’ jkun neċessarju li tiġi eskluża l-kostituzzjoni ta’ dritt esklużiv fuq sinjal li għandu jitħalla jintuża liberament minn kulħadd. Madankollu, permezz tas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2004, SAT 1. vs UASI (C-329/02 P, Ġabra p. I-8317), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza ċċitata, meta ddeċidiet li l-kriterju msemmi fil-punt 36 tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma kienx rilevanti għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

26      L-UASI kkunsidra li l-Bord ta’ l-Appell ġustament irrifjuta l-applikazzjoni tal-forma ta’ ras ta’ mikrofonu għar-raġuni li din ma kellhiex karattru distintiv skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

27      L-ewwel lok, fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-pubbliku kompost minn speċjalisti ta’ l-akustika, kuntrarjament għall-konsumatur ordinarju, jipperċepixxi abitwalment il-forma ta’ mikrofonu bħala indikazzjoni ta’ l-oriġini, l-UASI jsostni li fir-realtà dan huwa argument ta’ fatt li huwa kkontradett mill-prinċipji ġenerali bbażati fuq l-esperjenza fir-rigward tal-perċezzjoni mill-konsumatur tal-forma ta’ prodott, kif esposti fil-ġurisprudenza Komunitarja. Għaldaqsant, l-UASI jikkunsidra li din l-affermazzjoni ma tikkorrispondix mar-realtà. Barra minn hekk, matul is-seduta, l-UASI għamel l-osservazzjoni li r-rikorrenti bbażat l-argument tagħha fuq il-mikrofoni ta’ studio, filwaqt li d-deskrizzjoni tal-prodotti fl-applikazzjoni kienet iktar wiesgħa u ma kinitx ġiet limitata.

28      Sussegwentement, l-UASI jikkontesta l-affermazzjoni li tgħid li l-iċċattjar tal-grilja fil-wajer metalliku jikkostitwixxi element mhux abitwali għall-mikrofoni.

29      F’dan ir-rigward, huwa jsostni li minbarra r-reġistrazzjonijiet nazzjonali preċedenti u l-proċedimenti legali mressqa kontra l-kompetituri sabiex jitwaqqfu t-tfixkil magħmul kontra d-drittijiet li hija tieħu minnhom, ir-rikorrenti ma pproduċiet ebda element li jista’ jikkontesta l-konstatazzjoni ta’ l-eżaminatur li tgħid li l-forma li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzoni hija forma abitwali. Għadaqstant, l-UASI jikkunsidra li l-introduzzjoni ta’ proċedimenti legali ma jagħtux wisq indikazzjoni fuq is-sitwazzjoni tas-suq u wisq inqas ma tippermetti li ssir evalwazzjoni tal-perċezzjoni preżunta tal-konsumaturi. Huwa josserva wkoll li, hekk kif reġistrazzjoni nazzjonali ma tistax torbot lill-UASI fl-evalwazzjoni tiegħu, ir-riżultati miksuba f’kuntest ta’ proċedimenti kontra falsifikazzjoni bbażati fuq drittijiet nazzjonali ma jistgħux jinfluwenzaw l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv.

30      Barra minn hekk, l-UASI ssostni li l-argument tar-rikorrenti jikkonċerna biss lill-Ġermanja u lill-Istati Uniti, filwaqt li l-konstatazzjoni ta’ l-eżaminatur hija valida għall-Unjoni Ewropea kollha, minħabba li jista’ jiġi preżunt li l-kompetituri ċċitati jikkummerċjalizzaw il-prodotti tagħhom ukoll fi Franza, fir-Renju Unit kif ukoll fi Stati Membri oħra.

31      Fir-rigward tad-dokumenti li għandhom x’jaqsmu ma’ l-istilist Braun-Feldweg li kkonċepixxa l-forma li għaliha saret applikazzjoni, l-UASI jsostni li dawn ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. F’kull każ, l-UASI jikkunsidra li l-fatt li ċertu Bran-Feldweg kien irnexxielu jiżviluppa prodott ta’ teknoloġija superjuri “li kien jissodisfa l-kriterji ta’ sbuħija” jikkonferma l-importanza estetika tal-forma li għaliha saret applikazzjoni, iżda b’ebda mod il-karattru distintiv skond id-dritt tat-trade marks. Barra minn hekk, dan kien diġà rrikonoxxut mill-Bord ta’ l-Appell fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, meta dan aċċetta li l-konsumatur seta’ jipperċepixxi d-disinn tal-mikrofonu bħala wieħed estetiku mingħajr ma madankollu jkollu karattru distintiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

32      Għandu jiġi mfakkar li l-karattru distintiv ta’ trade mark skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 ifisser li din it-trade mark tippermetti l-identifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom tkun saret applikazzjoni bħala li huma ta’ provenjenza minn impriża partikolari u b’hekk tiddistingwi dawn il-prodotti jew servizzi minn dawk ta’ impriżi oħra (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2004, Mag Instrument vs UASI, C-136/02 P, Ġabra p. I-9165, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għandu jiġi evalwat minn naħa, b’rigward għall-prodotti jew servizzi li għalihom ir-reġistrazzjoni hija mitluba u, min-naħa l-oħra, b’rigward għall-perċezzjoni li l-pubbliku kkonċernat, magħmul mill-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, ta’ l-imsemmija prodotti jew servizzi għandu tagħhom (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C-24/05 P, Ġabra I-5677, punt 23, u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq il-prodotti kkonċernati

33      Mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, jirriżulta li hija tikkunsidra li l-prodotti li fir-rigward tagħhom il-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għandha tiġi evalwata huma esklużivament mikrofoni ta’ valur kbir, u b’mod partikolari, mikrofoni li jintużaw fi studios. Madankollu, fid-dawl tal-lista ta’ prodotti li tinsab fil-punt 4 iktar’il fuq, dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Effettivament, mill-użu jirriżulta li, fid-deskrizzjoni tal-prodotti, ta’ l-espressjoni “b’mod partikolari”, li l-mikrofoni li jintużaw fi studio, mikrofoni b’kondensatur u mikrofoni bi gradi ta’ pressjoni ma jissemmewx ħlief bħala eżempji u li għalhekk, il-lista ta’ prodotti ssemmi l-mikrofoni b’mod ġenerali.

34      F’dan ir-rigward, jista’ jagħti l-każ li r-rikorrenti tipproduċi biss mikrofoni ta’ teknoloġija superjuri u ta’ valur għoli, li madankollu, huma mixtrija esklużivament minn professjonisti u minn speċjalisti ta’ l-akustika. Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirriżulta li ċirkustanzi estrinsiċi għad-dritt mogħti mit-trade mark Komunitarja, bħal ma huwa l-kunċett ta’ kummerċjalizzazzjoni, u, b’mod partikolari, il-prezz tal-prodott ikkonċernat, mhumiex is-suġġett tar-reġistrazzjoni u, konsegwentement, ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni matul l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade mark [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istnaza tat-30 ta’ April 2003, Axions u Belce vs UASI (Forma ta’ sigarru ta’ kulur kannella u forma ta’ ingott indurat), T-324/01 u T-110/02, Ġabra p. II-1897, punt 36, u l-ġurisprudenza ċċitata].

35      Madankollu ma jirriżultax mill-proċess li l-kwalità għolja jew il-valur għoli tal-prodotti msemmija fl-applikazzjoni huma elementi imposti neċessarjament min-natura ta’ dawn il-prodotti (jiġifieri l-mikrofoni) jew mill-forma li tikkostitwixxxi t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, kif imsemmija fil-punt 2 iktar’il fuq. Kuntrarjament, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li skondha l-fatt li titqiegħed ras ta’ mikrofonu juri li dawn huma mikrofoni ta’ valur kbir huwa kkontradett mill-argumenti li hija ressqet quddiem il-Bord ta’ l-Appell, li jgħidu li ċerti mikrofoni li ġew iddisinjati kienu prodotti ta’ kwalità inferjuri u ma kinux f’kompetizzjoni diretti mal-prodotti tagħha. Lanqas ma jirriżulta mill-proċess li l-forma li tikkostitwixxi t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni tista’ titqiegħed esklużivament fuq mikrofoni li jintużaw fi studio. Kuntrarjament, ir-rikorrenti tafferma li din ma sservi ebda funzjoni fiha nnifisha.

36      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza hija tal-fehma li mhemmx lok li tilqa’ t-talba sabiex il-lista tal-prodotti msemmija fit-talba għal reġistrazzjoni tiġi limitata, kif riprodotta fil-punt 4 iktar’il fuq, għal “mikrofoni li jintużaw fi studios u l-komponenti tagħhom”, li r-rikorrenti fformulat sussidjarjament fir-replika tagħha. Fil-fatt il-Qorti tal-Prim’Istanza hija tal-fehma li din it-talba hija intiża għal bidla fil-pubbliku rilevanti li fir-rigward tiegħu l-Bord ta’ l-Appell analizza l-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u, konsegwentement, hija intiża sabiex essenzjalment tbiddel il-portata tal-kawża. Madankollu, għandu jiġi mfakkar f’dan ir-rigward li, skond l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, is-sottomissjonijiet tal-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kontroversja quddiem il-Bord ta’ l-Appell. Fil-fatt, f’din il-kawża, hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha l-obbligu li teżamina l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta’ l-Appell [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Ottubru 2002, KWS Saat vs UASI (Sfumatura ta’ lewn oranġjo), T-173/00, Ġabra p. II-3843, punt 13, u tal-21 ta’ April 2005, Ampafrance vs UASI – Johnston & Johnston (monBeBé), T-164/03, Ġabra p. II-1410, punt 20 u 21].

37      Konsegwentement, il-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għandu jiġi evalwat fir-rigward tal-prodotti li jinsabu fil-lista li tinsab fil-punt 4 iktar’il fuq.

 Fuq il-pubbliku rilevanti

38      Fir-rigward tal-pubbliku rilevanti, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-prodotti kkonċernati mhumiex fil-prinċipju, immirati għall-pubbliku wiesgħa, iżda għal ċirku ristrett ta’ konsumaturi. Konsegwentement, hemm lok li tiġi applikata d-definizzjoni użata mill-Bord ta’ l-Appell fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma kinitx ikkontestata mir-rikorrenti, li tgħid li l-prodotti kkonċernati jirreferu għal “grupp ristrett ta’ persuni li għandhom konoxxenzi speċjali dwar is-suġġett tal-mikrofoni”.

39      Madankollu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti dwar is-suġġett tal-prodotti kkonċernati, mhemmx lok li din id-definizzjoni tinftiehem bħala waħda li tirreferi “esklużivament [għall-] professjonisti, b’mod partikolari [għat-] tekniċi ta’ l-akustika li għalihom il-mikrofoni huwa għodda tax-xogħol”, kif issuġġeriet ir-rikorrenti. Effettivament, il-mikrofoni, mifhuma mingħajr il-limitu ssuġġerit mir-rikorrenti fir-replika tagħha, żgur li jindirizzaw pubbliku iżjed wiesgħa, jiġifieri wkoll lil konsumaturi li jużawhom għal finijiet mhux professjonali.

40      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-perċezzjoni tat-trade mark mitluba mill-pubbliku rilevanti hija influwenzata mil-livell ta’ attenzjoni tiegħu li jista’ jvarja skond il-kategorija tal-prodotti u tas-servizzi in kwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 26). Fil-każ preżenti, wieħed jista’ jippreżumi li, peress li l-mikrofoni huma oġġetti li għandhom użu inqas frekwenti u li huma ta’ valur ikbar mill-prodotti ta’ konsum komuni, il-pubbliku jista’ japplika livell ta’ attenzjoni għoli meta jagħżel dawn il-prodotti.

 Fuq il-karattru distintiv

41      Skond ġurisprudenza stabbilita, il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade marks tridimensjonali magħmula mid-dehra tal-prodott stess mhumiex differenti minn dawk applikabbli għal kategoriji oħra ta’ trade marks (ara s-sentenza Storck vs UASI, iċċitata iktar’il fuq, punt 24, u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, hemm lok li ssir evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni fir-rigward tal-kriterji msemmija fil-punt 32 iktar’il quddiem.

42      Madankollu, fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, il-preċezzjoni tal-pubbliku kkonċernat mhijiex neċessarjament l-istess bħal fil-każ ta’ trade mark tridimensjonali, magħmula mid-dehra tal-prodott stess, bħal ma hija fil-każ ta’ trade mark verbali jew figurattiva, li tikkonsisti f’sinjal indipendenti mill-aspett tal-prodotti li hija tirrappreżenta. Fil-fatt, il-konsumaturi medji, fin-nuqqas ta’ kull element grafiku jew ta’ kitba, m’għandhomx l-abitudni li jassumu l-oriġini tal-prodotti billi jibbażaw ruħhom fuq il-forma tagħhom jew il-forma ta’ l-ippakkjar tagħhom, u għalhekk jista’ jkun iktar diffiċili li jiġi stabbilit il-karattru distintiv, f’dak li jirrigwarda tali trade mark tridimensjonali milli f’dak li jirrigwarda trade mark verbali jew figurattiva (ara s-sentenza Storck vs UASI, iċċitata iktar’il fuq, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhijiex nieqsa minn karattru distintiv skond l-Artikolu 7(1)(b), tar-Regolament Nru 40/94 biss dik it-trade mark li, b’mod sinjifikattiv, titbiegħed minn norma jew mill-użanzi tas-settur u li, minħabba f’hekk, tista’ tissodisfa l-funzjoni essenzjali ta’ oriġini tagħha (ara s-sentenza Storck vs UASI, iċċitata iktar’il fuq, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Fil-każ preżenti, hemm lok li jiġu eżaminati, l-ewwel nett, l-argumenti bbażati fuq il-fatt li l-pubbliku rilevanti jagħraf il-forma ta’ l-irjus tal-mikrofoni bħala indikaturi ta’ l-oriġini.

45      F’dan ir-rigward, minn naħa, hemm lok li jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tafferma r-rikorrenti, il-Bord ta’ l-Appell ma wettaq ebda żball ta’ liġi meta fakkar, fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti mhijiex neċessarjament l-istess fil-każ ta’ trade mark tridimensjonali, magħmula mid-dehra tal-prodott stess, ħlief fil-każ ta’ trade mark verbali jew figurattiva, li tikkonsisti f’sinjal indipendenti mill-aspett tal-prodotti li hija tirrappreżenta. Effettivament, meta għamel hekk, il-Bord ta’ l-Appell bl-ebda mod ma kkunsidra li fil-prinċipju, il-konsumatur kien indifferenti għall-forma bħala indikazzjoni tal-provenjenza tal-prodotti jew li l-forma tar-ras ta’ mikrofonu ma tista’ qatt tippreżenta karattru distintiv skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

46      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti fil-każ preżenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li ċ-ċirkustanza li l-konsumatur mejdu tal-prodotti kkonċernati huwa avżat u għandu livell ta’ attenzjoni għoli mhijiex suffiċjenti, fiha nnifisha, sabiex tistabbilixxi li huwa abitwat li jara’, fil-forma ta’ dawn il-prodotti, indikazzjoni ta’ l-oriġini. Fil-fatt, jekk huwa possibbli li jiġi preżunt li l-pubbliku jkun iżjed attent għad-dettalji differenti tekniċi jew estetiċi tal-prodott, dan ma jimplikax li awtomatikament ser jipperċepixxi lil dawn bħala li għandhom funzjoni ta’ trade mark. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva, f’dan ir-rigward, li r-rikorrenti ma ressqet ebda element konkret li huwa kapaċi li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ prassi fis-settur ikkonċernat li tikkonsisti li tagħmel distinzjoni bejn il-prodotti tal-fabbrikanti differenti skond il-forma tagħhom. Fin-nuqqas ta’ elementi bħal dawn, l-argument li bih il-forma ta’ ras ta’ mikrofonu jwassal b’mod partikolari sabiex jiġu individwalizzati l-prodotti kkonċernati huwa wkoll insuffiċjenti.

47      Hemm lok li jingħad ukoll, anke jekk il-konsumatur medju tal-prodotti kkonċernati kien totalment kapaċi li jipperċepixxi l-forma ta’ l-irjus tal-mikrofoni bħala indikazzjoni ta’ l-oriġini tagħhom, din il-kostatazzjoni ma tfissirx li kull forma ta’ ras ta’ mikrofonu għandha karattru distintiv meħtieġ għar-reġistrazzjoni tagħha bħala trade mark Komunitarja. Effettivament, sabiex f’ipoteżi bħal din jiġi stabbilit karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, għandu jkun għad hemm lok sabiex jiġi vverifikat jekk il-forma in kwistjoni tippreżentax karatteristiċi suffiċjenti sabiex iżżomm l-attenzjoni tal-pubbliku [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-24 ta’ Novembru 2004, Henkel vs UASI (Forma ta’ flixkun żgħir abjad u trasparenti), T-393/02, Ġabra p. II-4115, punt 34, u l-ġurisprudenza ċċitata].

48      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni hijiex jew le nieqsa minn karattru distintiv, jeħtieġ li tittieħed f’kunsiderazzjoni l-impressjoni fl-intier tagħha li din tipproduċi, li ma jkunx inkompatibbli ma’ eżami suċċessiv ta’ l-elementi differenti tal-preżentazzjoni użati għal din it-trade mark. Fil-fatt, jista’ jkun utli, matul l-evalwazzjoni fl-intier tagħha li jiġi eżaminat kull wieħed mill-elementi li jikkostitwixxi t-trade mark ikkonċernata (ara, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Ġunju 2005, Eurocermex vs UASI, C-286/04 P, Ġabra p. I-5797, punti 22 u 23, u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Skond id-deskrizzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni magħmula mir-rikorrenti, li tidher li hi l-istess bħar-riproduzzjoni tagħha magħmula fil-punt 2 iktar’il fuq, l-imsemmija trade mark hija kkaratterizzata mill-elementi segwenti:

–        ċirku tond tal-metall;

–        montatura tal-metall f’linja perpendikulari maċ-ċirku tond;

–        in-nofs ta’ żewġt irjus bħala grilja faċċata ta’ xulxin, miċ-ċirku tond sal-montatura;

–        in-nofs ta’ żewġt irjus ċatti faċċata ta’ xulxin li jikkonverġu lejn il-parti ta’ fuq tar-ras fil-forma ta’ elissi parzjali iperboliċi.

50      Minkejja li r-rikorrenti taqbel mal-Bord ta’ l-Appell fir-rigward tal-fatt li l-ewwel tliet elementi msemmija hawn fuq jikkaratterizzaw ukoll numru ieħor ta’ rjus ta’ mikrofoni, hija ssostni li l-forma tar-ras ta’ mikrofonu li tikkostitwixxi t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni tiddistingwi ruħha b’mod ċar minn dik ta’ rjus ta’ mikrofoni ordinarji u tradizzjonali minħabba l-iċċattjar simetriku tal-grilja minn naħa, u mill-montatura, min-naħa l-oħra. Effettivament, mill-fatt li minħabba l-qasma parzjali ta’ forma li hija essenzjalment ċilindrika, kull wiċċ għandu l-forma mhux abitwali ta’ elissi parzjali iperboliċi li jidhru b’mod ċar minn quddiem kif ukoll mill-ġenb u jikkostitwixxu “sinjal ta’ identifikazzjoni” tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni. Hija tirrileva li l-Bord ta’ l-Appell naqas milli jieħu in kunsiderazzjoni din il-karatteristika u għalhekk ibbaża l-evalwazzjoni tiegħu tal-karattru distintiv fuq analiżi mhux kompluta tat-trade mark in kwistjoni.

51      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord ta’ l-Appell fid-deskrizzjoni tiegħu ta’ l-elementi li jikkostitwixxu t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni li tinsab fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, ma semmiex l-iċċattjar tal-grilja. Madankollu, minn dan il-punt jirriżulta wkoll li huwa bbaża l-konklużjoni tiegħu, li tgħid li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ma kellhiex element addizzjonali ieħor li seta’ jibqa’ fil-memorja u li seta’ jiġi identifikat bħala prodott ta’ impriża partikolari, fuq l-eżami tad-dokumenti ppreżentati mill-eżaminatur.

52      Madankollu, l-analiżi tad-dokumenti mill-fajl tal-Bord ta’ l-Appell tikkonferma li numru ta’ rjus ta’ mikrofoni li għamel refenza għalihom l-eżaminatur huma kkaratterizzati mill-iċċattjar tal-grilja b’tali mod li l-wiċċ tagħhom għandu forma ta’ “elissi parzjali iperboliċi”. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tammetti hija stess, li mill-eżempji mogħtija mill-eżaminatur, kien hemm irjus ta’ mikrofoni ta’ forma “analoga” jew “simili”. Fir-rigward tal-bqija, mill-fajl tal-Bord ta’ l-Appell jirriżulta li l-miżuri li hija ħadet fir-rigward ta’ wħud minn dawn l-impriżi kienu ġġustifikati minħabba l-fatt li huma jimmanifatturaw jew jikkummerċjalizzaw irjus ta’ mikrofoni li għandhom disinn li għandu karatteristiċi identiċi jew kważi identiċi għal dawk tat-trade mark tar-rikorrenti.

53      Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li n-natura mhux kompluta tad-deskrizzjoni ta’ l-elementi li jikkostitwixxu t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ma tikkuntestax il-konklużjoni tal-Bord ta’ l-Appell imsemmija iktar’il fuq. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi mfakkar li, skond l-istruttura tar-Regolament Nru 40/94, ir-reġistrazzjoni tista’ sseħħ biss abbażi u fil-limiti ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ppreżentata quddiem l-UASI mill-applikant. Isegwi li d-deskrizzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni li saret mill-Bord ta’ l-Appell mhijiex rilevanti għall-eżami tal-karattru distintiv tal-forma in kwistjoni, minħabba li hija biss il-forma riprodotta fil-punt 2 iktar’il fuq li għandha tkun is-suġġett ta’ eżami [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Novembru 2005, Almdudler-Limonade vs UASI (forma ta’ flixkun tal-luminata), T-12/04, Ġabra p. II-21, punt 42, u tal-31 ta’ Mejju 2006, De Waele vs UASI (Forma ta’ zalzett), T-15/05, Ġabra p. II-1511, punt 36].

54      Madankollu, għandu jiġu enfasizzat li, apparti mill-iċċattjar tal-grilja f’forma ta’ elissi parzjali iperboliċi, ir-rikorrenti ma wriet ebda karatteristika tal-forma li tikkostitwixxi t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni li, meħuda waħedha jew flimkien ma’ oħrajn, tippermetti lill-pubbliku rilevanti li jiddistingwi l-prodotti tagħha minn dawk ta’ impriżi oħra. Il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tikkonkludi li d-differenzi eventwali li jeżistu bejn il-forma li tikkostitwixxi t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u l-mikrofoni kkaratterizzati mill-iċċattjar tal-grilja fil-forma ta elissi parzjali iperboliċi li jidhru fil-fajl tal-Bord ta’ l-Appell mhumiex ta’ natura li jiġbdu l-attenzjoni tal-pubbliku rilevanti bħala indikaturi ta’ l-oriġini tal-prodotti in kwistjoni. Barra minn hekk, fid-dawl tal-livell ta’ xebh bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u tal-forom l-oħra li ġew analizzati, din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bil-fatt li l-pubbliku rilevanti jista’ juri livell għoli ta’ attenzjoni meta jagħżel il-prodotti in kwistjoni.

55      Barra minn hekk, il-fatt li l-forma tar-ras ta’ mikrofonu li tikkostitwixxi t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ma sservi ebda funzjoni mhuwiex ta’ natura li tista’ jikkontesta din il-konklużjoni. Fil-fatt, safejn il-pubbliku rilevanti jipperċepixxi s-sinjal bħala indikatur ta’ l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz, il-fatt li dan is-sinjal jissodisfa jew le simultanjament funzjoni oħra apparti minn dik ta’ indikatur ta’ l-oriġini kummerċjali, per eżempju funzjoni teknika, huwa rrilevanti għall-karattru distintiv tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza Sfumatura ta’ lewn oranġjo, iċċitata, punt 30).

56      Fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti li jgħid li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni tiddistingwi ruħha b’mod ċar mill-irjus ta’ mikrofoni ordinarji u tradizzjonali li għandhom forma ċilindrika jew sferika, għandu jiġi kkonstatat li l-pubbliku rilevanti, kif definit mill-Bord ta’ l-Appell, li għandu konoxxenza speċjali fil-qasam ikkonċernat għandu konoxxenza mhux biss tal-forom ordinarji u tradizzjonali tal-prodotti in kwistjoni iżda wkoll tal-forom inqas tipiċi li jistgħu jidhru mhux abitwali għall-persuna li ma tafx dwar is-suġġett. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-eżempji msemmija fil-fajl tal-Bord ta’ l-Appell juru suffiċjentement skond id-dritt li l-pubbliku rilevanti huwa abitwat għall-preżenza ta’ rjus ta’ mikrofoni li għadhom din il-karatteristika li r-rikorrenti tikkunsidra bħala “sinjal ta’ identifikazzjoni” tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u għalhekk li din it-tip ta’ ras ta’ mikrofonu tagħmel parti min-norma jew mill-użanzi tas-suq.

57      Madankollu, għandu jiġi mfakkar li r-rikorrenti tikkontesta r-rilevanza ta’ dawn l-eżempji ta’ l-eżaminatur. Hija tosserva li, fir-rigward ta’ mikrofoni li għalihom għamel referenza l-eżaminatur li jippreżentaw ras analoga għal dik tal-forma li tikkostitwixxi t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, il-fabbrikanti tagħhom kienu marbuta li jirrinunzjaw għall-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom, kif hija esponiet quddiem il-Bord ta’ l-Appell. Ladarba l-użu mfakkar mill-eżaminatur ma jeżistix iżjed, dan ma jistax aktar jikkomprometti l-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni.

58      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-allegazzjonijiet fattwali tar-rikorrenti ma ġewx stabbiliti suffiċjentement fid-dritt. Fil-fatt, kif osserva tajjeb l-UASI matul is-seduta, min-nota li tesponi l-motivi tar-rikors, jew mill-Annessi tagħha, ma jirriżultax li miżuri ta’ difiża ttieħdu b’suċċess fir-rigward tal-forom analogi kollha mfakkra mill-eżaminatur. B’mod partikolari, fir-rigward tal-mikrofonu Røde, jidher li miżuri ta’ difiża ttieħdu biss fir-rigward tad-distributur Ġermaniż tal-prodotti tiegħu, Kotec Music Electronic.

59      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li mill-fajl tal-Bord ta’ l-Appell jirriżulta li r-rikorrenti ħadet miżuri ta’ difiża fir-rigward ta’ ċerti forom analogi wara d-data tal-preżentazzjoni tat-talba għal reġistrazzjoni. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-fatt li tiġi miċħuda r-rilevanza ta’ dawn l-eżempji ta’ forom minħabba li l-kompetituri tar-rikorrenti rrinunzjaw milli jużawhom, tista’ twassal għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark li ma kellhiex karattru distintiv instrinku fil-mument tal-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni. Madankollu, riżultat bħal dan ma jistax jiġi aċċettat [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2003, DaimlerChrysler vs UASI (Inferjata), T-128/01, Ġabra p. II-701, punt 41].

60      Fit-tielet lok u fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Bord ta’ l-Appell ikkonstata ġustament, fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-aġir adottat, tajjeb jew ħażin, ta’ l-impriżi li huma kompetituri mhuwiex biżżejjed fil-każ preżenti sabiex jagħti karattru distintiv lit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni.

61      Effettivament, kif ġie rrilevat iktar’il fuq, il-pubbliku rilevanti huwa diġà abitwat għal forom analogi bħal dik li tikkostitwixxi t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u huwa minħabba din l-użanza li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni m’għandhiex karattru distintiv intrinsiku. Madankollu, mhemm ebda raġuni sabiex wieħed jaħseb li ċ-ċirkustanza li l-impriżi kompetittivi kienu ġew marbuta li jirrinunzjaw milli jipproduċu jew jikkummerċjalizzaw prodotti li għandhom forma simili għal dik li tikkostitwixxi t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kienet tfisser bidla mhux mistennija fin-norma u l-użanzi tas-settur.

62      Hemm lok li jingħad ukoll li r-rilevanza ta’ l-eżempji ta’ forom analogi għall-finijiet ta’ eżami tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 ma tistax tiġi miċħuda għar-raġuni li l-aġir ta’ terzi li jipproduċu jew jikkummerċjalizzaw prodotti li għandhom dawn il-forom jista’ eventwalment jaqa’ taħt leġiżlazzjonijet nazzjonali dwar il-kompetizzjoni żleali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Forma ta’ flixkun tal-luminata, iċċitata iktar’il fuq, punt 51) jew dwar id-dritt tat-trade marks. Effettivament, għandu jiġi mfakkar li s-sistema Komunitarja tat-trade marks hija sistema awtonoma, magħmula minn numru ta’ regoli u ssegwi għanijiet li huma speċifiċi għaliha, u li l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali. Konsegwentement, il-karattru ta’ sinjal li jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja għandu jiġi evalwat biss abbażi tal-fondatezza tal-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Frar 2002, Mag Instrument vs UASI (Forma ta’ torċa ta’ l-idejn), T-88/00, Ġabra p. II-467, punt 41, u Forma ta’ flixkun abjad u trasparenti, iċċitata iktar’il fuq, punt 45]. Minbarra hekk, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-forom invokati mill-eżaminatur mhumiex riflessjoni tan-norma u l-użanzi tas-settur ikkonċernat.

63      F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-rilevanza ta’ l-eżempji mogħtija mill-eżaminatur għall-finijiet tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ma tistax tiġi kkontestata.

64      Barra minn hekk, fir-rigward ta’ l-elementi tal-prova intiżi sabiex juru l-kwalità għolja tad-disinn tal-forma in kwistjoni, għandu jiġi mfakkar li ċ-ċirkustanza li l-prodotti għandhom disinn ta’ kwalità ma jfissirx neċessarjament li trade mark magħmula mill-forma tridimensjonali ta’ dawn il-prodotti tippermetti ab initio li tiddistingwi l-imsemmija prodotti minn dawk ta’ impriżi oħra, skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (sentenza Mag Instrument vs UASI, iċċitata iktar’il fuq, punt 68). Konsegwentement, il-Bord ta’ l-Appell ġustament ikkunsidra li huwa possibbli li l-konsumaturi jipperċepixxu d-disinn ta’ trade mark li għaliha saret applikazzjoni bħala wieħed estetiku, iżda li kien ftit li xejn probabbli li huma jipperċepixxu referenza għall-oriġini tal-prodott (punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata).

65      Barra minn hekk, hemm lok li jiġi miċħud, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-inammissibbiltà tiegħu, l-argument imressaq mir-rikorrenti għall-ewwel darba matul is-seduta, li jgħid li l-Bord ta’ l-Appell, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, għamel referenza żbaljata għall-punt 36 tas-sentenza SAT.2, li kienet annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara punt 25 iktar’il fuq). Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord ta’ l-Appell ikkonkluda li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ma kellhiex karattru distintiv għar-raġuni li din ma setgħetx, għar-raġuni tal-forma tagħha biss, tibqa’ fil-memorja tal-pubbliku rilevanti u tiġi identifikata mhux bħala forma kwalunkwe ta’ ras ta’ mikrofonu, iżda bħala prodott ta’ impriża partikolari (punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, il-Bord ta’ l-Appell ma bbażax ruħu fuq il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 36 tas-sentenza SAT.2, iżda fittex li jiddetermina jekk it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni tippermettix lill-pubbliku rilevanti jiddistingwi l-prodotti tar-rikorrenti minn dawk provenjenti minn oħrajn. Għalhekk, minkejja l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 22 u 27 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta’ l-Appell ibbaża d-deċiżjoni tiegħu billi għamel applikazzjoni eżatta tal-kriterji rilevanti, skond il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 32 iktar’il fuq.

66      Fl-aħħar nett, hemm lok li tiġi miċħuda wkoll it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ istruzzjoni (ara punt 11 iktar’il fuq). F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tevalwa l-utilità ta’ dawn il-miżuri (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il-Kummissjoni, C-199/99 P, Ġabra p. I-11177, punt 67, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 1991, Pérez-Mínguez Casariego vs Il-Kummissjoni, T-1/90, Ġabra p. II-143, punt 94). Madankollu, f’dan il-każ. il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li hija suffiċjentement infurmata dwar il-proċedura kollha, peress li l-fajl tal-Bord ta’ l-Appell fih, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, elementi suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita il-fondatezza tal-motiv ta’ rifjut ikkunsidrat skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

67      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

68      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Georg Neumann GmbH hija kkundannat għall-ispejjeż.

Cooke

García-Valdecasas

Labucka

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu

E. Coulon

 

      J. D. Cooke

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.