Language of document : ECLI:EU:T:2007:258

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla Manja)

12 ta’ Settembru 2007 (*)

“Aċċess għad-dokumenti – Noti ppreżentati mill-Kummissjoni fi proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza – Deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess”

Fil-kawża T‑36/04,

Association de la presse internationale ASBL (API), stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn S. Völcker, F. Louis u J. Heithecker, avocats,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C. Docksey u P. Aalto, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l-20 ta’ Novembru 2003 li tiċħad talba mressqa mir-rikorrenti sabiex tikseb l-aċċess għad-dokumenti ppreżentati mill-Kummissjoni fi proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Awla Manja),

komposta minn B. Vesterdorf, President, M. Jaeger, J. Pirrung, M. Vilaras, H. Legal, E. Martins Ribeiro, E. Cremona, I. Pelikánová, D. Šváby, K. Jürimäe, N. Wahl, M. Prek u V. Ciucă, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Frar 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Skond l-Artikolu 255 KE:

“1. Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu jkollha d-dritt għall-aċċess għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, soġġett għall-prinċipji u l-kondizzjonijiet kif definiti skond il-paragrafi 2 u 3.

2. Il-prinċipji ġenerali u l-limiti għar-raġuni ta’ interess pubbliku jew privat li jirregolaw id-dritt ta’ l-aċċess għal dokumenti jiġu stabbiliti mill-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam.

[…]”

2        Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1049/2001, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43), jiddefinixxi l-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet tad-dritt għall-aċċess tad-dokumenti ta’ dawn l-istituzzjonijiet previst fl-Artikolu 255 KE. Dan ir-Regolament huwa applikabbli sa mit-3 ta’ Diċembru 2001.

3        Il-premessi 2 u 4 ta’ l-imsemmi Regolament jipprovdu kif ġej:

“(2)      It-trasparenza tgħin liċ-ċittadin jieħu sehem fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod aktar mill-qrib, u [t]iggarantixxi li l-amministrazzjoni tgawdi aktar leġittimità u tkun aktar effettiva u kontabbli [responsabbli] [fil-konfront taċ]-ċittadin f’sistema demokratika. It-trasparenza ssaħħaħ il-prinċipji tad-demokrazija u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali, kif stabbilit fl-Artikolu 6 tat-Trattat [UE] u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.

[…]

(4)      L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jagħti l-akbar effett possibbli lid-dritt ta’ l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u li jistipula l-pinċipji ġenerali u l-limiti fuq dan l-aċċess skond l-Artikolu 255(2) [KE].”

4        L-Artikolu 2(1) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li:

“1. Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali [ġuridika] residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru, għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament.

[…]

3. Dan ir-Regolament għandu jgħodd […għal] kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea.”

5        Skond l-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-kelma dokument tfisser “kull kontenut […] dwar kwistjoni dwar il-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta’ responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni”.

6        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, rigward l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess, jipprovdi li:

“[…]

2. L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

–        […]

–        proċedimenti fil-qrati u pariri legali,

–        l-iskop ta’ ispezzjonijiet, invesitgazzjoni u verifiki,

jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

[…]

6. Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati.

7. L-eċċezzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 sa 3 għandhom japplikaw biss għaż-żmien li fih il-ħarsien huwa ġustifikat fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument […]”

7        L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, jipprovdi li:

“Applikazzjonijiet għall-aċċess […tad-]dokument[i] għandhom isiru f’xi forma miktuba, inkluża l-forma elettronika, f’waħda mill-ilsna msemmija fl-Artikolu 314 [KE] u b’mod preċiż biżżejjed sabiex tgħin lill-istituzzjoni issib id-dokument. L-applikant mhux obbligat li jagħti r-raġunijiet għall-applikazzjoni.”

8        Skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, “[f]il-każ ta’ rifjut totali jew parzjali, l-applikant jista’, sa 15-il jum utli minn meta jirċievi r-risposta mill-istituzzjoni, jagħmel applikazzjoni konfermatorja [għal konferma] fejn jitlob lill-istituzzjoni […] terġa’ tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha.”.

9        L-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001, rigward l-applikazzjonijiet għal conferma, jipprovdi li:

“1. Applikazzjoni konfermatorja [għal konferma] għandha tiġi [p]proċessata mill-ewwel. Sa żmien 15-il jum utli mir-reġistrazzjoni ta’ din l-applikazzjoni, l-istituzzjoni għandha jew tagħti l-aċċess għad-dokument mitlub u tagħti aċċess skond l-Artikolu 10 f’dak il-perjodu jew, fi tweġiba bil-miktub, tagħti r-raġunijiet għar-rifjut totali jew parzjali. Fil-każ ta’ rifjut totali jew parzjali, l-istituzzjoni għandha tavża l-applikant dwar ir-rimedji tiegħu jew tagħha, jiġifieri proċeduri fil-qrati kontra l-istituzzjoni u/jew ilment lill-Ombudsman, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 230 [KE] u 195 [KE].

2. F’każijiet eċċezzjonali, per eżempju fil-każ ta’ applikazzjoni dwar dokument twil ħafna jew dwar numru kbir ta’ dokumenti, it-terminu previst fil-paragrafu 1 jista’ jiġi pprorogat bi 15 il-jum utli, sakemm l-applikant jiġi avżat minn qabel u jingħataw raġunijiet dettaljati.”

 Fatti li wasslu għall-kawża

10      L-Association de la presse internationale ASBL (API) hija organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, ta’ ġurnalisti barranin ta’ kull kategorija u speċjalizzazzjoni, li huma bbażati fil-Belġju. L-API għandha bħala għan li tgħin il-membri tagħha sabiex jinformaw lill-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom dwar l-Unjoni Ewropea.

11      B’ittra ta’ l-1 ta’ Awwissu 2003, l-API talbet lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1049/2001, l-aċċess għad-dokumenti kollha li hija ppreżentat lill-Qorti tal-Prim’Istanza jew lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-ambitu tal-proċeduri li jikkonċernaw il-kawżi li ġejjin:

–        Honeywell vs Il-Kummissjoni, T‑209/01, u General Electric vs Il-Kummissjoni, T‑210/01;

–        MyTravel vs Il-Kummissjoni, T‑212/03;

–        Airtours vs Il-Kummissjoni, T‑342/99;

–        Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑203/03;

–        Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑466/98; Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑467/98; Il-Kummissjoni vs L-Iżvezja, C‑468/98; Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C‑469/98; Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑471/98; Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C‑472/98; Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑475/98, u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑476/98 (iktar’il quddiem il-“kawżi Sema miftuħa”);

–        Köbler, C‑224/01;

–        Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00.

12      B’ittra tas-27 ta’ Awwissu 2003, il-Kummissjoni, minn naħa, informat lill-API li l-applikazzjoni tagħha fir-rigward tal-kawża MyTravel vs Il-Kummissjoni, T‑212/03, kienet prematura, u, min-naħa l-oħra, talbet lill-API sabiex tippreċiża jekk it-talba tagħha kinitx tikkonċerna biss in-noti jew jekk kinitx tikkonċerna wkoll l-annessi tagħhom. Permezz ta’ l-istess ittra, il-Kummissjoni indikat lill-API li, fid-dawl tal-mistoqsijiet ta’ prinċipju mqajma mit-talba tagħha għall-aċċess tad-dokumenti, it-terminu preskritt sabiex tingħata risposta kellu jiġi estiż bi ħmistax il-ġurnata utli, L-API enfasizzat, b’ittra tad-29 ta’ Awwissu 2003, li t-talba tagħha kienet tikkonċerna biss id-dokumenti tal-Kummissjoni, mingħajr l-annessi tagħhom.

13      B’ittri tas-17 ta’ Settembru 2003, il-Kummissjoni tat l-aċċess għad-dokumenti li jikkonċernaw il-kawżi C‑224/01 u C‑280/00. Min-naħa l-oħra, l-aċċess għad-dokumenti fir-rigward tal-kawżi T‑209/01, T‑210/01, T‑342/99 u C‑203/03 kif ukoll fir-rigward tal-kawżi Sema miftuħa, ġie miċħud.

14      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Ottubru 2003, l-API ippreżentat, skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, talba għal konferma rigward id-dokumenti li għalihom il-Kummissjoni ċaħdet l-aċċess. B’risposta għal din l-applikazzjoni, u wara li estendiet it-terminu b’ittra tat-28 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni ta’ l-20 ta’ Novembru 2003, li fiha hija kkonfermat iċ-ċaħda ta’ aċċess għad-dokumenti in kwistjoni (iktar’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

15      Fl-ewwel lok, fir-rigward taċ-ċaħda ta’ aċċess għad-dokumenti ppreżentati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kawżi Honeywell vs Il-Kummissjoni, T‑209/01, u General Electric vs Il-Kummissjoni, T‑210/01, il-Kummissjoni sostniet, fid-deċiżjoni kkontestata, li, peress li dawn il-kawżi kienu għadhom pendenti, l-iżvelar tad-dokumenti tagħha jippreġudika l-pożizzjoni tagħha bħala konvenuta f’dawn il-proċeduri. Hija żiedet li, kif fakkret il-Qorti Komunitarja (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Ġunju 1998, Svenska Journalisteförbundet vs Il-Kunsill, T‑174/95, Ġabra p. II‑2289), il-partijiet kellhom id-dritt, bis-saħħa ta’ prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li jiddefendu l-interessi tagħhom indipendentement minn kull influwenza esterna, b’mod partikolari dik tal-pubbliku. Peress li d-dokumenti li r-rikorrenti titlob l-aċċess għalihom ġew imfassla esklużivament għall-finijiet taż-żewġ kawżi in kwistjoni, hija kkunsidrat li dawn jaqgħu taħt l-eċċezzjoni ta’ protezzjoni tal-proċeduri fil-qrati (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Diċembru 1999, Interporc vs Il-Kummissjoni, T‑92/98, Ġabra p. II‑3521, iktar’il quddiem is-“sentenza Interporc II”). Il-Kummissjoni ppreċiżat, barra minn hekk, li l-fatt li tat aċċess għall-osservazzjonijiet li hija kienet ippreżentat fil-kawża Köbler, C‑224/01, ma jistax jiġi invokat bħala preċedent, fid-dawl tal-fatt li l-proċedura kienet ingħalqet, minkejja li l-kawża kienet għadha pendenti, u kienet tirrigwarda kawża għal deċiżjoni preliminari li għaldaqstant ma kinitx paragunabbli ma’ rikorsi diretti. Barra minn hekk, hija enfasizzat li l-fatt innifsu li hija tat aċċess għall-imsemmija osservazzjonijiet juri li l-applikazzjoni ta’ l-API ġiet eżaminata dokument b’dokument.

16      Fit-tieni lok, fir-rigward tar-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti li jikkonċernaw il-kawża Airtours vs Il-Kummissjoni, T‑342/99, il-Kummissjoni indikat li s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ġunju 2002 (Ġabra p. II‑2585), li biha inqatgħet din il-kawża, ġiet segwita b’azzjoni għal danni u interessi kontra l-Kummissjoni (kawża MyTravel vs Il-Kummissjoni, T‑212/03), li fiha ġew diskussi l-argumenti magħmula mill-Kummissjoni fil-kawża T-342/99 sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha. Il-Kummissjoni kkunsidrat li teżisti rabta qawwija bejn iż-żewġ kawżi u li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba mir-rikorrenti jippreġudika l-proċedura fl-ambitu tal-kawża pendenti.

17      Fit-tielet lok, fir-rigward tar-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti li jikkonċernaw il-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑203/03, il-Kummissjoni indikat li l-kawża kienet pendenti u sostniet li l-iżvelar tad-dokumenti tagħha jippreġudika l-pożizzjoni tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u fil-konfront ta’ l-awtoritajiet ta’ l-Awstrija. Għaldaqstant hija qieset li l-istess motivazzjoni bħal dik adottata għar-rifjut ta’ l-aċċess għan-noti li jikkonċernaw il-kawżi Honeywell vs Il-Kummissjoni, T‑209/01, u General Electric vs Il-Kummissjoni, T‑210/01, kienet valida għal din il-kawża. Hija żiedet li hija kellha tirrifjuta l-aċċess għal kull dokument rigward rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, fil-każ fejn l-iżvelar jippreġudika l-protezzjoni ta’ l-għan ta’ l-attivitajiet ta’ investigazzjoni, li, kif qieset il-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2001, Petrie et vs Il-Kummissjoni (T‑191/99, Ġabra p. II‑3677), jikkonsisti fil-ksib ta’ soluzzjoni bonarja għall-kontroversja bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat. Hija ppreċiżat li, minkejja li l-imsemmija sentenza kienet tirrigwarda rifjut għall-aċċess ta’ ittri ta’ intimazzjoni u ta’ opinjonijiet motivati, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx indikat li r-rifjut ta’ aċċess, sabiex jiġi ppreżervat l-għan li tinkiseb soluzzjoni bonarja għall-kontroversja, kien ristrett għal dawn il-kategoriji ta’ dokumenti, b’tali mod li l-ġustifikazzjoni għal dan ir-rifjut kienet rilevanti wkoll fir-rigward tan-noti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-argumenti li ntużaw sabiex jiġu pprovati n-nuqqasijiet huma identiċi.

18      Fir-raba’ lok, f’dak li jikkonċerna r-rifjut ta’ l-aċċess għan-noti tagħha relatati mal-kawżi Sema miftuħa, il-Kummissjoni indikat li, minkejja li l-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu rilevanti għal dawn il-kawżi ngħalqu permezz tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Novembru 2002, l-Istati Membri kkonċernati kienu għadhom ma kkonformawx ruħhom ma’ l-imsemmija sentenzi, b’tali mod li negozjati kienu għadhom fis-seħħ sabiex dawn l-Istati jtemmu l-ksur ikkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għal din ir-raġuni, hija qieset li l-iżvelar tan-noti ppreżentati mill-Kummissjoni f’dawn il-kawżi jippreġudika l-protezzjoni ta’ l-għan ta’ l-investigazzjoni li tikkonċerna l-imsemmija nuqqasijiet.

19      Fil-ħames lok, wara li fakkret li l-aħħar parti ta’ l-Artikolu 4(2), tar-Regolament Nru 1049/2001 tipprovdi li l-aċċess għandu jiġi rrifjutat “jekk ma jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu”, il-Kummissjoni osservat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-API ma kinitx ipprovdiet argumenti li jistabbilixxu li l-interess pubbliku sabiex jiġu żvelati d-dokumenti in kwistjoni huwa ogħla mill-interess pubbliku sabiex tiġi ggarantita protezzjoni xierqa għall-proċeduri fil-qrati pendenti u għall-investigazzjonijiet li jikkonċernaw rikorsi għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu. Hija żiedet li l-interess pubbliku jkun sodisfatt mill-aħħar meta l-iżvolġiment korrett tal-proċeduri mibdija quddiem il-Qorti Komunitarja jiġi ggarantit u meta s-setgħat ta’ investigazzjoni tagħha jkunu protetti.

20      Fl-aħħar nett u fis-sitt lok, il-Kummissjoni kkonfermat li ma kienx possibbli li jingħata aċċess parzjali għad-dokumenti mitluba minħabba li kull parti minn dawn id-dokumenti kienet strettament marbuta u koperta mill-eċċezzjonijiet imsemmija iktar’il fuq.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-2 ta’ Frar 2004, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

22      Fid-9 ta’ Novembru 2006, wara li semgħet il-partijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tirrinvija din il-kawża quddiem l-Awla Manja tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

23      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Awla Manja) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

24      It-trattazzjonijiet orali u r-risposti tal-partijiet għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tat-28 ta’ Frar 2007.

25      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’istanza jogħġobha:

–        tannula d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

26      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

27      In sotenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem motiv wieħed biss, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Dan il-motiv jikkonsisti, essenzjalment, f’żewġ partijiet. L-ewwel parti tikkonċerna r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti bbażat fuq l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-proċeduri fil-qrati taħt it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. It-tieni parti tikkonċerna r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti bbażat fuq il-protezzjoni ta’ l-iskop ta’ l-attivitajiet ta’ investigazzjoni taħt it-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

 Fuq ir-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti bbażat fuq l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-proċeduri fil-qrati taħt it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

 Argumenti tal-partijiet

28      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti, wara li enfasizzat li t-talba tagħha għal aċċess kienet taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ l-aċċess l-iktar wiesgħa possibbli għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, issostni li l-eċċezzjoni li tikkonċerna l-protezzjoni tal-proċeduri fil-qrati ma tistax tiġġustifika esklużjoni ġenerali tan-noti tal-Kummissjoni mill-prinċipju ta’ aċċess ħieles għad-dokumenti.

29      F’dan ir-rigward, hija ssostni, l-ewwel nett, li din l-eċċezzjoni, li tgħid li l-aċċess għal dokument jista’ jiġi miċħud biss jekk l-iżvelar tiegħu “jippreġudika” proċeduri fil-qrati, għandu jiġi interpretat restrittivament. Minn paragun bejn ir-Regolament Nru 1049/2001 u l-leġiżlazzjoni preċedenti, jiġifieri d-deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/90/KEFA, KE, Euratom, tat-8 ta’ Frar 1994 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kummissjoni (ĠU L 46, p. 58), li adottat formalment il-kodiċi ta’ kondotta rigward l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU 1993, L 340, p. 41, iktar’il quddiem il-“kodiċi ta’ kondotta 1993”), approvata mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-6 ta’ Diċembru 1993, li l-leġiżlatur Komunitarju għażel deliberatament li jillimita l-portata ta’ l-eċċezzjoni relatata mal-proċeduri fil-qrati. Fil-fatt, filwaqt li l-kodiċi ta’ kondotta ta’ l-1993 kien jipprovdi għall-possibbiltà li jiġi pprojbit l-aċċess għal kull dokument li l-iżvelar tiegħu “jista’ jippreġudika” l-proċeduri fil-qrati, ir-Regolament Nru 1049/2001 ikopri d-dokumenti li l-iżvelar tagħhom “jippreġudika” tali proċeduri. Barra minn hekk, il-kodiċi ta’ kondotta ta’ l-1993 ma pprovdiex, bil-kontra tar-Regolament Nru 1049/2001, għall-possibbiltà li interess pubbliku iktar importanti jkun jista’ jipprevali fuq l-interess marbut mal-protezzjoni tal-proċeduri fil-qrati.

30      L-iskop limitat ta’ l-eċċezzjoni prevista taħt it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa, barra minn hekk, espost fil-premessa 11 ta’ l-imsemmi Regolament, fejn jinstab il-prinċipju li d-dokumenti kollha ta’ l-istituzzjonijiet għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku, kif ukoll fl-espożizzjoni tal-motivi tal-Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni [COM (2000) 30 finali ‑COD 200/0032, sezzjoni 5], fejn huwa indikat li l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu applikati biss sabiex jiġu mħarsa l-interessi speċifiċi ddefiniti b’mod ċar. Rifjut ġenerali ta’ l-għoti ta’ aċċess għal kategorija sħiħa ta’ dokumenti ma jistax għaldaqstant jiġi milqugħ, peress li l-istituzzjoni kkonċernata għandha d-dmir li turi, għal kull dokument mitlub, li l-iżvelar tiegħu jippreġudika b’mod daqstant gravi l-ħarsien ta’ wieħed mill-interessi speċifiċi elenkati fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 li l-interess pubbliku marbut ma’ l-iżvelar tiegħu qatt ma jista’ jkun superjuri għalih.

31      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-iżvelar tan-noti ppreżentati mill-Kummissjoni quddiem il-qrati Komunitarji bl-ebda mod ma jippreġudika l-ħarsien tal-proċeduri fil-qrati, peress li dan l-iżvelar ma jagħti lok la għall-eżerċizzju ta’ influwenza abbużiva mill-pubbliku, u lanqas għal preġudizzju għas-“serenità” tal-proċeduri quddiem il-Qorti Komunitarja b’tali mod li jaffettwa b’mod negattiv l-iżvolġiment tal-proċedura fil-qrati. F’kull każ, motivazzjoni daqstant ġenerali bħal dik adottata fid-deċiżjoni kkontestata ma tistax tissoddisfa l-kriterju ta’ preġudizzju gravi u konkret meħtieġ mit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

32      Ir-rikorrenti żżid li l-interess pubbliku fix-xogħol tal-qrati li jittrattaw problemi importanti ta’ politika pubbliku huwa tajjeb u naturali f’kull sistema bbażata fuq ir-regoli ta’ drittt u lil-qrati Komunitarji nfushom ħeġġew u sostnew dan il-fenomenu, billi taw aċċess lill-pubbliku in ġenerali għal parti dejjem iżjed importanti ta’ l-informazzjoni li tikkonċerna l-proċeduri pendenti permezz tas-sit internet tagħhom u permezz tas-servizz tagħhom ta’ l-istampa. Barra minn hekk, is-seduti huma pubbliċi u r-rapport tas-seduta huwa aċċessibbli għall-pubbliku mill-ġurnata li fiha tinżamm is-seduta.

33      Għaldaqstant huwa diffiċli li jinftiehem kif l-iżvelar tan-noti tal-Kummissjoni jista’ jikkostitwixxi preġudizzju gravi għall-iżvolġiment korrett tal-proċeduri fil-qrati li jirreferu għalihom dawn in-noti. Bil-kontra, jekk dawn in-noti jsiru pubbliċi l-effett ikun pożittiv, għaliex informazzjoni korretta tal-pubbliku turi l-imparzjalità ta’ l-imħallfin Komunitarji, fatt li jsaħħaħ l-aċċettazzjoni tad-deċiżjonijiet tagħhom mill-pubbliku. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tindika li l-qrati ta’ diversi Stati kif ukoll il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, filwaqt li jipprovdu għal eċċezzjonijiet għall-prinċipju tat-trasparenza, per eżempju għall-ħarsien tas-sigrieti kummerċjali u għar-rispett tal-ħajja privata, jipprovdu aċċess għad-dokumenti li jikkonċernaw il-proċeduri fil-qrati, b’mod partikolari fil-kawżi fejn korpi ta’ l-Istat huma parti fil-kawża. L-ebda waħda minn dawn il-qrati ma tqis li l-prinċipju ta’ trasparenza jista’ jkun ta’ ħsara għall-effiċjenza tal-proċedura ġudizzjarja u għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

34      It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-iżvelar tan-noti ppreżentati mill-Kummissjoni quddiem il-qrati Komunitarji huwa ta’ interess pubbliku, fis-sens li dan jippermetti tixrid ta’ l-opinjoni tal-Kummissjoni fuq kwistjonijiet fundamentali ta’ interpretazzjoni tat-Trattat u tad-dritt Komunitarju sekondarju. Fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, per eżempju, tali tixrid huwa partikolarment ta’ benefiċċju fid-dawl ta’ l-opinjonijiet li l-Kummissjoni tkun meħtieġa li tagħti lill-Qrati nazzjonali skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 Diċembru 2002 fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81[KE] u 82[KE] (ĠU 2003, L 1, p. 1). Ir-rikorrenti żżid li, minkejja li s-seduti quddiem il-qrati Komunitarji huma pubbliċi u li sunt ta’ l-argumenti tal-partijiet huwa disponibbli fil-jum tas-seduta, l-istampa tal-kawżi ttrattati mhijiex kompleta, u dan jipprekludi lill-ġurnalisti milli jipprovdu informazzjoni eżatta u eżawrjenti. L-uniku mod sabiex tiġi ggarantita trasparenza xierqa jikkonsisti għaldaqstant fl-iżvelar tad-dokumenti ppreżentati mill-Kummissjoni.

35      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma tistax tibbaża r-rifjut tagħha fuq l-istat tal-ġurisprudenza attwali fil-qasam ikkonċernat, peress li s-sentenzi Svenska Journalistförbundet vs Il-Kunsill u Interporc II, punt 15 iktar’il fuq, jirreferu għall-kodiċi ta’ kondotta ta’ l-1993, filwaqt li r-Regolament Nru 1049/2001 għandu jiġi interpretat b’mod iżjed restrittiv. Barra minn hekk, is-sentenza Svenska Journalistförbundet vs Il-Kunsill, punt 15 iktar’il fuq, tirreferi għal sitwazzjoni partikolari, peress li l-assoċjazzjoni in kwistjoni ppubblikat fuq l-Internet verżjoni bil-kummenti tar-risposta tal-Kunsill u stiednet lill-pubbliku sabiex jibgħat il-kummenti tiegħu direttament lill-aġenti tal-Kunsill, u ngħataw in-numri tat-telefon u tal-fax tagħhom, filwaqt li l-API, li ma hija parti minn ebda wieħed mill-proċeduri in kwistjoni, m’għandhiex intenzjonijiet simili. Bl-istess mod, is-sentenza Interporc II, punt 15 iktar’il fuq, mhijiex rilevanti, ladarba l-affermazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li tinsab fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, li tgħid li l-ħarsien ta’ l-interess pubbliku jipprekludi l-iżvelar tal-kontenut tad-dokumenti mfassla mill-Kummissjoni biss għall-finijiet ta’ proċedura ġudizzjarja partikolari jikkonstitwixxi sempliċi obiter dictum, peress li d-domanda magħmula fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet tistaqsi jekk l-aċċess għal dokumenti mfassla fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva setax jiġi miċħud minħabba li dawn kienu marbuta ma’ proċedura ġudizzjarja partikolari. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-eċċezzjoni in kwistjoni kellha bħala għan li “tiggarantixxi, minn naħa, il-ħarsien tax-xogħol intern magħmul fi ħdan il-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, il-kunfidenzjalità u s-salvagwardja tal-prinċipju tas-sigriet professjonali ta’ l-avukati” (sentenza Interporc II, punt 15 iktar’il fuq, punt 41).

36      Din l-interpretazzjoni ta’ l-eċċezzjoni relatata mal-proċeduri ġudizzjarji ma tipprekludix l-aċċess pubbliku għan-noti tal-Kummissjoni, sakemm dawn in-noti ma jkunux dokumenti interni u kunfidenzjali, iżda, bil-kontra, huma jiġu trażmessi lill-qrati u lill-partijiet l-oħra fil-kawżi kkonċernati. Ir-rikorrenti żżid, f’dan ir-rigward, li l-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 40 tas-sentenza Interporc II, punt 15 iktar’il fuq, ġiet sussegwentement invalidata, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tad-19 ta’ Marzu 1998, van der Wal vs Il-Kummissjoni (T‑83/96, Ġabra p. II‑545, punt 50), li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball fid-dritt meta interpretat l-imsemmija eċċezzjoni bħala waħda li tobbliga lill-Kummissjoni li tirrifjuta aċċess għad-dokumenti li hija tkun fasslet biss għall-finijiet ta’ proċedura ġudizzjarja (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Jannar 2000, L-Olanda u van der Wal vs Il-Kummissjoni, C‑174/98 P et C‑189/98 P, Ġabra p. I‑1, punt 30).

37      B’hekk, skond ir-rikorrenti, il-ġurisprudenza Komunitarja rilevanti ma tistax tiġi interpretata bħal ma tindika l-Kummissjoni, u t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jiġġustifikax esklużjoni ġenerali tan-noti ta’ l-istituzzjonijiet mill-prinċipju ta’ l-aċċess ħieles għad-dokumenti Komunitarji.

38      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ma taqbilx mad-deċiżjoni kkontestata safejn il-Kummissjoni rrifjutat li tiżvela noti, billi bbażat ruħha fuq l-eċċezzjoni li tikkonċerna l-protezzjoni tal-proċeduri fil-qrati, minħabba li l-kawża li għaliha kienu jirreferu jew kawża konnessa kienu għadhom pendenti.

39      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li limitazzjoni daqstant stretta ta’ l-eċċezzjoni in kwistjoni ma tistax tiġi ġġustifikata, għaliex hija tippreġudika serjament il-prinċipju ta’ l-aċċess ħieles għad-dokumenti preċiżament f’każijiet fejn, fin-nuqqas ta’ sentenza jew ta’ rapport tas-seduta, l-interess pubbliku marbut ma’ l-iżvelar tad-dokumenti huwa iktar importanti. Ir-rifjut ta’ aċċess ikun wisq inqas spjegabbli meta d-dokumenti mitluba jikkonċernaw proċedura diġà magħluqa, bħal ma hu l-każ tal-proċedura fil-kawża Airtours vs Il-Kummissjoni, T‑342/99, iżda li hija konnessa ma’ proċedura oħra li għadha pendenti. Il-Kummissjoni ma spjegatx, fil-fatt, b’liema mod l-iżvelar tan-noti li jikkonċernaw il-kawża magħluqa jippreġudika l-proċedura pendenti, meta r-rikorrenti fiż-żewġ kawżi hija l-istess waħda u meta, għaldaqstant, hija diġà mgħarrfa bl-argumenti invokati mill-Kummissjoni fin-noti tagħha relatati ma’ l-ewwel kawża.

40      Il-Kummissjoni tosserva, preliminarjament, li, bil-kontra ta’ l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, hija ma rrifjutatx b’mod “ġenerali” li tittratta t-talba tagħha, u lanqas ma rrifjutat milli tiżvela kategorija sħiħa ta’ dokumenti. Hija tammetti li l-atti proċedurali tagħha quddiem il-qrati Komunitarji mhumiex, bħala tali, eżenti mill-iżvelar, peress li l-eċċezzjonijiet għall-prinċipju ġenerali ta’ aċċess għad-dokumenti għandhom jiġu interpretati restrittivament. Madankollu, hija ssostni li, meta eċċezzjoni hija applikabbli, din għandha tiġi osservata, b’tali mod li, fil-każ fejn l-iżvelar ta’ dokument “jista’” jippreġudika l-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji jew ta’ l-investigazzjonijiet hija ma għandhiex tiżvelahom. Hija żżid li l-użu tal-frażi kondizzjonal (jista’), li timplika marġini ta’ diskrezzjoni, ifisser li effett negattiv jista’ jseħħ u mhux li għandu jkun hemm ċertezza assoluta li dan l-effett ser iseħħ.

41      Fir-rigward ta’ l-eċċezzjoni li tikkonċerna l-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji, il-Kummissjoni tindika, fl-ewwel lok, li kull sistema ġuridika nazzjonali u internazzjonali tistabbilixxi l-linja ta’ kondotta tagħha fir-rigward ta’ kif jiġu trattati atti proċedurali mressqa quddiem qorti. Kif osservat ir-rikorrenti nfisha, il-Qrati Ewropej jiżguraw livell ta’ trasparenza għoli ħafna, peress li, minbarra l-fatt li kull kawża hija s-suġġett ta’ komunikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, li jinkludi deskrizzjoni tal-motivi u ta’ l-argumenti prinċipali invokati fir-rikors, is-seduta hija pubblika u l-argumenti tal-partijiet huma s-suġġett ta’ deskrizzjoni sommarja fir-rapport tas-seduta u huma ripetuti u eżaminati fil-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali u fis-sentenza.

42      Il-Kummissjoni tqis li l-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji jobbligaha tieħu in kunsiderazzjoni l-linja ta’ kondotta segwita f’dan ir-rigward minn kull qorti. La l-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas il-Qorti tal-Prim’Istanza ma jippubblikaw l-atti proċedurali li jiġu mressqa quddiemhom u, fir-rigward ta’ din ta’ l-aħħar, l-aċċess ta’ terzi persuni għall-inkartament tal-kawża huwa suġġett għal kontroll strett, b’mod konformi mat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 5(3), ta’ l-istruzzjonijiet lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim’Istanza, adottati fit-3 ta’ Marzu 1994 (ĠU 1994, L 78, p. 32), kif emendati l-aħħar, fil-5 ta’ Ġunju 2002 (ĠU 2002, L 160, p. 1), li jgħid li “l-ebda terza persuna, privata jew pubblika, ma tista’ taċċedi għall-inkartament tal-kawża jew għall-partijiet tal-proċedura mingħajr awtorizzazzjoni espliċita tal-President, wara li jkunu nstemgħu l-partijiet” u “[d]in l-awtorizzazzjoni tista’ tingħata biss wara talba bil-miktub f’dan is-sens u għandha tinkludi ġustifikazzjoni ddettaljata ta’ l-interess leġittimu biex jiġi kkonsultat l-inkartament”. Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 1049/2001 ma jipprovdix il-mod li bih il-Qrati għandhom jittrattaw il-proċeduri li jinsabu quddiemhom. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li ma teżistix regola ġenerali li tikkonċerna l-kunfidenzjalità ta’ l-atti proċedurali jew fir-rigward tal-possibbiltà li l-partijiet fil-kawża jkunu jistgħu jiżvelawhom lil terzi persuni, iżda enfasizzat li kunsiderazzjonijiet partikolari huma applikabbli meta “l-iżvelar ta’ dokument jista’ jippreġudika l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja” (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ April 2000, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u l-Kunsill, C‑376/98, Ġabra p. I‑2247, punt 10).

43      Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat u applikat fil-każ ta’ l-atti proċedurali l-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li bis-saħħa tiegħu l-partijiet għandhom id-dritt li jiddefendu l-interessi tagħhom indipendentement minn kull influwenza esterna, b’mod partikolari min-naħa tal-pubbliku (sentenza Svenska Journalistförbundet vs Il-Kunsill, punt 15 iktar’il fuq, punt 136). Il-fatt li l-kawżi pendenti jkunu magħrufa fost il-pubbliku m’għandux jiġi konfuż mad-dritt tal-partijiet li ma jesponux fil-pubbliku l-argumenti bil-miktub tagħhom.

44      Skond il-Kummissjoni, l-interess pubbliku ma jeżiġix l-iżvelar ta’ l-atti kollha tal-proċedura, li jista’ jirriżulta saħansitra dannuż, ladarba d-djalogu bil-miktub bejn il-partijiet ikollu mnejn jinbidel f’dibattitu pubbliku li fih jistgħu jiġu eżerċitati pressjonijiet fuq l-aġenti f’kawża u l-mertu ta’ ċerti argumenti jkollu mnejn jiġi espost għal pressjonijiet esterni. Il-bżonn li tiġi mħarsa s-"serenità" tad-dibattiti għaldaqstant jipprevali fuq il-bżonn li l-ġurnalisti jkunu suffiċjentement ippreparati għas-seduta. Żvelar sistematiku jista’, barra minn hekk, joħloq żbilanċ dannuż bejn l-istituzzjonijiet u l-partijiet kollha jew x’uħud mill-partijiet l-oħra fil-kawża, li mhumiex marbuta li jagħtu aċċess għad-dokumenti tagħhom taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għall-istituzzjonijiet.

45      Il-Kummissjoni tosserva, fit-tieni lok, li, meta tiġi mressqa quddiemha talba għal aċċess fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001, fl-ewwel lok hija teżamina jekk il-proċedura relatata mad-dokument mitlub waslitx fl-istadju tas-smigħ u sussegwentement jekk, fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji jitlobx rifjut ta’ aċċess għal dan id-dokument. Huwa b’dan il-mod li hija rrifjutat li tiżvela d-dokumenti tagħha fil-kawżi General Electric vs Il-Kummissjoni, T‑210/01, u Honeywell vs Il-Kummissjoni, T‑209/01, li kienu pendenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

46      Jistgħu jeżistu wkoll motivi għar-rifjut ta’ l-aċċess għal dokument wara li tkun inżammet is-seduta jew wara li tingħata d-deċiżjoni, fejn tirriżulta neċessarja l-protezzjoni tal-formulazzjoni ta’ argument bil-miktub li huwa identiku għal dak ikkunsidrat f’kawża konnessa li għadha pendenti. Ir-rifjut ta’ aċċess għan-noti relatati mal-kawża Airtours vs Il-Kummissjoni, T‑342/99, kawża li hija diġà magħluqa minn sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, hija bbażata fuq tali raġuni, peress li l-istess rikorrenti sussegwentement ressqet rikors għal kumpens (sentenza MyTravel vs Il-Kummissjoni, T‑212/03), li għadu pendenti. Ir-rabta bejn iż-żewġ kawżi tinsab fil-fatt li wħud mill-argumenti mressqa fil-kuntest tar-rikors għal annullament jistgħu wkoll jiġu diskussi fil-kuntest tar-rikors għal kumpens.

47      Fir-rigward tal-bilanċ ta’ l-interessi in kwistjoni, il-Kummissjoni ssostni li l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li tiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti mitluba ma tista’ qatt tiġi preżunta għal kategorija ta’ dokumenti, tkun liema tkun, iżda għandha dejjem tiġi stabbilita fid-dawl ta’ interessi oħrajn f’kull każ speċifiku. L-interess pubbliku superjuri, kunċett li qatt ma ġie ddefinit fir-Regolament Nru 1049/2001, jista’ jittieħed in kunsiderazzjoni biss meta jiġi stabbilit li għandha tapplika waħda mill-eċċezzjonijiet.

48      Barra minn hekk, jekk l-eċċezzjoni ta’ l-interess pubbliku superjuri, li hija eċċezzjoni għal eċċezzjoni, tiġi applikata sistematikament sabiex tiġġustifika l-iżvelar tan-noti fi kwalunkwe stadju tal-proċedura, jitneħħa kull effett utli mill-eċċezzjoni relatata mal-proċeduri ġudizzjarji. L-ibbilanċjar ta’ l-interessi in kwistjoni għandu jieħu wkoll in kunsiderazzjoni l-fatt li informazzjoni li tikkonċerna kawża hija diġà kkomunikata lill-pubbliku, inizjalment waqt l-istadju ta’ l-introduzzjoni tar-rikors (pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-motivi u argumenti prinċipali tal-parti rikorrenti) u sussegwentement permezz tar-rapport tas-seduta. Fir-rigward tad-dokumenti mitluba mir-rikorrenti f’din il-kawża, il-Kummissjoni qieset li l-aħjar mod sabiex jiġi sodisfatt l-interess pubbliku kien li jiġi ppreżervat l-iżvolġiment adegwat tal-proċeduri ġudizzjarji in kwistjoni.

49      Il-fatt li r-rikorrenti mhijiex parti fil-proċeduri li għalihom jirreferu d-dokumenti, li l-iżvelar tagħhom ġie mitlub, u l-fatt li la hi u lanqas il-membri tagħha m’għandhom l-intenzjoni li jeżerċitaw pressjonijiet fuq il-Kummissjoni bl-ebda mod ma jrendi s-sentenza Svenska Journalistförbundet vs Il-Kunsill, punt 15 iktar’il fuq, irrilevanti. Fil-punt 38 ta’ l-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-fatt, qieset li l-għan ta’ l-iżvelar ta’ l-atti proċedurali f’din il-kawża ma kienx korrett. Il-Kummissjoni żżid li, peress li l-iżvelar ta’ dokument jikkonferma li dan jista’ jiġi mixrud mingħajr xkiel, l-impenn meħud mir-rikorrenti li ma teżerċitax pressjonijiet ma jiggarantix li membri oħra tal-pubbliku se jadottaw l-istess imġieba.

50      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li, fis-sentenza Interporc II, punt 15 iktar’il fuq (punti 40 u 41), il-Qorti tal-Prim’Istanza ppreċiżat li l-kategorija ta’ dokumenti li għalihom tapplika l-eċċezzjoni relatata mal-proċeduri ġudizzjarji tikkonċerna d-dokumenti kollha tal-Kummissjoni biss għall-finijiet ta’ proċedura ġudizzjarja partikolari. Is-sentenza Interporc II, punt 15 iktar’il fuq, iddefiniet għaldaqstant il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-eċċezzjoni relatata mal-proċeduri fil-qrati, mingħajr madankollu ma eskludiet dawn id-dokumenti, bħala kategorija, mid-dritt ta’ aċċess mill-pubbliku, u s-sentenza L-Olanda u van der Wal vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar’il fuq (punti 27 sa 30), ikkonfermat li ma teżistix esklużjoni ġenerali ta’ dawn id-dokumenti li tobbliga lill-Kummissjoni sabiex ma tiżvelahomx. Is-sentenza Interporc II tibqa’ għaldaqstant ġuridikament rilevanti u ġiet osservata f’dan il-każ, peress li, mhux talli ma tatx rifjut ġenerali, iżda l-Kummissjoni wettqet eżami individwali ta’ kull dokument.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–       Osservazzjonijiet preliminari

51      Għandu jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1049/2001 moqri, b’mod partikolari, fid-dawl tar-raba’ premessa ta’ dan l-istess Regolament, huwa intiż sabiex jagħti l-effett l-iktar sħiħ possibbli lid-dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, Ġabra p. I-1233, punt 61).

52      Madankollu, jirriżulta wkoll mill-imsemmi Regolament, b’mod partikolari mill-premessa 11 tiegħu, mill-Artikolu 1(a) tiegħu u mill-Artikolu 4, li jipprovdi numru ta’ eċċezzjonijiet f’dan ir-rigward, li d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti huwa wkoll suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat (sentenza Sison vs Il-Kunsill, punt 51’il fuq, punt 62).

53      Peress li jidderogaw mill-prinċipju ta’ aċċess l-aktar sħiħ possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti, tali eċċezzjonijiet, għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (sentenza Sison vs Il-Kunsill, punt 51 iktar’il fuq, punt 63; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/94, Ġabra p. II‑2023, punt 84; ara, barra minn hekk, b’analoġija, fir-rigward tal-kodiċi ta’ kondotta ta’ l-1993, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja L-Olanda u van der Wal vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar’il fuq, punt 27, u tas-6 ta’ Diċembru 2001, Il-Kunsill vs Hautala, C‑353/99 P, Ġabra p. I‑9565, punt 25; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Ottubru 1999, Bavarian Lager vs Il-Kummissjoni, T‑309/97, Ġabra p. II‑3217, punt 39, u Petrie et vs Il-Kummissjoni, punt 17 iktar’il fuq, punt 66).

54      Għandu jiġi mfakkar ukoll li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-eżami meħtieġ sabiex tiġi ttrattata talba ta’ aċċess għal dokumenti għandu jkun ta’ natura konkreta. Fil-fatt, minn naħa, is-sempliċi fatt li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din ta’ l-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ April 2005, Sison vs Il-Kunsill, T-110/03, T-150/03 u T-405/03, Ġabra p. II-1429, punt 75, u Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar’il fuq, punt 105). Applikazzjoni bħal din, bħala regola ġenerali, tista’ tiġi ġġustifikata biss fil-każ fejn l-istituzzjoni tkun evalwat minn qabel, l-ewwel nett, jekk l-aċċess għad-dokument jistax jippreġudika konkretament u effettivament l-interess protett u, t-tieni nett, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, jekk kienx jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument in kwistjoni. Min-naħa l-oħra, ir-riskju ta’ preġudizzju għal interess protett għandu jkun raġjonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku. Konsegwentement, l-eżami li għandha twettaq l-istituzzjoni sabiex tapplika eċċezzjoni għandu jsir b’mod konkret u għandu jirriżulta mill-motivi tad-Deċiżjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni, T‑2/03, Ġabra p. II‑1121, iktar’il quddiem is-“sentenza VKI”, punt 69 u Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar’il fuq, punt 115).

55      Dan l-eżami konkret għandu, barra minn hekk, isir għal kull dokument li jisemma’ fit-talba. Fil-fatt, jirriżulta mir-Regolament Nru 1049/2001 li l-eċċezzjonijiet kollha msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ l-Artikolu 4 tiegħu għandhom japplikaw “għal dokument” (sentenzi VKI, punt 54 iktar’il fuq, punt 70, u Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar’il fuq, punt 116). Barra minn hekk, fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ratione temporis ta’ dawn l-istess eċċezzjonijiet, l-Artikolu 4(7) ta’ l-imsemmi Regolament jipprovdi li dawn japplikaw biss waqt il-perijodu li fih il-protezzjoni hija ġġustifikata fuq il-bażi tal-“kontenut tad-dokument”.

56      Għaldaqstant eżami konkret u individwali huwa f’kull każ neċessarju meta, anki fil-każ li jkun jidher b’mod ċar li talba għal aċċess tikkonċerna dokumenti koperti minn eċċezzjoni, huwa biss permezz ta’ eżami bħal dan li l-istituzzjoni tkun tista’ tevalwa l-possibbiltà li tagħti aċċess parzjali lill-applikant fis-sens ta’ l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenzi VKI, punt 54 iktar’il fuq, punt 73, u Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar’il fuq, punt 117). Fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ l-imsemmi Regolament, il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà kkunsidrat insuffiċjenti, bħala regola ġenerali, evalwazzjoni ta’ dokumenti mwettqa b’referenza għal kategoriji pjuttost milli fir-rigward ta’ l-elementi ta’ informazzjoni konkreti li jinsabu f’dawn id-dokumenti peress li l-eżami meħtieġ minn istituzzjoni għandu jippermettilha li tevalwa b’mod konkret jekk huwiex minnu li eċċezzjoni invokata tapplika għall-informazzjoni kollha li tinsab fl-imsemmija dokumenti (sentenza VKI, punt 54 iktar’il fuq, punti 74 u 76; fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tal-kodiċi ta’ kondotta ta’ l-1993, ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Ottubru 2000, JT’s Corporation vs Il-Kummissjoni, T‑123/99, Ġabra p. II‑3269, punti 46 sa 48).

57      L-obbligu għal istituzzjoni li twettaq evalwazzjoni konkreta u individwali tal-kontenut tad-dokumenti msemmija fit-talba għal aċċess hija soluzzjoni li għandha tiġi adottata bħala regola ġenerali (sentenza VKI, punt 54 iktar’il fuq, punti 74 u 75), li tapplika għall-eċċezzjonijiet kollha msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, indipendentement mill-qasam li jirreferu għalih id-dokumenti mitluba. Peress li l-imsemmi Regolament ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni speċifika rigward l-eċċezzjoni relatata mal-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji, l-imsemmija soluzzjoni tapplika wkoll għall-eċċezzjoni in kwistjoni.

58      Din ir-regola ġenerali ma tfissirx madankollu li eżami bħal dan huwa meħtieġ fiċ-ċirkustanzi kollha. Fil-fatt, peress li l-għan ta’ l-eżami konkret u individwali li l-istituzzjoni għandha, bħala regola ġenerali, twettaq b’risposta għal talba għal aċċess imressqa fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa li jippermetti lill-istituzzjoni in kwistjoni sabiex, minn naħa, tevalwa safejn hija applikabbli eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa l-possibbiltà ta’ aċċess parzjali, l-imsemmi eżami jista’ ma jkunx neċessarju meta, minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, ikun jidher b’mod ċar li l-aċċess għandu jiġi miċħud jew, bil-kontra, li għandu jingħata. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, jekk ċerti dokumenti, qabel kollox, ikunu koperti b’mod ċar fl-intier tagħhom minn eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess jew, bil-kontra, ikunu manifestament aċċessibbli fl-intier tagħhom, jew, fl-aħħar nett, jekk diġà kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni konkreta u individwali mill-Kummissjoni f’ċirkustanzi simili (sentenza VKI, punt 54 iktar’il fuq, punt 75).

59      Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ l-eċċezzjoni li tikkonċerna l-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji, għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li jirriżulta mid-definizzjoni wiesa’ tal-kunċett ta’ dokument, kif tinsab fl-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll mill-formulazzjoni u l-eżistenza stess ta’ eċċezzjoni relatata mal-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji, li l-leġiżlatur Komunitarju ma riedx jeskludi l-attività kontenzjuża ta’ l-istituzzjonijiet mid-dritt ta’ aċċess taċ-ċittadini, iżda pprovda, f’dan ir-rigward, li huma jirrifjutaw milli jiżvelaw id-dokumenti relatati ma’ proċedura ġudizzjarja fil-każijiet fejn dan l-iżvelar jippreġudika l-proċedura marbuta ma’ dawn id-dokumenti.

60      It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li l-kunċett ta’ “proċeduri ġudizzjarji”, li ġie interpretat fil-kuntest tal-kodiċi ta’ kondotta ta’ l-1993 bħala kunċett li jkopri n-noti jew l-atti ddepożitati, id-dokumenti interni li jikkonċernaw l-investigazzjoni tal-kawża in kwistjoni u l-komunikazzjonijiet relatati mal-kawża bejn id-Direttorat Ġenerali kkonċernat u s-servizz legali jew uffiċċju ta’ avukati (sentenza Interporc II, punt 15 iktar’il fuq, punt 41), huwa rilevanti wkoll fil-kuntest tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara s-sentenza Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar’il fuq, punt 90). In-noti ppreżentati mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Komunitarja jaqgħu għaldaqstant taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-eċċezzjoni relatata mal-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjari, fis-sens li jikkonċernaw interess protett.

61      It-tielet nett, il-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmija eċċezzjoni jkopri d-dokumenti kollha mfassla biss għall-finijiet ta’ proċedura ġudizzjarja partikolari (sentenzi Interporc II, punt 15 iktar’il fuq, punt 40, u Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar’il fuq, punti 88 u 89), u b’mod partikolari n-noti ddepożitati mill-istituzzjonijiet, ma jistax jiġġustifika, minnu nnifsu, l-applikazzjoni ta’ l-eċċezzjoni invokata. Fil-fatt, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tal-kodiċi ta’ kondotta ta’ l-1993, l-eċċezzjoni bbażata fuq il-ħarsien ta’ l-interess pubbliku fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tobbliga lill-Kummissjoni li tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti kollha li hija għamlet biss għall-finijiet ta’ din il-proċedura (sentenza L-Olanda u van der Wal vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar’il fuq, punt 30).

62      Din l-interpretazzjoni hija neċessarja fil-kuntest tar-Regolament Nru 1049/2001, inkwantu l-eċċezzjoni relatata mal-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji, kif prevista fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(2) ta’ l-imsemmi Regolament, hija iżjed stretta meta mqabbla ma’ dik li tinsab fil-kodiċi ta’ kondotta ta’ l-1993. Fil-fatt, minn naħa, ir-rifjut ta’ aċċess huwa ġġustifikat biss, fil-kuntest tar-Regolament Nru 1049/2001, fil-każ fejn l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat “jippreġudika” l-interess in kwistjoni u mhux, kif kien jipprovdi l-kodiċi ta’ kondotta ta’ l-1993, fil-każ fejn l-imsemmi żvelar “jista’ jippreġudika” l-imsemmi interess. Dan jimplika li l-istituzzjoni kkonċernata għandha teżamina, fil-każ ta’ kull dokument mitlub, jekk, fid-dawl ta’ l-informazzjoni li hija għandha, l-iżvelar tiegħu jistax effettivament jippreġudika wieħed mill-interessi protetti mill-eċċezzjonijiet (fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tal-kodiċi ta’ kondotta ta’ l-1993, ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Frar 1998, Interporc vs Il-Kummissjoni, T‑124/96, Ġabra p. II‑231, punt 52, u JT’s Corporation vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar’il fuq, punt 64). Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi, anki fil-każ fejn l-iżvelar tad-dokument mitlub jippreġudika l-ħarsien tal-proċedura ġudizzjarja in kwistjoni, li l-aċċess jingħata jekk interess pubbliku superjuri jiġġustifikah; dan ma kienx previst mill-kodiċi ta’ kondotta ta’ l-1993.

63      Ir-raba’ nett, għandu jiġi ppreċiżat li l-eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali ta’ l-aċċess għad-dokumenti relatata mal-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji hija intiża b’mod partikolari sabiex tiżgura r-rispett tad-dritt ta’ kull persuna għal smigħ xieraq minn qorti indipendenti, li huwa dritt fundamentali taħt l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali (iktar’il quddiem il-“KEDB”) u li huwa parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju li tagħhom il-Qorti Komunitarja tiżgura r-rispett filwaqt li jispira ruħu mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u mill-indikazzjonijiet ipprovduti b’mod partikolari mill-KEDB (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Mejju 2006, Eurofood IFSC, C‑341/04, Ġabra p. I‑3813, punt 65, u tal-5 ta’ Jannar 2007, Salzgitter Mannesmann vs Il-Kummissjoni, C‑411/04 P, Ġabra p. I-959, punti 40 u 41), kif ukoll sabiex jiggarantixxi l-iżvolġiment tajjeb tal-ġustizzja. Din l-eċċezzjoni tkopri għaldaqstant mhux biss l-interessi tal-partijiet fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja, iżda b’mod iktar ġenerali l-iżvolġiment tajjeb ta’ din ta’ l-aħħar.

64      Għaldaqstant hija l-Qorti tal-Prim’Istanza, fid-dawl tal-prinċipji msemmija fil-punti 51 sa 63 iktar’il fuq, li għandha tivverifika jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni wettqitx żball billi qieset li r-rifjut ta’ żvelar tan-noti ppreżentati minnha fil-kuntest tal-kawżi Honeywell vs Il-Kummissjoni, T‑209/01, General Electric vs Il-Kummissjoni, T‑210/01, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑203/03, u Airtours vs Il-Kummissjoni, T‑342/99, kien kopert mill-eċċezzjoni relatata mal-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji.

–       Fuq ir-rifjut ta’ aċċess fir-rigward tad-dokumenti relatati mal-kawżi T‑209/01, T‑210/01 u C‑203/03

65      Fl-ewwel lok, għandu jiġi vverifikat, fir-rigward tad-dokumenti speċifikament identifikati fit-talba għal aċċess, jekk il-Kummissjoni għamlitx eżami konkret tal-kontenut ta’ kull dokument mitlub, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti billi tenfasizza l-ġeneralità tal-ġustifikazzjoni invokata għar-rifjut ta’ l-aċċess.

66      Għandu jiġi kkonstatat li ma jirriżultax mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni wettqet dan l-eżami. Fil-fatt, din ta’ l-aħħar ma għamlitx referenza, fl-imsemmija deċiżjoni, la għall-kontenut tan-noti in kwistjoni u lanqas għas-suġġett speċifiku ta’ kull proċedura li magħhom huma relatati sabiex tipprova l-eżistenza ta’ ħtieġa ta’ ħarsien reali relatat ma’ din il-proċedura. Hija sempliċement affermat, b’mod ġenerali, li r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumeti relatati mal-kawżi li għalihom hija kienet parti kien kopert mill-eċċezzjoni relatata mal-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji, inkwantu l-iżvelar ta’ l-imsemmija dokumenti jippreġudika l-pożizzjoni tagħha bħala parti fil-proċeduri billi jesponiha għar-riskju ta’ pressjonijiet esterni. Din il-ġustifikazzjoni tista’ tapplika wkoll għad-dokumenti kollha tal-Kummissjoni relatati ma’ kawżi pendenti li għalihom hija parti.

67      Għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward li n-natura ġenerali tal-motivazzjoni li fuqha huwa bbażat rifjut ta’ aċċess kif ukoll il-qosor tagħha jew in-natura sterjotipika tagħha tista’ tikkostitwixxi indikazzjoni ta’ nuqqas ta’ eżami konkret biss fil-każ fejn huwa oġġettivament possibbli li jiġu indikati r-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ aċċess għal kull dokument mingħajr ma jiġi żvelat il-kontenut ta’ dan id-dokument jew element essenzjali tiegħu, u, għaldaqstant, mingħajr ma jitneħħa l-għan essenzjali ta’ l-eċċezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 2005, Sison vs Il-Kunsill, punt 54 iktar’il fuq, punt 84; ara, b’analoġija, fir-rigward tal-kodiċi ta’ kondotta ta’ l-1993, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Marzu 1997, WWF UK vs Il-Kummissjoni, T‑105/95, Ġabra p. II‑313, punt 65). Kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħtieġa għall-istituzzjonijiet li ma jirreferux għal elementi li indirettament jippreġudikaw l-interessi li l-eċċezzjonijiet speċifikament għandhom bħala għan li jipproteġu hija enfasizzata b’mod partikolari fl-Artikolu 9(4), u l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza ta’ l-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, punt 51 iktar’il fuq, punt 83).

68      F’dan il-każ, madankollu, in-nuqqas ta’ eżami konkret jirriżulta mir-raġunijiet li l-Kummissjoni adottat sabiex tiġġustifika r-rifjut ta’ aċċess, peress li dawn ma kellhomx x’jaqsmu mal-kontenut tan-noti mitluba. L-allegata eżiġenza li tiġi segwita l-linja ta’ kondotta tal-Qorti Komunitarja f’dak li jikkonċerna l-aċċess minn terzi persuni għad-dokumenti tal-proċeduri kif ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata s-“serenità” tad-dibattiti u li tiġi evitata kull pressjoni fuq l-aġenti tagħha, li fid-deċiżjoni kkontestata ma hija bl-ebda mod konnessa man-natura ta’ l-informazzjoni kkonċernata u/jew ma’ l-eventwali natura sensittiva tas-suġġett tal-kontroversja, turi, fil-fatt, li, skond il-Kummissjoni, evalwazzjoni konkreta tal-kontenut ta’ kull dokument mitlub ma kinitx meħtieġa sabiex tagħti deċiżjoni fuq it-talba għal aċċess imressqa mir-rikorrenti.

69      Din il-konkużjoni mhijiex ikkontestata mill-affermazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-fatt li hija tat aċċess għall-osservazzjonijiet ippreżentati fil-kuntest tal-kawża preliminari Köbler, C‑224/01, li għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, juri li t-talba ta’ l-API ġiet eżaminata dokument b’dokument. Fil-fatt, dan il-fatt jindika sempliċement li l-Kummissjoni għamlet distinzjoni skond in-natura tar-rikors u l-istadju ta’ kull proċedura in kwistjoni. Huwa fuq il-bażi ta’ din id-distinzjoni li hija tat aċċess għan-noti li hija kienet ippreżentat fil-kuntest tal-proċedura preliminari magħluqa permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, Ġabra p. I‑7747), kif ukoll għal dawk ippreżentati fil-kawża Köbler (C-224/01) li għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda li fir-rigward tagħha l-proċedura orali kienet diġà ġiet fi tmiemha, u rrifjutatha fir-rigward tad-dokumenti ppreżentati fil-kuntest tar-rikorsi diretti li kienu għadhom pendenti quddiem il-Qorti Komunitarja.

70      Barra minn hekk, b’risposta għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-seduta, il-Kummissjoni indikat li, meta hija taddotta deċiżjoni fuq talba għal aċċess għan-noti ppreżentati fil-kuntest ta’ kawżi pendenti, id-data tas-seduta tikkostitwixxi element determinanti fis-sens li hija tikkunsidra li dawn id-dokumenti jeħtieġu trattament kunfidenzjali, bħala protezzjoni minima, almenu sad-data tat-trattazzjoni orali quddiem l-Imħallef. Huwa biss wara d-data tas-seduta li teżisti, fil-fehma tagħha, preżunzjoni ta’ aċċess u li, fir-rigward ta’ kawżi għal domandi preliminari, hija twettaq eżami individwali billi tieħu in kunsiderazzjoni l-informazzjoni li tinsab fid-dokumenti mitluba u n-natura sensittiva tal-kontroversja. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-rikorsi diretti, hija tqis li r-rifjut ta’ aċċess huwa meħtieġ sad-data tas-sentenza finali u, fil-każ ta’ kawżi konnessi li huma pendenti, sa ma tingħalaq il-kawża konnessa in kwistjoni.

71      Minn dak li ntqal jirriżulta mhux biss li l-Kummissjoni m’għamlitx eżami konkret ta’ kull dokument mitlub, iżda wkoll li hija qieset li n-noti kollha ppreżentati fil-kawżi li hija kienet parti fihom u li kienu pendenti kellhom awtomatikament u globalment jiġu meqjusa li jaqgħu taħt l-eċċezzjoni relatata mal-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji, mingħajr ma tali eżami kien meħtieġ.

72      Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk, minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, il-Kummissjoni setgħet ma twettaqx eżami konkret tal-kontenut tan-noti relatati mal-kawżi Honeywell vs Il-Kummissjoni, T‑209/01, General Electric vs Il-Kummissjoni, T‑210/01, u Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑203/03. Għal dan il-għan, jeħtieġ l-ewwel nett li jiġi stabbilit jekk id-dokumenti in kwistjoni jaqgħux kollha taħt l-istess kategorija, b’tali mod li l-istess ġustifikazzjoni tista’ tiġi applikata għalihom. Sussegwentement, jekk dan ikun il-każ, għandu jiġi vverifikat jekk l-eċċezzjoni relatata mal-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji, kif hija applikata f’dan il-każ mill-Kummissjoni, tkoprix manifestament u integralment id-dokumenti li jaqgħu taħt din il-kategorija, fis-sens li l-ħtieġa ta’ protezzjoni invokata kienet reali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza VKI, punt 54 iktar’il fuq, punti 83 u 84).

73      Bħala regola ġenerali, huwa minħabba n-natura ta’ l-informazzjoni inkluża fid-dokumenti in kwistjoni li l-iżvelar tagħhom jista’ jippreġudika interess protett, f’dan il-każ il-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji. Evalwazzjoni skond il-kategorija tippresupponi għaldaqstant, sabiex ikunu jistgħu jiġu stabbiliti l-konsegwenzi probabbli ta’ l-att ta’ żvelar fuq il-proċeduri ġudizzjarji, li d-dokumenti li jagħmlu parti mill-kategorija identifikata jinkludu l-istess tip ta’ informazzjoni. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ eżami konkret jista’ jiġi ġġustifikat biss fil-każ fejn huwa ċar li l-eċċezzjoni invokata tapplika ġenwinament għall-informazzjoni kollha li tinsab fid-dokumenti mitluba (sentenza VKI, punt 54 iktar’il fuq, punt 75).

74      Madankollu, fid-dawl tan-natura partikolari ta’ l-interessi li l-eċċezzjoni in kwistjoni hija intiża li tħares, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet magħmula fil-punt 63 iktar’il fuq, kif ukoll fid-dawl tal-fatt li d-dokumenti li ntalab l-aċċess għalihom huma d-dokumenti ta’ waħda mill-partijiet fil-proċedura, ma jistax jiġi eskluż li n-nuqqas ta’ żvelar jista’ jiġi ġġustifikat għal ċertu perijodu għal raġunijiet li ma jiddependux fuq il-kontenut ta’ kull dokument mitlub, bil-kundizzjoni li dawn l-istess motivi jiġġustifikaw il-ħtieġa li tiġi mħarsa l-integralità tad-dokumenti in kwistjoni.

75      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat, minn naħa, li n-noti li tagħhom intalab l-aċċess ġew imfassla mill-Kummissjoni bħala parti fi tliet rikorsi diretti li għadhom pendenti fid-data ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Minħabba f’hekk, kull waħda min-noti li jikkonċernaw it-tliet kawżi in kwistjoni tista’ titqies li hija inkluża f’kategorija waħda, b’tali mod li l-istess ġustifikazzjoni setgħet isservi bħala bażi għar-rifjut ta’ aċċess.

76      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni essenzjalment ibbażat ir-rifjut ta’ aċċess għan-noti ppreżentati fil-kawżi Honeywell vs Il-Kummissjoni, T‑209/01, General Electric vs Il-Kummissjoni, T‑210/01, u Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑203/03, fuq il-bżonn li tiġi ssalvagwardjata l-pożizzjoni tagħha inkwantu parti, kemm bħala konvenuta kif ukoll bħala rikorrenti, billi sostniet li l-iżvelar tagħhom huwa tali li joħloq żbilanċ bejnha u bejn il-partijiet l-oħra fil-proċedura, jippreġudika s-“serenità” tad-dibattiti quddiem l-imħallef u jmur kontra l-linja ta’ kondotta segwita f’dan ir-rigward mill-Qorti Komunitarja. Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk dawn il-motivi jiġġustifikawx il-kunsiderazzjoni li l-imsemmija noti kienu manifestament jaqgħu fl-intier tagħhom taħt l-eċċezzjoni relatata mal-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji.

77      Għal dan il-għan, għandha tiġi eżaminata r-rilevanza tal-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata f’data li fiha n-noti in kwistjoni ma kinux għadhom ġew diskussi quddiem l-imħallef, peress li, skond il-Kummissjoni, id-data tas-seduta tikkostitwixxi element determinanti għad-deċiżjoni li għandha tiġi adottata rigward l-aċċess għan-noti mitluba, inkwantu r-rifjut ta’ aċċess huwa indispensabbli qabel din id-data sabiex jiġi evitat li l-aġenti tagħha jkunu suġġetti għal pressjonijiet esterni, b’mod partikolari min-naħa tal-pubbliku.

78      Fuq dan il-punt, għandu jingħad li l-iżvelar tan-noti tagħha qabel iż-żamma tas-seduta tista’ tqiegħed lill-Kummissjoni fis-sitwazzjoni li jkollha tiffaċċja l-kritika u l-oġġezzjonijiet li jistgħu jsiru kontra l-argumenti li jinsabu fl-imsemmija noti mill-ispeċjalisti kif ukoll mill-istampa u mill-opinjoni pubblika in ġenerali. Barra mill-pressjonijiet eventwali fuq l-aġenti tagħha, din il-kritika u dawn l-oġġezzjonijiet jista’ jkollhom bħala effett li jimponu xogħol supplementari fuq din l-istituzzjoni, ladarba hija tista’ tħossha mġiegħla li teħodhom in kunsiderazzjoni fid-difiża tal-pożizzjoni tagħha quddiem l-imħallef, filwaqt li l-partijiet fil-proċedura li m’għandhomx l-obbligu li jiżvelaw in-noti tagħhom jistgħu jiddefendu l-interessi tagħhom indipendentement minn kull influwenza esterna.

79      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-prinċipju ta’ trattament ugwali, li jikkostitwixxi wieħed mill-elementi tal-kunċett iktar wiesgħa ta’ smigħ xieraq, jinvolvi l-obbligu li kull parti tingħata possibbiltà raġjonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha f’kundizzjonijiet li ma jqegħduhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ ċar meta mqabbla mal-kontroparti tagħha (ara l-Qorti Ewropea tad-Drittjiet tal-Bniedem, is-sentenza Dombo Beheer BV vs L-Olanda tas-27 ta’ Ottubru 1993, serje A Nru 274, § 33; Ernst et vs Il-Belġju tal-15 ta’ Lulju 2003, § 60, u Vezon vs Franza tat-18 ta’ April 2006, § 31). Madankollu, jekk il-fatt li parti tiżvela n-noti tagħha, minnu nnifsu, mhuwiex tali li jqiegħed lill-istituzzjoni kkonċernata f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ ċar fil-preżentazzjoni tal-kawża tagħha quddiem l-imħallef, jibqa’ l-fatt li l-garanzija ta’ skambju ta’ informazzjoni u ta’ opinjonijiet ħielsa minn kull influwenza esterna tista’ jitlob, fl-interess ta’ l-iżvolġiment korrett tal-ġustizzja, li l-aċċess għall-pubbliku tad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet jiġi rrifjutat l-argumenti li jinsabu fit-tali dokumenti jkunu ġew diskussi quddiem l-imħallef.

80      Barra minn hekk, kif il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet fis-sentenza Svenska Journalistförbundet vs Il-Kunsill, punt 15 iktar’il fuq (punti 136 sa 138), il-partijiet għandhom id-dritt li jiddefendu l-interessi tagħhom indipendentement minn kull influwenza esterna, b’mod partikolari min-naħa tal-pubbliku. Din il-kunsiderazzjoni, jekk saret mill-Qorti tal-Prim’Istanza b’referenza għall-użu abbużiv li parti kienet għamlet min-noti tad-difiża tal-parti l-oħra fil-proċdura, għandha madankollu tinftiehem fis-sens li, sad-data tas-seduta, il-proċedura għandha tiġi mħarsa minn kull influwenza esterna.

81      Fil-fatt, bħall-partijiet l-oħra fil-proċedura, il-Kummissjoni għandu jkollha l-possibbiltà li tippreżenta u tiddiskuti l-pożizzjoni tagħha mingħajr influwenza esterna, u dan inkwantu l-pożizzjoni li hija tiddefendi hija intiża bħala regola ġenerali sabiex tiggarantixxi l-applikazzjoni korretta tad-dritt Komunitarju. It-twettiq ta’ dan il-għan, minħabba n-natura ta’ l-interessi mfakkra fil-punt 63’il fuq li l-eċċezzjoni in kwistjoni għandha l-intenzjoni li tħares, jeżiġi li n-noti tagħha ma jiġux żvelati qabel ma hija jkollha l-possibbiltà li tiddiskutihom quddiem l-imħallef waqt seduta pubblika u li hija jkollha għaldaqstant id-dritt li teskludihom mill-aċċess pubbliku, minħabba pressjonijiet eventwali fuq l-aġenti tagħha li jista’ jikkaġuna dibattitu pubbliku li jinbeda minħabba l-iżvelar tagħhom, mingħajr ma jkun meħtieġ, għal dan il-għan, li hija twettaq evalwazzjoni konkreta tal-kontenut tagħhom.

82      B’hekk, għandu jiġi konkluż li, ladarba l-proċedura relatata mad-dokumenti li għalihom intalab l-aċċess għadha ma waslitx għas-seduta, ir-rifjut li jiġu żvelati n-noti għandu jiġi kkunsidrat li jkopri l-elementi kollha ta’ informazzjoni li jinsabu ġo fihom. Min-naħa l-oħra, wara ż-żamma tas-seduta il-Kummissjoni għandha l-obbligu li twettaq evalwazzjoni konkreta ta’ kull dokument mitlub sabiex tivverifika, fir-rigward tal-kontenut speċifiku tiegħu, jekk jistax jiġi żvelat jew jekk l-iżvelar tiegħu jippreġudikax il-proċedura ġudizzjarja relatata miegħu.

83      Dawn il-konklużjonijiet ma jistgħux jiġu kkontestati bl-argumenti tal-partijiet f’dan ir-rigward.

84      L-ewwel nett, il-konklużjoni li għandhom jiġu esklużi b’mod ġenerali u awtomatiku n-noti mid-dritt ta’ aċċess sad-data tas-seduta ma tistax tiġi kkontestata bil-fatt, invokat mir-rikorrenti fis-sottomissjonijiet tagħha, li l-iżvelar tad-dokumenti proċedurali huwa ammess f’numru ta’ Stati Membri u li huwa wkoll previst mill-Artikolu 40(2) tal-KEDB li jipprovdi li “[i]d-dokumenti ddepożitati fir-reġistru għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku sakemm il-president tal-Qorti ma jiddeċidiex mod ieħor”. Il-portata ta’ din id-dispożizzjoni hija ppreċiżata fl-Artikolu 33 tar-Regolament ta’ Proċedura tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li jipprovdi fis-subartikolu 2 tiegħu, għall-possibbiltà li jiġi rrifjutat l-aċċess għal dokument minħabba ċerti interessi pubbliċi jew privati kjarament identifikati jew, “safejn jitqies li hu strettament neċċessarju mill-President ta’ l-Awla, meta, f’ċirkostanzi speċjali, il-pubbliċità tagħhom tkun tali li tippreġudika l-interessi tal-ġustizzja”.

85      F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi osservat li, b’mod differenti minn dawn id-dispożizzjonijiet, ir-regoli tal-proċedura tal-Qrati Komunitarji ma jipprovdux għal dritt ta’ aċċess minn terzi persuni għad-dokumenti tal-proċedura ddepożitati fir-reġistru mill-partijiet.

86      It-tieni nett, il-konklużjoni li ssostni li huwa meħtieġ li ssir evalwazzjoni konkreta tal-kontenut tan-noti mitluba jekk huma relatati ma’ kawża li diġà sar is-smigħ tagħha ma tistax tiġi kkontestata bil-fatt li l-Kummissjoni, kif hija tallega, għandha l-obbligu li ssegwi l-linja ta’ kondotta tal-Qorti li quddiemha l-kawża hija pendenti, b’tali mod li hija marbuta, fir-rigward ta’ kawżi pendenti li għalihom hija parti, li tirrifjuta l-aċċess għan-noti mitluba sa meta tingħata s-sentenza definittiva.

87      Huwa minnu li n-noti tal-partijiet huma bħala regola ġenerali kunfidenzjali f’dak li jirrigwarda t-trattament tagħhom mill-Qorti Komunitarja. Fil-fatt, it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 20 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (iktar’il quddiem l-“Istatut”), li japplika wkoll għall-Qorti tal-Prim’Istanza skond l-Artikolu 53 ta’ l-Istatut, jeżiġi biss il-komunikazzjoni tagħhom lill-partijiet u lill-istituzzjonijiet tal-Komunità li d-deċiżjoni tagħhom qed tiġi kkontestata. Barra minn hekk, it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 16(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 24(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jipprovdu għall-possibbiltà biss għall-partijiet fl-istanza li jiksbu kopji ta’ l-atti tal-proċedura u t-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 5(3), istruzzjonijiet lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim’Istanza jissuġġettaw l-aċċess lil terzi persuni għad-dokumenti tal-proċedura għall-eżistenza ta’ interess leġittimu, li għandu jiġi debitament iġġustifikat.

88      Dawn id-dispożizzjonijiet, madankollu, ma jipprojbixxux lill-partijiet milli jiżvelaw in-noti tagħhom, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-ebda regola jew dispożizzjoni ma tawtorizza jew tipprojbixxi lill-partijiet f’kawża li jiżvelaw in-noti tagħhom lil terzi u li, ħlief f’każijiet eċċezzjonali fejn l-iżvelar ta’ dokument jista’ jippreġudika l-amministrazzjoni korretta tal-ġustizzja, li mhuwiex il-każ fil-kawża in kwistjoni, il-prinċipju huwa li l-partijiet għandhom il-libertà li jiżvelaw in-noti tagħhom (digriet Il-Ġermanja vs Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, punt 42 iktar’il fuq, punt 10). Affermazzjoni bħal din tal-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra li teskludi l-eżistenza ta’ prinċipju assolut ta’ kunfidenzjalità, timplika wkoll li l-iżvelar ta’ noti li jikkonċernaw kawżi pendenti ma jippreġudikax neċessarjament il-prinċipju ta’ l-amministrazzjoni korretta tal-ġustizzja.

89      Dawn id-dispożizzjonijiet lanqas ma jobbligaw lill-istituzzjonijiet sabiex isegwu, fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam ta’ l-aċċess għad-dokumenti, il-linja ta’ kondotta tal-qorti li quddiemha hija pendenti l-kawża li magħha huma relatati d-dokumenti li l-iżvelar tagħhom huwa mitlub, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, skond il-kodiċi ta’ kondotta ta’ l-1993, li ma jistax jiġi dedott mid-dritt ta’ kull persuna għal smigħ xieraq minn qorti indipendenti li l-qorti li għandha kawża quddiemha hija neċessarjament l-unika waħda li hija kompetenti sabiex tagħti l-aċċess għad-dokumenti tal-proċedura ġudizzjarja in kwistjoni, u dan inkwantu r-riskju li tiġi ppreġudikata l-indipendenza tal-qorti jittieħed suffiċjentement in kunsiderazzjoni mill-imsemmi kodiċi u mill-protezzjoni ġudizzjarja fuq il-livell Komunitarju fir-rigward ta’ l-atti tal-Kummissjoni li jipprovdu għall-aċċess għad-dokumenti li hija għandha fil-pussess tagħha (sentenza L-Olanda u van der Wal vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar’il fuq, punti 17 u 19). Għaldaqstant ma jistax jingħad, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet partikolari previsti għal dan il-għan, li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 jista’ jiġi ristrett minħabba li d-dispożizzjonijeit tar-Regoli tal-Proċedura msemmija fil-punt 87’il fuq ma jirregolawx l-aċċess ta’ terzi persuni u li huma applikabbli bħala lex specialis (fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tal-kodiċi ta’ kondotta ta’ l-1993, ara, f’dan is-sens, is-sentenza Interporc II, punt 15 iktar’il fuq, punti 37, 44 u 46).

90      Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li l-uniċi dispożizzjonijiet proċedurali li jimponu fuq il-partijiet projbizzjoni mill-iżvelar huma dawk ta’ l-Artikolu 56(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u ta’ l-Artikolu 57 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li jipprovdu li d-deċiżjoni in camera tinvolvi projbizzjoni mill-pubblikazzjoni tad-dibattiti. Fil-fatt, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 31 ta’ l-Istatut, is-seduta hija pubblika, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Qorti tal-Ġustizzja, ex officio jew fuq talba tal-partijiet, minħabba raġunijiet serji. Dispożizzjoni bħal din dwar il-pubbliċità tad-dibattiti hija l-applikazzjoni ta’ prinċipju fondamentali stabbilit mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Skond ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bneidem (ara Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza Sutter vs L-Iżvizzera tat-22 ta’ Frar 1984, serje A Nru 74, § 26; Diennet vs Franza tas-26 ta’ Settembru 1995, serje A Nru 325-A, § 33, u Exel vs Ir-Repubblika Ċeka tal-5 ta’ Lulju 2005, § 45):

“L-imsemmija pubbliċità tħares lill-partijiet fil-kawża minn ġustizzja sigrieta li tevita l-kontroll tal-pubbliku; hija tikkostitwixxi wkoll waħda mir-raġunijiet għall-kontribuzzjoni sabiex tiġi ppreżervata l-kunfidenza fil-qrati u fit-tribunali. Bit-trasparenza li hija tagħti lill-amministrazzjoni tal-ġustizzja, hija tgħin sabiex jinkiseb l-għan ta’ l-Artikolu 6(1): is-smigħ xieraq, li l-garanzija tiegħu hija inkluża fost il-prinċipji ta’ kull soċjetà demokratika fis-sens tal-Konvenzjoni.”

91      Billi jipprovdi li hija eċċezzjoni li l-imħallef jista’ jżomm seduta in camera, l-Artikolu 31 ta’ l-Istatut jikkonferma li, minn naħa, l-iżvelar tan-noti li diġà ġew diskussi pubblikament waqt is-seduta u li huma wkoll is-suġġett ta’ sunt li huwa aċċessibbli għall-pubbliku f’din l-okkażjoni nfisha, bħala regola ġenerali, ma jinvolvix probabbiltà ta’ preġudizzju għall-iżvolġiment korrett tal-proċedura in kwistjoni. Min-naħa l-oħra, ħtieġa eventwali ta’ kunfidenzjalità, kemm jekk tkun assoluta jew inkella parzjali, tista’ tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ l-imħallef biss qabel ma tinżamm is-seduta, b’tali mod li l-fatt li l-istituzzjoni kkonċernata li tipprovdi l-aċċess biss mid-data tas-seduta tissalvagwardja l-effett utli ta’ deċiżjoni eventwali ta’ l-imħallef, ex ufficio jew fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, li s-seduta ssir in camera.

92      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball fid-dritt meta ma għamlitx eżami konkret tan-noti relatati mal-kawżi Honeywell vs Il-Kummissjoni, T‑209/01, General Electric vs Il-Kummissjoni, T‑210/01, u Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑203/03, u ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li kien jeżisti interess pubbliku għall-ħarsien ta’ l-imsemmija dokumenti.

93      Skond l-aħħar parti ta’ l-Artikolu 4(2), tar-Regolament Nru 1049/2001, l-aċċess għad-dokumenti mitluba mir-rikorrenti kellu madankollu jingħata, anki jekk l-iżvelar tagħhom seta’ effettivament jippreġudika l-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji in kwistjoni, jekk interess pubbliku superjuri kien jiġġustifika l-iżvelar tagħhom.

94      Għandu jiġi ppreċiżat li r-Regolament Nru 1049/2001 ma jiddefinix il-kunċett ta’ interess pubbliku superjuri. Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, fir-rigward ta’ l-interessi mħarsa mill-eċċezzjoni in kwistjoni u bil-kontra ta’ l-interessi mħarsa bl-eċċezzjonijiet taħt l-Artikolu 4(1) ta’ l-imsemmi Regolament, li fir-rigward tagħhom huwa l-leġiżlatur stess li ħoloq bilanċ bejn l-interessi, hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha toħloq il-bilanċ bejn l-interess pubbliku marbut ma’ l-iżvelar u l-interess li jiġi sodisfatt b’rifjut ta’ żvelar, fid-dawl, jekk ikun il-każ, ta’ l-argumenti mressqa mill-applikant f’dan ir-rigward.

95      F’dan il-każ, ir-rikorrenti llimitat ruħha li ssostni li d-dritt tal-pubbliku li jiġi informat fuq kwistjonijiet importanti ta’ dritt Komunitarju, bħal dawk fil-qasam tal-kompetizzjoni, kif ukoll fuq kwistjonijiet li huma ta’ interess politiku ċert, li huwa l-każ ta’ dawk imqajjma permezz tar-rikorsi għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu, jipprevali fuq il-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, sostniet li l-aħħar parti ta’ l-Artikolu 4(2), tar-Regolament Nru 1049/2001 tikkostitwixxi eċċezzjoni għal eċċezzjoni u li, għaldaqstant, li kieku kellha tiġi applikata sistematikament, bħala espressjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza, l-eċċezzjoni relatata mal-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji tisfa mingħajr effett utli. Fin-nuqqas ta’ argumenti speċifiċi tar-rikorrenti li juru l-eżistenza ta’ bżonn imperattiv ta’ informazzjoni lill-pubbliku fuq il-kwistjonijiet imsemmija ‘l fuq, il-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-interess pubbliku huwa soddisfatt bl-aħjar mod meta l-iżvolġiment korrett tal-proċeduri ġudizzjarji jiġi mħares.

96      Għandu jiġi osservat li m’hemmx dubju li l-libertà ta’ l-istampa għandha rwol essenzjali f’soċjetà demokratika. Fil-fatt, hija r-responsabbiltà ta’ l-istampa li tikkomunika informazzjoni fuq il-kwistjonijiet kollha ta’ interess ġenerali, inkluża informazzjoni fuq it-tfassil ta’ rapporti u kummentarji fuq il-proċeduri ġudizzjarji; dan jikkontribwixxi għall-pubbliċità tagħhom u huwa perfettament kompatibbli ma’ l-eżiġenza ta’ pubbliċità tas-seduta kif imfakkar fil-punt 90’il fuq. Huwa wkoll ċert li d-dritt tal-pubbliku li jirċievi informazzjoni jikkostitwixxi l-espressjoni tal-prinċipju tat-trasparenza, li huwa implementat mid-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament Nru 1049/2001, kif jirriżulta mit-tieni premessa ta’ l-imsemmi Regolament, li tipprovdi li t-trasparenza tippermetti li tiġi żgurata parteċipazzjoni iżjed effettiva taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, kif ukoll li tiġi ggarantita leġittimità, effikaċja u responsabbiltà ikbar ta’ l-amministrazzjoni fir-rigward tagħhom, u jikkontribwixxi sabiex jissaħħaħ il-prinċpju tad-demokrazija.

97      L-interess pubbliku superjuri, imsemmi fl-aħħar parti ta’ l-Artikolu 4(2), tar-Regolament Nru 1049/2001, li jista’ jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokument li jippreġudika l-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji, għandu bħala regola ġenerali jiġi distint mill-prinċipji msemmija iktar’il fuq li huma l-qafas ta’ l-imsemmi Regolament. Madankollu, il-fatt li applikant għal aċċess ma jinvokax, bħal f’dan il-każ, interess pubbliku distint minn dawn il-prinċipji ma jimplikax awtomatikament li t-tweżin ta’ l-interessi preżenti mhuwiex meħtieġ. Fil-fatt, l-invokazzjoni ta’ dawn l-istess prinċipji tista’ tkun tant qawwija, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, li hija tipprevali fuq il-bżonn li jitħarsu d-dokumenti in kwistjoni.

98      Madankollu, dan mhuwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi osservat li l-possibbiltà għall-pubbliku li jirċievi informazzjoni li tikkonċerna kawżi li għadhom għaddejjin hija ggarantita mill-fatt li kull rikors, minn meta jitressaq, huwa s-suġġett, skond l-Artikolu 16(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 24(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali li jixxandar ukoll permezz ta’ l-Internet fuq is-sit internet Eur-Lex u fuq is-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn jiġi indikat, b’mod partikolari, is-suġġett tal-kawża u l-konklużjonijiet tar-rikors kif ukoll il-motivi u l-argumenti prinċipali invokati. Barra minn hekk, ir-rapport tas-seduta, li jinkludi sunt ta’ l-argumenti tal-partijiet, isir pubbliku fil-jum tas-seduta, li matulha, barra minn hekk, l-argumenti tal-partijiet jiġu diskussi pubblikament.

99      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi mfakkar li l-applikazzjoni ta’ l-eċċezzjoni relatata mal-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji in kwistjoni għandha b’mod partikolari l-għan li tevita kull influwenza esterna fuq l-iżvolġiment korrett ta’ l-istess proċeduri. Hekk kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet preċedenti, l-interess konness mal-ħarsien ta’ dan il-għan huwa neċessarju indipendentement mill-kontenut tad-dokumenti mitluba mir-rikorrenti, peress li dan huwa interess li l-protezzjoni tiegħu hija meħtieġ għall-iżvolġiment korrett tal-ġustizzja.

100    Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ġustament qieset li l-interess għall-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji in kwistjoni kien jipprevali fuq l-interess ġenerali li seta’ jkun marbut ma’ l-iżvelar li huwa invokat mir-rikorrenti. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li din ir-restrizzjoni mhijiex assoluta, peress li din tapplika għan-noti kollha li fir-rigward tagħhom l-aċċess ġie rrifjutat biss sad-data li fiha tinżamm is-seduta.

101    Għaldaqstant il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi qieset li l-interess invokat mir-rikorrenti ma kienx tali li jiġġustifika l-iżvelar tan-noti in kwistjoni.

102    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-talba għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tar-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti li jikkonċernaw il-kawżi Honeywell vs Il-Kummissjoni, T‑209/01, General Electric vs Il-Kummissjoni, T‑210/01, u Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑203/03, għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq ir-rifjut ta’ aċċess fir-rigward tad-dokumenti li jikkonċernaw il-kawża T‑342/99

103    Fir-rigward tar-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti ppreżentati fil-kuntest tal-kawża Airtours vs Il-Kummissjoni, T‑342/99, li ġiet magħluqa permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ġunju 2002, jiġifieri madwar sena u nofs qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet, f’din ta’ l-aħħar, li l-ħtieġa ta’ ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji tirriżulta mill-fatt li l-imsemmija sentenza ġiet segwita minn rikors għal ħlas ta’ kumpens imressaq kontriha (kawża MyTravel vs Il-Kummissjoni, T‑212/03). Hija osservat, fil-fatt, li din il-kawża ta’ l-aħħar, li għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, kienet marbuta fil-qrib mal-proċedura li ngħalqet bl-imsemmija sentenza, fis-sens li l-argumenti mressqa minnha sabiex tiddefendi l-leġittimità tad-deċiżjoni annullata mill-imsemmija sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza hija wkoll s-suġġett ta’ diskussjonijiet fl-ambitu tal-proċedura pendenti.

104    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ppreżentat id-difiża tagħha fil-kawża MyTravel vs Il-Kummissjoni, T‑212/03, fit-28 ta’ Frar 2004, filwaqt li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fl-20 ta’ Novembru 2003. Kif il-Kummissjoni stess ippreċiżat fis-seduta, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, hija ma kinitx għadha ddeċidiet liema kellhom ikunu l-argumenti, fost dawk li kienu jinsabu fin-noti ppreżentati fil-kawża li kienet diġà ngħalqet, li hija kienet se tressaq ukoll fil-kawża pendenti. Ir-rifjut totali ta’ aċċess għall-imsemmija noti jirrifletti għaldaqstant ir-rieda tal-Kummissjoni li żżomm il-possibbiltà li tagħżel l-argumenti sabiex tiddefendi l-pożizzjoni tagħha fil-kawża pendenti.

105    Madankollu, din il-ġustifikazzjoni mhijiex manifestament tali li tistabbilixxi li r-rifjut ta’ aċċess għan-noti in kwistjoni kien kopert mill-eċċezzjoni in kwistjoni, fis-sens li kienu jeħtieġu ħarsien fl-intier tagħhom minħabba li l-iżvelar tagħhom kien jippreġudika l-proċedura pendenti marbuta ma dik li għaliha huma qed jirreferu.

106    Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li n-noti li r-rikorrenti titlob li jkollha aċċess għalihom jikkonċernaw kawża li ngħalqet b’sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza. B’hekk il-kontenut tagħhom mhux biss ġie ppubblikat taħt l-għamla ta’ sunt pemezz ta’ rapport tas-seduta mfassal mill-Qorti tal-Prim’Istanza u ġie diskuss waqt seduta pubblika, iżda ġie ukoll riprodott fis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Għaldaqstant, fir-rigward ta’ argumenti li huma diġà fl-isfera pubblika, almenu taħt l-għamla ta’ sunt, il-ħtieġa li tinvoka l-Kummissjoni li tirrifjuta l-aċċess għan-noti kollha mitluba, sempliċement għar-raġuni li l-argumenti li jinsabu fihom se jiġu diskussi f’kawża distinta li għadha pendenti, hija tali li tmur kontra l-prinċipju ġenerali li jagħti l-aċċess l-iktar wiesgħa lill-pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet. Il-konsegwenza ta’ approċċ bħal dan fil-fatt hija waħda ta’ inverżjoni manifesta bejn ir-regola stabbilita mir-Regolament Nru 1049/2001, li tikkonsisti fid-dritt għal aċċess, u l-eċċezzjonijiet għal dan id-dritt, li, skond il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 53’il fuq, għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod restrittiv.

107    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li mhuwiex eċċezzjonali li l-istituzzjoni kkonċernata tagħmel użu mill-istess argumenti f’kawżi li jistgħu jikkonċernaw l-istess partijiet, iżda li jkollhom suġġett differenti, jew inkella li jikkonċernaw partijiet differenti, iżda li għandhom l-istess suġġett. Is-sempliċi fatt li argumenti li diġà ġew ippreżentati quddiem l-imħallef f’kawża li ngħalqet ikunu jistgħu jiġu wkoll diskussi f’kawża simili jew fil-kuntest ta’ rikors għal kumpens imressaq mill-istess parti li ngħatat raġun fir-rikors tagħha għal annullament ma jurix ir-riskju ta’ preġudizzju għall-iżvolġiment tal-proċedura li għadha pendenti.

108    Il-motivi mressqa mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika r-rifjut ta’ aċċess għan-noti relatati mal-kawża Airtours vs Il-Kummissjoni, T‑342/99, jistgħu ukoll ikunu validi, jekk jiġu ammessi, fil-każijiet kollha fejn l-argumenti li jinsabu fin-noti relatati ma’ kawża li ngħalqet ikunu jistgħu jitressqu wkoll f’kawża pendenti.

109    Barra minn hekk, f’dan il-każ, kif ġie osservat fil-punt 104 iktar’il fuq, ir-rifjut ta’ aċċess ġie deċiż mill-Kummissjoni minħabba li qieset li hija kellu jkollha l-libertà li tagħżel, mill-argumenti li jinsabu fl-imsemmija noti, dawk li hija kienet se tuża wkoll fil-kawża pendenti. Argument bħal dan, li jinvolvi wkoll l-impossibbiltà ta’ aċċess parzjali, bi ksur ta’ l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, jikkonferma li l-Kummissjoni ma pprovatx li l-iżvelar tal-kontenut tan-noti mitluba mir-rikorrenti jippreġudika l-iżvolġiment korrett tal-kawża MyTravel vs Il-Kummissjoni, T‑212/03, li għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

110    L-allegata ħtieġa li jiġu mħarsa argumenti li, jekk ikun il-każ, ser jintużaw fi proċedura li għadha pendenti ma tistax għaldaqsant tikkostitwixxi motiv ta’ rifjut mill-aċċess għan-noti relatati ma’ kawża li diġà ngħalqet b’sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fin-nuqqas ta’ motivazzjoni speċifika kwalunkwe intiża sabiex turi li l-iżvelar tagħhom jippreġudika l-proċedura ġudizzjarja li għadha pendenti. Il-beżgħat esposti mill-Kummissjoni huma sempliċi affermazzjonijiet u huma, għaldaqstant, eċċessivament ipotetiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza VKI, punt 54’il fuq, punt 84).

111    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi rrifjutat l-aċċess għan-noti li jikkonċernaw il-kawża Airtours vs Il-Kummissjoni, T‑342/99. It-talba għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ l-imsemmi rifjut għandha għaldaqstant tiġi milqugħa.

 Fuq ir-rifjut ta’ aċċess għan-noti bbażat fuq l-eċċezzjoni relatata mal-ħarsien ta’ l-għanijiet ta’ l-attivitajiet ta’ investigazzjoni previst taħt it-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

 Argumenti tal-partijiet

112    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma tistax tirrifjuta l-iżvelar tan-noti tagħha, billi tibbaża ruħha fuq l-eċċezzjoni relatata mal-ħarsien ta’ l-għanijiet ta’ l-attivitajiet ta’ investigazzjoni, minħabba li dawn ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ proċeduri għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu li għadhom pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew li, minkejja li ngħalqu b’sentenza ta’ din il-qorti, għadhom pendenti quddiem il-Kummissjoni. Hija tenfasizza li r-rikorsi għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu għandhom importanza ċerta fuq il-livell politiku, b’tali mod li l-interess pubbliku marbut ma’ l-aċċess għad-dokumenti f’dan il-qasam huwa kunsiderevoli u jiżdied proporzjonalment ma’ l-evoluzzjoni ta’ l-investigazzjoni.

113    Minħabba l-fatt li l-eċċezzjoni li tikkonċerna l-ħarsien ta’ l-għanijiet ta’ l-attivitajiet ta’ l-investigazzjoni tinvolvi komponent fattwali qawwi u hija intiża prinċipalment għat-tneħħija jew il-bdil tal-provi, ir-riskju li jiġi ppreġudikat l-interess pubbliku marbut mal-ħarsien ta’ l-investigazzjonijiet jonqos proporzjonalment mal-ksib tal-provi. Ir-rikorrenti tqis li, peress li l-interess pubbliku marbut ma’ l-iżvelar huwa f’żieda kostanti u l-interess pubbliku marbut mal-ħarsien ta’ l-investigazzjonijiet huwa fi tnaqqis kostanti, id-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet relatati mar-rikorsi għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu għandhom jiġu żvelati almenu parzjalment jew f’verżjoni mhux kunfidenzjali. Il-Kummissjoni hija għaldaqstant marbuta, f’każ ta’ rifjut ta’ aċċess, li tipprova preġudizzju serju għall-interess pubbliku kkonċernat.

114    Skond ir-rikorrenti, il-mument li fih l-interess pubbliku marbut ma’ l-iżvelar jibda jipprevali fuq il-ħarsien ta’ l-investigazzjonijiet huwa dak li fih jitressaq ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba l-fatt li, f’dan l-istadju tal-kawża, l-isforzi magħmula sabiex tinstab soluzzjoni għall-kontroversja ma rnexxewx. Din il-pożizzjoni hija konformi mas-sentenza Petrie et vs Il-Kummissjoni, punt 17 iktar’il fuq, li fiha l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li d-dokumenti mfassla mill-Kummissjoni qabel ma tressaq ir-rikors għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu, jiġifieri l-ittri ta’ intimazzjoni u l-opinjonijiet motivati li saru fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, ġew esklużi mill-aċċess għall-pubbliku. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-imsemmija sentenza tikkonċerna l-kodiċi ta’ kondotta ta’ l-1993 u li l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa ta’ interpretazzjoni iktar restrittiva fir-rigward ta’ l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess.

115    Il-Kummissjoni ssostni li l-proċedura għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu għandha bħala għan li d-dritt nazzjonali jkun konformi mad-dritt Komunitarju u mhux li “jittieħdu passi” kontra l-Istati Membri. Sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx għadha tat id-deċizjoni tagħha, ikun għaldaqstant possibbli li tinstab soluzzjoni bonarja, u dan jeżiġi djalogu protett permezz tal-kunfidenzjalità, kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza Petrie et vs Il-Kummissjoni, punt 17 iktar’il fuq (punt 68). F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti li din is-sentenza tikkonċerna biss il-proċedura prekontenzjuża, ladarba d-dokumenti mitluba f’din il-kawża kienu ittri ta’ intimazzjoni u opinjonijiet motivati, mhijiex fondata, minħabba li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlitha ċara li l-eżiġenza ta’ kunfidenzjalità tikkonċerna l-proċedura kollha għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu sa l-għoti tas-sentenza (sentenza Petrie et vs Il-Kummissjoni, punt 17 iktar’il fuq, punt 68).

116    Il-Kummissjoni żżid, filwaqt li tirreferi għall-anness II ta’ l-XX rapport fuq il-kontroll ta’ l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, li d-data statistika għas-sena 2002 turi l-effikaċja tad-djalogu li hija għandha ma’ l-Istati Membri fir-rigward tal-ksur, u turi li, minn 361 rikors imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, 69 ġew irtrati qabel ma ngħatat is-sentenza u 22 ġew irtirati qabel ma saret refernza mill-ġdid quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 228 KE. Ġħaldaqstant fir-rigward ta’ djalogu li jista’ jitkompla, jekk ikun il-każ, sakemm tingħata deċiżjoni fuq rikors ulterjuri skond l-Artikolu 228 KE, l-iżvelar ta’ l-argumenti tagħha jista’ jippreġudika l-proċedura ta’ ksur billi tiġi kompromessa l-klima ta’ fiduċja miżmum ma’ l-Istati Membri.

117    Huwa preċiżament sabiex ma jiġix kompromess l-għan li tinstab soluzzjoni bonarja għall-kontroversja ma’ l-awtoritajiet Awstrijaċi li ġiet irrifjutata t-talba għall-kisba ta’ l-atti proċedurali tagħha fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑203/03, li għadha pendenti. L-aċċess għall-atti proċesswali fil-kawżi Sema miftuħa ġie rrifjutat għal raġunijiet simili, peress li l-Istati Membri kkonċernati kienu għadhom ma kkonformawx rwieħhom mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li kkonstataw in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kif ukoll minħabba li proċeduri konnessi fil-konfront ta’ Stati Membri oħra għadhom pendenti.

118    Fl-aħħar nett, skond il-Kummissjoni, m’hemmx interess pubbliku superjuri li jeżiġi l-iżvelar ta’ l-atti proċedurali fil-proċeduri kollha ta’ ksur, mingħajr ma jitneħħa kull effett utili ta’ l-eċċezzjoni relatata mal-ħarsien ta’ l-għanijiet ta’ l-attivitajiet ta’ investigazzjoni. Il-Kummissjoni tfakkar li hija sostniet, fid-dikjarazzjoni li hija għamlet fiż-żmien ta’ l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, li hija kienet aċċettat il-fatt “li l-proċeduri għal ksur ma jaqgħux espliċitament taħt l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament, minħabba li hija [kienet] tikkunsidra li t-test preżenti ma [kienx] jaffettwa il-prassi attwali f’dak li jikkonċerna l-ħarsien tal-kunfidenzjalità assigurat għall-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tagħha għall-kontroll tar-rispett tad-dritt Komunitarju” (minuti tal-Kunsill, 6 ta’ Ġunju 2001, doc. 9204/01 ADD 1, p. 3). Barra minn hekk, l-interess pubbliku li għandu jiġi mħares jinsab fil-possibbiltà li hija għandha li tipperswadi lill-Istat Membru sabiex jikkonforma ruħu mad-dritt Komunitarju; dan jeżiġi ż-żamma ta’ klima ta’ fiduċja bejniethom u r-rifjut ta’ kull aċċess għad-dokumenti qabel ma tingħalaq il-kawża.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

119    Għandu jiġi mfakkar li l-eċċezzjoni li tikkonċerna l-ħarsien ta’ l-għanijiet ta’ l-attivitajiet ta’ investigazzjoni kienet diġà prevista mill-kodiċi ta’ kondotta ta’ l-1993. Kif ġie osservat fil-punt 62 iktar’il fuq, għal dak li jikkonċerna l-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji, id-differenzi bejn l-imsemmi kodiċi u r-Regolament Nru 1049/2001 jikkonsistu, minn naħa, fil-fatt li l-ewwel wieħed jipprovdi l-possibbiltà li jiġi rrifjutat l-aċċess pubbliku għal kull dokument li “jista’ jippreġudika” l-attivitajiet ta’ l-investigazzjoni, filwaqt li t-tieni huwa intiż għall-każ fejn l-iżvelar “jippreġudika” l-imsemmija attivitajiet u, min-naħa l-oħra, fil-fatt li l-ewwel wieħed ma jipprovdix li interess pubbliku superjuri jista’ jipprevali fuq l-interess marbut mal-ħarsien ta’ l-għanijiet ta’ l-attivitajiet ta’ l-investigazzjoni. Madankollu, bħall-kodiċi ta’ kondotta ta’ l-1993, ir-Regolament Nru 1049/2001 ma jinkludix definizzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ l-investigazzjoni.

120    Skond il-ġurisprudenza relatata ma’ din l-eċċezzjoni, stabbilita taħt il-kodiċi ta’ kondotta ta’ l-1993, din ġiet ikkunsidrata bħala validament aċċettata mill-Kummissjoni għar-rifjut ta’ l-aċċess għal dokumenti relatati ma’ investigazzjonijiet ibbażati fuq eventwali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tad-dritt Komunitarju li jista’ jagħti lok għal proċedura skond l-Artikolu 226 KE (sentenzi WWF UK vs Il-Kummissjoni, punt 67 iktar’il fuq, u Bavarian Lager vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar’il fuq) jew li effettivament wassal għall-ftuħ ta’ din il-proċedura (sentenza Petrie et vs Il-Kummissjoni, punt 17 iktar’il fuq). F’dawn il-każijiet, ir-rifjut ta’ aċċess ġie kkunsidrat bħala ġustifikat minħabba l-fatt li l-Istati Membri għandhom id-dritt li jistennew mill-Kummissjoni li hija tosserva l-kunfidenzjalità fir-rigward ta’ l-investigazzjonijiet li jistgħu eventwalment iwasslu għal proċedura għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu, anki wara l-iskadenza ta’ ċertu żmien wara li jingħalqu dawn l-investigazzjonijiet (sentenza WWF UK vs Il-Kummissjoni, punt 67’il fuq, punt 63) u anki wara li l-kwistjoni tkun tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Petrie et vs Il-Kummissjoni, punt 17 iktar’il fuq, punt 68).

121    B’hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li żvelar ta’ dokumenti relatati mal-fażi ta’ investigazzjoni, waqt in-negozjati bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat, jista’ jippreġudika l-iżvolġiment korrett tal-proċedura għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu inkwantu l-għan ta’ din il-proċedura, li huwa li l-Istat Membru jkun jista’ jikkonforma ruħu volontarjament ma’ l-eżiġenzi tat-Trattat jew, jekk ikun il-każ, li jkollha l-possibbiltà li tiġġustifika l-pożizzjoni tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑191/95, Ġabra p. I‑5449, punt 44) jistgħu jitqiegħdu f’periklu (sentenza Bavarian Lager vs Il-Kummissjoni, punt 53’il fuq, punt 46). Din l-eżiġenza ta’ kunfidenzjalità, kif ippreċiżat ukoll il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tal-kodiċi ta’ kondotta ta’ l-1993, tibqa’ anki wara li l-kwistjoni titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minħabba li ma jistax jiġi eskluż li n-negozjati bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat, initiżi sabiex dan jikkonforma ruħu volontarjament ma’ dak li jeżiġi t-Trattat, jistgħu jkomplu wara l-proċedura ġudizzjarja sad-data li fiha tingħata s-sentenza. L-ippreżervar ta’ dan il-għan, jiġifieri soluzzjoni bonarja bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat qabel is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġġustifika għaldaqstant ir-rifjut ta’ aċċess għal dokumenti magħmula fil-kuntest tal-proċedura ta’ l-Artikolu 226 KE (sentenza Petrie et vs Il-Kummissjoni, punt 17 iktar’il fuq, punt 68).

122    Rigward il-kwistjoni dwar jekk ġustifikazzjoni bħal din tapplikax għan-noti kollha ppreżentati mill-Kummissjoni fil-kuntest tar-rikors għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, indipendentement mill-kontenut ta’ kull dokument mitlub, għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet li jinsabu fil-punt 73 iktar’il fuq, in-nuqqas ta’ eżami konkret tal-kontenut ta’ kull dokument mitlub huwa ammissibbli jekk id-dokumenti in kwistjoni jkunu manifestament koperti fl-intier tagħhom minn eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess.

123    Dan huwa l-każ meta n-noti mitluba jinkludu l-istess tip ta’ informazzjoni u meta n-nuqqas li miegħu huma marbuta huwa kkontestat mill-Istat Membru kkonċernat. Fil-fatt, inkwantu l-possibbiltà li l-partijiet jaslu għal soluzzjoni bonarja tal-kontroversja bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru in kwistjoni hija għan essenzjali ta’ l-attivitajiet ta’ l-investigazzjoni tal-Kummissjoni rigward in-nuqqasijiet mill-Istati Membri ta’ l-obbligi imposti fuqhom li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju, għandu jiġi kkonstatat li l-eżiġenza ta’ kunfidenzjalità tad-dokumenti proċedurali, li hija neċessarja sabiex jinkiseb dan il-għan, għandha tkun tista’ tiġi ssalvagwardjata sal-mument li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni fuq l-eżistenza eventwali tan-nuqqas in kwistjoni, li tagħlaq il-proċess rigward il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw mill-investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, safejn dawn id-dokumenti jirreferu għar-riżultati ta’ l-investigazzjoni magħmula sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkontestat, huma għandhom ikunu koperti fl-intier tagħhom mill-imsemmija eċċezzjoni.

124    F’dan il-każ, il-Kummissjoni rrifjutat li tagħti lir-rikorrenti l-aċċess għan-noti tagħha li jikkonċernaw, minn naħa, rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li kien għadu pendenti fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑203/03), b’tali mod li dan ir-rifjut ġie wkoll ibbażat fuq l-eċċezzjoni li tikkonċerna l-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji u, min-naħa l-oħra, tmien rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li huma simili (kawżi Sema miftuħaa) li dwarhom, fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kienet diġà ttieħdet deċiżjoni permezz tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Novembru 2002, peress li madankollu l-Istati Membri kienu għadhom ma kkonformawx rwieħhom ma’ dawn is-sentenzi.

125    Peress li, kif jirriżulta mill-punt 102 iktar’il fuq, ir-rifjut ta’ aċċess għan-noti relatati mal-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑203/03, huwa kopert mill-eċċezzjoni relatata mal-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji, m’hemmx lok li jiġi eżaminat jekk huwa setax jiġi bbażat ukoll fuq l-eċċezzjoni relatata mal-ħarsien ta’ l-għanijiet ta’ l-attivitajiet ta’ l-investigazzjoni. L-applikazzjoni ta’ l-imsemmija eċċezzjoni għandha għaldaqstant tiġi eżaminata biss b’referenza għar-rifjut ta’ aċċess għan-noti relatati mal-kawżi Sema miftuħaa.

126    Għandu jiġi kkonstatat li dawn in-noti kollha, safejn huma jirreferu neċesarjament għar-riżultati ta’ l-investigazzjonijiet immexxija mill-Kummissjoni sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt Komunitarju, huma strettament marbuta mal-ftuħ tal-proċeduri għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu li fil-kuntest tagħhom huma diġà ġew ippreżentati u huma marbuta għaldaqstant ma’ attivitajiet ta’ investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

127    Madankollu, fid-dawl tal-fatt li kull eċċezzjoni għad-dritt għal aċċess, kif ġie mfakkar fil-punt 53 iktar’il fuq, għandha tiġi interpretata u applikata b’mod strett, il-fatt li d-dokumenti mitluba jikkonċernaw interess imħares ma jistax minnu nnifsu jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ l-eċċezzjoni invokata, peress li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi li l-iżvelar tagħhom kellu effettivament mnejn jippreġudika l-ħarsien ta’ l-għanijiet ta’ l-attivitajiet tagħha ta’investigazzjoni fir-rigward tan-nuqqasijiet in kwistjoni.

128    Hija għaldaqstant il-Qorti tal-Prim’Istanza li hija kompetenti sabiex tara jekk il-Kummissjoni wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta qieset li r-rifjut ta’ żvelar tan-noti ppreżentati minnha fil-kuntest tar-rikors għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu in kwistjoni kien kopert mill-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

129    Il-Kummissjoni sostniet, fid-deċiżjoni kkontestata, li hija ma setgħetx tawtorizza l-aċċess għall-imsemmija noti minħabba l-fatt li, minkejja li l-kawżi in kwistjoni kienu ngħalqu b’sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri kkonċernati kienu għadhom ma kkonformawx rwieħhom magħhom, b’tali mod li dawn il-kawżi kienu għadhom pendenti quddiemha. Skond il-Kummissjoni, in-negozjati li kienu għaddejjin ma’ dawn l-Istati Membri u li kienu intiżi sabiex iwassalhom għal konformità volontarja ma’ l-eżiġenzi tad-dritt Komunitarju jitqiegħdu fil-periklu fil-każ li jiġu żvelati n-noti mitluba mir-rikorrenti. Minn dan jirriżulta li l-għan tal-ħarsien ta’ l-attivitajiet tagħha ta’ investigazzjoni jibqa’ validu sakemm dawn l-Istati jikkonformaw rwieħhom mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, kif enfasizzat fid-difiża tagħha, proċeduri, li huma konnessi mal-kawżi Sema miftuħa inkwantu għandhom l-istess għan, ġew imressqa kontra Stati Membri oħra u għadhom pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

130    Ir-rikorrenti tikkontesta l-pożizzjoni tal-Kummissjoni, billi ssostni, minn naħa, li s-sentenza Petrie et vs Il-Kummissjoni, punt 17 iktar’il fuq, mhijiex rilevanti f’dan il-każ, minħabba l-fatt li hija kienet tikkonċerna dokumenti magħmula qabel l-introduzzjoni tar-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u, min-naħa l-oħra, li l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja timplika li l-isforzi li ttieħdu sabiex tinkiseb soluzzjoni bonarja għall-kontroversja fallew. Hija żżid li l-imsemmija sentenza tikkonċerna l-applikazzjoni tal-kodiċi ta’ kondotta ta’ l-1993 u li r-Regolament Nru 1049/2001 għandu jingħata interpretazzjoni iktar stretta fir-rigward ta’ l-eċċezzjonijiet għad-dritt għal aċċess.

131    Għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li ma jistax jiġi dedott mis-sentenza Petrie et vs Il-Kummissjoni, punt 17 iktar’il fuq, li huma biss id-dokumenti stabbiliti ma l-kawża tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jistgħu jiġu esklużi mill-aċċess għall-pubbliku. Fil-fatt, dokumenti bħal ittri ta’ intimazzjoni u opinjonijiet motivati għandhom bħala għan li jistabbilixxu s-suġġett tal-kontroversja, li jimplika li dawn id-dokumenti u r-rikors għandhom neċessarjament ikunu bbażati fuq l-istess raġunijiet u motivi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’l-14 ta’ Lulju 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 298/86, Ġabra p. 4343, punt 10, u ta’ l-1 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑203/03, Ġabra p. I‑935, punt 28). Kif sostniet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, l-elementi ta’ prova u l-argumenti li jinsabu fin-noti huma għaldaqstant identiċi għal dawk li jinsabu fl-atti li jikkonċernaw il-fażi prekontenzjuża, b’tali mod li d-distinzjoni magħmula mir-rikorrenti mhijiex fondata.

132    It-tieni nett, jekk huwa minnu li l-għan ta’ ksib ta’ soluzzjoni bonarja huwa r-raġuni primarja [raison d’être] tal-fażi prekontenzjuża, jibqa’ l-fatt li, kif turi d-data statistika pprovduta mill-Kummissjoni, riżultat bħal dan spiss jinkiseb biss wara li l-kwistjoni titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant ikun kontra l-għan ta’ proċedura għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu, li twassal lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jikkonforma ruħu mad-dritt Komunitarju, li tiġi eskluża l-possibbiltà li dan ir-riżultat ikun jista’ jinkiseb wara li jitressaq ir-rikors. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza esprimiet l-istess fehma, billi sostniet li l-eżiġenza ta’ kunfidenzjalità tibqa’ anki wara li l-kwistjoni titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minħabba li ma jistax jiġi eskluż li n-negozjati bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat, intiżi sabiex dan jikkonforma ruħu volontarjament ma’ l-eżiġenzi tat-Trattat, jistgħu jitkomplew matul il-proċedura ġudizzjarja u sa ma tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Petrie et vs Il-Kummissjoni, punt 17 iktar’il fuq, punt 68).

133    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata bl-argument tar-rikorrenti li r-raġuni primarja [raison d’être] ta’ l-eċċezzjoni in kwistjoni hija li jiġi evitat l-bdil tal-provi u li dan ir-riskju jonqos ħafna wara li jitressaq ir-rikors tal-Kummisjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, l-eċċezzjoni in kwistjoni, kif tirriżulta mill-istruttura tagħha, mhijiex intiża sabiex tħares l-attivitajiet ta’ l-investigazzjoni bħala tali, iżda l-għan ta’ dawn l-attivitajiet, li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 120 u 121 iktar’il fuq, fil-każ ta’ proċedura għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu, huwa li jwassal lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jikkonforma ruħu mad-dritt Komunitarju. Huwa għal din ir-raġuni li d-diversi atti ta’ investigazzjoni jistgħu jibqgħu koperti mill-eċċezzjoni in kwistjoni sakemm dan il-għan ma jkunx għadu nkiseb, anki jekk l-investigazzjoni jew l-ispezzjoni partikolari li tkun tat lok għad-dokument li għalih intalab l-aċċess ġiet fi tmiemha (sentenza Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar’il fuq, punt 110, u, b’analoġija, fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tal-kodiċi ta’ kondotta ta’ l-1993, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Settembru 2000, Denkavit Nederland vs Il-Kummissjoni, T‑20/99, Ġabra p. II‑3011, punt 48).

134    F’dan il-każ, fid-data ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà qatgħet, madwar sena qabel, is-sentenzi li jikkonstataw il-ksur li bih l-Istati Membri kkonċernati ġew akkużati mill-Kummissjoni. Ma jistax għaldaqstant jiġi kkontestat li, f’din id-data, l-ebda attività ta’ investigazzjoni, intiża sabiex tipprova l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettieq ta’ obbligu in kwistjoni u li setgħet tiġi pperikolata mill-iżvelar tad-dokumenti mitluba, ma kienet għaddejja.

135    Madankollu għandu jiġi vverifikat jekk, kif tallega l-Kummissjoni, dokumenti relatati ma’attivitajiet ta’ investigazzjoni jistgħux jiġu kkunsidrati bħala koperti mill-eċċezzjoni msemmija fit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, meta l-attivitajiet in kwistjoni ġew ikkompletati u wasslu mhux biss għal rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda wkoll għal sentenzi mogħtija minn din ta’ l-aħħar. Għaldaqstant għandu jiġi stabbilit jekk l-għan ta’ ksib ta’ soluzzjoni bonarja, kif invokat mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika r-rifjut ta’ aċċess, jistax jibqa’ validu wara li jingħataw is-sentenzi li jikkonstataw l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li għalihom saru l-attivitajiet ta’ investigazzjoni mill-Kummissjoni.

136    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, wara s-sentenzi li jikkonstataw nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-Istati Membri huma marbuta, skond l-Artikolu 228(1) KE, li jieħdu l-miżuri kollha li l-eżekuzzjoni tagħhom tinvolvi. Minkejja li l-Artikolu 228 KE ma jippreċiżax it-terminu ta’ żmien li fih għandu jkun hemm l-eżekuzzjoni ta’ sentenza, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-interess marbut ma’ applikazzjoni immedjata u uniformi tad-dritt Komunitarju teżiġi li din l-eżekuzzjoni tinbeda immedjatament u tiġi kkompletata fl-iqsar żmien possibbli (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-4 ta’ Lulju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑387/97, Ġabra p. I‑5047, punti 81 u 82, u tal-25 ta’ Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑278/01, Ġabra p. I‑14141, punti 26 u 27). Ladarba l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li Stat Membru naqas mill-obbligi imposti fuqu skond it-Trattat, dan l-Istat għandu jieħu l-miżuri sabiex jikkonforma ruħu ma din is-sentenza, mingħajr ma dan ir-riżultat ikun suġġett għan-negozjati għaddejjin mal-Kummissjoni.

137    Ċertament, ma jistax jiġi eskluż li l-Istat Membru kkonċernat ikompli fin-nuqqas tiegħu, inkluż fir-rigward ta’l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jista’ jwassal lill-Kummissjoni, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 228(2) KE sabiex tibda’ proċedura ġdida għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu. Madankollu, f’din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni għandha twettaq investigazzjoni ġdida li tinvolvi proċedura prekontenzjuża ġdida u twassal, jekk ikun il-każ, għal referenza ġdida quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. L-attivitajiet ta’ investigazzjoni li jwasslu għall-introduzzjoni ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 228 KE huma għaldaqstant ġodda meta mqabbla ma’ dawk li wasslu għall-introduzzjoni tar-rikors ibbażat fuq l-Artikolu 226 KE, peress li huma intiżi sabiex jipprovaw li l-ksur ikkonstatat mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għadu għaddej wara l-għoti ta’ l-imsemmija sentenza.

138    Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, minħabba l-fatt li huwa intiż għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 228(2) KE jipprovdi għal strumenti li għandhom bħala għan speċifiku li jħajru Stat Membru li mhuwiex konformi mal-liġi sabiex jeżegwixxi sentenza għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu u, b’hekk, li jassigura l-applikazzjoni effettiva tad-dritt Komunitarju minn dan l-Istat. Fil-fatt, il-miżuri previsti minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri s-somma li għandha titħallas f’daqqa u l-penali perijodika, għandhom it-tnejn li huma l-istess għan, li jikkonsisti f’pressjoni ekonomika li tħajjar lil dan l-Istat sabiex itemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑304/02, Ġabra p. I‑6263, punti 80 u 91, u ta’ l-14 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑177/04, Ġabra p. I‑2461, punti 59 u 60).

139    Fl-aħħar nett, l-ammissjoni li d-diversi dokumenti relatati ma’ attivitajiet ta’ investigazzjoni huma koperti mill-eċċezzjoni tat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 sakemm l-iżviluppi kollha ta’ dawn il-proċeduri jkunu ġew deċiżi, anki fil-każ fejn investigazzjoni ġdida li twassal eventwalment għal rikors ibbażat fuq l-Artikolu 228(2) KE hija neċessarja, tissuġġetta l-aċċess għall-imsemmija dokumenti għal avvenimenti inċerti, jiġifieri n-nuqqas ta’ osservanza mill-Istat Membru kkonċernat tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u l-introduzzjoni ta’ rikors skond l-Artikolu 228(2) KE li jaqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni. F’kull każ, dawn huma avvenimenti futuri u inċerti, li jiddependu mill-ħeffa u mid-diliġenza tad-diversi awtoritajiet ikkonċernati.

140    Din is-soluzzjoni tmur kontra l-għan ta’ garanzija lill-pubbliku ta’ l-aċċess l-iktar wiesgħa possibbli għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, sabiex iċ-ċittadini jkollhom il-possibbiltà li jikkontrollaw b’mod iktar effettiv il-legalità ta’ l-eżerċizzju tas-setgħa pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Franchet et Byk vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar’il fuq, punt 112; ara, barra minhekk, b’analoġija, fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tal-kodiċi ta’ kondotta ta’ l-1993, is-sentenzi Interporc II, punt 15’il fuq, punt 39, u JT’s Corporation vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar’il fuq, punt 50).

141    Fir-rigward tal-fatt, invokat fid-difiża, li kawżi li għandhom l-istess għan bħall-kawżi Sema miftuħa għadhom pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma spjegat b’liema mod il-possibbiltà ta’ ksib ta’ soluzzjoni bonarja ma’ l-Istati Membri kkonċernati minn dawn il-kawżi tiġi kompromessa bl-iżvelar ta’ noti li hija ppreżentat fil-kuntest tal-proċeduri kontra Stati Membri oħra u li diġà ngħalqu b’sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja. Min-naħa l-oħra, kif ġie enfasizzat fil-punti 106 u 107 iktar’il fuq, is-sempliċi rabta bejn żewġ kawżi jew bejn diversi kawżi, sew jekk għandhom l-istess partijiet jew l-istess suġġett, ma tistax minnha nnfisha tiġġustifika rifjut ta’ aċċess, sakemm ma ssirx inverżjoni manifesta bejn il-prinċipju ta’ l-aċċess ħieles għad-dokumenti ta’l-istituzzjonijiet u l-eċċezzjonijiet għall-imsemmi prinċipju, kif ġew stabbiliti mir-Regolament Nru 1049/2001.

142    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni għamlet żball ta’ evalwazzjoni meta rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti li jikkonċernaw il-kawżi Sema miftuħa. It-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata safejn tikkonċerna l-imsemmi rifjut għandha għaldaqstant tiġi milqugħa.

 Fuq l-ispejjeż

143    Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha, jekk il-partijiet ikunu tilfu rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom.. F’dan il-każ, peress li kull parti tilfet rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħha, għandu jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla Manja)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l-20 ta’ Novembru 2003 hija annullata safejn hija tirrifjuta l-aċċess għan-noti ppreżentati mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-kawżi Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑466/98; Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑467/98; Il-Kummissjoni vs L-Iżvezja, C‑468/98; Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C‑469/98; Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑471/98; Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C‑472/98; Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑475/98, u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑476/98, u quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest tal-kawża Airtours vs Il-Kummissjoni, T‑342/99.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Vesterdorf

Jaeger

Pirrung

Vilaras

Legal

Martins Ribeiro

Cremona

Pelikánová

Šváby

Jürimäe

 

       Wahl

Prek

 

      Ciucă

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Settembru 2007.

Reġistratur

 

      Il-President

E. Coulon

 

      B. Vesterdorf


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.