Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Mejju 2016 – Good Luck Shipping vs Il-Kunsill

(Kawżi magħquda T-423/13 u T-64/14) 1

(“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li tiġi prekluża l-proliferazzjoni nukleari fl-Iran – Iffriżar ta’ fondi – Żball ta’ liġi – Bażi legali – Żball ta’ evalwazzjoni – Assenza ta’ provi”)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Good Luck Shipping LLC (Dubai, l-Emirati Għarab Magħquda) (rappreżentanti: F. Randolph, QC, M. Lester, barrister, M. Taher, solicitor)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: V. Piessevaux u B. Driessen, aġenti)

Suġġett

Minn naħa, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/270/PESK, tas-6 ta’ Ġunju 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2013 L 156, p. 10), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 522/2013, tas-6 ta’ Ġunju 2013, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2013 L 156, p. 3), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/661/PESK, tal-15 ta’ Novembru 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 306, p. 18), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1154/2013, tal-15 ta’ Novembru 2013, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2013, L 306, p. 18), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1154/2013, tal-15 ta’ Novembru 2013, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2013, L 306, p. 3) sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrenti, u min-naħa l-oħra, talba intiża sabiex jiġu ddikjarati inapplikabbli d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/497/PESK, tal-10 ta’ Ottubru 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2013, L 272, p. 46), u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 971/2013, tal-10 ta’ Ottubru 2013, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2013, L 272, p. 1).

Dispożittiv

Huma annullati, sa fejn dawn l-atti jirrigwardaw lil Good Luck Shipping LLC:

id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/270/PESK, tas-6 ta’ Ġunju 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran;

ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 522/2013, tas-6 ta’ Ġunju 2013, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran;

id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2013/661/PESK, tal-15 ta’ Novembru 2013, li temenda d-Deċiżjoni Nru 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran;

ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1154/2013, tal-15 ta’ Novembru 2013, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran;

L-effetti tad-Deċiżjoni 2013/661 huma miżmuma fir-rigward ta’ Good Luck Shipping sad-data effettiva tal-annullament tar-Regolament Nru 1154/2013.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk sostnuti minn Good Luck Shipping.

____________

1 ĠU C 325, 9.11.2013.