Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ Settembru 2020 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Fővárosi Törvényszék – l-Ungerija) – Telenor Magyarország Zrt. vs Nemzeti Média- és Hírközlési Hatóság Elnöke

(Kawżi magħquda C-807/18 u C-39/19) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Komunikazzjonijiet elettroniċi – Regolament (UE) 2015/2120 – Artikolu 3 – Aċċess għal internet miftuħ – Artikolu 3(1) – Drittijiet tal-utenti finali – Dritt ta’ aċċess għall-applikazzjonijiet u għas-servizzi kif ukoll għall-użu tagħhom – Dritt li jiġu pprovduti applikazzjonijiet u servizzi – Artikolu 3(2) – Projbizzjoni tal-ftehimiet u tal-prattiki kummerċjali li jillimitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-utenti finali – Kunċetti ta’ “ftehimiet”, ta’ “prattiki kummerċjali”, ta’ “utenti finali” u ta’ “konsumaturi” – Evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-utenti finali – Modalitajiet – Artikolu 3(3) – Obbligu ta’ trattament ugwali u nondiskriminatorju tat-traffiku – Possibbiltà li jiġu implimentati miżuri raġonevoli ta’ ġestjoni tat-traffiku – Projbizzjoni tal-miżuri ta’ bblokkar u ta’ tnaqqis fil-veloċità tat-traffiku – Eċċezzjonijiet – Prattiki kummerċjali li jikkonsistu f’li jiġu proposti pakketti li jipprovdu li l-klijenti li jabbonaw għalihom jixtru pakkett b’tariffa fissa li jagħtihom id-dritt li jużaw mingħajr restrizzjonijiet volum ta’ data partikolari, mingħajr ma jitnaqqas minnu l-użu ta’ ċerti applikazzjonijiet u ta’ ċerti servizzi speċifiċi li jaqgħu taħt “tariffa żero”, u li jistgħu, ladarba eżawrit dan il-volum ta’ data, ikomplu jużaw mingħajr restrizzjonijiet dawn l-applikazzjonijiet u dawn is-servizzi speċifiċi, li matulhom miżuri ta’ bblokkar jew ta’ tnaqqis fil-veloċità tat-traffiku jiġu applikati għall-applikazzjonijiet u għas-servizzi l-oħra)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Törvényszék

Partijiet

Rikorrenti: Telenor Magyarország Zrt.

Konvenut: Nemzeti Média- és Hírközlési Hatóság Elnöke

Dispożittiv

L-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li pakketti pprovduti minn fornitur ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet permezz ta’ ftehimiet konklużi ma’ utenti finali, li jipprovdu li dawn tal-aħħar jistgħu jixtru pakkett b’tariffi fissi li jagħtihom id-dritt li jużaw mingħajr restrizzjonijiet volum ta’ data partikolari, mingħajr ma jitnaqqas l-użu ta’ ċerti applikazzjonijiet u ta’ ċerti servizzi speċifiċi li jaqgħu taħt “tariffa żero”, u, ladarba dan il-volum ta’ data jiġi eżawrit, jistgħu jkomplu jużaw dawn l-applikazzjonijiet u dawn is-servizzi speċifiċi mingħajr restrizzjonijiet, filwaqt li miżuri ta’ bblokkar jew ta’ tnaqqis fil-veloċità tat-traffiku huma applikati għall-applikazzjonijiet u għas-servizzi disponibbli l-oħra:

huma inkompatibbli mat-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tiegħu, meta dawn il-pakketti, dawn il-ftehimiet u dawn il-miżuri ta’ bblokkar jew ta’ tnaqqis fil-veloċità tat-traffiku jillimitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-utenti finali, u

huma inkompatibbli mat-tielet paragrafu tal-imsemmi artikolu meta l-imsemmija miżuri ta’ bblokkar jew ta’ tnaqqis fil-veloċità tat-traffiku huma bbażati fuq kunsiderazzjonijiet kummerċjali.

____________

1     ĠU C 139, 15.4.2019.